European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2520

16.11.2026

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2520

tat-13 ta’ Novembru 2026

li jawtorizza eżenzjoni skont ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-użu ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra f’ċertu tagħmir għall-ħasil tal-ħwejjeġ kummerċjali b’pompa tas-sħana

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/573 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Frar 2024 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra, li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Mill-1 ta’ Jannar 2027, il-punti 8 (b) u 8 (d) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573 jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta’ pompi tas-sħana awtonomi stazzjonarji bil-kapaċitajiet nominali speċifikati fihom li fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’potenzjal ta’ tisħin globali ta’ 150 jew aktar, ħlief meta jkun meħtieġ li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ sikurezza fis-sit tal-operat.

(2)

Skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2024/573, fil-25 ta’ Ġunju 2026, l-awtorità kompetenti Żvediża ressqet talba lill-Kummissjoni biex tawtorizza eżenzjoni li tippermetti l-introduzzjoni fis-suq ta’ ċerti magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali li fihom pompi tas-sħana stazzjonarji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punti 8 (b) u 8 (d) tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament. It-talba kienet appoġġata wkoll mir-Repubblika Ċeka.

(3)

Skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament (UE) 2024/573, fit-8 ta’ Lulju 2026, l-awtorità kompetenti Ġermaniża ressqet talba lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-kamp ta’ applikazzjoni tat-talba Żvediża għal eżenzjoni u talbet, barra minn hekk, li tawtorizza eżenzjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ ċerti magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali mgħammra b’moduli tal-pompi tas-sħana li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punti 8 (b) u 8 (d) tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament.

(4)

Il-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali koperti mit-talba għal eżenzjoni Żvediża huma mfassla għal durabbiltà twila ħafna u tħaddim kontinwu matul il-jum u jintużaw f’operazzjonijiet tal-ħasil tal-ħwejjeġ sensittivi għall-ħin, inklużi sptarijiet, lukandi, istituzzjonijiet tal-kura u laundrettes imħaddma bil-muniti, fejn l-effiċjenza u l-affidabbiltà operazzjonali huma essenzjali. It-talba għal eżenzjoni Ġermaniża tikkonċerna magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali mgħammra b’moduli tal-pompi tas-sħana, iddisinjati għal applikazzjonijiet kummerċjali u li għandhom kapaċità ta’ bejn 15 kg u 40 kg.

(5)

Skont it-talba Żvediża għal eżenzjoni u t-talba Ġermaniża għal eżenzjoni (“it-talbiet għal eżenzjoni”), fiż-żmien tas-sottomissjoni ta’ dawk it-talbiet, ma kien hemm l-ebda alternattiva xierqa għall-kategoriji ta’ tagħmir koperti mit-talbiet għal eżenzjoni li jikkonformaw mar-Regolament (UE) 2024/573. Għalkemm ir-riċerka u l-iżvilupp għadhom għaddejjin, huwa meħtieġ aktar żmien biex jiġu żviluppati, ittestjati u varati alternattivi teknikament fattibbli u sikuri filwaqt li tiġi żgurata konformità kontinwa mal-istandards tas-sikurezza applikabbli.

(6)

It-talba Żvediża għal eżenzjoni tindika wkoll li fil-każ tal-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali li jkun fihom pompi tas-sħana b’kapaċità nominali massima sa 10 kW, hemm alternattivi disponibbli għal ċerti applikazzjonijiet ħfief. Madankollu, fiż-żmien tas-sottomissjoni tat-talbiet għal eżenzjoni, ma kien hemm l-ebda alternattiva xierqa disponibbli għall-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali ddisinjati għal durabbiltà twila ħafna li kienet teħtieġ tħaddim kontinwu matul il-jum u ċikli tat-tnixxif li ma jaqbżux siegħa. Fil-każ tal-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali li jkun fihom pompi tas-sħana b’kapaċità nominali massima li taqbeż l-10 kW, u tal-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali mgħammra b’moduli tal-pompi tas-sħana wkoll b’kapaċità nominali massima li taqbeż l-10 kW, l-evidenza disponibbli turi li alternattivi xierqa għadhom mhumiex teknikament maturi jew għadhom ma jistgħux jintużaw b’mod sikur skont l-istandards tas-sikurezza applikabbli.

(7)

Il-Kummissjoni vvalutat it-talbiet għal eżenzjoni u tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 11(5), il-punt (a), tar-Regolament (UE) 2024/573 huma ssodisfati.

(8)

F’ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn, jixraq li tingħata eżenzjoni limitata fiż-żmien għal (i) magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali li jkun fihom pompi tas-sħana b’kapaċità nominali massima sa u inkluż 10 kW sal-31 ta’ Diċembru 2028; u (ii) il-magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali li jkun fihom pompi tas-sħana b’kapaċità nominali massima li taqbeż l-10 kW, u l-magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali mgħammra b’moduli tal-pompi tas-sħana sal-31 ta’ Diċembru 2030.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   B’deroga mill-punt 8 (b) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573, it-tqegħid fis-suq tat-tagħmir li ġej li fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’potenzjal ta’ tisħin globali (“GWP”) ta’ 150 jew aktar huwa awtorizzat, dment li jkun ittikkettat skont l-Artikolu 12(2) ta’ dak ir-Regolament:

(a)

magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali (b’pompa tas-sħana) li jkun fihom pompi tas-sħana awtonomi stazzjonarji b’kapaċità nominali massima ta’ 10 kW jew inqas, meta t-tagħmir ikun iddisinjat għal tħaddim kontinwu matul il-jum kollu u jkollu ħin tat-tnixxif ta’ mhux aktar minn siegħa, sal-31 ta’ Diċembru 2028;

(b)

magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali (b’pompa tas-sħana) li jkun fihom pompi tas-sħana awtonomi stazzjonarji b’kapaċità nominali massima ta’ aktar minn 10 kW iżda li ma taqbiżx 12 kW, sal-31 ta’ Diċembru 2030.

2.   B’deroga mill-punt 8 (b) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573, it-tqegħid fis-suq ta’ magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali mgħammra b’pompi tas-sħana awtonomi stazzjonarji b’kapaċità nominali massima ta’ aktar minn 10 kW iżda li ma taqbiżx it-12 kW u li jkollhom kapaċità tal-ħasil tal-ħwejjeġ ta’ 15 kg sa 40 kg, li jkun fihom gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 150 jew aktar, huwa awtorizzat sal-31 ta’ Diċembru 2030, dment li jkunu ttikkettati skont l-Artikolu 12(2) ta’ dak ir-Regolament.

3.   B’deroga mill-punt 8 (d) tal-Anness IV tar-Regolament (UE) 2024/573, it-tqegħid fis-suq tat-tagħmir li ġej li fih gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra b’GWP ta’ 150 jew aktar huwa awtorizzat sal-31 ta’ Diċembru 2030:

(a)

magni tat-tnixxif tal-ħwejjeġ b’pompa tas-sħana kummerċjali li jkun fihom pompi tas-sħana awtonomi stazzjonarji b’kapaċità nominali massima ta’ aktar minn 12 kW iżda li ma taqbiżx il-50 kW;

(b)

magni tal-ħasil u tat-tnixxif tal-ħwejjeġ kummerċjali mgħammra b’pompi tas-sħana awtonomi stazzjonarji b’kapaċità nominali massima ta’ aktar minn 12 kW iżda li ma taqbiżx il-50 kW u li għandhom kapaċità tal-ħasil tal-ħwejjeġ ta’ 15 kg sa 40 kg.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2027.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L, 2024/573, 20.2.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/573/oj.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/2520/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)