27.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 144/12


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/678

tat-23 ta’ April 2021

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Wara t-talba mil-Litwanja tas-7 ta’ Awwissu 2020, fil-25 ta’ Settembru 2020, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lil-Litwanja fil-forma ta’ self li jammonta għal massimu ta’ EUR 602 310 000 b’maturità medja massima ta’ 15-il sena,, bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tal-Litwanja biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u twieġeb għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

(2)

Is-self kellu jintuża mil-Litwanja biex tiffinanzja l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili msemmija fl-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1350 (2).

(3)

It-tifqigħa tal-COVID-19 għadha qed tipparalizza parti sostanzjali mill-forza tax-xogħol fil-Litwanja. Dan wassal għal żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika mil-Litwanja fir-rigward tal-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, il-punt (a) u (b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350.

(4)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mil-Litwanja fl-2020 u l-2021 biex titrażżan dik it-tifqigħa u l-impatt tagħha kemm soċjoekonomiku kif ukoll dak marbut mas-saħħa kellhom u qed ikollhom impatt qawwi fuq il-finanzi pubbliċi. Skont it-tbassir tal-ħarifa 2020 tal-Kummissjoni, il-Litwanja kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 8,4 % u 47,2 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Fl-2021, id-defiċit u d-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tal-Litwanja huma mbassra li jkunu 6,0 % u 50,7 % tal-PDG rispettivament. Skont it-tbassir proviżorju tax-xitwa 2021 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Litwanja huwa proġettat li jkun naqas bi 2,2 % fl-2021.

(5)

Fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Litwanja talbet assistenza finanzjarja ulterjuri mill-Unjoni ta’ EUR 354 950 000, bil-ħsieb li tkompli tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha li wettqet fl-2020 u l-2021 biex tittratta l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u tirreaġixxi għall-konsegwenzi soċjoekonomiċi ta’ dik it-tifqigħa għall-ħaddiema u għal dawk li jaħdmu għal rashom. B’mod partikolari dan jikkonċerna l-miżuri stabbiliti fil-premessi (6) sa (8).

(6)

Fil-‘Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470’ tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata fl-2020 (3), kif imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt (a), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350, il-Litwanja introduċiet skema biex jitħallsu sussidji lil min iħaddem biex jiġu koperti l-pagi stmati għal kull persuna impjegata li tiffaċċja żmien bla xogħol, bħala appoġġ matul il-kwarantina u l-emerġenza tal-istat. Qabel l-1 ta’ Jannar 2021, min iħaddem kien jista’ jagħżel bejn sussidji li jkopru 70 % tas-salarju, sa massimu ta’ 1,5 darba l-paga minima, jew 90 % tas-salarju (100 % fil-każ ta’ impjegati ta’ 60 sena u aktar), sa massimu tal-paga minima. Mill-1 ta’ Jannar 2021, min iħaddem jista’ jirċievi sussidji biex ikopri 100 % tas-salarju, sa massimu ta’ 1,5 darba l-paga minima. Dawk li jħaddmu li jkunu pparteċipaw fl-iskema jridu jżommu mill-inqas 50 % tal-impjegati tagħhom għal mill-inqas tliet xhur wara li jintemm is-sussidju mħallas.

(7)

Skont il-‘Liġi dwar l-Impjieg Nru XII-2470’ tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata fl-2020, kif imsemmija fl-Artikolu 3, il-punt (a), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350, is-sussidji tħallsu wkoll għall-impjegati li jirritornaw wara żmien bla xogħol (4), għal perijodu sa massimu ta’ sitt xhur wara r-ritorn tagħhom għax-xogħol. Soġġett għal-limitu tal-paga minima jew darbtejn il-paga minima, li tiddependi fuq l-attività ekonomika mwettqa minn min iħaddem, l-ammont ta’ sussidji mħallsa fl-ewwel u fit-tieni xhur wara r-ritorn għax-xogħol jista’ jilħaq anki 100 % tas-salarju tal-impjegat, fit-tielet u r-raba’ xahar jista’ jilħaq 50 %, u fil-ħames u s-sitt xahar jista’ jilħaq 30 %. Dawk is-sussidji jistgħu jitqiesu bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2020/672, billi għandhom l-għan li jipprovdu appoġġ għad-dħul għall-impjegati u jgħinu biex jinżammu r-relazzjonijiet ta’ impjieg eżistenti.

(8)

L-awtoritajiet introduċew ukoll benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom inklużi l-persuni li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw attività agrikola ma’ azjenda agrikola jew impriża agrikola ta’ mhux inqas minn erba’ unitajiet ta’ daqs ekonomiku, kif imsemmi fl-Artikolu 3, il-punt (b), tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350. Dik il-miżura ġiet emendata fl-2020 (5). Fl-2020, il-benefiċċju ammonta għal EUR 257 u tħallas matul il-perjodu tal-kwarantina u tal-emerġenza tal-istat u fix-xahrejn ta’ wara. Fl-2021, il-benefiċċju jammonta għal EUR 260 u jitħallas matul il-perjodu tal-kwarantina u tal-emerġenza tal-istat u fix-xahar ta’ wara. Il-benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom jistgħu jitqiesu li huma miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, billi għandhom l-għan li jipproteġu lil dawk li jaħdmu għal rashom jew kategoriji simili ta’ ħaddiema minn tnaqqis fl-introjtu jew it-telf tiegħu.

(9)

Il-Litwanja tissodisfa l-kundizzjonijiet biex tkun tista’ titlob assistenza finanzjarja kif stabbilit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Litwanja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 1 101 607 198 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex jiġu ttrattati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda f’daqqa u qawwija minħabba li huwa relatat ukoll ma’ estensjoni ta’ miżuri nazzjonali eżistenti relatati direttament mal-iskema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili li jkopru proporzjon sinifikanti ta’ impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Litwanja. Il-Litwanja ffinanzjat EUR 144 347 198 tal-ammont miżjud tan-nefqa permezz tal-fondi tal-Unjoni.

(10)

Il-Kummissjoni kkonsultat lil-Litwanja u vverifikat iż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, imsemmija fit-talba tal-Litwanja tal-11 ta’ Marzu 2021, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(11)

Għalhekk, jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Litwanja tiġi mgħejuna titratta l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku qawwi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjonijiet rigward il-maturitajiet, il-qies u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali u tal-partijiet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali.

(12)

Jenħtieġ li l-Litwanja u l-Kummissjoni jqisu din id-Deċiżjoni fil-ftehim ta’ self imsemmi fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

(13)

Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat. Hija ma twarrabx il-ħtieġa tal-Istati Membri li jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 tat-Trattat.

(14)

Jenħtieġ li l-Litwanja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Litwanja tkun implimentat dik in-nefqa.

(15)

Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Litwanja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350 hija emendata kif ġej:

(1)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Litwanja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 957 260 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.’;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘4.   L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672. Kwalunkwe ħlas parzjali sussegwenti għandu jiġi rilaxxat f’konformità mat-termini ta’ dak il-ftehim ta’ self jew, fejn rilevanti, ikun soġġett għad-dħul fis-seħħ ta’ addendum għal dan, jew ta’ ftehim ta’ self emendat.’;

(2)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 3

Il-Litwanja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)

sussidji fuq il-pagi matul iż-żmien ta’ bla xogħol, kif previst fl-Artikolu 41 tal-“Liġi dwar l-Impjieg Nru XII-2470” tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendati fl-2020;

(b)

sussidji fuq il-pagi għal wara ż-żmien ta’ bla xogħol, kif previst fl-Artikolu 41 tal-“Liġi dwar l-Impjieg Nru XII-2470” tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendati fl-2020;

(c)

benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom, kif previst fl-Artikolu 5-1 tal-“Liġi dwar l-Impjieg Nru XII-2470” tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendati fl-2020;

(d)

benefiċċji għal dawk li jaħdmu għal rashom involuti fl-agrikoltura, kif previst fl-Artikolu 5-2 tal-“Liġi dwar l-Impjieg Nru XII-2470” tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendati fl-2020.’;

(3)

l-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Artikolu 4

1.   Il-Litwanja għandha tinforma lill-Kummissjoni sat-30 ta’ Marzu 2021, u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

2.   Fejn il-miżuri msemmija fl-Artikolu 3 ikunu bbażati fuq nefqa pubblika ppjanata u jkunu ġew soġġetti għal deċiżjoni ta’ implimentazzjoni li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1350, il-Litwanja għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur wara d-data tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni emendatorja, u kull sitt xhur minn hemm ’il quddiem, dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sakemm dik in-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata bis-sħiħ.’.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Litwanja.

Din id-Deċìżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha lid-destinatarju.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ April 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

A. P. ZACARIAS


(1)   ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1.

(2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1350 tal-25 ta’ Settembru 2020 li tagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament (UE) 2020/672 lir-Repubblika tal-Litwanja biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad fl-emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19, (ĠU L 314, 29.9.2020, p. 35).

(3)  L-Artikolu 41, il-parti 2-1 tal-‘Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470’ tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata permezz tal-‘Liġi Nru XIII-2822’ tas-17 ta’ Marzu 2020, il-‘Liġi Nru XIII-2846’ tas-7 ta’ April 2020, il-‘Liġi Nru XIII-3005’ tal-4 ta’ Ġunju 2020, u l-‘Liġi Nru XIV-131’ tat-23 ta’ Diċembru 2020.

(4)  L-Artikolu 41, il-parti 2-4 tal-‘Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470’ tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata permezz tal-‘Liġi Nru XIII-2882’ tas-7 ta’ Mejju 2020, il-‘Liġi Nru XIII-3005’ tal-4 ta’ Ġunju 2020.

(5)  L-Artikolu 5-1 tal-‘Liġi dwar l-Impjiegi Nru XII-2470’ tal-21 ta’ Ġunju 2016, kif emendata permezz tal-‘Liġi Nru XIII-2822’ tas-17 ta’ Marzu 2020, il-‘Liġi Nru XIII-2846’ tas-7 ta’ April 2020, il-‘Liġi Nru XIII-2877’ tat-30 ta’ April 2020, u l-‘Liġi Nru XIV-35’ tat-3 ta’ Diċembru 2020.