European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/924

20.5.2025

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/924

tad-19 ta’ Mejju 2025

li jagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw mill-Indja u mit-Turkija soġġetti għar-reġistrazzjoni

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(5) tiegħu,

Wara li informat lill-Istati Membri,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Frar 2025, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) ħabbret, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2), il-bidu ta’ proċediment anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut li joriġinaw mill-Indja u mit-Turkija.

(2)

Dan il-bidu segwa lment ippreżentat fit-13 ta’ Jannar 2025 minn EUROFONTE f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut.

1.   PRODOTT SOĠĠETT GĦAL REĠISTRAZZJONI

(3)

Il-prodott soġġett għal reġistrazzjoni (“il-prodott ikkonċernat”) huwa ċerti oġġetti tal-ħadid fondut bil-grafit lamellari (ħadid griż) jew tal-ħadid fondut bil-grafit sferojdali (magħruf ukoll bħala ħadid fondut duttili), u partijiet tagħhom.

(4)

Dawn huma oġġetti ta’ tip li:

—

ikopru l-art jew sistemi ta’ taħt il-wiċċ, u/jew fetħiet f’sistemi tal-art jew ta’ taħt il-wiċċ, u wkoll

—

jagħtu aċċess għal sistemi tal-art jew ta’ taħt il-wiċċ u/jew jipprovdu ħarsa lejn is-sistemi tal-art jew ta’ taħt il-wiċċ.

(5)

L-oġġetti jistgħu jkunu maħdumin bil-magni, miksijin, miżbugħin u/jew iffitjati b’materjali oħra bħal iżda mhux limitati għal konkrit, ċangaturi jew madum.

(6)

It-tipi ta’ prodotti li ġejjin huma esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat:

—

spralli tal-kanali u uċuħ fonduti soġġetti għall-istandard EN 1433, biex jiġu ffittjati bħala komponent fuq kanali tal-polimeru, tal-plastik, tal-azzar galvanizzat jew tal-konkrit li jippermettu l-fluss tal-ilma tas-superfiċje għal ġol-kanal,

—

katusi għall-iskular tal-art, katusi għall-iskular tal-bjut, cleanouts u għotjien tal-cleanouts, soġġetti għall-istandard EN 1253,

—

turġien tal-ħadid, vireg tal-irfigħ, u idraturi tan-nirien.

(7)

Il-prodott ikkonċernat bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċijiet NM ex 7325 10 00 u ex 7325 99 10 (kodiċijiet TARIC 7325 10 00 31 u 7325 99 10 60). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.

2.   REĠISTRAZZJONI

(8)

Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat jistgħu jsiru soġġetti għal reġistrazzjoni bl-għan li jiġi żgurat li, jekk l-investigazzjoni tirriżulta f’sejbiet li jwasslu għall-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping, dawk id-dazji jistgħu, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa, jiġu imposti retroattivament fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali applikabbli.

(9)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni fuq inizjattiva tagħha stess skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. Il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji se jiġu vvalutati fir-regolament li jimponi dazji definittivi, jekk ikun hemm.

(10)

Kwalunkwe obbligazzjoni futura tiġi mis-sejbiet tal-investigazzjoni.

(11)

Il-kalkoli forniti fl-ilment li jitlob il-bidu ta’ investigazzjoni anti-dumping stmaw marġnijiet tad-dumping ta’ bejn 17,6 % u 44,3 % għall-Indja u bejn 52,9 % u 61,2 % għat-Turkija u livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu ta’ bejn 106 % u 113 % fir-rigward tal-Indja u ta’ bejn 45 % u 97 % fir-rigward tat-Turkija u għall-prodott ikkonċernat bejn l-1 ta’ Lulju 2023 u t-30 ta’ Ġunju 2024. L-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli normalment jiġi stabbilit fl-aktar livell baxx minn dawn iż-żewġ livelli skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku. Madankollu, f’dan l-istadju l-Kummissjoni mhijiex f’pożizzjoni li tagħti stima tal-ammont ta’ obbligazzjoni futura possibbli. Għalhekk, l-ammonti msemmija fl-ilment huma biss għal skopijiet ta’ informazzjoni u ma jistgħux joħolqu aspettattivi dwar il-livell attwali ta’ obbligazzjoni li se jiġi stabbilit bħala riżultat tal-investigazzjoni.

3.   IPPROĊESSAR TA’ DATA PERSONALI

(12)

Kwalunkwe data personali miġbura fil-kuntest ta’ din ir-reġistrazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   L-awtoritajiet doganali huma b’dan ordnati, skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, biex jieħdu l-passi xierqa biex jirreġistraw l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ ċerti oġġetti tal-ħadid fondut bil-grafit lamellari (ħadid griż) jew tal-ħadid fondut bil-grafit sferojdali (magħruf ukoll bħala ħadit fondut duttili), u partijiet tagħhom u li joriġinaw mill-Indja u mit-Turkija.

Dawn huma oġġetti ta’ tip li:

—

ikopru l-art jew sistemi ta’ taħt il-wiċċ, u/jew fetħiet f’sistemi tal-art jew ta’ taħt il-wiċċ, u wkoll

—

jagħtu aċċess għal sistemi tal-art jew ta’ taħt il-wiċċ u/jew jipprovdu ħarsa lejn is-sistemi tal-art jew ta’ taħt il-wiċċ.

L-oġġetti jistgħu jkunu maħdumin bil-magni, miksijin, miżbugħin u/jew iffitjati b’materjali oħra bħal iżda mhux limitati għal konkrit, ċangaturi jew madum.

It-tipi ta’ prodotti li ġejjin huma esklużi mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat:

—

spralli tal-kanali u uċuħ fonduti soġġetti għall-istandard EN 1433, biex jiġu ffittjati bħala komponent fuq kanali tal-polimeru, tal-plastik, tal-azzar galvanizzat jew tal-konkrit li jippermettu l-fluss tal-ilma tas-superfiċje għal ġol-kanal,

—

katusi għall-iskular tal-art, katusi għall-iskular tal-bjut, cleanouts u għotjien tal-cleanouts, soġġetti għall-istandard EN 1253,

—

turġien tal-ħadid, vireg tal-irfigħ, u idraturi tan-nirien.

Il-prodott ikkonċernat bħalissa huwa kklassifikat taħt il-kodiċijiet NM ex 7325 10 00 u ex 7325 99 10 (kodiċijiet TARIC 7325 10 00 31 u 7325 99 10 60). Il-kodiċijiet NM u TARIC huma mogħtija għall-informazzjoni biss u mingħajr preġudizzju għal bidla sussegwenti fil-klassifikazzjoni tariffarja.

2.   Ir-reġistrazzjoni għandha tiskadi disa’ xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Mejju 2025.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2016/1036/oj.

(2)   ĠU C, C/2025/1276, 26.2.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/1276/oj.

(3)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/924/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)