European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2413

4.11.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2413

tat-3 ta’ Novembru 2026

li tistabbilixxi l-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea dwar l-Edukazzjoni (EDU-EDIC)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 14(3), il-punt (a), tagħha,

Billi:

(1)

Fil-31 ta’ Awwissu 2026, in-Netherlands, Franza, Spanja u l-Greċja applikaw mal-Kummissjoni biex jistabbilixxu l-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea dwar l-Edukazzjoni (EDU-EDIC). Il-Kroazja applikat fl-24 ta’ Settembru 2026. Is-Slovenja applikat fis-6 ta’ Ottubru 2026. Il-Finlandja u l-Belġju applikaw fid-9 ta’ Ottubru 2026.

(2)

Bħala Stat Membru ospitanti, in-Netherlands taw dikjarazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(1), il-punt (d), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 li tirrikonoxxi lill-EDU-EDIC bħala korp internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 143(1), il-punt (g), u fl-Artikolu 151(1), il-punt (b), tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (2) u bħala organizzazzjoni internazzjonali kif imsemmi fl-Artikolu 11(1), il-punt (b), tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 (3), mid-data meta jiġi stabbilit l-EDIC.

(3)

Il-Kummissjoni vvalutat l-applikazzjoni skont l-Artikolu 14(2) tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa skont l-Artikolu 14(1) ta’ dik id-Deċiżjoni. Filwaqt li qieset l-objettivi ġenerali tal-Programm ta’ Politika dwar id-Deċennju Diġitali, b’mod partikolari l-kontribut tal-EDIC propost għall-proġett multinazzjonali dwar l-infrastruttura u s-servizzi komuni Ewropej tad-data, b’mod partikolari biex tissaħħaħ is-sovranità tal-infrastruttura diġitali fl-edukazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-EDIC propost jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 13 sa 21 tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481.

(4)

L-EDU-EDIC hu inizjattiva strateġika li tappoġġa l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet sovrani u interoperabbli tal-infrastruttura diġitali għall-edukazzjoni fl-Unjoni. Dan hu maħsub biex inaqqas id-dipendenzi strutturali fuq fornituri tal-edukazzjoni diġitali minn pajjiżi terzi billi, fost l-oħrajn, irawwem l-offerta EdTech Ewropea ta’ soluzzjonijiet diġitali għall-iskejjel, inkluż għodod tal-IA, isaħħaħ il-governanza u l-interoperabbiltà tad-data tal-edukazzjoni, u jikkontribwixxi għal ekosistema tat-tagħlim diġitali affidabbli, inklużiva u innovattiva fl-Unjoni. Barra minn hekk, bi qbil mal-inizjattivi tal-politiki tal-edukazzjoni tal-Unjoni, fosthom l-Unjoni tal-Ħiliet u l-Pakkett tal-Edukazzjoni li jmiss, l-EDU-EDIC hu maħsub ukoll biex iżid il-kapaċitajiet tat-tagħlim madwar l-Unjoni.

(5)

Biex tkun tista’ ssir applikazzjoni minnufih tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni, jiġifieri li jibda jitħaddem l-EDU-EDIC, tant meħtieġa b’urġenza biex jiġi implimentat b’mod ordnat, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat stabbilit bl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2022/2481,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   B’din qed jitwaqqaf il-Konsorzju għall-Infrastruttura Diġitali Ewropea dwar l-Edukazzjoni (EDU-EDIC).

2.   L-EDU-EDIC għandu jkollu personalità ġuridika, u f’kull Stat Membru għandu jkollu l-aktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lill-entitajiet legali skont il-liġi tal-Istat Membru rispettiv. Dan jista’, b’mod partikolari, jakkwista, jippossedi jew jiddisponi minn proprjetà mobbli, immobbli u intellettwali, jikkonkludi kuntratti u jkun parti fi proċedimenti legali.

3.   L-elementi essenzjali tal-Istatuti tal-EDU-EDIC, kif miftiehma bejn il-membri tiegħu, huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Novembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4. ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2481/oj.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/112/oj).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262 tad-19 ta’ Diċembru 2019 li tistabbilixxi l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa (ĠU L 58, 27.2.2020, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2020/262/oj).


ANNESS

ELEMENTI ESSENZJALI TAL-ISTATUTI TAL-EDU-EDIC

(1)

F’konformità mal-Artikolu 17(1), il-punt (c), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:

“Artikolu 2

Isem, sede, lokazzjoni u lingwa operattiva

(…)

2.   L-isem tal-EDIC imsemmi fil-paragrafu (1) għandu jkun “EDIC tal-Edukazzjoni”, imsejjaħ “EDU-EDIC”.

3.   L-EDU-EDIC għandu jkollu s-sede statutorja tiegħu f’The Hague, in-Netherlands.”

(2)

F’konformità mal-Artikolu 17(1), il-punt (d), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:

“Artikolu 27

Tul taż-żmien

L-EDU-EDIC għandu jiffunzjona għal perjodu indefinit.

Artikolu 28

Stralċ

(1)   L-istralċ tal-EDU-EDIC għandha tiddeċidih l-Assemblea tal-Membri f’konformità mal-Artikolu 10(9) ta’ dawn l-Istatuti.

(2)   Mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem, l-EDU-EDIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tal-istralċ tal-EDU-EDIC.

(3)   L-assi li jibqgħu wara l-ħlas tad-djun tad-EDU-EDIC għandhom jitqassmu fost il-membri b’mod proporzjonat mal-kontribut annwali akkumulat tagħhom għall-EDU-EDIC, kif speċifikat fl-Artikolu 9, jew jiġu trasferiti lil entità legali oħra, sakemm dik l-entità tissokta l-attivitajiet tal-EDIC.

(4)   Mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ fi żmien għaxart ijiem, l-EDU-EDIC għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar l-għeluq tal-proċedura tal-istralċ.

(5)   L-EDU-EDIC għandu jispiċċa għalkollox dakinhar li l-Kummissjoni Ewropea tippubblika l-avviż korrispondenti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)   L-istralċ tal-EDU-EDIC ma jipprekludix it-trasferiment tal-attivitajiet tal-EDU-EDIC lil entità legali ġdida. Dan it-trasferiment għandu jsir f’konformità mal-kundizzjonijiet deċiżi mill-Assemblea tal-Membri u bi ftehim mal-Kummissjoni Ewropea.”

(3)

F’konformità mal-Artikolu 17(1), il-punt (e), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:

“Artikolu 19

Responsabbiltà u assigurazzjoni

(1)   L-EDU-EDIC għandu jkun responsabbli għad-djun tiegħu.

(2)   L-obbligazzjoni finanzjarja tal-Membri għad-djun tal-EDU-EDIC għandha tkun limitata għall-kontribuzzjonijiet rispettivi mogħtija lill-EDIC, kif speċifikat fl-Anness II ta’ dawn l-Istatuti.

(3)   L-Unjoni m’għandhiex tkun responsabbli għad-djun tal-EDU-EDIC.

(4)   L-EDU-EDIC għandu jkollu assigurazzjoni xierqa li tkopri r-riskji speċifiċi għall-attivitajiet tiegħu.”

(4)

F’konformità mal-Artikolu 17(1), il-punt (i), tad-Deċiżjoni (UE) 2022/2481:

“Artikolu 18

Eżenzjonijiet mit-taxxa u mid-dazju tas-sisa

(1)   L-eżenzjonijiet mill-VAT abbażi tal-Artikoli 143(1), il-punt (g), u 151(1), il-punt (b), tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE u f’konformità mal-Artikoli 50 u 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011, għandhom ikunu limitati għax-xiri mill-EDU-EDIC u mill-Membri tal-EDU-EDIC li jkun għal użu uffiċjali u esklużiv mill-EDU-EDIC, diment li dak ix-xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-EDU-EDIC bi qbil mal-attivitajiet tiegħu.

(2)   L-eżenzjonijiet mill-VAT għandhom ikunu limitati għax-xiri li l-valur tiegħu jkun iżjed minn EUR 300.

(3)   L-eżenzjonijiet mid-dazju tas-sisa abbażi tal-Artikolu 11(1), il-punt (b), tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/262, għandhom ikunu limitati għax-xiri mill-EDU-EDIC li jkun għal użu uffiċjali u esklussiv mill-EDU-EDIC, diment li dak ix-xiri jsir biss għall-attivitajiet mhux ekonomiċi tal-EDU-EDIC bi qbil mal-attivitajiet tiegħu u li l-valur tax-xiri jkun iżjed minn EUR 300.

(4)   Il-proċedura fil-livell nazzjonali meħtieġa għar-reġistrazzjoni tal-EDU-EDIC bħala organizzazzjoni internazzjonali għandha tinbeda dakinhar meta jitwaqqaf l-EDU-EDIC.

(5)   Ix-xiri mill-membri tal-persunal m’għandux ikun kopert mill-eżenzjonijiet.”

.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2413/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)