IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.12.2024
COM(2024) 593 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
It-Tmien Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 19.12.2024
COM(2024) 593 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
It-Tmien Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija
Werrej
1. Introduzzjoni
1.1. It-Turkija u l-kriżi tar-refuġjati
1.2. Ir-rispons tal-UE għall-kriżi u l-istabbiliment tal-Faċilità
2. Il-funzjonament tal-Faċilità
3. Il-kapaċità finanzjarja, id-durata u n-natura tal-finanzjament
4. Implimentazzjoni tal-Faċilità
5. Monitoraġġ, evalwazzjoni u awditjar
6. Komunikazzjoni u viżibbiltà
7. Konklużjoni u l-passi li jmiss
1.Introduzzjoni
Skont l-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2015 1 dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni (“id-Deċiżjoni”), il-Kummissjoni jeħtiġilha żżomm lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill infurmati regolarment dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (“il-Faċilità”). Skont l-Artikolu 8(2) tad-Deċiżjoni, il-Kummissjoni jeħtiġilha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità. L-ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità ġie ppubblikat f’Marzu 2017 2 . Ir-rapporti annwali kollha jistgħu jinstabu fuq is-sit web tal-Faċilità għar-Refuġjati. Id-data limitu għal dan ir-rapport hija Frar 2024.
1.1.It-Turkija u l-kriżi tar-refuġjati
Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha, it-Turkija hija pajjiż prominenti għall-akkoljenza u għat-tranżitu tar-refuġjati u tal-migranti. F’Jannar 2024, skont data pprovduta mill-gvern Tork, il-pajjiż ospita 3 199 927 Sirjan taħt protezzjoni temporanja u aktar minn 300 000 refuġjat u applikant għall-ażil irreġistrati, prinċipalment mill-Afganistan, l-Iraq, l-Iran u s-Somalja 3 , 4 . Dan l-għadd kbir ħafna ta’ nies kellu impatt sinifikanti fuq il-komunitajiet ospitanti. L-ispostament fit-tul tar-refuġjati Sirjani u l-għadd dejjem jikber ta’ wasliet irregolari mill-Afganistan fit-Turkija, jirrappreżentaw sfida dejjem akbar għall-koeżjoni soċjali bejn ir-refuġjati, il-migranti u l-komunitajiet ospitanti. Fl-istess ħin, għad hemm pressjoni tul il-fruntiera bejn it-Turkija u l-Iran.
It-Turkija qed tkompli tagħmel sforzi sinifikanti ħafna biex tospita u tindirizza l-ħtiġijiet tar-refuġjati u l-migranti u tenniet l-impenn tagħha li timplimenta d-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta’ Marzu 2016 5 (“id-Dikjarazzjoni”). Id-dikjarazzjoni kompliet tagħti riżultati konkreti fl-2023. Madankollu, għalkemm għadhom aktar baxxi miċ-ċifri ta’ qabel id-Dikjarazzjoni, il-wasliet irregolari fil-Greċja żdiedu, speċjalment permezz tar-rotta tal-baħar, filwaqt li l-wasliet fl-Italja u fit-territorju kkontrollat mill-gvern ta’ Ċipru naqsu b’mod konsiderevoli 6 .
L-iskema ta’ risistemazzjoni “wieħed għal kull wieħed” kompliet tiġi implimentata skont id-Dikjarazzjoni. Bejn April 2016 u Jannar 2024, kważi 41 000 refuġjat Sirjan ġew risistemati mit-Turkija lejn l-UE. Mill-2016, skont id-Dikjarazzjoni, 2 140 migrant ġew irritornati mill-gżejjer Griegi lejn it-Turkija. Peress li l-awtoritajiet Torok ma rrevokawx id-deċiżjoni tagħhom ta’ Marzu 2020 li jissospendu l-operazzjonijiet ta’ ritorn skont id-Dikjarazzjoni minħabba l-pandemija tal-COVID-19, minn dak iż-żmien ’l hawn ma saret l-ebda operazzjoni ta’ ritorn minkejja talbiet ripetuti mill-Kummissjoni Ewropea u mill-awtoritajiet Griegi.
Il-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru 2020 qabel li jniedi aġenda pożittiva bejn l-UE u t-Turkija. Ġew identifikati erba’ oqsma ta’ prijorità: i) it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Doganali u l-bidu mill-ġdid tad-diskussjonijiet dwar il-modernizzazzjoni tagħha; ii) il-migrazzjoni u l-appoġġ għar-refuġjati; iii) djalogi ta’ livell għoli; iv) il-kuntatti bejn il-persuni u l-mobbiltà. Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2021 tenna li l-UE lesta tinteraġixxi mat-Turkija b’mod gradwali, proporzjonat u riversibbli biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni f’għadd ta’ oqsma ta’ interess komuni, soġġett għall-kondizzjonalitajiet stabbiliti li ġew iffissati f’Marzu 2021 u f’konklużjonijiet preċedenti tal-Kunsill Ewropew. Il-Komunikazzjoni Konġunta tad-29 ta’ Novembru 2023 wieġbet għall-istedina mill-Kunsill Ewropew tad-29-30 ta’ Ġunju 2023 lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kummissjoni jippreżentaw rapport dwar is-sitwazzjoni attwali tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija. Hija ressqet diversi proposti sabiex tingħata spinta ġdida lir-relazzjonijiet bilaterali, inkluż fil-qasam tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-appoġġ finanzjarju lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti. F’Ottubru 2021 sar djalogu ta’ livell għoli bejn l-UE u t-Turkija dwar il-migrazzjoni u s-sigurtà f’Ankara u f’Novembru 2023 sar djalogu ieħor fi Brussell. Il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat il-pjan ta’ azzjoni għal-Lvant tal-Mediterran 7 fit-18 ta’ Ottubru 2023 wara l-linji gwida tal-Kunsill Ewropew, b’enfasi fuq it-titjib tal-ġestjoni tal-migrazzjoni f’kooperazzjoni ma’ pajjiżi ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu, inkluża t-Turkija.
Terremoti fit-Turkija u s-Sirja – Frar 2023
Fis-6 ta’ Frar, it-Turkija ntlaqtet mill-aktar terremoti b’saħħithom fir-reġjun f’aktar minn 100 sena, b’għadd kbir ħafna ta’ mwiet, korrimenti u ħsara materjali. L-UE malajr ipprovdiet appoġġ wara t-terremoti u fl-20 ta’ Marzu organizzat konferenza tad-donaturi fi Brussell biex timmobilizza fondi mill-komunità internazzjonali b’appoġġ għan-nies fit-Turkija u fis-Sirja, permezz ta’ total ta’ EUR 7 biljun f’wegħdiet, inkluż għall-1,7 miljun refuġjat fiż-żoni affettwati. Skont il-wegħda tal-UE b’rabta mat-terremot, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet ta’ finanzjament fl-20 ta’ Diċembru 2023, li jimmobilizzaw total ta’ EUR 355,6 miljun mill-allokazzjoni ta’ EUR 3 biljun f’għajnuna addizzjonali għar-refuġjati miftiehma għall-2021-2023 (ara l-kaxxa hawn taħt).
L-ewwel miżura, b’valur ta’ EUR 115,6 miljun, għandha l-għan li ssaħħaħ l-infrastruttura tas-saħħa u tal-edukazzjoni sabiex ittejjeb l-aċċessibbiltà għar-refuġjati u għall-komunitajiet ospitanti affettwati mit-terremoti. Dan se jsir permezz tal-bini ta’ minimu ta’ 20 faċilità edukattiva u 20 ċentru tas-saħħa primarja. It-tieni miżura, b’valur ta’ EUR 240 miljun, għandha l-għan li tagħti spinta lill-appoġġ soċjoekonomiku, tippromwovi l-koeżjoni soċjali u trawwem l-iżvilupp tal-infrastruttura fit-Turkija.
1.2. Ir-rispons tal-UE għall-kriżi u l-istabbiliment tal-Faċilità
Bi tweġiba għas-sejħa mill-Istati Membri tal-UE għal finanzjament addizzjonali sinifikanti biex jiġu appoġġjati r-refuġjati fit-Turkija, il-Kummissjoni stabbiliet il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Novembru 2015, emendata fl-10 ta’ Frar 2016 8 u fl-14 ta’ Marzu u fl-24 ta’ Lulju 2018. Il-Faċilità hija mekkaniżmu biex tiġi kkoordinata l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi magħmula disponibbli kemm taħt il-baġit tal-UE kif ukoll taħt kontribuzzjonijiet addizzjonali mill-Istati Membri integrati fil-baġit tal-UE bħala dħul assenjat estern. L-Istati Membri huma politikament impenjati li jipprovdu kontribuzzjonijiet nazzjonali bħala parti mill-Fehim Komuni bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea, adottat fit-3 ta’ Frar 2016, u aġġornat meta ntlaħaq qbil dwar it-tieni segment tal-Faċilità 9 . Il-Fehim Komuni stabbilixxa wkoll qafas ta’ kundizzjonalità.
Fit-18 ta’ Marzu 2016, il-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern tal-UE u tat-Turkija kkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt tagħhom u qablu dwar aktar miżuri mmirati lejn l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u t-Turkija u l-indirizzar tal-kriżi tal-migrazzjoni 10 . It-Turkija u l-UE rrikonoxxew li kienu meħtieġa aktar sforzi rapidi u determinati. B’mod aktar speċifiku, id-Dikjarazzjoni UE-Turkija appellat sabiex tintemm il-migrazzjoni irregolari mit-Turkija lejn l-UE billi jitkisser il-mudell kummerċjali tal-faċilitaturi ta' dħul klandestin u billi l-migranti jiġu offruti alternattiva minflok jipperikolaw ħajjithom, u biex titħaffef l-implimentazzjoni tal-Faċilità.
Għall-ewwel segment tal-Faċilità (2016-2017) ġie allokat total ta’ EUR 3 biljun 11 , u EUR 3 biljun addizzjonali saru disponibbli għat-tieni segment (2018-2019), li jieħu t-total tal-Faċilità għal EUR 6 biljun. Wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni ħadmet b’pass mgħaġġel biex tikkuntratta l-ewwel proġetti. Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni kkuntrattat l-allokazzjoni operazzjonali sħiħa tal-Faċilità, u sa tmiem l-2023 kienu ġew żborżati aktar minn EUR 5,3 biljun.
2. Il-funzjonament tal-Faċilità
Il-Faċilità hija mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni li jippermetti l-mobilizzazzjoni rapida, effettiva u effiċjenti ta’ għajnuna tal-UE lir-refuġjati fit-Turkija, filwaqt li jiżgura ġestjoni finanzjarja tajba. Il-Faċilità tiżgura l-aqwa mobilizzazzjoni ta’ strumenti ta’ finanzjament eżistenti fl-UE, bħala għajnuna umanitarja u/jew bħala għajnuna għall-iżvilupp, sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti b’mod komprensiv u kkoordinat 12 .
Il-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità jipprovdi gwida strateġika dwar il-prijoritajiet, it-tip ta’ azzjonijiet li jridu jiġu appoġġjati, l-ammonti li jridu jiġu allokati u l-istrumenti ta’ finanzjament li jridu jiġu mmobilizzati u - meta jkun xieraq - il-kundizzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-impenji tat-Turkija skont il-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt UE-Turkija tad-29 ta’ Novembru 2015 (il-“Pjan ta’ Azzjoni Konġunt”) 13 . Fl-2023, it-8 sena ta’ implimentazzjoni tal-Faċilità, laqgħa waħda tal-Kumitat ta’ Tmexxija saret fil-5 ta’ Lulju.
Is-sostenibbiltà tal-proġetti tal-Faċilità u s-sjieda konġunta mill-awtoritajiet Torok huma importanti. L-oqsma ta’ prijorità għall-għajnuna huma identifikati abbażi ta’ valutazzjoni tal-ħtiġijiet komprensiva u indipendenti, li ġiet aġġornata fl-2018.
Il-Faċilità tikkoordina l-finanzjament mill-istrumenti ta’ finanzjament esterni li ġejjin 14 : i) l-għajnuna umanitarja; ii) l-Istrument Ewropew ta’ Viċinat; iii) l-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp; iv) l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA, Instrument for Pre-accession Assistance); u v) l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi. Il-miżuri ffinanzjati mill-baġit tal-UE jitwettqu skont ir-regoli u r-regolamenti finanzjarji tagħha applikabbli kemm għall-ġestjoni diretta kif ukoll għal dik indiretta. L-implimentazzjoni tal-għajnuna hija bil-kundizzjoni li t-Turkija tkun f’konformità stretta mal-impenji tal-Pjan ta’ Azzjoni Konġunt u tad-Dikjarazzjoni.
3. Il-kapaċità finanzjarja, id-durata u n-natura tal-finanzjament
Il-baġit totali kkoordinat mill-Faċilità huwa ta’ EUR 6 biljun, u huwa mmobilizzat f’żewġ segmenti. Il-proġetti taħt l-ewwel u t-tieni segment jibqgħu għaddejjin sa mhux aktar tard minn nofs l-2025, b’ħafna proġetti taħt l-ewwel segment diġà kkompletati u l-biċċa l-kbira tal-proġetti skedati li jispiċċaw qabel. B’mod eċċezzjonali, minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-perjodu ta’ implimentazzjoni għall-proġetti taħt il-Miżura Speċjali tal-2016 (EUR 1,6 biljun) ġie estiż, u dan jippermetti li l-proġetti kollha kkonċernati jilħqu l-objettivi ddikjarati tagħhom.
L-ewwel segment ammonta għal EUR 3 biljun, li EUR 1 biljun minnhom ġie mmobilizzat mill-baġit tal-UE u EUR 2 biljun ġew ipprovduti f’kontribuzzjonijiet bilaterali mill-Istati Membri. Bl-istess mod, it-tieni segment ammonta għal EUR 3 biljun, li minnhom il-baġit tal-UE pprovda EUR 2 biljun u l-Istati Membri EUR 1 biljun 15 .
Fir-rigward tar-riżorsi tal-baġit tal-UE, mill-EUR 1 biljun mill-baġit tal-UE għall-2016-2017, EUR 250 miljun ġew mobilizzati fl-2016 u EUR 750 miljun fl-2017. Miż-EUR 2 biljun mill-baġit tal-UE għall-2018-2019, EUR 550 miljun ġew mobilizzati fl-2018, bil-bilanċ mobilizzat fl-2019.
Fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, għall-ewwel segment, l-Istati Membri kkontribwew EUR 677 miljun għall-Faċilità fl-2016, EUR 847 miljun fl-2017, EUR 396 miljun fl-2018 u EUR 80 miljun fl-2019. Għat-tieni segment, l-Istati Membri kkontribwew EUR 68 miljun fl-2018, EUR 202 miljun fl-2019, EUR 265 miljun fl-2020, EUR 166 miljun fl-2021 u EUR 165 miljun fl-2022, bl-aħħar pagamenti li jammontaw għal EUR 134 miljun fl-2023. Il-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri saru direttament lill-Baġit tal-UE fil-forma ta’ dħul assenjat estern 16 u ġew assenjati għal-linji baġitarji tal-IPA u tal-għajnuna umanitarja.
Ikompli jkun hemm qbil sodisfaċenti bejn ir-rata tal-ħlas mill-Istati Membri tal-kontribuzzjonijiet tagħhom lill-Faċilità u r-rata tal-iżburżar iffinanzjat minn dawk il-kontribuzzjonijiet mill-Faċilità.
Taħt il-fergħa umanitarja tal-Faċilità, EUR 19,5 miljun ġew allokati bħala riżerva għall-finanzjament possibbli tar-reazzjonijiet għall-influss ta’ refuġjati ġodda mis-Sirja fl-2019. Peress li r-riżerva ma ntużatx, dan l-ammont ġie kkuntrattat fl-2020 biex ikopri l-azzjonijiet tas-saħħa u l-protezzjoni, u b’hekk tlesta l-eżerċizzju ta’ programmazzjoni għat-tieni segment.
Sal-31 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni kienet ikkuntrattat l-allokazzjoni operazzjonali sħiħa tal-Faċilità. Minn total ta’ EUR 6 biljun, ftit aktar minn EUR 5,3 biljun kienu ġew żborżati sa tmiem l-2023.
Għajnuna addizzjonali tal-UE lir-refuġjati fit-Turkija, barra mill-qafas tal-Faċilità
Fl-2020, il-Kummissjoni allokat EUR 535 miljun addizzjonali biex tappoġġja azzjonijiet umanitarji fit-Turkija barra mill-qafas tal-Faċilità. Din l-għajnuna għar-refuġjati ffukat fuq il-bżonnijiet bażiċi, il-protezzjoni, l-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa u ġiet ikkuntrattata u żborżata bis-sħiħ.
Din ix-xejra kompliet fl-2021. B’segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju ta’ dik is-sena, il-Kummissjoni mmobilizzat EUR 3 biljun għar-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti fit-Turkija għall-2021-2023. Dan il-finanzjament għandu l-għan li jiżgura li l-interventi ewlenin tal-Faċilità jkomplu fl-oqsma prijoritarji tal-għajnuna umanitarja, il-bżonnijiet bażiċi, l-edukazzjoni u s-saħħa, kif ukoll il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-kontroll fuq il-fruntieri. Dan jinkludi wkoll EUR 150 miljun taħt l-istrumenti tad-DĠ HOME primarjament b’appoġġ għall-isforzi ta’ risistemazzjoni tal-Istati Membri tal-UE mit-Turkija, iżda wkoll b’appoġġ għall-ġestjoni tal-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-isforzi kontra l-faċilitazzjoni ta’ dħul klandestin. Jinkludi wkoll EUR 14,4 miljun taħt miżura ta’ appoġġ li ġiet adottata f’Ottubru 2024.
Fi Frar 2024, il-Kunsill Ewropew iddeċieda li jalloka EUR 2 biljun addizzjonali biex tinżamm kooperazzjoni effettiva dwar il-migrazzjoni, inkluż l-appoġġ għar-refuġjati Sirjani fit-Turkija sal-2027. Barra minn hekk, fl-2024, il-Kummissjoni allokat EUR 520 miljun biex tiżgura l-kontinwazzjoni tal-għajnuna, flimkien ma’ EUR 480 miljun trasferiti mill-allokazzjoni tal-għajnuna għar-refuġjati għall-2025.
L-għajnuna totali tal-UE allokata lir-refuġjati fit-Turkija mill-2011 tammonta għal EUR 12,5 biljun. Din tinkludi EUR 345 miljun f’għajnuna għar-refuġjati mobilizzati bejn l-2011 u l-2016, l-EUR 6 biljun taħt il-Faċilità, EUR 535 miljun f’finanzjament tranżitorju fl-2020, EUR 3 biljun f’finanzjament addizzjonali fl-2021-2023, EUR 520 miljun fl-2024 u EUR 2 biljun addizzjonali sal-2027.
4. Implimentazzjoni tal-Faċilità
Il-Faċilità hija implimentata fil-forma ta’ għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp. Taħt l-ewwel segment, ġew allokati madwar EUR 1.4 biljun u EUR 1.6 biljun għall-fergħat rispettivi. Minħabba n-natura dewwiema tal-kriżi tas-Sirja, l-interventi taħt it-tieni segment iffukaw dejjem aktar fuq l-attivitajiet ta’ appoġġ soċjoekonomiku u l-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ għajxien. Taħt it-tieni segment, ġew allokati EUR 1,04 biljun għall-għajnuna umanitarja, u EUR 1,9 biljun għall-għajnuna għall-iżvilupp 17 .
Għall-Faċilità b’mod kumplessiv, il-qsim tal-għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp huwa kif ġej:
Għad-dettalji kollha, ara t-tabella tal-proġetti online 18 .
L-għajnuna pprovduta taħt il-Faċilità hija bbażata fuq il-proġetti. L-iżborżi jiddependu fuq il-progress li sar fit-twettiq tal-interventi tal-Faċilità.
Tingħata attenzjoni partikolari tar-refuġjati mhux Sirjani u lill-applikant għall-ażil. L-interventi tal-faċilità dejjem għandhom l-għan li jinvolvu lill-komunitajiet lokali li qed jospitaw lir-refuġjati.
L-għajnuna umanitarja taħt il-Faċilità għandha l-għan li tgħin lill-aktar refuġjati vulnerabbli billi tipprovdi appoġġ dinjituż li jindirizza l-bżonnijiet bażiċi u l-protezzjoni. Hija tindirizza wkoll il-lakuni permezz ta’ aġenziji speċjalizzati u sħab fis-setturi tas-saħħa u l-edukazzjoni f’emerġenzi. L-għoti tal-għajnuna umanitarja tal-UE hija ggwidata mill-Kunsens Ewropew dwar l-Għajnuna Umanitarja tal-2007 19 , li jistipula li l-UE, bħala attriċi umanitarja, taderixxi mal-prinċipji umanitarji tal-umanità, in-newtralità, l-imparzjalità u l-indipendenza, kif stabbiliti fl-Artikolu 214 tat-TFUE u fir-Regolament dwar l-Għajnuna Umanitarja (Nru 1257/96) 20 , 21 .
Taħt il-fergħa umanitarja tal-Faċilità, b’kollox ġew implimentati 65 proġett permezz ta’ 21 sieħeb kemm taħt l-ewwel segment kif ukoll taħt it-tieni wieħed. Dawn il-proġetti jkopru r-rispons għall-bżonnijiet bażiċi, il-protezzjoni, l-edukazzjoni, u s-saħħa għall-aktar refuġjati vulnerabbli fit-Turkija. Taħt l-ewwel segment, ġew allokati u kkuntrattati madwar EUR 1,4 biljun f’għajnuna umanitarja u ġew żborżati EUR 1,3 biljun, filwaqt li għat-tieni segment ġew ikkuntrattati EUR 1,04 biljun u sal-31 ta’ Jannar 2023 ġew żborżati EUR 1,035 miljun.
L-għajnuna għall-iżvilupp tappoġġja l-ħtiġijiet fit-tul fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-iżvilupp soċjoekonomiku tar-refuġjati, b’mod partikolari f’termini ta’ aċċess għas-servizzi pubbliċi u għall-opportunitajiet ta’ għajxien, u tal-infrastruttura muniċipali. Din tiffoka wkoll fuq gruppi vulnerabbli u tinkludi aspett tal-ġeneru fl-interventi tagħha, eż. il-protezzjoni tan-nisa u l-bniet kontra l-vjolenza sesswali u abbażi tal-ġeneru u t-titjib tal-aċċess għall-kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva.
Taħt il-fergħa tal-iżvilupp tal-Faċilità, kompla jsir progress tajjeb fl-implimentazzjoni ta’ 26 proġett ikkuntrattati taħt l-ewwel segment. Minn dawn il-proġetti, 15 ġew implimentati taħt il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana għal total ta’ EUR 293 miljun, minbarra l-allokazzjoni ġestita direttament permezz tal-IPA 22 .
L-iżborżi lis-sħab ta’ implimentazzjoni laħqu kważi EUR 2,9 biljun minn total ta’ EUR 3,5 biljun allokati għall-għajnuna għall-iżvilupp taħt iż-żewġ segmenti tal-Faċilità 23 . Il-fergħa tal-iżvilupp tal-Faċilità tinkludi 17-il kuntratt.
Fl-2023, l-implimentazzjoni tal-Faċilità kompliet tiġi affettwata minn inflazzjoni għolja ħafna fit-Turkija u sfidi relatati mar-rata tal-kambju. Dan kien jeħtieġ tnaqqis fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ xi proġetti, li min-naħa tagħhom irriżultaw fi tnaqqis fl-għadd ta’ faċilitajiet mibnija.
Interventi tal-faċilità għal kull qasam prijoritarju
Il-progress li sar għal kull qasam prijoritarju fl-għoti ta’ għajnuna ffinanzjata taħt iż-żewġ segmenti tal-Faċilità huwa rrapportat fir-rapporti ta’ monitoraġġ tal-Faċilità biannwali 24 .
Kien hemm kisbiet sinifikanti fl-għoti ta’ għajnuna lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fl-oqsma ta’ prijorità li ġejjin.
Edukazzjoni
Total ta’ EUR 2 biljun ġew allokati għall-appoġġ għall-edukazzjoni taħt il-Faċilità u appoġġ addizzjonali għar-refuġjati.
Taħt il-fergħa umanitarja tal-Faċilità, ġew allokati aktar minn EUR 181 miljun għall-edukazzjoni. It-Trasferiment Kundizzjonali ta’ Flus għall-Edukazzjoni (CCTE, Conditional Cash Transfer in Education) jappoġġja r-reġistrazzjoni fl-iskejjel u l-attendenza ta’ tfal refuġjati billi jipprovdi pagamenti ta’ kull xahar lill-familji refuġjati, bil-kundizzjoni li l-istudenti jattendu l-iskola b’mod regolari. Il-komponent tal-flus tal-programm CCTE kien iffinanzjat taħt il-fergħa umanitarja sa Ottubru 2022 filwaqt li l-attivitajiet ta’ appoġġ għall-kapaċità għal tranżizzjoni bla xkiel komplew sa Diċembru 2022. Il-programm ġie ttrasferit għall-fergħa tal-iżvilupp f’Ottubru 2022. Fl-2023, il-programm CCTE VI kompla jipprovdi trasferimenti regolari ta’ flus lill-familji ta’ madwar 500 000 tifel u tifla biex b’hekk jkunu jistgħu jattendu l-iskola.
L-implimentazzjoni tal-għotja diretta ewlenija tal-Faċilità (il-Promozzjoni tal-Edukazzjoni Inklużiva għat-Tfal fis-Sistema Edukattiva Torka - PIKTES II 25 ) mill-Ministeru tal-Edukazzjoni Nazzjonali (MoNE, Ministry of National Education) ta’ EUR 400 miljun intemmet f’Jannar 2023. Din ġiet segwita mill-proġett il-ġdid PIKTES+ 26 b’baġit totali ta’ EUR 300 miljun iffinanzjat bis-saħħa ta’ għajnuna addizzjonali għar-refuġjati fit-Turkija.
Fl-edukazzjoni, l-għan ġenerali kompla jkun l-integrazzjoni tat-tfal refuġjati kollha fis-sistema formali Torka, ikkomplementata mill-ilħuq ta’ tfal barra mill-iskola u l-ħolqien ta’ perkorsi sikuri għall-apprendiment, kif ukoll it-titjib tal-eżiti tal-apprendiment. Minn Settembru 2023, għas-sena akkademika 2023-2024, kważi 750 000 tifel u tifla refuġjati kienu ġew irreġistrati fis-sistema tal-edukazzjoni formali (inkluż l-iskola preprimarja) fl-aktar 29 provinċja b’popolazzjoni densa ta’ refuġjati fil-mira tal-programm PIKTES+.
L-għadd ta’ studenti refuġjati u tal-komunità ospitanti li rċevew boroż ta’ studju appoġġjati mill-Faċilità biex jattendu edukazzjoni u taħriġ tekniċi u vokazzjonali (TVET, technical and vocational education and training) jew istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja laħaq id-29 049. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-istudenti kienu refuġjati. Il-bilanċ bejn il-ġeneri nżamm.
Il-Faċilità kompliet tappoġġja l-iżvilupp tal-infrastruttura edukattiva u naqqset l-affollament fl-iskejjel. Sar progress sinifikanti fl-għadd ta’ faċilitajiet edukattivi aġġornati u kkompletati. Kisba kbira fit-titjib kienet l-installazzjoni ta’ 8 700 smartboard fl-iskejjel primarji u sekondarji. Sal-lum, aktar minn 12 000 faċilità ġew imtejba bl-appoġġ tal-Faċilità.
Barra minn hekk, taħt il-proġetti Edukazzjoni għal Kulħadd fi Żminijiet ta’ Kriżi u Infrastruttura tal-Edukazzjoni għar-Reżiljenza, inbnew 175 skola u bdew is-servizzi tal-edukazzjoni. Barra minn hekk, il-pannelli solari fuq il-bjut installati fl-iskejjel jiġġeneraw enerġija għal 50 skola u tlestew miżuri għat-titjib tal-effiċjenza enerġetika għal 41 skola.
Fl-2023, l-UE allokat EUR 65,6 miljun biex tgħin fil-bini mill-ġdid tal-infrastruttura tal-edukazzjoni fit-Turkija, b’mod partikolari wara t-terremoti ta’ Frar 2023. Dan il-finanzjament għandu l-għan li jżid l-aċċess għall-edukazzjoni kemm għar-refuġjati kif ukoll għall-komunitajiet ospitanti, speċifikament permezz tal-bini ta’ minimu ta’ 20 faċilità edukattiva addizzjonali. Żewġ proġetti ta’ għotjiet b’valur totali ta’ EUR 20 miljun jipprovdu boroż ta’ studju u servizzi assoċjati lil studenti refuġjati u studenti minn komunitajiet ospitanti li jkunu qed isegwu studji tal-ewwel grad/ta’ wara l-ewwel grad. Il-proġetti bdew f’Jannar 2023 u għandhom idumu 3 snin.
Protezzjoni
Ġie allokat total ta’ EUR 326 miljun għall-appoġġ għall-protezzjoni taħt il-Faċilità u għall-appoġġ addizzjonali għar-refuġjati, prinċipalment permezz ta’ proġetti taħt il-fergħa umanitarja.
Il-fergħa umanitarja tal-Faċilità appoġġjat ir-reġistrazzjoni u l-verifika tar-refuġjati, u ppermettitilhom jirregolarizzaw l-istatus tagħhom fit-Turkija u tgħinhom jaċċessaw is-servizzi. B’mod partikolari, hija appoġġjat l-isforzi ta’ reġistrazzjoni tal-Presidenza tat-Turkija għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni u saħħet il-kapaċità istituzzjonali u teknika tagħha. Minbarra l-interventi ta’ protezzjoni awtonomi mmirati biex jeliminaw il-lakuni u jirrispondu għal ħtiġijiet speċifiċi u ta’ individwi f’riskju, il-protezzjoni ġiet integrata wkoll fil-pilastri l-oħrajn tal-istrateġija ta’ rispons umanitarju (bżonnijiet bażiċi, saħħa u edukazzjoni). L-għan ġenerali huwa li jiġu indirizzati aħjar il-vulnerabbiltajiet tar-refuġjati, li jiġi regolarizzat l-istatus tagħhom u li dawn jingħaqdu ma’ network usa’ ta’ servizzi pubbliċi u tan-NU/NGOs. Matul il-perjodu ta’ rapportar, l-għajnuna baqgħet iffukata fuq l-aktar gruppi vulnerabbli (eż. ħaddiema migranti agrikoli staġjonali, gruppi ewlenin għar-refuġjati eċċ). Barra minn hekk, il-proġetti ffinanzjati permezz tal-Fond Fiduċjarju tal-UE b’reazzjoni għall-Kriżi Sirjana kienu jinkludu għajnuna liċ-ċentri komunitarji li jilqgħu lir-refuġjati u jirreferu aktar lir-refuġjati vulnerabbli għal servizzi adegwati.
Taħt il-fergħa tal-iżvilupp tal-Faċilità, għotja diretta lill-Ministeru tal-Familja u x-Xogħol u s-Servizzi Soċjali ta’ EUR 20 miljun ġiet ikkuntrattata fi tmiem l-2020 u l-azzjoni kompliet. Il-proġett għandu l-għan li jtejjeb il-forniment ta’ servizzi soċjali preventivi u protettivi lill-aktar refuġjati vulnerabbli u lill-komunitajiet ospitanti. It-terremoti kellhom impatt negattiv serju u s-servizzi ġew trasferiti għal unitajiet temporanji. Il-Ministeru għall-Familja u s-Servizzi Soċjali ffoka fuq ir-reġjuni milquta mit-terremot u kellu jipposponi l-attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità tal-azzjoni.
Saħħa
Ġie allokat total ta’ EUR 1 biljun għall-appoġġ tal-kura tas-saħħa taħt il-Faċilità u appoġġ addizzjonali għar-refuġjati.
Il-pilastru ewlieni tal-appoġġ tal-Faċilità huwa programm edukattiv għall-fornituri tal-kura tas-saħħa magħruf bħala SIHHAT 27 , proġett iffinanzjat minn tliet allokazzjonijiet konsekuttivi: EUR 300 miljun fl-2016, EUR 210 miljun fl-2020 u EUR 210 miljun fl-2023. SIHHAT jappoġġja lill-Ministeru tas-Saħħa Tork fl-isforzi tiegħu biex jipprovdi aċċess mingħajr ħlas u ekwu għall-kura tas-saħħa lir-refuġjati kollha. Total ta’ 190 ċentru tas-saħħa tal-migranti kienu qed joperaw f’32 provinċja u madwar 4 000 membru tal-persunal tal-kura tas-saħħa kienu qed jaħdmu f’faċilitajiet appoġġjati mill-UE, li 75 % minnhom huma ta’ oriġini Sirjana. Minħabba t-terremoti, kien hemm telf fil-persunal tal-kura tas-saħħa u 17 ċentru ġarrbu ħsara; is-servizzi tagħhom ġew trasferiti għal unitajiet tas-saħħa temporanji. L-implimentazzjoni ta’ SIHHAT II ntemmet fil-bidu tal-2024. SIHHAT III jiżgura li s-servizzi tal-kura tas-saħħa tar-refuġjati jkomplu bis-saħħa ta’ appoġġ addizzjonali tal-UE ta’ EUR 210 miljun.
Iż-żewġ sptarijiet iffinanzjati mill-Faċilità – Dörtyol/Hatay u Kilis – ilhom kompletament operattivi mill-2022 u pprovdew servizzi tal-kura tas-saħħa kruċjali wara t-terremoti tal-2023, meta l-kapaċità taż-żewġ sptarijiet żdiedet għal 400 sodda. Barra minn hekk, il-Faċilità qed tibni u tirrinnova ċentri tas-saħħa tal-migranti, takkwista apparat mediku, u settijiet tal-maternità u tal-iġjene, u tirrinnova l-unitajiet tal-fiżjoterapija u tar-riabilitazzjoni, bħala komplement għas-SIHHAT. Fl-2023, beda il-bini ta’ tmien ċentri tas-saħħa u ġew akkwistati 113 oġġett ta’ apparat mediku għall-benefiċċju ta’ aktar minn 40 sptar.
F’termini ta’ appoġġ umanitarju, żewġ ċentri ta’ riabilitazzjoni fiżika f’Kilis u Reyhanli/Hatay għadhom joperaw u jipprovdu servizzi bħall-fiżjoterapija, appoġġ għas-saħħa mentali u psikosoċjali għar-refuġjati b’diżabilità u vulnerabbiltajiet oħra.
Infrastruttura muniċipali
Total ta’ EUR 380 miljun ġew allokati għall-appoġġ tal-infrastruttura muniċipali taħt il-Faċilità u appoġġ addizzjonali għar-refuġjati.
Il-Faċilità tappoġġja diversi muniċipalitajiet billi tipprovdi servizzi muniċipali essenzjali, inklużi l-provvista tal-ilma, is-sanità, u l-ġestjoni tal-iskart solidu. Hija tappoġġja wkoll l-infrastruttura lokali billi tipprovdi servizzi ta’ rikreazzjoni. Fir-rigward tal-faċilitajiet rikreattivi, tlestew 12-il faċilità (kampijiet tal-futbol u tat-tennis) filwaqt li bħalissa qed jinbnew 10 kumplessi sportivi. Fl-2023, il-bini ta’ proġetti dwar l-ilma u l-ilma mormi bdiet fil-provinċji ta’ Kilis, Şanlıurfa, Gaziantep, Mersin, Mardin, Adıyaman, Malatya u Hatay.
Bżonnijiet bażiċi u appoġġ soċjoekonomiku
Ġie allokat total ta’ EUR 3,7 biljun għall-bżonnijiet bażiċi u l-appoġġ soċjoekonomiku taħt il-Faċilità u appoġġ addizzjonali għar-refuġjati.
L-interventi f’dan il-qasam prijoritarju għandhom l-għan li jgħinu biex jintlaħqu l-bżonnijiet bażiċi tal-aktar refuġjati vulnerabbli u jiżguraw li r-reżiljenza u l-awtodipendenza tar-refuġjati jissaħħu. Dan għandu jippermetti tranżizzjoni gradwali mid-dipendenza fuq l-għajnuna soċjali għal aktar opportunitajiet ta’ awtodipendenza u ta’ għajxien.
Taħt l-għajnuna għall-bżonnijiet bażiċi tal-Faċilità, aktar minn 2,6 miljun refuġjat irċevew appoġġ li jippermettilhom jgħixu b’dinjità. Sa Lulju 2023, il-biċċa l-kbira tal-appoġġ kien ipprovdut permezz tax-Xibka ta’ Sikurezza Soċjali ta’ Emerġenza (ESSN, Emergency Social Safety Net), programm ta’ għajnuna soċjali li jagħti għajnuna fi flus kull xahar permezz ta’ sistema ta’ kards ta’ debitu lil aktar minn 1,6 miljun benefiċjarju ta’ refuġjat. F’Lulju 2023, ġie ffirmat il-programm il-ġdid ta’ għajnuna fi flus “Xibka ta’ Sikurezza Soċjali għar-Refuġjati fit-Turkija (SSN, Social Safety Net)” (EUR 781 miljun) mal-Ministeru għall-Familja u s-Servizzi Soċjali. Dan l-intervent jimmarka t-tranżizzjoni tal-ESSN minn għajnuna umanitarja għal għajnuna għall-iżvilupp fit-tul.
Taħt it-tieni segment tal-Faċilità, l-implimentazzjoni tal-għotja diretta ta’ EUR 245 miljun mal-Ministeru għall-Familja u s-Servizzi Soċjali kważi tlestiet. Din l-għotja tippermetti l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju ta’ kull xahar komparabbli mal-għajnuna soċjali pprovduta lil individwi vulnerabbli taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali Torka, jiġifieri l-ESSN Komplementari (C-ESSN, Complementary Emergency Social Safety Net). Il-proġett beda għaddej b’mod parallel mal-ESSN u jipprovdi appoġġ lill-unitajiet domestiċi b’ġenituri waħedhom, persuni akbar fl-età, u persuni b’diżabilità u b’diżabilità serja. Fl-2023, il-kontinwità tal-programmi C-ESSN u ESSN 28 ġiet żgurata permezz tal-EUR 3 biljun f’appoġġ addizzjonali għar-refuġjati mobilizzati għall-2021-2023 29 . Iż-żewġ programmi minn dak iż-żmien ’l hawn ġew amalgamati fil-kuntratt uniku SSN.
Għadu jingħata appoġġ soċjoekonomiku addizzjonali lir-refuġjati li jistgħu jaċċessaw is-suq tax-xogħol. Dan l-appoġġ għandu l-għan li jżid l-impjegabbiltà tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti. Dan jipprovdi taħriġ vokazzjonali u tal-ħiliet, taħriġ fil-lingwi, konsulenza dwar l-impjiegi, u programmi ta’ taħriġ fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll jissimplifika l-proċess tal-permessi tax-xogħol tar-refuġjati. Dan l-appoġġ huwa implimentat taħt il-proġett ta’ Appoġġ għall-Impjiegi u l-proġetti ta’ Tranżizzjoni għas-Suq tax-Xogħol (ISDEP I u ISDEP II), it-tnejn implimentati mill-Bank Dinji, f’kooperazzjoni mal-Aġenzija Torka tal-Impjiegi (İŞKUR) flimkien mad-Direttorat Ġenerali tal-Forza Internazzjonali tax-Xogħol (DĠ ILF, International Labour Force) tal-Ministeru tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali (MoLSS, Ministry of Labour and Social Security). Qed jiġu pprovduti għotjiet għall-imprendituri u għat-taħriġ intraprenditorjali lin-negozji l-ġodda kemm tar-refuġjati Sirjani kif ukoll tal-komunitajiet ospitanti u lill-imprendituri eżistenti f’kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni għall-Iżvilupp tal-Industrija Żgħira u ta’ Daqs Medju tat-Turkija (KOSGEB) u l-Bank Tork għall-Iżvilupp u l-Investiment (TKYB), kif ukoll taħt il-proġett ENHANCER, implimentat miċ-Ċentru Internazzjonali għall-Iżvilupp tal-Politika dwar il-Migrazzjoni f’kooperazzjoni mal-Ministeru tal-Industrija u t-Teknoloġija.
Proġett addizzjonali jgħin fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ mudell ta’ intraprenditorija soċjali mmexxi min-nisa biex jipprovdi attivitajiet sostenibbli li jiġġeneraw l-introjtu kemm għar-refuġjati Sirjani vulnerabbli kif ukoll għan-nisa Torok. Żewġ proġetti oħra għandhom l-għan li jappoġġjaw l-impjiegi fl-agrikoltura. Barra minn hekk, proġett implimentat minn Expertise France (EF) f’kooperazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni Nazzjonali – id-Direttorat Ġenerali tal-Edukazzjoni u taħriġ tekniċi u vokazzjonali (MoNE-DG TVET, Ministry of National Education – Directorate-General of Technical and vocational education and training) iffoka fuq it-tfal li jaħdmu u t-tħaddim tat-tfal u rreferihom għall-edukazzjoni formali tal-apprendistat. Il-MoNE-DG TVET ikkoopera wkoll mal-Bank ta’ Żvilupp Kreditanstalt für Wiederaufbau (KfW) biex jimplimenta proġett ieħor dwar l-edukazzjoni vokazzjonali formali biex jappoġġja lill-gradwati żgħażagħ li jidħlu fis-suq tax-xogħol billi jpoġġihom f’impjiegi. Il-proġetti għandhom jibqgħu għaddejjin sa mhux aktar tard minn nofs/tmiem l-2025.
Fl-2022 u l-2023, il-kontinwità tal-appoġġ soċjoekonomiku lir-refuġjati ġiet żgurata taħt l-EUR 3 biljun ta’ appoġġ addizzjonali għar-refuġjati mmobilizzati fl-2021-2023. F’Diċembru 2023, ġew iffirmati tliet kuntratti addizzjonali ta’ għajxien ma’ entitajiet ivvalutati mill-pilastri. Fl-2023 ukoll, ġew ipprogrammati EUR 182,5 miljun għall-appoġġ soċjoekonomiku minħabba l-ħtiġijiet f’dan il-qasam prijoritarju wara t-terremoti ta’ Frar 2023 (ara wkoll hawn fuq).
Ġestjoni tal-migrazzjoni
Ġie allokat total ta’ EUR 480 miljun għall-appoġġ tal-ġestjoni tal-migrazzjoni taħt il-Faċilità u appoġġ addizzjonali għar-refuġjati 30 .
Żewġ proġetti ffinanzjati taħt l-ewwel segment għal total ta’ EUR 80 miljun tlestew. L-ewwel proġett ipprovda appoġġ mill-UE biex tissaħħaħ il-kapaċità ta’ tiftix u salvataġġ tal-gwardja tal-kosta Torka, u t-tieni kellu l-għan li jappoġġja lill-Presidenza tat-Turkija għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni (PMM, Presidency for Migration Management) 31 fil-ġestjoni tiagħha tar-ritorni mill-UE.
Bdew tliet azzjonijiet ġodda bis-saħħa tal-appoġġ addizzjonali għar-refuġjati b’baġit totali ta’ EUR 30 miljun. Wieħed minn dawn il-proġetti, li beda f’Mejju 2023, ikompli t-tisħiħ tal-PMM. Proġett ta’ bini tal-kapaċità dwar il-ġestjoni tal-migrazzjoni beda fi Frar 2023 filwaqt li proġett ta’ bini tal-kapaċità li għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità u l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fl-ajruporti beda f’Marzu 2023. Barra minn hekk, ġew allokati EUR 220 miljun biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-ġestjoni tal-fruntieri tat-Turkija fil-Lvant u fix-Xlokk.
Aspetti relatati mal-ġeneru fil-proġetti taħt il-Faċilità
Il-pjan ta’ azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri III “Flimkien lejn dinja b’ugwaljanza bejn il-ġeneri 2021-2025” ikompli jiggwida l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet taħt il-Faċilità. Il-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tal-bniedem għan-nisa u l-bniet fid-diversità kollha tagħhom, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-awtonomizzazzjoni tan-nisa u l-bniet baqgħu prijoritajiet fl-2023. Il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-ġeneru ġew integrati fil-proġetti kollha tal-Faċilità u ġew immonitorjati kontinwament permezz ta’ data diżaggregata (76 indikatur).
Il-Faċilità tat spinta sinifikanti lill-impjegabbiltà tan-nisa, b’aktar minn 26 000 li lestew taħriġ fil-ħiliet vokazzjonali għal żmien qasir, madwar 40 000 li bbenefikaw minn servizzi ta’ konsulenza dwar l-impjiegi, u 500 negozju b’sidien nisa li rċevew appoġġ konsultattiv jew finanzjarju. Il-Faċilità pprovdiet korsijiet tal-lingwa Torka lin-nisa refuġjati, li lestewhom b’eżitu pożittiv madwar 25 000 refuġjata adulta u 20 000 studenta. Barra minn hekk, madwar 55 000 tifla refuġjata attendew edukazzjoni preprimarja li saret possibbli bis-saħħa tal-proġetti ffinanzjati mill-Faċilità, bi 15 000 studenta nisa jirċievu boroż ta’ studju edukattivi. B’mod partikolari, kważi 50 % tal-għalliema u tal-persunal edukattiv imqabbda mill-Faċilità huma nisa. Il-programmi ta’ trasferiment ta’ flus huma ta’ benefiċċju ugwali għal aktar minn miljun mara refuġjata, u bi trasferimenti regolari ta’ riżorsi mingħajr kundizzjonijiet. Barra minn hekk, madwar 400 000 familja ta’ studenti nisa rċevew flus kondizzjonali għall-appoġġ edukattiv. B’mod separat mill-programmi ta’ trasferiment ta’ flus, madwar 500 000 mara refuġjata rċevew servizzi ta’ riferiment ta’ protezzjoni, filwaqt li madwar 550 000 mara refuġjata bbenefikaw minn servizzi ta’ protezzjoni permezz ta’ proġetti ffinanzjati mill-Faċilità.
5. Monitoraġġ, evalwazzjoni u awditjar
Fl-2023, ir-rapportar dwar il-kisbiet tal-Faċilità kompla jkun ibbażat fuq il-Qafas tar-Riżultati tal-Faċilità 32 u t-Teorija tal-Bidla 33 . L-aħħar rapport ta’ monitoraġġ tal-Faċilità ġie ppubblikat f’Diċembru 2023 u jista’ jiġi aċċessat fuq is-sit web tad-DĠ NEAR 34 .
Il-Kummissjoni tkompli tiġi appoġġjata minn tim ta’ għajnuna teknika (SUMAF 35 ) fil-kompiti tagħha ta’ monitoraġġ u rapportar tal-Faċilità. Sa tmiem l-2023, it-tim tas-SUMAF lesta 114-il missjoni ta’ monitoraġġ. Barra minn hekk, twettqu 12-il missjoni ta’ kontroll/monitoraġġ fuq il-post għal proġetti ta’ għajnuna għar-refuġjati 36 . L-azzjonijiet tal-faċilità ffinanzjati taħt il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni umanitarja komplew jiġu mmonitorjati wkoll, b’89 missjoni ta’ monitoraġġ fil-livell tal-proġetti kkompletati fil-perjodu ta’ rapportar.
Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri wettqet it-tieni awditu tagħha tal-prestazzjoni tal-Faċilità fl-2022-2023. Ir-rapport tal-awditjar, inklużi s-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti, u t-tweġibiet tal-Kummissjoni, ġie ppubblikat fl-24 ta’ April 2024 u huwa disponibbli online.
6. Komunikazzjoni u viżibbiltà
Fl-2023, l-attivitajiet komplew isaħħu l-viżibbiltà tal-azzjonijiet tal-Faċilità u jgħollu l-profil tal-UE fl-għajnuna lit-Turkija biex tospita l-popolazzjoni tar-refuġjati. Il-prijoritajiet kienu jinkludu l-iżgurar tas-sensibilizzazzjoni, il-viżibbiltà u l-fehim fost il-pubbliku ġenerali, il-media, dawk li jfasslu l-politika u partijiet ikkonċernati oħra fl-UE, fit-Turkija u fil-komunità internazzjonali. L-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Faċilità naqsu temporanjament fix-xhur ta’ qabel u matul l-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali ta’ Mejju minħabba żieda qawwija fir-retorika uffiċjali u sentiment pubbliku negattivi lejn ir-refuġjati matul dan il-perjodu.
Bejn Frar u Ġunju, l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni ffukaw fuq ir-rispons u l-għajnuna tal-UE għat-terremoti devastanti, li fixklu l-ħajja ta’ miljuni ta’ refuġjati u komunitajiet ospitanti. B’riżultat ta’ dan, ir-rwol tal-UE ġie rikonoxxut minn żewġ terzi tal-popolazzjoni (skont stħarriġ tal-opinjoni li sar f’Ġunju). Għen ukoll biex tittaffa parti mir-retorika negattiva fit-tħejjija għall-elezzjonijiet. F’Jum l-Ewropa f’Mejju f’Ankara kien hemm wirja diġitali dwar l-isforz ta’ salvataġġ tal-UE wara t-terremoti, li għen jippromwovi n-narrattivi tal-UE dwar ir-refuġjati. Intużaw ukoll diversi ritratti u filmati matul avvenimenti pubbliċi f’Mejju fi Brussell. Fil-ħarifa, tnediet il-produzzjoni tal-album tar-ritratti ddedikat għall-isforz ta’ salvataġġ f’kooperazzjoni mill-qrib mal-ambaxxati tal-Istati Membri tal-UE. Il-proġett tlesta fi Frar 2024 u għandu jkun il-qofol ta’ sensiela ta’ avvenimenti ta’ komunikazzjoni matul is-sena.
Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fit-Turkija wettaq diversi żjarat fiż-żoni tat-terremot matul is-sena, li żiedu l-viżibbiltà tal-proġetti tal-UE għar-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti, inkluż vjaġġ ewlieni tal-istampa lejn iż-żoni affettwati mit-terremot f’Urfa u l-madwar. Il-Kap tad-Delegazzjoni żar ukoll Brussell tliet darbiet akkumpanjat minn gruppi ta’ ġurnalisti Torok, inkluża żjara fil-konferenza tad-donaturi internazzjonali f’Marzu, li għenet biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni, il-viżibbiltà u l-fehim tal-appoġġ tal-UE lir-refuġjati. Iż-żjarat tal-Kummissarju Lenarčič fi Frar u tal-Kummissarju Várhelyi fi Frar u Settembru ppermettew li l-messaġġi tal-UE dwar ir-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti jitwasslu lil udjenzi wiesgħa u inkludew ċerimonja tal-iffirmar u stqarrija għall-istampa dwar l-estensjoni tal-appoġġ tal-UE għall-bżonnijiet bażiċi f’Settembru.
F’Mejju 2023, id-Delegazzjoni tal-UE f’Ankara nediet
proġett ta’ stejjer ta’ suċċess
li kien jinkludi diversi stejjer minn proġetti ffinanzjati taħt il-Faċilità. Dawn ġew ippubblikati fuq is-sit web tad-Delegazzjoni, irreklamati fuq il-kontijiet tal-media soċjali u kondiviżi mal-media u ma’ partijiet ikkonċernati oħra.
7. Konklużjoni u l-passi li jmiss
Il-Faċilità kompliet tiġi implimentata b’mod rapidu fl-2023. Il-baġit operazzjonali sħiħ tal-Faċilità ġie kkuntrattat u ġew żborżati EUR 5,3 biljun. Il-Faċilità kompliet tipprovdi għajnuna tant meħtieġa lir-refuġjati u lill-komunitajiet ospitanti fit-Turkija. L-għajnuna addizzjonali għar-refuġjati allokata għall-2020-2027 għandha l-għan li tiżgura s-sostenibbiltà tal-kisbiet tal-Faċilità.
Il-passi li jmiss jinkludu:
·it-tkomplija tal-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti kollha għall-benefiċċju tar-refuġjati u tal-komunitajiet ospitanti, f’konformità mal-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba;
·it-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-attivitajiet ta’ komunikazzjoni relatati mal-Faċilità;
·l-organizzazzjoni ta’ Kumitat ta’ Tmexxija tal-Faċilità fir-rebbiegħa tal-2025;
·l-ipprogrammar ta’ appoġġ addizzjonali għar-refuġjati u l-komunitajiet ospitanti fit-Turkija biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-kisbiet tal-Faċilità; u
·it-tnedija ta’ dibattitu mal-Istati Membri, mal-Parlament Ewropew u mat-Turkija dwar ir-rakkomandazzjonijiet tat-tieni awditu operazzjonali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-Faċilità.
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24 ta’ Novembru 2015 dwar il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri permezz ta’ mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni – il-Faċilità għar-Refuġjati għat-Turkija, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)855 tal-10 ta’ Frar 2016.
Karatteristika speċifika tas-sistema tal-ażil tat-Turkija hija marbuta mal-fatt li l-pajjiż iffirma l-Protokoll ta’ New York tal-1967 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1951 b’riżerva. Għaldaqstant, il-maġġoranza l-kbira tar-refuġjati fit-Turkija ma jistgħux japplikaw għal status ta’ refuġjat sħiħ iżda biss għal status ta’ “Refuġjat Kondizzjonali”, li jekk jingħata, jillimita l-permanenza fil-pajjiż sal-mument li refuġjat rikonoxxut jiġi “risistemat f’pajjiż terz”.
https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/18/eu-turkey-statement/
Bejn Jannar u Ottubru 2023, waslu 39 619 migrant irregolari fl-UE mit-Turkija meta mqabbla ma’ 34 459 wasla matul l-istess perjodu fl-2022 – żieda ta’ 15 %. Ir-rotta bil-baħar lejn l-Italja rat tnaqqis sostanzjali (b’63 %). Madankollu, fit-2023 b’kollox, il-wasliet irregolari bil-baħar fil-Greċja raw żieda ta’ aktar minn tliet darbiet (210 %) meta mqabbla mal-2022. Il-wasliet fil-Greċja fuq l-art żdiedu wkoll b’7 %. Fl-istess ħin, l-għadd ta’ wasliet f’Ċipru permezz tal-Linja l-Ħadra naqas b’42 % bejn Jannar u Settembru 2023, meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2022.
https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_23_6014
https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11329-2018-INIT/en/pdf
https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2016/03/18/eu-turkey-statement/
Dawn it-EUR 3 biljun saru disponibbli flimkien ma’ EUR 345 miljun li l-Kummissjoni diġà allokat lit-Turkija b’reazzjoni għall-kriżi tar-refuġjati Sirjani qabel it-tnedija tal-Faċilità u kienu addizzjonali għall-għajnuna bilaterali tal-Istati Membri.
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500 tal-24 ta’ Novembru 2015, l-Artikolu 2 – L-Għanijiet tal-Faċilità.
Ara l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2015) 9500, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)855.
Il-kontribuzzjonijiet tal-Istrument Ewropew ta’ Viċinat u tal-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) ġew ittrasferiti u implimentati rispettivament bis-saħħa tal-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni u l-Fond Fiduċjarju tal-UE. Fil-prinċipju, il-kontribuzzjonijiet kollha tal-Faċilità għall-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-kriżi Sirjana (mill-IPA u sa ċertu punt anqas mid-DCI) ġew implimentati bħala għajnuna mhux umanitarja.
Dħul estern skont l-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p.1) għall-kontribuzzjonijiet fl-2016 u sal-1 ta’ Awwissu 2018 u skont l-Artikolu 21(2)(a)(ii) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).
Il-bilanċ ta’ EUR 60 miljun huwa allokat għall-appoġġ amministrattiv u operazzjonali pprovdut għall-implimentazzjoni tal-Faċilità.
Id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kunsill u r-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri.
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta’ Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja.
L-għajnuna umanitarja tal-Kummissjoni Ewropea hija bbażata fuq pjanijiet ta’ implimentazzjoni umanitarji annwali speċifiċi għall-pajjiżi. Il-qafas għall-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u s-sħab tagħha fil-qasam tal-għajnuna umanitarja huwa stabbilit bil-Ftehimiet Qafas Finanzjarji u Amministrattivi tal-Kummissjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u bil-Ftehimiet Qafas ta’ Sħubija ma’ organizzazzjonijiet nongovernattivi.
Il-fondi mill-IPA taħt il-Faċilità huma ġestiti skont ir-regoli għall-azzjoni esterna li jinsabu fit-Titolu IV tat-tieni parti tar-Regolament Finanzjarju u r-Regoli ta’ Applikazzjoni tiegħu.
Din iċ-ċifra tinkludi wkoll l-iżborżi taħt proġetti implimentati mill-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana, iżda li għadhom ma ġewx iddebitati lill-baġit tal-UE.
Il-Promozzjoni tal-Integrazzjoni tat-Tfal Sirjani fis-Sistema Edukattiva II (PIKTES II).
Il-Promozzjoni tal-Edukazzjoni Inklużiva għat-Tfal fis-Sistema Edukattiva Torka” (PIKTES+).
Huwa ppjanat li l-fażi li jmiss tal-programm ESSN se jieħu ħsiebha d-DĠ NEAR.
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-miżura individwali għall-konsenja tal-appoġġ fi flus kontanti lill-aktar refuġjati vulnerabbli fit-Turkija għall-2022 u l-2023 - C(2022) 7822 final – ġiet adottata fl-4.1.2022 u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-finanzjament tal-miżura individwali biex tkompli l-appoġġ għall-bżonnijiet bażiċi u t-tranżizzjoni għall-opportunitajiet tal-għajxien għar-refuġjati fit-Turkija fl-2022 - C(2022) 8887 – ġiet adottata fis-7.12.2022.
Dan jeskludi EUR 150 miljun allokati taħt l-istrumenti ta’ HOME.
Dak iż-żmien imsejħa d-Direttorat Ġenerali għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni (DGMM, Directorate-General for Migration Management).
Assistenza Teknika għall-Appoġġ tal-monitoraġġ ta’ Azzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija – IPA/2018/393-877.
Ċifri kumulattivi mill-2017.