|
27.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 342/1 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1713
tal-24 ta’ Settembru 2021
li jestendi deroga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni tas-sajd għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) f’ċertu ibħra territorjali ta’ Spanja (il-Katalonja)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(5) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fis-6 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 464/2014 (2) li jistabbilixxi għall-ewwel darba deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 sat-8 ta’ Mejju 2017 fir-rigward tad-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni tas-sajd għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) f’ċertu ibħra territorjali ta’ Spanja (il-Katalonja). Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/922 (3), ingħata tiġdid ta’ dik id-deroga, li skada fit-2 ta’ Lulju 2021. |
|
(2) |
Fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand Spanja għal estensjoni ta’ dik id-deroga, għall-użu ta’ tartaruni tas-sajd għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) fl-ibħra territorjali tagħha fir-reġjun tal-Katalonja. |
|
(3) |
Spanja tat ġustifikazzjonijiet xjentifiċi u tekniċi aġġornati għad-deroga. |
|
(4) |
Fit-22 ta’ Lulju 2021, Spanja adottat il-pjan ta’ ġestjoni (4) f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 (“il-pjan ta’ ġestjoni Spanjol”). |
|
(5) |
It-talba tkopri bastimenti reġistrati fiċ-ċensiment marittimu ġestit mill-Komunità Awtonoma tal-Katalonja, li għandhom esperjenza vasta fis-sajd ta’ aktar minn ħames snin u joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni Spanjol. |
|
(6) |
It-talba tinkludi 26 bastiment, iżgħar minn 10 m ta’ tul totali u bil-potenza tal-magna inqas minn 75 kW, u l-pjan ta’ ġestjoni jiggarantixxi li fil-futur mhux se jiżdied l-isforz tas-sajd peress li l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd se jinħarġu biss lis-26 bastiment speċifikat. |
|
(7) |
Dawk il-bastimenti huma inklużi f’lista li ntbagħtet lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(8) |
Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (“STECF”) ivvaluta l-estensjoni tad-deroga li talbet Spanja u l-abbozz relatat għall-pjan ta’ ġestjoni Spanjol fis-sessjoni plenarja tiegħu li saret mit-22 sas-26 ta’ Marzu 2021 (5). |
|
(9) |
L-STECF innota li l-pjan ta’ ġestjoni Spanjol fih elementi xierqa għall-monitoraġġ u għall-ġestjoni tal-attivitajiet ikkonċernati u li l-kundizzjonijiet għall-għoti tad-deroga huma ssodisfati. |
|
(10) |
Id-deroga li talbet Spanja hi konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(5) u (9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(11) |
Id-deroga li talbet Spanja taffettwa għadd limitat ta’ bastimenti u hemm limitazzjonijiet ġeografiċi speċifiċi, minħabba d-daqs limitat tal-blata kontinentali u d-distribuzzjoni spazjali tal-ispeċijiet fil-mira li jillimitaw iż-żoni tas-sajd. |
|
(12) |
Is-sajd ma jistax isir bi rkaptu ieħor, peress li t-tartaruni biss għandhom il-karatteristiċi tekniċi meħtieġa biex jitwettaq dan it-tip ta’ sajd. |
|
(13) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati ma jinterferixxux mal-irkapti għajr dawk tat-tkarkir, it-tartaruni jew xbieki rmunkati simili. |
|
(14) |
Barra minn hekk, is-sajd ma għandu l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent tal-baħar, peress li t-tartaruni huma rkapti selettivi ħafna u ma jmissux ma’ qiegħ il-baħar. |
|
(15) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, minħabba li l-pjan ta’ ġestjoni Spanjol relatat jipprojbixxi b’mod ċar is-sajd fil-ħabitats protetti. |
|
(16) |
Ir-rekwiżiti tal-punt (h) tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, kif sostitwiti bl-Artikolu 8(1) u bit-Taqsima I, Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), mhumiex applikabbli peress li huma relatati mal-bastimenti tat-tkarkir. |
|
(17) |
Spanja awtorizzat deroga mill-qies minimu tal-malji stabbilit fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 abbażi tal-issodisfar tar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(7) ta’ dak ir-Regolament minħabba n-natura selettiva ħafna tas-sajd ikkonċernat, l-effett negliġibbli tiegħu fuq l-ambjent tal-baħar u li mhuwiex affettwat mid-dispożizzjonijiet fl-Artikolu 4(5) tar-Regolament (KE) 1967/2006. |
|
(18) |
L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 tħassar bir-Regolament (UE) 2019/1241. Madankollu, skont il-punt 4 tal-Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241, id-derogi mill-qisien minimi tal-malji adottati abbażi tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006, li kienu fis-seħħ fl-14 ta’ Awwissu 2019, jistgħu jkomplu japplikaw, dment li ma jwasslux għaż-żieda fil-qabdiet tal-ħut li għadu qed jikber. L-estensjoni tad-deroga li talbet Spanja tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 15(5) tar-Regolament (KE) 1967/2006 u fil-punt 4 tal-Parti B tal-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241, peress li ma twassalx għal deterjorament tal-istandards ta’ selettività, b’mod partikolari f’termini ta’ żieda fil-qabdiet ta’ ħut li għadu qed jikber, eżistenti fl-14 ta’ Awwissu 2019, u għandha l-għan li tikseb l-objettivi u l-miri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 ta’ dak ir-Regolament. |
|
(19) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jitwettqu f’distanza qasira ħafna mill-kosta f’ilmijiet baxxi fi ħdan l-istrixxa tat-tliet mili nawtiċi u għaldaqstant ma jfixklux l-attivitajiet ta’ bastimenti oħra. |
|
(20) |
L-attività tat-tartaruni hija rregolata fil-pjan ta’ ġestjoni Spanjol biex jiġi żgurat li l-qabdiet tal-ispeċijiet imsemmija fl-Anness IX tar-Regolament (UE) 2019/1241 ikunu minimi, bl-eċċezzjoni tal-molluski bivalvi. |
|
(21) |
It-tartaruni huma selettivi ħafna u mhumiex immirati lejn iċ-ċefalopodi. |
|
(22) |
Il-pjan ta’ ġestjoni Spanjol fih miżuri għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tas-sajd, kif previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 13(9) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
|
(23) |
L-attivitajiet tas-sajd ikkonċernati jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 (7). |
|
(24) |
Għaldaqstant, jenħtieġ li d-deroga mitluba tiġi estiża għal tliet snin. |
|
(25) |
Jenħtieġ li Spanja tirrapporta lill-Kummissjoni fi żmien xieraq u f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ previst fil-pjan ta’ ġestjoni Spanjol. |
|
(26) |
Jenħtieġ li tiġi introdotta limitazzjoni fit-tul taż-żmien tad-deroga, sabiex ikunu jistgħu jittieħdu fil-pront il-miżuri ta’ ġestjoni korrettivi f’każ li r-rapport lill-Kummissjoni juri status ħażin ta’ konservazzjoni tal-istokk sfruttat filwaqt li jkun hemm l-opportunità biex tittejjeb il-bażi xjentifika għal pjan ta’ ġestjoni aħjar. |
|
(27) |
Peress li d-deroga mogħtija bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/922 skadiet fit-2 ta’ Lulju 2021, sabiex tiġi żgurata l-kontinwità legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’effett mit-3 ta’ Lulju 2021. |
|
(28) |
Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza. |
|
(29) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-Akkwakultura, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Deroga
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 ma għandux japplika fl-ibħra territorjali ta’ Spanja maġenb il-kosta tar-reġjun tal-Katalonja għal tartaruni tas-sajd għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) dment li dawk il-bastimenti:
|
(a) |
huma rreġistrati fiċ-ċensiment marittimu ġestit mill-Komunità Awtonoma tal-Katalonja; |
|
(b) |
ikollhom esperjenza vasta ta’ aktar minn ħames snin fis-sajd u mhux se jiżdidilhom l-isforz tas-sajd fil-futur; kif ukoll |
|
(c) |
ikollhom awtorizzazzjoni għas-sajd u joperaw skont il-pjan ta’ ġestjoni adottat minn Spanja f’konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006. |
Artikolu 2
Pjan ta’ monitoraġġ u rapportar
Sat-2 ta’ Lulju 2024, Spanja għandha tikkomunika lill-Kummissjoni rapport imfassal f’konformità mal-pjan ta’ monitoraġġ stabbilit fil-pjan ta’ ġestjoni Spanjol imsemmi fl-Artikolu 1(c).
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu japplika mit-3 ta’ Lulju 2021 sat-2 ta’ Lulju 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Settembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.
(2) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 464/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għal tartaruni li jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) f’ċertu ilmijiet territorjali ta’ Spanja (il-Katalonja) (ĠU L 134, 7.5.2014, p. 37).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/922 tat-28 ta’ Ġunju 2018 li jidderoga mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 fejn tidħol id-distanza minima mill-kosta u l-fond minimu tal-baħar għat-tartaruni li jistadu għaċ-ċiċċirell (Gymnammodytes cicerelus u G. semisquamatus) u għall-gobi (Aphia minuta u Crystalogobius linearis) f’ċertu ilmijiet territorjali ta’ Spanja (il-Katalonja) (ĠU L 164, 29.6.2018, p. 39).
(4) Diari Oficial de la Generalitat de Catalunya Núm. 8463 - 22.7.2021, paġna 1.
(5) Scientific, Technical, and Economic Committee for Fisheries — 66th Plenary Report (PLEN-21-01). EUR 28359 EN, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2021, disponibbli hawn: https://stecf.jrc.ec.europa.eu/reports/plenary/-/asset_publisher/oS6k/document/id/2851300.
(6) Ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105).
(7) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).