Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla)

12 ta’ Novembru 2026 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Kuntratti pubbliċi – Direttivi 2014/24/KE u 2014/25/UE – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Ksur fiskali stabbilit b’mod definittiv f’data preċedenti għal dik tal-iskadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talba għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ kuntratt pubbliku kkonċernata – Tmiem, ħlas tad-dejn fiskali kkonċernat jew konklużjoni ta’ ftehim vinkolanti sabiex dan jitħallas qabel din id-data ta’ skadenza – Esklużjoni jew sostituzzjoni ta’ entità li tifforma parti minn grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi – Għarfien effettiv, mill-membru ewlieni ta’ dak il-gruppju, tar-raġuni għal dik l-esklużjoni”

Fil-Kawża C‑268/25,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ April 2025, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑8 ta’ April 2025, fil-proċedura

ETS Srl,

Minnucci Associati Srl,

Mi.Cos. SpA,

Itesa Srl,

Maceg Srl,

Tekno Kons Innovation Srl,

Cartorender Srl,

Rilievi Topografici di Boninsegna G. & C. Snc,

Tecno Top Srl,

I.G. Service Srl,

Sub-Service Srl

vs

Rete Ferroviaria Italiana SpA,

fil-preżenza ta’:

Le Generali Costruzioni SpA,

VIA Ingegneria Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It‑Tielet Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, N. Fenger, S. Rodin, E. Regan u O. Spineanu-Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: E. Sartori, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑26 ta’ Marzu 2026,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ETS Srl, Minnucci Associati Srl, Mi.Cos. SpA, Itesa Srl, Maceg Srl, Tekno Kons Innovation Srl, Cartorender Srl, Rilievi Topografici di Boninsegna G. & C. Snc, Tecno Top Srl, I.G. Service Srl u Sub-Service Srl, minn M. V. Mobilia, M. F. Monterossi u A. Romano, avvocate,

–        għal Rete Ferroviaria Italiana SpA, minn S. Mento, avvocato,

–        għal VIA Ingegneria Srl, minn R. Gaito u M. Petitto, avvocati,

–        għall-Gvern Taljan, minn S. Fiorentino, bħala aġent, assistit minn G. Santini u de A. Berti Suman, avvocati dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Biolan, C. Biz u G. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Mejju 2026,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifiki fil-ĠU 2015, L 275, p. 68, fil-ĠU L 2023/90063 u fil-ĠU L 2025/90115), tal-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243, rettifika fil-ĠU L, 2023/90064), kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2496 tal‑15 ta’ Novembru 2023 (ĠU L, 2023/2496) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2014/25”), kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ETS Srl, Minnucci Associati Srl, Mi.Cos. SpA, Itesa Srl, Maceg Srl, Tekno Kons Innovation Srl, Cartorender Srl, Rilievi Topoċgrafici di Boninsegna G. & C. Snc, Tecno Top Srl, I. G. Service Srl u Sub-Service Srl, ikkostitwiti bħala grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi (iktar ’il quddiem il-“grupp ETS et), u Rete Ferroviaria Italiana SpA (iktar ’il quddiem “RFI”) dwar l-esklużjoni ta’ dan il-grupp minn proċedura ta’ sejħa għal offerti mnedija minn RFI fil-qasam tat-trasport ferrovjarju u dwar l-għoti tal-kuntratt ikkonċernat lil grupp temporanju ieħor ta’ operaturi ekonomiċi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2014/24

3        Il-premessi 15 u 102 tad-Direttiva 2014/24 jiddikjaraw:

“(15) [...]

It-twettiq tal-kuntratti minn gruppi ta’ operaturi ekonomiċi tista’ tkun teħtieġ li jiġu stabbiliti kondizzjonijiet, li mhumiex imposti fuq il-parteċipanti individwali. Dawn il-kondizzjonijiet, li għandhom ikunu ġġustifikati b’raġunijiet oġġettivi u proporzjonati, jistgħu pereżempju jinkludu r-rekwiżiti tal-ħatra ta’ rappreżentazzjoni konġunta jew ta’ sieħeb mexxej għall-finijiet tal-proċedura ta’ akkwist jew jitolbu informazzjoni dwar l-iffurmar tagħhom.

[...]

(102)      Madankollu, trid tingħata xi ftit konċessjoni għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jadottaw miżuri ta’ konformità li għandhom l-għan li jirrimedjaw għall-konsegwenzi ta’ kwalunkwe reat kriminali jew kondotta skorretta u li jimpedixxu b’mod effettiv milli jkun hemm iżjed okkorrenzi tal-imġiba ħażina Dawk il-miżuri jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari minn miżuri talpersunal u organizzattivi bħall-qtugħ tar-rabtiet kollha ma’ persuni jew organizzazzjonijiet involuti fl-imġiba ħażina, miżuri xierqa ta’ riorganizzazzjoni tal-persunal, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ rapportar u kontroll, il-ħolqien ta’ struttura ta’ verifika interna għall-monitoraġġ tal-konformità u l-adozzjoni ta’ regoli interni dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens. Fejn tali miżuri joffru garanziji suffiċjenti, l-attur ekonomiku inkwistjoni ma għandux jibqa’ jiġi eskluż minħabba dawk ir-raġunijiet waħedhom. L-operaturi ekonomiċi għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu li jiġu eżaminati l-miżuri ta’ konformità li ttieħdu bil-ħsieb li jiġu ammessi għall-proċedura ta’ akkwist. Madankollu, għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet proċedurali u sostantivi eżatti applikabbli f’tali każijiet. Huma għandhom, b’mod partikolari, ikunu liberi li jiddeċiedu jekk jippermettux lill-awtoritajiet kontraenti individwali li jwettqu l-valutazzjonijiet rilevanti jew li jagħtu s-setgħa lil awtoritajiet oħra f’livell ċentrali jew deċentralizzat f’dak il-kompitu.”

4        L-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jipprevedi:

“[...]

2.      Operatur ekonomiku għandu jiġi eskluż milli jipparteċipa fi proċedura ta’ akkwist fejn l-awtorità kontraenti tkun konxja li l-operatur ekonomiku qed jikser l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fejn dan ġie stabbilit b’deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva li jkollha effett finali u vinkolanti skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn ikun stabbiliti jew skont dawk tal-Istat Membru tal-awtorità kontraenti.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jintalbu mill-Istati Membri biex jeskludu l-parteċipazzjoni tal-operatur ekonomiku minn proċedura tal-akkwist meta l-awtorità kontraenti tista’ turi bi kwalunkwe mezz adegwat li l-operatur ekonomiku qed jikser l-obbligi tiegħu relatati malħlas tat-taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

Dan il-paragrafu ma għandux jibqa’ japplika meta operatur ekonomiku jkun issodisfa l-obbligi tiegħu billi ħallas jew daħal fi ftehim vinkolanti bil-ħsieb li jitħallsu t-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali debiti, inkluż, fejn applikabbli, kwalunkwe interess akkumulat jew multi.

3.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu għal deroga mill-esklużjoni obbligatorja prevista fil-paragrafi 1 u 2, fuq bażi eċċezzjonali, għal raġunijiet imperattivi relatati mal-interess pubbliku bħas-saħħa pubblika jew il-protezzjoni tal-ambjent.

L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu għal deroga mill-esklużjoni obbligatorja prevista fil-paragrafu 2, fejn esklużjoni tkun kjarament sproporzjonata, b’mod partikolari fejn ammonti żgħar biss ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jkunu ma tħallsux jew fejn l-operatur ekonomiku kien infurmat bl-ammont eżatt dovut wara l-ksur tal-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fi żmien li ma kellux il-possibbiltà li jieħu miżuri kif previsti fit-tielet subparagrafu ta’ paragrafu 2 qabel l-iskadenza għat-talba ta’ parteċipazzjoni jew, fi proċeduri miftuħa, l-iskadenza biex jippreżenta l-offerta tiegħu.

[...]

5.      Fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu operatur ekonomiku fejn jinsab li l-operatur huwa, fid-dawl ta’ atti li saru jew li ma sarux, qabel jew inkella matul il-proċedura, f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2.

[...]

6.      Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil-għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist.

Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku għandu jagħti prova li hu ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew mill-kondotta ħażina tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew kondotta ħażina ulterjuri.

Il-miżuri meħuda mill-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati b’kont meħud tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat jew tal-kondotta ħażina. Fejn il-miżuri jitqiesu bħala mhux suffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jirċievi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

[...]

7.      Permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu. [...]”

5        L-Artikolu 59 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Dokument Uniku Ewropew tal-Akkwist”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fil-mument tas-sottomissjoni ta’ talbiet għall-parteċipazzjoni jew tal-offerti, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jaċċettaw id-Dokument Uniku Ewropew tal-Akkwist (DUEA) li jikkonsisti minn awtodikjarazzjoni aġġornata bħala evidenza preliminari b’sostituzzjoni għal ċertifikati maħruġin minn awtoritajiet pubbliċi jew terzi persuni li jikkonfermaw li l-operatur ekonomiku rilevanti jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      mhuwiex f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57 li fihom l-operaturi ekonomiċi għandhom jew jistgħu jiġu esklużi;

b)      jissodisfa l-kriterji rilevanti ta’ għażla li ġew stabbiliti skont l-Artikolu 58;

c)      fejn applikabbli, jissodisfa r-regoli u l-kriterji oġġettivi li ġew stabbiliti skont l-Artikolu 65.

Fejn l-operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra skont l-Artikolu 63, id-Dokument Uniku Ewropew tal-Akkwist għandu jkun fih ukoll l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fir-rigward tat-tali entitajiet.

Id-Dokument Uniku Ewropew tal-Akkwist għandu jikkonsisti f’dikjarazzjoni formali mill-operatur ekonomiku li r-raġuni rilevanti għall-esklużjoni ma tapplikax u/jew li l-kriterju rilevanti ta’ għażla huwa ssodisfat u għandu jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kif meħtieġa mill-awtorità kontraenti. Id-Dokument Uniku Ewropew tal-Akkwist għandu wkoll jidentifika l-awtorità pubblika jew it-terza persuna responsabbli għall-ħruġ tad-dokumenti ta’ sostenn u għandu jkun fih dikjarazzjoni formali li jgħid li l-operatur ekonomiku ser ikun jista’, fuq talba u mingħajr dewmien, jipprovdi dawk id-dokumenti ta’ sostenn.

[...]”

6        Skont l-Artikolu 63(1) tal-istess direttiva:

“[...]

L-awtorità kontraenti għandha, f’konformità mal-Artikoli 59, 60 u 61, tivverifika jekk l-entitajiet li fuq il-kapaċità tagħhom l-operatur ekonomiku għandu l-intenzjoni li jiddependi, jissodisfawx il-kriterji ta’ għażla rilevanti u jekk hemmx raġunijiet għal esklużjoni skont l-Artikolu 57. L-awtorità kontraenti għandha tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li ma tissodisfax kriterju ta’ għażla rilevanti, jew li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet obbligatorji għal esklużjoni. L-awtorità kontraenti tista’ tesiġi jew tintalab minn Stat Membru biex tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet mhux obbligatorji għal esklużjoni.

Fejn operatur ekonomiku jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħrajn fir-rigward ta’ kriterji relatati mal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-awtorità kontraenti tista’ tesiġi li l-operatur ekonomiku u dawk l-entitajiet ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Taħt l-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 19(2) jista’ jiddependi fuq il-kapaċitajiet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħra.”

 Id-Direttiva 2014/25

7        Il-premessi 2, 18 u 107 tad-Direttiva 2014/25 jipprovdu:

“(2)      Sabiex jiġi żgurat il-ftuħ għall-kompetizzjoni tal-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u l-posta, għandhom jitfasslu dispożizzjonijiet li jikkoordinaw il-proċeduri tal-akkwist firrigward ta’ kuntratti ‘l fuq minn ċertu valur. [...]

[...]

(18)      [...]

It-twettiq tal-kuntratti minn gruppi ta’ operaturi ekonomiċi jista’ jirrikjedi l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet, li mhumiex imposti fuq il-parteċipanti individwali. Dawn il-kondizzjonijiet, li għandhom ikunu ġġustifikati b’raġunijiet oġġettivi u jkunu proporzjonati, jistgħu pereżempju jinkludu r-rekwiżiti tal-ħatra ta’ rappreżentazzanza konġunta jew ta’ sieħeb mexxej għall-finijiet tal-proċedura tal-akkwist jew jitolbu informazzjoni dwar l-iffurmar tagħhom.

[...]

(107)      Meta l-entitajiet kontraenti jkunu obbligati jew jagħżlu li japplikaw tali kriterji ta’ esklużjoni li għadhom kif issemmew, huma għandhom japplikaw id-Direttiva [2014/24] rigward il-possibilità li l-operaturi ekonomiċi jadottaw miżuri ta’ konformità bil-għan li jirrimedjaw il-konsegwenzi ta’ xi reati jew kondotta skorretta u sabiex b’mod effettiv jipprevjenu ripetizzjonijiet ta’ mġiba ħażina.”

8        Il-punt 6 tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/25 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “operatur ekonomiku” bħala “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, jew entità kontraenti, jew grupp ta’ persuni u/jew entitajiet bħal dawn, inklużi kwalunkwe assoċjazzjonijiet temporanji ta’ impriżi, li joffri li jagħmel xogħlijiet u/jew biċċa xogħol, li jipprovdi prodotti jew li jforni servizzi fis-suq”.

9        L-Artikolu 11 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-forniment jew it-tħaddim ta’ netwerks li jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija, b’sistemi awtomatizzati, bit-tramway, bit-trolley bus, bil-karozza tal-linja jew bil-kejbil.

F’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi tat-trasport, għandu jiġi kkunsidrat li hu stabbilit netwerk fejn is-servizz ikun ipprovdut f’kondizzjonijiet ta’ tħaddim preskritti minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, bħal kondizzjonijiet fuq ir-rotot li għandhom jiġu servuti, il-kapaċità li għandha tkun disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz.”

10      L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Limiti massimi”, jipprevedi:

“Għajr fejn dawn jiġu preklużi permezz tal-esklużjonijiet fl-Artikoli 18 sa 23 jew skont l-Artikolu 34, rigward it-twettiq tal-attività inkwistjoni, din id-Direttiva għandha tapplika għal akkwisti b’valur mingħajr it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) li daqs jew ogħla mil-limiti stabbiliti li ġejjin:

a)      EUR 443 000 għal kuntratti ta’ provvista u servizz kif ukoll għall-kompetizzjonijiet ta’ disinn;

b)      EUR 5 538 000 għal kuntratti ta’ xogħlijiet;

[...]”

11      Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/25:

“L-entitajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.”

12      L-Artikolu 37 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Operaturi ekonomiċi”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Gruppi ta’ operaturi ekonomiċi, inklużi assoċjazzjonijiet temporanji, jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri tal-akkwist. Huma m’għandhomx jintalbu ikollhom forma legali speċifika mill-entitajiet kontraenti sabiex jippreżentaw offerta jew talba ta’ parteċipazzjoni.

Fejn meħtieġ, l-entitajiet kontraenti jistgħu jiċċaraw fid-dokumenti tal-akkwist kif il-gruppi ta’ operaturi ekonomiċi għandhom jilħqu l-kriterji u r-rekwiżiti għas-selezzjoni kwalitattiva u kwantitattiva msemmija fl-Artikoli 77 sa 81 dment li dan ikun ġustifikat b’ raġunijiet oġġettivi u proporzjonat. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu termini standard dwar kif grupp ta’ operaturi ekonomiċi għandhom jilħqu dawk ir-rekwiżiti.

[...]”

13      L-Artikolu 79 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dipendenza fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Fejn ir-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ kandidati u offerenti fi proċeduri miftuħa, ristretti jew in-negozjati, fi djalogi kompetittivi jew fi sħubijiet għall-innovazzjoni jinkludu rekwiżiti relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-operatur ekonomiku, jew l-abbiltajiet tekniċi u professjonal tiegħu, l-operatur ekonomiku jista’, fejn meħtieġ u għal kuntratt partikolari, joqgħod fuq il-kapaċità ta’ entitajiet oħra, irrispettivament min-natura legali tar-rabta bejnu u dawk l-entitajiet. [...]

Fejn, f’konformità mal-Artikolu 80 ta’ din id-Direttiva, l-entitajiet kontraenti jkunu rreferew għall-kriterji ta’ esklużjoni jew tal-għażla previsti fid-Direttiva [2014/24], l-entitajiet kontraenti għandhom jivverifikaw f’konformità mal-Artikolu 80(3) jekk l-entitajiet l-oħra li l-operatur ekonomiku jkun ser joqgħod fuq il-kapaċitajiet tagħhom jissodisfawx il-kriterji tal-għażla rilevanti jew jekk ikunx hemm raġunijiet għal esklużjoni, li jkunu rreferew għaliha l-entitajiet kontraenti, f’konformità mal-Artikolu 57 tad-Direttiva [2014/24]. L-entità kontraenti għandha tesiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li ma tissodisfax kriterju tal-għażla rilevanti, jew li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet obbligatorji għal esklużjoni li tkun irreferiet għalihom l-entità kontraenti. L-entità kontraenti tista’ tesiġi jew tista’ tiġi rikjesta mill-Istat Membru li titlob li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li fir-rigward tagħha hemm raġunijiet mhux obbligatorji għal esklużjoni li l-entità kontraenti għamlet referenza għalihom.

Fejn operatur ekonomiku joqgħod fuq il-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra fir-rigward ta’ kriterji relatati mal-pożizzjoni ekonomika u finanzjarja, l-entità kontraenti tista’ tesiġi li l-operatur ekonomiku u dawk l-entitajiet ikunu responsabbli b’mod konġunt għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt.

Bl-istess kondizzjonijiet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 37 jista’ joqgħod fuq il-kapaċitjiet ta’ parteċipanti fil-grupp jew ta’ entitajiet oħra.”

14      L-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25, intitolat “Użu tar-raġunijiet ta’ esklużjoni u l-kriterji tal-għażla previsti fid-Direttiva [2014/24]”, jiddisponi:

“1.      Ir-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ operaturi ekonomiċi li jitolbu kwalifika f’sistema ta’ kwalifika u r-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ kandidati u offerenti fi proċeduri miftuħa, ristretti jew innegozjati, fi djalogi kompetittivi jew fi sħubijiet għall-innovazzjoni jistgħu jinkludu r-raġunijiet għall-esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57 tad-Direttiva [2014/24] skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

Fejn l-entità kontraenti tkun awtorità kontraenti, dawk il-kriterji u r-regoli għandhom jinkludu r-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(1) u (2) tad-Direttiva [2014/24] skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

Jekk l-Istati Membri jesiġu dan, dawk il-kriterji u r-regoli għandhom, barra minn hekk, jinkludu r-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva [2014/24] skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

2.      Il-kriterji u r-regoli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jinkludu l-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Artikolu 58 tad-Direttiva [2014/24] skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fih, l-aktar fir-rigward tal-limiti għar-rekwiżiti li jikkonċernaw il-fatturat annwali, kif previst fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu.

3.      Għall-finijiet ta’ applikazzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, għandhom ikunu japplikaw l-Artikoli 59 sa 61 tad-Direttiva 2014/24/UE.”

 Id-dritt Taljan

15      L-Artikolu 94(6) tad-decreto legislativo n. 36 – Codice dei contratti pubblici in attuazione dell’ articolo 1 della legge 21 giugno 2022, n. 78, recante delega al Governo in materia di contratti pubblici (id-Digriet Leġiżlattiv Nru 36, li Jirrigwarda l-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi skont l-Artikolu 1 tal-Liġi Nru 78 tal‑21 ta’ Ġunju 2022 dwar id-Delega tal-Gvern fil-Qasam tal-Kuntratti Pubbliċi), tal‑31 ta’ Marzu 2023 (GURI Nru 77, tal‑31 ta’ Marzu 2023, suppliment ordinarju Nru 12/L, iktar’ il quddiem il-“Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi”), jipprovdi:

“Kull operatur ekonomiku li jkun wettaq ksur serju tal-obbligi relatati mal-ħlas tat-taxxi jew tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali skont id-dritt Taljan jew skont il-liġi tal-Istat fejn huwa stabbilit, li jkun ġie stabbilit b’deċiżjoni finali, għandu wkoll jiġi eskluż. Il-ksur serju stabbilit b’deċiżjoni finali huwa dak indikat fl-Anness II.10. Dan il-paragrafu ma għandux japplika jekk l-operatur ekonomiku jkun issodisfa l-obbligi tiegħu billi ħallas jew impenja ruħu b’mod vinkolanti li jħallas it-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti, inklużi l-interessi jew is-sanzjonijiet eventwali, jew jekk id-dejn fiskali jew tas-sigurtà soċjali jkun tħallas kompletament, bil-kundizzjoni li t-tmiem, il-ħlas jew l-impenn ikunu saru qabel l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerta.”

16      Skont l-Artikolu 96(2) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, dwar ir-raġunijiet għall-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku individwali, applikabbli għall-gruppi ta’ operaturi ekonomiċi skont l-Artikolu 97 ta’ dan il-kodiċi, is-sistema dwar il-miżuri korrettivi ma tapplikax fil-kuntest tar-raġuni għal esklużjoni awtomatika msemmija fl-Artikolu 94(6) tal-imsemmi kodiċi.

17      L-Artikolu 97 tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni tal-parteċipanti fi gruppi”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Minkejja d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 96(2), (3), (4), (5) u (6), il-grupp ta’ impriżi ma għandux jiġi eskluż jekk wieħed mill-membri jkun affettwat minn raġuni għal esklużjoni awtomatika jew mhux awtomatika jew mit-tħassir ta’ kundizzjoni ta’ kwalifika, jekk il-kundizzjonijiet elenkati fil-paragrafu 2 ikunu ssodisfatti u jekk ikun issodisfa l-obbligi li ġejjin:

a)       waqt is-sottomissjoni ta’ offerta:

1)      huwa jkun informa lill-awtorità kontraenti bir-raġuni għal esklużjoni li kienet seħħet qabel is-sottomissjoni tal-offerta jew bil-fatt li, qabel is-sottomissjoni tal-offerta, wieħed mill-membri tiegħu, li huwa jindika, ma kienx baqa’ jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kwalifika;

2)      ikun wera li jkun applika l-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 jew li ma kienx possibbli li jiġu applikati qabel dik id-data;

b)      huwa ħa l-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 u kkomunikahom qabel l-għoti, jekk ir-raġuni għal esklużjoni tkun seħħet wara s-sottomissjoni tal-offerta jew jekk il-membru kkonċernat ma jkunx baqa’ jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ kwalifika wara s-sottomissjoni tal-offerta.

2.      Bla ħsara għall-Artikolu 96, meta parteċipant fil-grupp ta’ impriżi jkun f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 94 u 95 jew ma jissodisfax wieħed mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 100, il-grupp ta’ impriżi jista’ jagħti prova li eskludieh jew issostitwixxieh b’kumpannija oħra li tissodisfa r-rekwiżiti, mingħajr il-possibbiltà ta’ bidla sostanzjali tal-offerta. Jekk dawn il-miżuri jitqiesu suffiċjenti u jittieħdu fi żmien xieraq, il-grupp ta’ impriżi ma għandux jiġi eskluż mill-proċedura tal-għoti tal-kuntratt. Jekk l-awtorità kontraenti tqis li l-miżuri ma ttiħdux fil-ħin jew li huma insuffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jiġi eskluż permezz ta’ deċiżjoni motivata.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Il-grupp ETS et huwa grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi li ssottometta offerta fil-kuntest ta’ proċedura ristretta, mibdija minn RFI, li taġixxi bħala awtorità kontraenti, għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku fil-qasam tat-trasport ferrovjarju. Il-valur totali stmat ta’ dan il-kuntratt kien jammonta, konformement mal-informazzjoni li tinsab fil-proċess f’idejn il-Qorti tal-Ġustizzja, għal EUR 298 924 044.

19      Fit‑3 ta’ April 2024, RFI informat lill-grupp ETS et bil-klassifikazzjoni tiegħu fl-ewwel pożizzjoni fir-rigward ta’ tliet lottijiet tal-imsemmi kuntratt pubbliku u talbet li jiġu pprovduti lilha d-dokumenti li jipprovaw li l-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f’din il-proċedura kienu ssodisfatti.

20      Fit‑23 ta’ Mejju 2024, wara li kisbet ex officio informazzjoni mingħand l-Agenzia delle Entrate (l-Awtorità tat-Taxxa, l-Italja), RFI talbet lil Sub-Service, membru tal-grupp ETS et, kjarifiki, b’mod partikolari dwar jekk kinux saru ħlasijiet jew jekk kinux pendenti tilwimiet fir-rigward tad-djun fiskali ta’ din il-kumpannija, li setgħu jwasslu għall-esklużjoni tagħha mill-imsemmija proċedura. Fl-istess jum, RFI informat lil ETS, membru ewlieni tal-grupp ETS et, b’din it-talba.

21      Minkejja li Sub-Service bdiet proċedura, quddiem il-konċessjonarju tal-irkupru tad-dejn fiskali tagħha, bl-għan ta’ tnaqqis ta’ dan id-dejn, din il-kumpannija ma kinitx f’pożizzjoni li turi li hija kienet bdiet din il-proċedura f’data preċedenti għal dik tal-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti sabiex tipparteċipa fil-proċedura ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Wara din l-aħħar data, iżda qabel it-tmiem tal-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, l-imsemmija kumpannija kisbet deċiżjoni li laqgħet it-talba tagħha għal tnaqqis u pproċediet għall-ħlas sħiħ tal-ammont tal-imsemmi dejn li kien baqa’ dovut.

22      Fis‑27 ta’ Mejju 2024, ETS wieġbet lil RFI billi indikat li, jekk id-dokumenti ppreżentati minn Sub-Service ma kinux meqjusa bħala suffiċjenti, hija kienet ser tipproċedi bl-esklużjoni ta’ din il-kumpannija mill-grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi. ETS ippreċiżat li, minkejja din l-esklużjoni, dan il-grupp kien ser ikompli jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ parteċipazzjoni fil-proċedura għall-għoti tal-imsemmi kuntratt u li l-imsemmija esklużjoni ma twassal għal ebda modifika tal-offerta teknika u ekonomika li l-imsemmi grupp kien ippreżenta.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Lulju 2024, RFI eskludiet il-grupp ETS et minn din il-proċedura minħabba li, minkejja d-dikjarazzjoni magħmula fid-DUEA, tliet tipi ta’ ksur fiskali kkonstatati b’mod definittiv (avviż ta’ rkupru tas-snin 2016, 2018 u 2019) kienu twettqu minn Sub-Service qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerti relatati ma’ dan il-kuntratt għal ammont totali ogħla mil-limitu previst mil-leġiżlazzjoni Taljana, li jikkostitwixxi raġuni għal esklużjoni awtomatika skont l-Artikolu 94(6) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi.

24      F’din id-deċiżjoni, RFI tindika li Sub-Service bagħtet irċevuta ta’ ħlas tad-djun fiskali wara din id-data. Barra minn hekk, RFI enfasizzat li l-grupp ETS et ma kienx issodisfa l-obbligi, imsemmija fl-Artikolu 97(1) u (2) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li jippermettu lil grupp li jeskludi u li jissostitwixxi wieħed mill-membri tiegħu mingħajr ma jkun is-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ esklużjoni. F’dan ir-rigward, ETS, bħala membru ewlieni tal-grupp ETS et, kienet esprimiet ir-rieda tagħha li teskludi lil Sub-Service biss fil-kuntest tal-investigazzjoni mibdija minn RFI, wara li din tal-aħħar kienet indikat l-eżistenza tar-raġuni għal esklużjoni awtomatika prevista fl-Artikolu 94(6) ta’ dan il-kodiċi.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Novembru 2024, RFI tat il-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi li tiegħu Via Ingegneria Srl hija l-membru ewlieni peress li dan il-grupp ġie kklassifikat fit-tieni pożizzjoni.

26      Il-grupp ETS et ippreżenta quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali għal-Lazio, l-Italja), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors intiż għall-annullament kemm tad-deċiżjoni li teskludih mill-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt lil offerent ieħor.

27      F’dan il-kuntest, din il-qorti għandha dubji dwar il-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni Taljana mad-dispożizzjonijiet relatati mar-raġunijiet għal esklużjoni stabbiliti fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, li għalihom jirreferi l-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25, kif ukoll mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

28      Fl-ewwel lok, l-imsemmija qorti għandha tali dubji fir-rigward tal-Artikolu 94(6) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, sa fejn din id-dispożizzjoni tipprevedi li “il-ħlas [tad-dejn fiskali] jew l-impenn [li dan jitħallas għandu jsir] qabel l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerta”. L-imsemmija dispożizzjoni għalhekk tipprekludi, b’mod assolut, li l-operatur ekonomiku kkonċernat jirkupra l-kredibbiltà u l-affidabbiltà professjonali tiegħu matul proċedura ta’ għoti tal-kuntratt. Issa, il-limitazzjoni ratione temporis li tgħid li dan il-ħlas jew dan l-impenn għandhom iseħħu “qabel l-iskadenza tat-terminu għas-sottomissjoni tal-offerta” ma tirriżultax mid-Direttivi 2014/24 u 2014/25 u ma tidhirx li hija ġġustifikata.

29      L-ewwel nett, mill-ewwel u mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 57(2) u mill-Artikolu 57(5) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li l-awtorità kontraenti għandha tippermetti lill-operatur ikkonċernat jirrimedja l-ħlas tad-dejn fiskali tiegħu matul il-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt pubbliku.

30      It-tieni nett, il-qorti tar-rinviju tesponi li huwa loġiku li l-Artikolu 57(6) ta’ din id-direttiva, li jirrigwarda l-miżuri korrettivi, ma jikkonċernax espressament ir-raġuni għal esklużjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 57, sa fejn dan l-aħħar paragrafu diġà jirreferi għal tali miżuri korrettivi, jiġifieri ħlas tad-dejn fiskali kkonċernat jew il-konklużjoni ta’ ftehim vinkolanti bl-għan ta’ tali ħlas. Minbarra dan, l-imsemmi Artikolu 57(6) jikkonċerna l-evalwazzjoni diskrezzjonali, mill-awtorità kontraenti, tal-affidabbiltà tal-operatur ikkonċernat. Issa, din l-evalwazzjoni ma għandhiex raġuni li ssir fil-kuntest tar-raġuni għal esklużjoni relatata mal-eżistenza ta’ djun fiskali, peress li din hija biss kwistjoni li jiġi vverifikat jekk sarx jew le l-ħlas ikkonċernat.

31      It-tielet nett, ikun kuntrarju għall-prinċipju ta’ proporzjonalità li tiġi ammessa l-possibbiltà li jittieħdu miżuri korrettivi matul proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt fil-każijiet ta’ kundanni definittivi għal ksur gravi ħafna, imsemmi fl-Artikolu 57(1) tad-Direttiva 2014/24, u li din il-possibbiltà tiġi eskluża fir-rigward ta’ ksur fiskali sempliċi, imsemmi f’dan l-Artikolu 57(2).

32      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju, minn naħa, tistaqsi dwar il-konformità mad-Direttivi 2014/24 u 2014/25 tal-punti 1 u 2 tal-Artikolu 97(1)(a) tal-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, li jipprevedu li grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi li wieħed mill-membri tiegħu huwa kkonċernat minn raġuni għal esklużjoni ma jiġix eskluż jekk, qabel id-data tas-sottomissjoni tal-offerta, huwa jkun informa lill-awtorità kontraenti bl-eżistenza ta’ din ir-raġuni għal esklużjoni u juri li ħa l-miżuri msemmija f’dan l-Artikolu 97(2) jew li kien impossibbli li jittieħdu dawn il-miżuri qabel din id-data.

33      Min-naħa l-oħra, hija tesprimi dubji dwar il-konformità tal-obbligu, previst fl-imsemmi Artikolu 97(2), għall-imsemmi grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi, li jipproduċu provi li dan il-membru kien ġie eskluż jew issostitwit qabel il-komunikazzjoni tal-imsemmija raġuni għal esklużjoni mill-awtorità kontraenti.

34      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sabiex dan jippermetti, sa fejn huwa l-iktar possibbli, lill-grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi li jkun ġie kklassifikat fl-ewwel pożizzjoni li jwettaq is-sostituzzjoni tal-operatur ekonomiku kkonċernat minn waħda mir-raġunijiet għal esklużjoni previsti f’dan l-Artikolu 57. Barra minn hekk, kuntrarjament għall-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali, li tipprovdi li l-membri ta’ grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi huma preżunti li jafu bl-eżistenza ta’ raġunijiet għal esklużjoni fir-rigward ta’ membru wieħed minnhom, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatt li l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun għamel dikjarazzjoni falza dwar l-eżistenza ta’ raġunijiet għal esklużjoni ma jistax jiġi imputat fuq il-membri l-oħra ta’ dan il-grupp.

35      Konsegwentement, il-membru ewlieni ta’ grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi għandu jkun jista’ jissostitwixxi jew jeskludi lill-operatur ekonomiku kkonċernat b’raġuni għal esklużjoni, skont il-modalitajiet u t-termini previsti mill-Kodiċi dwar il-Kuntratti Pubbliċi, meta l-awtorità kontraenti tikkomunika l-eżistenza ta’ din ir-raġuni jew, fi kwalunkwe każ, meta dan il-membru ewlieni effettivament isir jaf bl-imsemmija raġuni.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (il-Qorti Amministratitva Reġjonali għal-Lazio) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 57 tad-Direttiva [2014/24] u l-Artikolu 80 tad-Direttiva [2014/25] kif ukoll il-prinċipju [tad-dritt tal-Unjoni] ta’ proporzjonalità, jipprekludu l-introduzzjoni, jew l-interpretazzjoni f’dan is-sens, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi li l-esklużjoni jew għas-sostituzzjoni ta’ mandanta ta’ grupp li wettaq ksur fiskali kkonstatat b’mod definittiv qabel l-iskadenza tat-terminu tat-tressiq tat-talba, b’mod partikolari jekk hija tipprevedi li, fi kwalunkwe każ, l-estinzjoni jew il-ħlas [tad-dejn fiskali] jew l-impenn li jitħallas [dan id-dejn fiskali] għandhom jintervjenu qabel l-iskadenza tat-terminu ċċitat iktar ’il fuq, anki jekk ir-raġuni ta’ esklużjoni ma għadhiex teżisti matul il-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-grupp?

2)      F’każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-istess dispożizzjonijiet u prinċipji jipprekludu l-introduzzjoni, jew l-interpretazzjoni f’dan is-sens, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-esklużjoni jew għas-sostituzzjoni tal-mandanta ta’ grupp irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk il-mandatarja kellhiex effettivament konjizzjoni tar-raġuni għall-esklużjoni li taffettwa l-mandanta?

3)      F’każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel u t-tieni domanda, l-istess dispożizzjonijiet u prinċipji jipprekludu l-introduzzjoni, jew l-interpretazzjoni f’dan is-sens, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-esklużjoni jew għassostituzzjoni tal-mandanta meta l-mandatarja ma kellhiex konjizzjoni tar-raġuni għall-esklużjoni tal-mandanta ħlief wara komunikazzjoni tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-awtorità kontraenti?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

37      Permezz tad-domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, tal-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25 u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku fil-qasam tat-trasport ferrovjarju.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija din tal-aħħar li għandha tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha tiddeċiedi t-tilwima li titressaq quddiemha. Fid-dawl ta’ dan, hija l-Qorti tal-Ġustizzja, jekk ikun il-każ, li għandha tifformula mill-ġdid id-domandi li jkunu sarulha. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tieħu inkunsiderazzjoni regoli tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti nazzjonali ma tkunx għamlet riferiment għalihom fid-domanda tagħha (ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Marzu 1986, Tissier, 35/85, EU:C:1986:143, punt 9, u tat‑13 ta’ Mejju 2026, ALDI (Traċċi ta’ pesti), C‑483/24, EU:C:2026:396, punt 31).

39      F’dan il-każ, peress li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonċerna l-qasam tat-trasport ferrovjarju, għandu jitfakkar li t-tqegħid għad-dispożizzjoni jew l-operazzjoni ta’ netwerks maħsuba biex jipprovdu servizz lill-pubbliku fil-qasam tat-trasport bil-ferrovija huma speċifikament iċċitati, fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2014/25, fost l-oqsma li għalihom din tal-aħħar tapplika. Għalhekk, sa fejn, permezz tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-entità kontraenti tipprevedi tali tqegħid għad-dispożizzjoni jew tali operazzjoni ta’ networks u sa fejn dan il-kuntratt jaqbeż il-limitu indikat fl-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva, fatt li, filwaqt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, jidher li huwa l-każ hawnhekk, għandu jitqies li, fid-dawl tas-suġġett tiegħu, l-imsemmi kuntratt jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva.

40      Issa, l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tal-istess direttiva jipprevedu li, meta l-entità kontraenti tkun awtorità kontraenti, li huwa l-każ hawnhekk hekk kif tindika l-qorti tar-rinviju, ir-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u ta’ selezzjoni tal-kandidati u tal-offerenti, b’mod partikolari fi proċeduri ristretti, jinkludu l-kriterji ta’ esklużjoni elenkati fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, fil-kundizzjonijiet esposti fihom.

41      Barra minn hekk, l-Artikolu 79(2) tad-Direttiva 2014/25 jirrigwarda s-sitwazzjoni li fiha operatur ekonomiku jagħmel użu mill-kapaċitajiet ta’ entitajiet oħra fil-kuntest ta’ proċeduri li jinkludu rekwiżiti relatati mal-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-operatur ekonomiku, jew mal-kapaċitajiet tekniċi u professjonali tiegħu. Dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(2), moqri flimkien mal-Artikolu 80 ta’ din id-direttiva, jipprevedi, fl-ewwel sentenza tiegħu, li l-entitajiet kontraenti għandhom jivverifikaw, b’mod partikolari, jekk jeżistux, fir-rigward tal-entitajiet li l-kapaċitajiet tagħhom l-operatur ekonomiku għandu l-intenzjoni li jirrikorri għalihom, raġunijiet għal esklużjoni previsti fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24.

42      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(2) tad-Direttiva 2014 jippreċiża, fit-tieni sentenza tiegħu, li l-entità kontraenti teżiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li fir-rigward tagħha jeżistu raġunijiet għal esklużjoni obbligatorji invokati mill-entità kontraenti.

43      Għaldaqstant, jekk, wara l-verifiki mwettqa mill-qorti tar-rinviju, jidher li, minħabba s-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2014/25 tapplika għall-proċedura ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt, huwa importanti li, sabiex tingħata risposta utli għad-domandi magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24, speċifikament imsemmi fit-talba għal deċiżjoni preliminari, kif ukoll l-Artikolu 79(2) tad-Direttiva 2014/25.

 Fuq il-mertu

44      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 79(2) tad-Direttiva 2014/25, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 80(1) ta’ din l-aħħar direttiva kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi ma jistax jeskludi jew jissostitwixxi operatur ekonomiku li jappartjeni lil dan il-grupp, b’mod li dan tal-aħħar jiġi eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku meta jirriżulta, fid-dawl ta’ deċiżjoni amministrattiva li jkollha effett vinkolanti, li, fid-data ta’ skadenza tat-terminu tal-preżentazzjoni tat-talba għal parteċipazzjoni tal-imsemmi grupp f’din il-proċedura, dan l-operatur ekonomiku kien naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas ta’ taxxi u li huwa ma kienx ħallas id-djun fiskali kkonċernati jew ma kienx ikkonkluda ftehim vinkolanti sabiex iħallashom. Barra minn hekk, din il-qorti tistaqsi dwar l-effett f’dan ir-rigward tal-fatt li l-imsemmi operatur ekonomiku wettaq il-pagament ta’ dawn id-djun qabel id-deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-istess grupp mill-imsemmija proċedura u li huwa kellu għarfien dwar ir-raġuni għal esklużjoni li taffettwa l-istess operatur ekonomiku biss wara li l-awtorità kontraenti pprovdietlu informazzjoni f’dan ir-rigward.

45      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, fl-ewwel lok għandha tiġi eżaminata l-portata tar-raġuni għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24.

46      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss it-termini ta’ din tal-aħħar iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha tfittex li tilħaq (ara s-sentenzi tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, EU:C:1983:335, punt 12, u tal‑15 ta’ Jannar 2026, AVR-Afvalverwerking, C‑692/23, EU:C:2026:4, punt 37).

47      L-ewwel nett, fir-rigward tat-termini tal-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi osservat, minn naħa, li dan l-Artikolu 57(2) jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, raġuni għal esklużjoni obbligatorja sa fejn jipprovdi li operatur ekonomiku huwa eskluż mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt jekk l-awtorità kontraenti tkun taf b’nuqqas, minn dan l-operatur ekonomiku, ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali meta dan ikun ġie stabbilit minn deċiżjoni ġudizzjarja li għandha s-saħħa ta’ res judicata jew minn deċiżjoni amministrattiva li jkollha effett vinkolanti, konformement mad-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż li fih ikun stabbilit jew dawk tal-Istat Membru tal-awtorità kontraenti.

48      Min-naħa l-oħra, mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li r-raġuni għal esklużjoni lanqas ma tapplika meta l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun issodisfa l-obbligi tiegħu meta jkun ħallas jew meta jkun ikkonkluda ftehim vinkolanti sabiex iħallas it-taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti, inklużi, skont il-każ, kull interess dovut jew il-multi possibbli.

49      Issa, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni, li tipprevedi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-imsemmija raġuni għal esklużjoni, ma tagħti ebda preċiżazzjoni f’dak li jirrigwarda t-terminu li fih l-operatur ekonomiku kkonċernat għandu jħallas id-djun fiskali tiegħu jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tiegħu, jew jikkonkludi ftehim vinkolanti bl-għan ta’ tali ħlas, sabiex ikun jista’ jibbenefika minn din l-eċċezzjoni.

50      It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi enfasizzat li skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 57, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu deroga mill-esklużjoni obbligatorja msemmija f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2), meta esklużjoni tkun manifestament sproporzjonata, b’mod partikolari meta l-operatur ekonomiku kkonċernat ikun ġie informat bl-ammont eżatt dovut wara n-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali f’mument fejn huwa ma kellux il-possibbiltà li jieħu l-miżuri previsti fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 57(2) ta’ din id-direttiva qabel id-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talba għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kkonċernata.

51      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/24 jistabbilixxi għalhekk il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex operatur ekonomiku jkun jista’, wara din id-data, jiġi rrikonoxxut il-possibbiltà li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex ma jiġix eskluż minn din il-proċedura skont ir-raġuni għal esklużjoni obbligatorja prevista f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2).

52      Għalhekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(3) tad-Direttiva 2014/24 jippermetti li jitqies li l-operatur ekonomiku kkonċernat minn din ir-raġuni għal esklużjoni għandu, bħala prinċipju, ikun issodisfa l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, mhux iktar tard mid-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ikkonċernata.

53      Fil-fatt, kif indikat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) kellu jiġi interpretat fis-sens li r-raġuni għal esklużjoni prevista f’din id-dispożizzjoni ma tapplikax iktar meta operatur ekonomiku jħallas id-djun fiskali tiegħu jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tiegħu fi kwalunkwe data qabel dik tad-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt, l-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(3) ikun imċaħħad minn kull effett utli.

54      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, li jintroduċi mekkaniżmu ta’ miżuri korrettivi li l-operaturi ekonomiċi għandhom id-dritt li jadottaw sabiex juru l-affidabbiltà tagħhom minkejja l-eżistenza ta’ raġunijiet għal esklużjoni, jirreferi għar-raġunijiet ta’ esklużjoni previsti fil-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-Artikolu 57, u mhux għal dak previst fil-paragrafu 2 tal-imsemmi Artikolu 57.

55      Għalhekk, l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 ma japplikax fil-kuntest tar-raġuni għal esklużjoni obbligatorja prevista f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2), u għalhekk ma huwiex rilevanti għall-interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

56      Għalhekk, mill-interpretazzjoni kuntestwali tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li r-raġuni għal esklużjoni obbligatorja prevista f’din id-dispożizzjoni ma tapplikax meta l-operaturi ekonomiċi li jixtiequ jipparteċipaw fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku, li jkunu kkonċernati minn nuqqasijiet ta’ twettiq tal-obbligi tagħhom relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali stabbiliti minn deċiżjoni ġudizzjarja li għandha s-saħħa ta’ res judicata jew deċiżjoni amministrattiva li jkollha effett vinkolanti, ikunu rregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom mhux iktar tard mid-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal parteċipazzjoni f’din il-proċedura. Min-naħa l-oħra, wara din id-data, tali regolarizzazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tipprekludi l-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għal esklużjoni.

57      Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan imfittex mir-raġuni għal esklużjoni obbligatorja prevista f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2).

58      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-possibbiltà, jew saħansitra l-obbligu, għall-awtorità kontraenti li teskludi operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt hija b’mod partikolari intiża sabiex tippermettilha tevalwa l-integrità u l-affidabbiltà ta’ kull wieħed mill-operaturi ekonomiċi. (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Settembru 2022, J. Sch.Omnibusunternehmen u K. Reisen, C‑416/21, EU:C:2022:689, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

59      Fir-rigward speċifikament tar-raġuni għal esklużjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24, din hija marbuta wkoll mal-għan ta’ protezzjoni tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea fl-intier tagħha, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ta importanza partikolari għalih fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fis-sens ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukata Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tagħha, din ir-raġuni għal esklużjoni, li, fil-kuntest tad-direttivi preċedenti dwar il-kuntratti pubbliċi, kienet ta’ natura fakultattiva, illum tikkostitwixxi raġuni għal esklużjoni obbligatorja ta’ tali proċedura, li għandha s-sistema tagħha stess fost ir-raġunijiet għal esklużjoni previsti f’dan l-Artikolu 57.

60      Issa, il-fatt li l-operaturi ekonomiċi li jixtiequ jipparteċipaw fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku huma obbligati jirregolarizzaw, sa mhux iktar tard mid-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal parteċipazzjoni f’din il-proċedura, is-sitwazzjoni tagħhom li tikkonċerna l-obbligi tagħhom relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali jikkontribwixxi sabiex jintlaħaq b’mod iktar effikaċi dan l-għan ta’ protezzjoni tal-finanzi pubbliċi. Fil-fatt, dan l-obbligu jikkostitwixxi inċentiv qawwi sabiex l-operaturi ekonomiċi kollha li jiddeċiedu li jipparteċipaw fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku jissodisfaw l-obbligi tagħhom billi jħallsu jew billi jikkonkludu ftehim vinkolanti bl-għan li jitħallsu t-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti.

61      Min-naħa l-oħra, jekk l-operaturi ekonomiċi kellhom il-possibbiltà li jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom billi jipproċedu għal tali ħlas jew billi jikkonkludu tali ftehim vinkolanti wara d-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt ikkonċernata, in-numru fosthom li jkunu inċentivati jirregolarizzaw is-sitwazzjoni tagħhom ikun inqas. Fil-fatt, dan in-numru jista’, b’mod partikolari, ma jinkludix l-operaturi ekonomiċi li jiġu eliminati minn din il-proċedura għal raġunijiet oħra, jew saħansitra jkun limitat għal dawk li jiġu informati li l-offerta tagħhom kienet ġiet ikklassifikata fl-ewwel pożizzjonijiet.

62      Għalhekk, mill-interpretazzjoni letterali, kuntestwali u teleoloġika tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li, bla ħsara għall-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 57, ir-raġuni għal esklużjoni obbligatorja msemmija f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) hija applikabbli għal operatur ekonomiku li jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, meta dan in-nuqqas ikun ġie stabbilit minn deċiżjoni ġudizzjarja li għandha s-saħħa ta’ res judicata jew minn deċiżjoni amministrattiva li jkollha effett vinkolanti, u dan minkejja li, wara d-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kkonċernata, dan l-operatur ikun issodisfa dawn l-obbligi billi ħallas jew billi kkonkluda ftehim vinkolanti bl-għan li jitħallsu t-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti.

63      Minn dan isegwi li, b’applikazzjoni ta’ din ir-raġuni għal esklużjoni obbligatorja, Stat Membru għandu jipprevedi li awtorità kontraenti għandha l-obbligu li teskludi tali operatur mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kkonċernata.

64      Fit-tieni lok, għandu jiġi vverifikat jekk, u, fl-affermattiv, taħt liema kundizzjonijiet, grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi, bħall-grupp ETS et, għandux jeskludi jew jissostitwixxi, jew għandux ikollu l-possibbiltà li jeskludi jew li jissostitwixxi, il-membru ta’ dan il-grupp ikkonċernat bir-raġuni għal esklużjoni obbligatorja prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24, sabiex l-imsemmi grupp ma jkunx huwa stess eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kkonċernata.

65      Konformement mat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(2) tad-Direttiva 2014/25, l-entità kontraenti teżiġi li l-operatur ekonomiku jissostitwixxi entità li l-kapaċitajiet tagħha huwa jkollu l-intenzjoni li jirrikorri għalihom u li fir-rigward tagħha jeżistu raġunijiet għal esklużjoni obbligatorji, previsti fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, invokati minn din l-entità kontraenti.

66      Fir-rigward tal-mument li fih għandha sseħħ din is-sostituzzjoni, mit-termini stess ta’ din it-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(2) jirriżulta li din id-dispożizzjoni tkopri sitwazzjoni li fiha l-operatur ekonomiku għandu jissostitwixxi l-entità li l-kapaċitajiet tagħha huwa għandu l-intenzjoni li jirrikorri għalihom wara li dan l-operatur ikun ippreżenta t-talba tiegħu għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kkonċernata. Fil-fatt, huwa biss ladarba tali talba tkun ġiet ippreżentata li l-entità kontraenti tkun f’pożizzjoni li teżaminaha sabiex tivverifika jekk l-operatur ekonomiku kkonċernat kienx għamel użu mill-kapaċitajiet ta’ entitajiet li fir-rigward tagħhom jeżistu raġunijiet għal esklużjoni obbligatorja.

67      Fir-rigward, barra minn hekk, tal-applikabbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni għal grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-istess dispożizzjoni ma ssemmix espressament tali grupp, ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 79(2) tad-Direttiva 2014/25 jipprevedi li “[b]l-istess kondizzjoniijet, grupp ta’ operaturi ekonomiċi kif imsemmi fl-Artikolu 37 [ta’ din id-direttiva] jista’ joqgħod fuq il-kapaċità ta’ parteċipanti fil-grupp”. Issa, hekk kif indikat l-Avukata Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, it-termini “[b]l-istess kondizzjoniijet” jirreferu għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 79(2), li jimplika li l-obbligu li jinsab fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 79(2) huwa applikabbli għal grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi. Minn dan isegwi li entità kontraenti għandha teżiġi li tali grupp jissostitwixxi operatur ekonomiku li jappartjeni lilu li fir-rigward tiegħu teżisti raġuni għal esklużjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24.

68      Din l-interpretazzjoni tat-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(2) tad-Direttiva 2014/25, li tirriżulta mill-formulazzjoni u mill-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, hija ta’ natura li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan ta’ din id-direttiva li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-premessa 2 tagħha, f’li jiġi ggarantit il-ftuħ għall-kompetizzjoni tal-kuntratti fis-setturi koperti minnha, billi tippermetti l-parteċipazzjoni l-iktar wiesgħa possibbli ta’ offerenti fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Diċembru 2022, BTA Baltic Insurance Company, C‑769/21, EU:C:2022:973, punti 35 u 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, l-imsemmija interpretazzjoni tippermetti li tiġi evitata l-esklużjoni awtomatika ta’ grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi meta wieħed biss mill-operaturi ekonomiċi li jappartjenu lilu jkun jaqa’ taħt raġuni għal esklużjoni obbligatorja.

69      Madankollu, għandhom isiru żewġ preċiżazzjonijiet relatati mal-obbligu, previst fit-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(2) tad-Direttiva 2014/25, li skont dan l-entità kontraenti teżiġi li l-grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi jissostitwixxi entità li tappartjeni lil dan il-grupp li fir-rigward tagħha teżisti raġuni għal esklużjoni obbligatorja prevista fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24.

70      L-ewwel nett, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-awtoritajiet kontraenti għandhom, matul il-proċedura kollha, josservaw il-prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti msemmija fl-Artikolu 36 tad-Direttiva 2014/25, fosthom, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, u, min-naħa l-oħra, li, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ir-regoli stabbiliti mill-Istati Membri jew mill-awtoritajiet kontraenti fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, bħar-regoli intiżi sabiex jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, li għalihom jirreferi l-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/2, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi minn din l-aħħar direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      F’dan ir-rigward, l-attenzjoni li għandha tagħti l-entità kontraenti għall-osservanza ta’ dan il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandha tkun iktar importanti meta l-esklużjoni prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tolqot il-grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi mhux għal nuqqas imputabbli lilu, iżda għal nuqqas li jkun twettaq minn operatur ekonomiku li jappartjeni lil dan il-grupp (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 48; tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 39, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras, C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 156).

72      Għalhekk, l-entità kontraenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-mezzi li l-grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi kellu għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jivverifika l-eżistenza ta’ nuqqas min-naħa tal-operatur ekonomiku li jappartjeni lil dan il-grupp (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2020, Tim, C‑395/18, EU:C:2020:58, punt 52; tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punt 40, kif ukoll tas‑7 ta’ Settembru 2021, Klaipėdos regiono atliekų tvarkymo centras C‑927/19, EU:C:2021:700, punt 157).

73      Minn dan isegwi li l-entità kontraenti għandha teskludi grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi abbażi tar-raġuni għal esklużjoni obbligatorja tal-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24, jekk, wara verifiki li hija obbligata twettaq, hija tqis li l-membru ewlieni ta’ dan il-grupp ikun naqas milli jwettaq l-obbligu ta’ diliġenza tiegħu u li, għaldaqstant, l-imsemmi grupp ma jistax jitqies, fl-intier tiegħu, li jaġixxi b’integrità u li huwa affidabbli.

74      F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq il-verifiki neċessarji sabiex tiddetermina jekk ETS, bħala membru ewlieni tal-grupp ETS et, ipproduċietx prova tad-diliġenza meħtieġa.

75      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-fatt li Sub-Service kienet ipprovdiet DUEA lil ETS, dokument li jikkonsisti, hekk kif dan jirriżulta mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2014/24, li għalih jirreferi l-Artikolu 80(3) tad-Direttiva 2014/25, f’dikjarazzjoni uffiċjali li permezz tagħha l-operatur ekonomiku kkonċernat jiddikjara li ma jinsabx f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, huwa element li l-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni. Min-naħa l-oħra, din il-qorti għandha tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-mezzi li bihom ETS, bħala membru ewlieni tal-grupp ETS et, kellha sabiex tivverifika, mal-awtoritajiet Taljani kompetenti, jekk Sub-Service osservatx l-obbligi fiskali tagħha.

76      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, meta l-entità kontraenti teżiġi s-sostituzzjoni ta’ operatur ekonomiku li jappartjeni lil grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi li fir-rigward tiegħu teżisti raġuni għal esklużjoni obbligatorja, bħal dik prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24, hija għandha tiżgura, konformement mal-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbiliti fl-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2014/25, li s-sostituzzjoni ta’ dan l-operatur ekonomiku ma twassalx għal modifika sostanzjali tal-offerta ta’ dan il-grupp. Minn dan isegwi li, bħal fil-każ ta’ talba għal kjarifika ta’ offerta, it-talba ta’ entità kontraenti li teżiġi tali sostituzzjoni ma għandhiex twassal għall-preżentazzjoni, mill-imsemmi grupp, ta’ dik li tidher, fir-realtà, bħala li hija offerta ġdida, peress li din tbiddel b’mod sostanzjali l-offerta inizjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑3 ta’ Ġunju 2021, Rad Service et, C‑210/20, EU:C:2021:445, punti 42 u 44).

77      F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li ETS, bħala membru ewlieni tal-grupp ETS et, iddikjarat li kellha l-intenzjoni li teskludi lil Sub-Service minn dan il-grupp mingħajr ma din l-esklużjoni twassal għal modifika sostanzjali tat-talba tagħha għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

78      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li t-tieni sentenza tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 79(2) tad-Direttiva 2014/25 tirreferi biss għas-sostituzzjoni ta’ entità li għall-kapaċitajiet tagħha l-operatur ekonomiku kkonċernat għandu l-intenzjoni li jirrikorri, jirriżulta mill-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fid-dawl tal-għan ta’ din id-direttiva, li jikkonsisti, hekk kif indikat fil-punt 68 ta’ din is-sentenza, f’li jippermetti l-parteċipazzjoni l-iktar wiesgħa possibbli ta’ offerenti fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li l-imsemmija dispożizzjoni għandha titqies li tippermetti wkoll l-esklużjoni ta’ membru ta’ grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi, mingħajr ma dan il-membru jiġi ssostitwit, bil-kundizzjoni li din l-esklużjoni ma tipprekludix lil dan il-grupp milli jissodisfa l-kriterji ta’ selezzjoni applikabbli fil-proċedura inkwistjoni u li ma tagħtix lok għal modifika sostanzjali tal-offerta tal-imsemmi grupp. F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq, f’dan ir-rigward, il-verifiki neċessarji.

79      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24, moqri flimkien mal-Artikolu 79(2) tad-Direttiva 2014/25, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 80(1) ta’ din l-aħħar direttiva u l-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        bla ħsara għall-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 57, ir-raġuni għal esklużjoni obbligatorja msemmija f’dan l-Artikolu 57(2) hija applikabbli għal operatur ekonomiku li jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, meta dan in-nuqqas ikun ġie stabbilit permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li għandha s-saħħa ta’ res judicata jew ta’ deċiżjoni amministrattiva li jkollha effett vinkolanti, u dan minkejja li, wara d-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kkonċernata, dan l-operatur ikun issodisfa dawn l-obbligi billi jkun ħallas jew billi jkun ikkonkluda ftehim vinkolanti bl-għan li jħallas it-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti;

–        jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi ma jistax jeskludi jew jissostitwixxi operatur ekonomiku li jappartjeni lil dan il-grupp, b’tali mod li l-imsemmi grupp huwa eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku mingħajr ma l-entità kontraenti tkun tista’ teżamina ċirkustanzi partikolari tal-każ sabiex tiddetermina jekk din l-esklużjoni jew din is-sostituzzjoni humiex iġġustifikati, meta jirriżulta li, fid-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talba għal parteċipazzjoni tal-istess grupp f’din il-proċedura, ir-raġuni għal esklużjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24 kienet applikabbli għal dan l-operatur ekonomiku, u minkejja li l-grupp inkwistjoni kien sar jaf bir-raġuni għal esklużjoni li taffettwa lill-imsemmi operatur ekonomiku biss wara din id-data.

 Fuq l-ispejjeż

80      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It‑Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 79(2) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, kif emendata bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2496 tal‑15 ta’ Novembru 2023, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 80(1) tad-Direttiva 2014/25, kif emendata, u l-prinċipju ta’ proporzjonalità

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

–        bla ħsara għall-każijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu 57, ir-raġuni għal esklużjoni obbligatorja msemmija f’dan l-Artikolu 57(2) hija applikabbli għal operatur ekonomiku li jkun naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, meta dan in-nuqqas ikun ġie stabbilit permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li għandha s-saħħa ta’ res judicata jew ta’ deċiżjoni amministrattiva li jkollha effett vinkolanti, u dan minkejja li, wara d-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talbiet għal parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku kkonċernata, dan l-operatur ikun issodisfa dawn l-obbligi billi jkun ħallas jew billi jkun ikkonkluda ftehim vinkolanti bl-għan li jħallas it-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali dovuti;

–        jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li grupp temporanju ta’ operaturi ekonomiċi ma jistax jeskludi jew jissostitwixxi operatur ekonomiku li jappartjeni lil dan il-grupp, b’tali mod li l-imsemmi grupp huwa eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku mingħajr ma l-entità kontraenti tkun tista’ teżamina ċirkustanzi partikolari tal-każ sabiex tiddetermina jekk din l-esklużjoni jew din is-sostituzzjoni humiex iġġustifikati, meta jirriżulta li, fid-data ta’ skadenza tat-terminu għall-preżentazzjoni tat-talba għal parteċipazzjoni tal-istess grupp f’din il-proċedura, ir-raġuni għal esklużjoni obbligatorja msemmija fl-Artikolu 57(2) tad-Direttiva 2014/24 kienet applikabbli għal dan l-operatur ekonomiku, u minkejja li l-grupp inkwistjoni kien sar jaf bir-raġuni għal esklużjoni li taffettwa lill-imsemmi operatur ekonomiku biss wara din id-data.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.