Opinion of the Advocate-General
1. Permezz ta’ dan l-appell, InnoLux Corp. (iktar ’il quddiem “InnoLux”), li kienet Chimei InnoLux Corp., qed titlob l-annullament parzjali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea InnoLux vs Il-Kummissjoni (2), li permezz tagħha din tal-aħħar, minn naħa, irriformat id-deċiżjoni C(2010) 8767 finali tal-Kummissjoni fil-Każ COMP/39.309 – LCD (Liquid Crystal Displays) (3), billi stabbilixxiet, fl-ammont ta’ EUR 288 miljun, il-multa imposta fuqha fl-Artikolu 2 tagħha u, min-naħa l-oħra, ċaħdet il-kumplament tar-rikors intiż għall-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn jikkonċerna lilha, kif ukoll fit-tnaqqis tal-ammont tal-imsemmija multa.
2. Dan l-appell iqajjem kwistjoni importanti fid-dritt tal-kompetizzjoni, dwar l-applikazzjoni extraterritorjali tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea (f’dan il-każ, fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ bejgħ li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġu kkalkolati l-multi) (4) . L-applikazzjoni extraterritorjali ta’ dawn ir-regoli mill-Kummissjoni hija wkoll ikkontestata f’diversi kawżi li bħalissa jinsabu kemm quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (5) .
I – Il-fatti li wasslu għall-kawża
3. Il-fatti li wasslu għall-kawża u għad-deċiżjoni inkwistjoni, kif jirriżultaw mill-punti 1 sa 27 tas-sentenza appellata, jistgħu jiġu esposti fil-qosor kif ġej.
4. Chi Mei Optoelectronics Corp. (iktar ’il quddiem “CMO”), kumpannija rregolata mid-dritt Tajwaniż, kienet tikkontrolla grupp ta’ kumpanniji stabbiliti fid-dinja kollha u attivi fil-produzzjoni ta’ screens tal-kristalli likwidi b’livell attiv (iktar ’il quddiem l-“LCDs”). Wara ftehim ta’ konċentrazzjoni ta’ CMO mal-kumpanniji InnoLux Display Corp. u TPO Displays Corp, l-entità ġuridika superstiti saret InnoLux, kumpannija rregolata wkoll mid-dritt Tajwaniż, rikorrenti f’din il-kawża.
5. Wara li l-kumpannija rregolata mid-dritt Korean Samsung Electronics Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Samsung”) ilmentat fuq l-eżistenza ta’ akkordju fis-suq tal-LCDs mal-Kummissjoni, din bdiet il-proċedura amministrattiva u bagħtet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil sittax-il kumpannija, fosthom żewġ sussidjarji Ewropej miżmuma 100 % mir-rikorrenti. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet spjegat, b’mod partikolari, ir-raġunijiet li għalihom iż-żewġ sussidjarji ta’ CMO kellhom jinżammu responsabbli in solidum għall-ksur imwettaq minn din tal-aħħar.
6. Fit-8 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni. Din kienet indirizzata lil sitta mis-sittax-il kumpannija destinatarja tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, fosthom ir-rikorrenti, LG Display Co. Ltd. (iktar ’il quddiem “LGD”) u AU Optronics Corp. (iktar ’il quddiem “AUO”). Min-naħa l-oħra, is-sussidjarji tar-rikorrenti ma kinux imsemmija iżjed.
7. Fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ akkordju bejn sitt manifatturi internazzjonali kbar tal-LCDs, fosthom ir-rikorrenti, LGD u AUO, fiż-żewġ kategoriji ta’ prodotti li ġejjin, ta’ daqs ta’ 12-il pulzier jew iktar, jiġifieri l-LCDs għat-teknoloġija tal-informazzjoni (TI), bħal dawk li jiġu integrati f’laptops żgħar u monitors tal-kompjuters, u l-LCDs għal settijiet tat-televiżjoni (iktar ’il quddiem, flimkien, l-“LCDs suġġetti għal kartell”.
8. Għall-iffissar tal-multi imposti mid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni użat il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem il-“linji gwida tal-2006”). B’applikazzjoni tagħhom, il-Kummissjoni ddefinixxiet il-valur tal-bejgħ tal-LCDs suġġetti għal kartell direttament jew indirettament ikkonċernati mill-ksur. Għal dan il-għan, hija stabbilixxiet it-tliet kategoriji li ġejjin ta’ bejgħ imwettaq mill-parteċipanti fl-akkordju:
– “bejgħ ŻEE dirett”, jiġifieri l-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell lil impriża oħra fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE);
– “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, jiġifieri l-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell integrati, fi ħdan il-grupp li jagħmel parti minnu l-produttur, fi prodotti lesti li jinbiegħu lil impriża oħra fi ħdan iż-ŻEE; u
– “bejgħ indirett”, jiġifieri l-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell lil impriża oħra li tinsab barra miż-ŻEE, li sussegwentement tinkorpora l-iscreens fi prodotti lesti li hija tbigħ fiż-ŻEE, u li din l-“impriża oħra” ma tkunx tagħmel parti mill-grupp tal-bejjiegħ.
9. Il-Kummissjoni qieset li hija setgħet tillimita ruħha li tieħu inkunsiderazzjoni l-ewwel żewġ kategoriji msemmija iktar ’il fuq, peress li l-inklużjoni tat-tielet kategorija ma hijiex neċessarja sabiex il-multi imposti jkunu jistgħu jilħqu livell dissważiv suffiċjenti. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkundannat lir-rikorrenti għall-ħlas ta’ multa ta’ EUR 300 miljun.
II – Is-sentenza appellata
10. Permezz ta’ rikors fil-21 ta’ Frar 2011, l-appellanti ressqet kawża għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni u għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa. Insostenn tat-talba tagħha, l-appellanti invokat tliet motivi. L-ewwel kien ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni applikat kunċett legalment żbaljat, jiġifieri dak ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, it-tieni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 101 TFUE meta kkonkludiet li l-ksur kien jestendi għal-LCDs għas-settijiet tat-televiżjoni, u t-tielet li l-valur tal-bejgħ rilevanti li ttieħed mill-Kummissjoni fir-rigward tagħha inkluda b’mod żbaljat bejgħ ieħor barra minn dak dwar l-LCDs suġġetti għal kartell.
11. Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet dan l-aħħar motiv u, għalhekk, naqqset l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti għal EUR 288 miljun (6) . Hija ċaħdet il-kumplament tar-rikors.
III – Fuq l-appell
A – Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”
1. Sommarju tal-argumenti tal-partijiet
12. Permezz tal-ewwel parti, li tikkonċerna l-kunċett ta’ “bejgħ relatat mal-ksur”, l-appellanti tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli inkludiet, fil-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa, il-bejgħ tagħha ta’ prodotti lesti fiż-ŻEE, bħala “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, minkejja li dan il-bejgħ ma huwiex relatat mal-ksur fis-sens tal-punt 13 tal-linji gwida tal-2006.
13. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-argument tar-rikorrenti ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali wara raġunament korrett. L-argument tal-appellanti jinjora l-fatt li l-prezz tal-LCDs suġġetti għal kartell affettwa dak tal-prodotti lesti u li l-prattiki miftiehma kienu jikkonċernaw kemm l-LCDs li kellhom jinbiegħu lil terzi, kif ukoll l-LCDs intiżi li jiġu kkunsinnati fil-grupp. Dawn huma konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali li ma jistgħux jiġu eżaminati mill-ġdid fl-appell. Ikun żbaljat li jingħad li ma jeżistux differenzi bejn bejgħ lil terz u konsenja intra-ażjendali. Id-dħul reali fis-suq — jew l-ewwel “bejgħ reali” — iseħħ fil-waqt u fil-post fejn l-impriża tbigħ il-prodott finali.
14. Permezz tat-tieni parti, li tikkonċerna s-sentenza Europa Carton vs Il‑Kummissjoni (T-304/94, EU:T:1998:89), l-appellanti jidhrilha li l-Kummissjoni injorat din is-sentenza, f’dak li, minflok ma ttrattat il-bejgħ intra-ażjendali fl-istess mod bħall-bejgħ lil terzi, hija applikat, għal ċerti destinatarji tad-deċiżjoni inkwistjoni, kriterju differenti sabiex tiddetermina l-post tal-bejgħ intra-ażjendali tagħhom.
15. Il-Kummissjoni jidhrilha li s-sentenza Europa Carton vs Il-Kummissjoni (T-304/94, EU:T:1998:89) tikkonferma li hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni l-valur ta’ prodott li huwa suġġett ta’ akkordju, indipendentement minn jekk waħda mill-partijiet għal dan l-akkordju tbigħx direttament il-prodott inkwistjoni fis-suq jew qabel tinkorporahx fi prodott lest ieħor. Min-naħa l-oħra, din is-sentenza ma tobbligax lill-Kummissjoni tqis il-post tal-kunsinna interna bħala l-post tal-bejgħ tal-prodott suġġett għal kartell sabiex tiġi evalwata r-rabta mat-territorju taż-ŻEE.
16. Permezz tat-tielet parti, li tikkonċerna s-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, iktar ’il quddiem is-“sentenza Polpa tal-injam I”), l-appellanti ssostni li joħroġ minn din is-sentenza li l-kompetenza tal-Unjoni ma testendix għal kull bejgħ imwettaq fiż-ŻEE, iżda biss għall-bejgħ imwettaq fiż-ŻEE ta’ prodotti rilevanti li jagħmlu parti mill-azzjoni miftiehma, li kien suġġett għall-konstatazzjoni ta’ ksur.
17. Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-imsemmija sentenza ma waqqfitx lill-Kummissjoni milli tieħu inkunsiderazzjoni, għall-kalkolu tal-multa, il-“bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” mwettaq minn InnoLux.
18. Permezz tar-raba’ parti, li tikkonċerna s-sentenza Istituto Chemioterapico Italiano u Commercial Solvents vs Il-Kummissjoni (6/73 u 7/73, EU:C:1974:18), l-appellanti jidhrilha li huwa kuntrarju għal din is-sentenza li jitqies li kunsinni intra-ażjendali ta’ LCDs għal faċilitajiet ta’ produzzjoni li jinsabu fiż-ŻEE, bħal fil-każ ta’ Samsung, ma huwiex bejgħ fiż-ŻEE meta l-prodotti finali li fihom ikunu inkorporati l-LCDs, jinbiegħu barra miż-ŻEE.
19. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-appellanti qed tagħmel qari żbaljat tal-imsemmija sentenza. Din is-sentenza teżamina fil-fatt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiæ tal-Artikolu 102 TFUE, iżda ma tikkonċernax il-kalkolu tal-multi f’każijiet ta’ akkordju u għalhekk ma tgħinx l-argument prinċipali tal-appellanti, li jgħid li l-Kummissjoni kellha, għall-kalkolu tal-multa, tinjora l-bejgħ ta’ LCDs imwettaq minn InnoLux fiż-ŻEE permezz ta’ prodotti lesti.
20. Permezz tal-ħames parti, li tikkonċerna l-applikazzjoni extraterritorjali tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, l-appellanti tallega li l-kriterju użat mill-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali sabiex jiġi identifikat il-post tal-kunsinni intra-ażjendali jqajjem riskju ta’ sanzjonijiet konkorrenti u ta’ kunflitt ta’ kompetenza ma’ awtoritajiet ta’ kompetizzjoni oħrajn.
21. Il-Kummissjoni jidhrilha li din il-parti hija inammissibbli, peress li dan l-argument qed jitqajjem għall-ewwel darba fl-appell. L-imsemmi argument huwa, fi kwalunkwe każ, ipotetiku u infondat. Loġikament, jista’ jkun hemm biss l-ewwel “bejgħ reali” wieħed.
2. Analiżi
22. Jiena tal-opinjoni li dawn l-argumenti kollha huma interkonnessi u jikkoinċidu b’mod li huwa indispensabbli li jiġu eżaminati flimkien.
a) Nuqqas ta’ distinzjoni bejn it-teħid inkunsiderazzjoni tal-bejgħ skont jekk twettaqx ma’ terzi indipendenti jew ma’ entitajiet tal-istess grupp
23. Il-punt 13 tal-linji gwida tal-2006 jgħid li, “sabiex jiġi stabbilit l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ beni jew servizzi, imwettaq mill-impriża, relatat b’mod dirett jew indirett [...] mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat ġewwa t-territorju taż-ŻEE ” (enfasi miżjuda minni) [traduzzjoni mhux uffiċjali].
24. F’dan il-każ, sabiex tiġi kkalkolata l-multa li għandha tiġi imposta fuq l-appellanti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, permezz tal-kunċett — użat, barra minn hekk, mill-Kummissjoni għall-ewwel darba (ara l-punt 2 ta’ dawn il-konklużjonijiet għall-kawżi l-oħrajn) — ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, il-parti tal-valur tal-bejgħ intern ta’ LCDs tal-appellanti li setgħet tikkorrispondi għall-valur tal-LCDs integrati fil-prodotti finali, sakemm dawn tal-aħħar kienu mibjugħa mill-appellanti lil impriżi terzi stabbiliti fiż-ŻEE. Fil-fatt, il-bejgħ intern kollu tal-LCDs ikkonċernat mill-ksur saru mir-rikorrenti barra miż-ŻEE lil entitajiet li jagħmlu parti mill-istess grupp, li integrawhom fi prodotti lesti (kompjuters u settijiet tat-televiżjoni) u wara biegħu dawn tal -aħħar fiż-ŻEE lil impriżi terzi indipendenti.
25. Bħalma l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat reċentement fis-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punti 57 sa 59; ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża, C-580/12 P, EU:C:2014:272 punti 21 et seq ), minn naħa, “[i]l-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 huwa intiż sabiex jiġi adottat bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u l-piż relattiv ta’ din l-impriża fih” u, min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li huwa importanti li l-multa tkun f’“relazzjoni reali mal-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju inkwistjoni” u li “l-parti tad-dħul mill-bejgħ globali li ġej mill-bejgħ tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tirrifletti l-importanza ekonomika ta’ dan il-ksur . Għalhekk ma hemmx lok li ssir distinzjoni minn fost dan il-bejgħ skont jekk dan sarx ma’ terzi indipendenti jew ma’ entitajiet li jappartjenu lill-istess impriża . Il-fatt li ma jitteħidx inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ li jaqa’ taħt din l-aħħar kategorija jwassal inevitabbilment għal vantaġġ, mingħajr ġustifikazzjoni, għall-kumpanniji integrati vertikalment peress li jippermettilhom jaħarbu minn sanzjoni proporzjonata għall-importanza tagħhom fis-suq tal- prodotti li jagħmel parti mill-ksur ” (enfasi miżjuda minni).
26. F’dan ir-rigward, ġie deċiż fl-istess sentenza (punt 57) li l-kunċett ta’ “valur tal-bejgħ” imsemmi fil-punt 13 tal-linji gwida tal-2006, minkejja li ma jistax jinftiehem li jkopri biss id-dħul mill-bejgħ magħmul biss mill-bejgħ li fir-rigward tiegħu huwa stabbilit li dan ġie effettivament affettwat minn dan l-akkordju, “ma jistax [...] jiġi estiż sabiex jinkludi l-bejgħ magħmul mill-impriża inkwistjoni li ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-akkordju kkontestat” (7) .
27. Inżid f’dan il-kuntest, li, hekk kif il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet, fil-punt 66 tas-sentenza Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (T‑204/08 u T‑212/08, EU:T:2011:286), “minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-parti mid-dħul mill-bejgħ minn merkanzija li kienet is-suġġett tal-ksur hija ta’ natura li tagħti indikazzjoni ġusta tal-kobor ta’ ksur fis-suq ikkonċernat […] B’mod partikolari, id-dħul mill-bejgħ mwettaq fuq il-prodotti li kienu s-suġġett ta’ prattika restrittiva jikkostitwixxi element oġġettiv li jagħti indikazzjoni ġusta tal-ħsara li din il-prattika tagħmel lill-kompetizzjoni [...] Dan il-prinċipju ġie mtenni fil-linji gwida tal-2006”. Din is-sentenza ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C‑444/11 P, EU:C:2013:464).
28. Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li l-bejgħ ta’ prodotti lesti magħmula mill-entitajiet li jagħmlu parti mill-grupp tar-rikorrenti lil terzi indipendenti fiż-ŻEE, li ttieħdu inkunsiderazzjoni biex tiġi kkalkolata l-multa li għandha tiġi imposta fuq ir-rikorrenti, ma sarx fuq is-suq rilevanti kkonċernat mill-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni inkwistjoni. Għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat darba għal dejjem fis-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C‑580/12 P, EU:C:2014:2363) li l-Kummissjoni ma għandhiex raġuni tagħmel distinzjoni bejn bejgħ intern u estern, hija lanqas ma għandha raġuni, bħala prinċipju, li tittratta biss il-bejgħ estern bħala “bejgħ reali” (8) .
29. Peress li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet hija stess fil-punt 74 tas-sentenza appellata li huwa diffiċli li l-approċċ tal-Kummissjoni f’dan il-każ jiġi rrikonċiljat mal-ġurisprudenza, tqum għalhekk il-kwistjoni ta’ jekk u kemm il-Qorti Ġenerali, fin-nuqqas li tiġi trasposta purament u sempliċement il-ġurisprudenza (9), kellha dritt, biex nuża kliemha, “tadatta[hom]” “għaċ-ċirkustanzi tal-każ”, ikkaratterizzati mill-fatt li r-rikorrenti hija impriża integrata vertikalment li inkorporat barra miż-ŻEE LCDs suġġetti għal kartell fi prodotti lesti mibjugħa fiż-ŻEE, “sabiex tilħaq l-għan, intiż minn din il-ġurisprudenza, li ma tipprivileġġax l-impriżi vertikalment integrati li pparteċipaw f’akkordju” (punt 74 tas-sentenza appellata).
30. Issa, xorta jibqa’ l-fatt li l-metodoloġija segwita f’dan il-każ mill-Kummissjoni tammonta għat-teħid inkunsiderazzjoni ta’ bejgħ (intern) tal-prodott ikkonċernat li sar kollu barra miż-ŻEE u li, f’dan ir-rigward, din il-metodoloġija għandha, fl-opinjoni tiegħi, titqies li hija estensjoni tal-kompetenza ratione loci tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ akkordju li sar u ġie implementat f’pajjiżi terzi, għall-unika raġuni li l-Kummissjoni “tippreżumi” li dan l-akkordju jipproduċi ċerti effetti fiż-ŻEE minħabba l-bejgħ, f’dan it-territorju, lil impriżi terzi indipendenti ta’ prodotti lesti li jintegraw fihom il-prodott ikkonċernat (10) .
31. Fil-fatt, f’dan il-każ, peress li l-bejgħ (intern) tal-prodott li huwa s-suġġett tal-ksur mill-appellanti ma seħħx fiż-ŻEE u li l-prodotti lesti li jintegrawhom fihom li kienu nbiegħu fiż-ŻEE minn entitajiet li jagħmlu parti mill-grupp tal-appellanti ma humiex suġġetti għall-ksur, huwa diffiċli, kważi impossibbli, li jiġi argumentat li l-akkordju ġie “implimentat” fiż-ŻEE fis-sens tas-sentenza “Polpa tal-injam I” (punti 13, 16 u 17 ta’ din is-sentenza).
32. Għandha tiġi rrilevata n-natura dubjuża tal-isforzi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni (premessi 9 u 381) biex tagħmel distinzjoni bejn bejgħ intra-ażjendali “reali”, jiġifieri li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni bħala tali għall-kalkolu tal-multa, u dak li ma jistax, jiġifieri li jista’ jiġi injorat u ssostitwit b’bejgħ “reali” lil terzi ta’ LCDs integrati fi prodott lest, l-hekk imsejjaħ “prodott ipproċessat”. F’dan il-każ, setgħet tinfetaħ kawża kontra InnoLux minn awtorità tal-kompetizzjoni fl-Ażja għal eżattament l-istess bejgħ bħal dak inkwistjoni hawnhekk.
33. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jidher li nesiet li, ġustament, il-Qorti Ġenerali diġà ċaħdet argument simili mressaq mir-rikorrenti fis-sentenza Europa Carton vs Il-Kummissjoni (T-304/94, EU:T:1998:89, punti 113 u 121 sa 123), jiġifieri li l-kunsinni interni ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni, peress li dawn ma jikkostitwixxux “bejgħ reali”. Bħalma indikajt, dan l-approċċ kien reċentement ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363).
34. Sabiex nikkonkludi, jiena naħseb li l-bejgħ intern għandu jittieħed inkunsiderazzjoni bħala bejgħ lil terzi, iżda jiġi eskluż jekk iseħħ barra mit-territorju tal-Unjoni, li jwassalni biex nikkunsidra l-kawża taħt l-angolu tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni.
b) Il-Kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni
35. Jista’ jkun interessanti f’dan l-istadju li jiġi indirizzat parallel bejn ir-regoli inkwistjoni hawnhekk u dawk applikabbli fl-Istati Uniti. Bil-kontra tas-sezzjoni 1 tax-Sherman Act, liġi Amerikana li tipprojbixxi, b’manjiera ġenerali, kull attentat biex jiġi llimitat il-kummerċ bejn diversi Stati jew pajjiżi barranin u ma tipprevedix limitazzjoni ġeografika , l-Artikolu 101 TFUE jipprojbixxi, b’mod espress, “l-akkordji kollha bejn impriżi [...] u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal- kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern ” (enfasi miżjuda minni). L-istess regola toħroġ mutatis mutandis mill-formulazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE “kull abbuż [...] minn pożizzjoni dominanti fi ħdan is-suq intern”.
36. Huwa, fil-fatt, fl-analiżi tal-formulazzjoni stess tal-Artikolu 101 TFUE (f’dak iż-żmien, l-Artikolu 85 KE) li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, fis-sentenza “Polpa tal-injam I” (punti 11 et seq ) li prattika miftiehma tista’ tillimita l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, u għalhekk tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-Artikolu 85 KE, biss jekk din kienet tikkonċerna bejgħ tal-prodott rilevanti direttament lix-xerrejja stabbiliti fil-Komunità u jekk il-bejjiegħa jkunu involuti f’kompetizzjoni fuq prezz biex jieħdu l-ordnijiet ta’ dawn il-klijenti.
37. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet f’dan is-sens fuq il-bażi tal-analiżi tal-formulazzjoni tal-Artikolu 85 KE billi żiedet li, “[f’]dawn iċ-ċrikustanzi, il-kompetenza tal-Komunità sabiex tapplika r-regoli ta’ kompetizzjoni tagħha fir-rigward ta’ tali mġiba taqa’ taħt il-prinċipju ta’ territorjalità li huwa rrikonoxxut universalment fid-dritt internazzjonali pubbliku” (punt 18 tal-istess sentenza). L-Artikolu 101 TFUE (jew, barra minn hekk, l-Artikolu 102 TFUE) ma jqajjimx għalhekk kwistjonijiet ta’ kompetenza ratione loci fir-rigward tad-dritt internazzjonali pubbliku peress li, preċiżament, minħabba l-mod kif inhu fformulat, ma għandux ikun applikat b’mod extraterritorjali.
38. Huwa għal din ir-raġuni li ma huwiex meħtieġ li jkun hemm fl-Unjoni l-ekwivalenti tal-liġi Amerikana intitolata “The Foreign Trade Antitrust Improvements Act” li introduċiet permezz ta’ leġiżlazzjoni t-test imsejjaħ “effetti kkwalifikati” biex teskludi mis-Sezzjoni 1 tax-Sherman Act imġiba mwettqa barra mill-pajjiż u li ma għandhiex “effett dirett, sostanzjali, u raġonevolment prevedibbli fuq il-kummerċ Amerikan”. Fil-fatt, bil-kontra tax-Sherman Act, il-formulazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE jindikaw b’mod ċar li dawn tal-aħħar jikkonċernaw biss prattiki li jnaqqsu l-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni u mhux barra minnha.
39. F’dan il-kuntest, nirreferi għall-kawża reċenti Motorola Mobility vs AU Optronics (Nru 14-8003) imressqa quddiem il-US Court of Appeals (7 th Circuit), u li kienet tikkonċerna l-istess akkordju dinji bħal dak fl-oriġini ta’ dan l-appell. Din il-kawża qajmet kwistjonijiet u ppreżentat fatti simili għal dawk inkwistjoni hawnhekk, b’mod partikolari l-applikazzjoni extraterritorjali tad-dritt (American f’dan il-każ) tal-kompetizzjoni. F’din il-kawża, Motorola, stabbilita fl-Istati Uniti, akkużat kartell internazzjonali (l-istess wieħed bħal hawnhekk) bi ksur tax-Sherman Act permezz ta’ akkordju fuq il-prezz tal-LCDs mibjugħa lil xi wħud mis-sussidjarji tagħha, stabbiliti barra mit-territorju Amerikan, li kienu inkorporawhom fi prodotti lesti, u wara kkunsinnati lill-kumpannija parent tagħhom fl-Istati Uniti.
40. F’“ amicus curiae brief” indirizzata lill-US Court of Appeals, l-awtorità Belġjana tal-kompetizzjoni (11) targumenta favur interpretazzjoni restrittiva tal-ġurisdizzjoni ratione loci tad-dritt antitrust Amerikan b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ korteżija internazzjonali ( comitas gentium ) u tirrileva li applikazzjoni estensiva tad-dritt Amerikan ikollha bħala effett li thedded (l-effikaċja ta’) l-applikazzjoni tad-dritt Belġjan u d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni kif ukoll dak ta’ pajjiżi oħra. Xi “ amicus curiae briefs” simili ġew ippreżentati f’din il-kawża, b’mod partikolari mit-Tajwan u mill-Ġappun.
41. Fis-sentenza mogħtija xi xhur wara s-sentenza appellata, il-U.S. Court of Appeals ċaħdet l-ilment ta’ Motorola u ddeċidiet li x-Sherman Act ma kienx applikabbli, għar-raġuni li l-effetti tal-kartell fuq is-suq Amerikan — jekk wieħed jassumi li jkunu sostanzjali u raġonevolment prevedibbli — kienu ta’ natura “indiretta”, peress li l-parteċipanti fl-akkordju ma biegħux l-LCDs fl-Istati Uniti, iżda li dawn nbiegħu barra mill-pajjiż lil impriżi (sussidjarji ta’ Motorola) li inkorporawhom fi prodotti li wara ġew esportati u mibjugħa mill-ġdid fl-Istati Uniti. Hija enfasizzat ukoll ir-riskju li jingħata kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ wisq lix-Sherman Act.
42. Dan kollu juri li, f’din il-kawża wkoll, interpretazzjoni wiesgħa tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jista’ jwassal għal kunflitti ta’ kompetenza ma’ awtoritajiet tal-kompetizzjoni barranin kif ukoll għal inkriminazzjonijiet doppji għall-impriżi.
43. Il-Qrati tal-Unjoni fuq kollox dejjem irrikonoxxew l-importanza tal-osservanza stretta tal-ġurisdizzjoni ratione loci (12) sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem (13), minqux fl-Artikolu 50 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Jirriżulta mis-sentenza SGL Carbon vs Il‑Kummissjoni (C-308/04 P, EU:C:2006:433, b’mod partikolari, il-punti 29 u 32) li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-fatt li awtorità tal-kompetizzjoni tmur lil hinn mill-kompetenza ratione loci tagħha jista’ jwassal għal sanzjonijiet konkorrenti għall-impriżi taħt investigazzjoni. F’dan il-każ, jekk il-Kummissjoni timponi multa għal tranżazzjoni dwar komponent ikkunsinnat f’pajjiż mhux membru taż-ŻEE għar-raġuni li l-prodott lest li jinkorpora fih dan il-komponent inbiegħ fiż-ŻEE, l-istess tranżazzjoni tista’ tiġi ssanzjonata darbtejn. L-ewwel darba fl-Istat mhux membru taż-ŻEE fejn il-komponent ikun ġie kkunsinnat, u għat-tieni darba fiż-ŻEE (skont l-approċċ tal-Kummissjoni li jgħid li dan il-komponent huwa inkorporat fi prodott lest li kien suġġett għal bejgħ finali fiż-ŻEE).
44. Jiena jidhirli li, mingħajr turija addizzjonali tal-effetti kkwalifikati tal-akkordju fi ħdan iż-ŻEE, il-Kummissjoni qed tmur wisq ’il bogħod meta tissanzjona akkordji fuq prodotti mmanifatturati u mibjugħa barra miż-ŻEE, għall-unika raġuni li huma jiġu mbagħad “ipproċessati” jew integrati fi prodotti oħrajn li (kollha kemm huma jew ftit minnhom) jaslu fiż-ŻEE.
c) Effetti tal-akkordju fiż-ŻEE permezz tal-prodotti lesti: il-kriterji ta’ “effetti kkwalifikati” u ta’ “implimentazzjoni”
45. Nirrileva li, inizjalment, fil-bidu tal-proċedura ta’ ksur, il-Kummissjoni kienet ikklassifikat il-bejgħ inkwistjoni hawnhekk bħala “bejgħ ŻEE indirett” (ara l-premessi 391 et seq tad-deċiżjoni inkwistjoni). Huwa biss wara li hija ddeċidiet li tikklassifikah minflok bħala “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” (14) . Dan kien sforz mill-Kummissjoni biex tiġġustifika aħjar l-użu ta’ kunċett ġdid?
46. Fi kwalunkwe każ, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex possibbli li jitqies li l-bejgħ fiż-ŻEE ta’ prodotti lesti, li jinkorporaw fihom l-LCDs, magħmula mill-grupp InnoLux stabbilita barra miż-ŻEE jikkostitwixxi fis-sens tas-sentenza “Polpa tal-injam I” l-implementazzjoni fiż-ŻEE ta’ akkordju fuq il-prezzijiet li jikkonċerna l-bejgħ tal-LCDs. Fil-fatt, ma huwiex possibbli li tali bejgħ jiġi assimilat ma’ bejgħ fiż-ŻEE ta’ LCDs bi prezzijiet suġġetti għal kartell. Minn naħa, il-bejgħ ta’ prodotti lesti fih innifsu ma jistax jiġi kkaratterizzat bħala l-implementazzjoni fiż-ŻEE tal-kartell LCD, peress li l-bejgħ tal-prodotti lesti li jinkorporaw fihom l-LCDs ma jidħlux fil-kamp tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE kkonstatat mill-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, l-LCDs inkorporati huma nnifishom ma kinux suġġetti għal bejgħ bi prezzijiet ikkoordinati fiż-ŻEE. F’dan il-każ, l-“implimentazzjoni” saret barra miż-ŻEE waqt il-kunsinna tal-LCDs lill-entitajiet li inkorporawhom fi prodotti lesti.
47. Li wieħed jittratta b’mod differenti, mill-perspettiva tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, il-bejgħ indirett tal-LCDs fiż-ŻEE skont jekk il-“prodotti pproċessati” jitqegħdux fis-suq minn impriżi terzi li jkunu akkwistaw l-LCDs minn membri tal-akkordju jew jitpoġġewx fis-suq minn sussidjarji ta’ membri tal-akkordju li jkunu akkwistaw l-LCDs wara kunsinni fi ħdan grupp integrat vertikalment, ikollu bħala konsegwenza li jiżvantaġġa lil dawn tal-aħħar fir-rigward tal-manifatturi tal-LCDs li ma jkunux integrati ’l isfel (15) .
48. Huwa għalhekk ċar li l-unika ġustifikazzjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni għall-bejgħ inkwistjoni tista’ tkun biss bl-applikazzjoni tal-kriterju tal-“effetti kkwalifikati”.
i) Il-kriterju tal-“effetti kkwalifikati” b’mod ġenerali
49. Diversi avukati ġenerali tkellmu favur ir-rikonoxximent ta’ dan il-kriterju mill-Qorti tal-Ġustizzja, ħaġa li tippermetti li jiġi applikat id-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għal imġiba jew ftehimiet antikompetittiv li jiġu kkonstatati barra miż-ŻEE iżda li jkollhom riperkussjonijiet fit-territorju taż-ŻEE. Dan kien, b’mod partikolari, il-każ tal-Avukat Ġenerali Mayras fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, EU:C:1972:32) (fejn l-akkordju kellu effetti diretti u immedjati, sostanzjali u prevedibbli fil-Komunità) u tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni (89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:258) (16) .
50. Il-Kummissjoni nnifisha ilha tgħid għal ħafna żmien li l-kriterju tal-“effetti kkwalifikati” jiffissa l-limitu estern tal-kompetenza tagħha (17) .
51. Fis-sentenza tagħha Gencor vs Il-Kummissjoni (T-102/96, EU:T:1999:65, punt 92), il-Qorti Ġenerali wkoll użat dan il-kriterju billi eżiġiet, fil-kuntest ta’ kontestazzjoni dwar il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tapplika r-regolament dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi għal konċentrazzjoni li saret bejn żewġ entitajiet stabbiliti barra mill-Komunità (18), li jkun hemm “effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli”. Jiena ma nara l-ebda raġuni għaliex dan il-kriterju għandu jkun limitat biss għall-konċentrazzjonijiet (19) .
52. Il-Qorti Ġenerali osservat ukoll fis-sentenza Haladjian Frères vs Il‑Kummissjoni (20) fir-rigward ta’ “akkordju li jikkonċerna prodotti mixtrija fl-Istati Uniti sabiex jinbiegħu f’[l-Unjoni li] [...] [i]s-sempliċi fatt li mġiba tipproduċi ċerti effetti, ikunu li jkunu, fuq l-ekonomija ta’ [l-Unjoni] ma jikkostitwixxix minnu nnifsu rabta suffiċjentement stretta sabiex tippermetti li tiġi stabbilita l-kompetenza ta’ [l-Unjoni]. Sabiex ikun jista’ jittieħed in kunsiderazzjoni, dan l-effett għandu jkun sostanzjali, jiġifieri kunsiderevoli u mhux ta’ importanza żgħira”.
53. Huwa veru li għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ċaħdet il-kriterju tal-“effetti kkwalifikati”, hija lanqas qatt ma ppronunċjat ruħha espressament fuq il-possibbiltà li jintuża (21) . Anki jekk jiena favur ta’ dan, il-problema ma tqumx f’dan l-appell, peress li, fil-fehma tiegħi, id-dimostrazzjoni mill-Kummissjoni ta’ effetti kkwalifikati tal-akkordju fuq il-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE ma hijiex biżżejjed.
ii) Dimostrazzjoni “tal-effetti kkwalifikati” f’din il-kawża?
54. Peress li ż-ŻEE hija s-suq protett bir-regoli applikabbli f’dan il-każ, huwa diffiċli a priori li wieħed jagħmel konnessjoni bejn il-bejgħ fl-Ażja fil-kawża inkwistjoni mar-regoli ta’ kompetizzjoni taż-ŻEE jew mal-istruttura tal-kompetizzjoni fiż-ŻEE ta’ prodotti kkontemplati mill-ksur , sakemm dak li jkun ma jikkonkludix, wara analiżi tas-suq tal-prodott lest fiż-ŻEE, li l-akkordju fis-suq Ażjatiku li jikkonċerna l-LCDs suġġetti għal kartell ukoll wassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis- suq tal-prodotti lesti fiż-ŻEE. Issa, fid-deċiżjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni ma timxix b’dan il-mod u la tindika u lanqas turi b’mod suffiċjenti li l-kompetizzjoni tkun ġiet distorta fiż-ŻEE fis-suq tal-prodotti lesti u lanqas li l-ksur kien jestendi għall-fissazzjoni tal-prezz jew għall-bejgħ tal-prodotti lesti li fihom ġew integrati LCDs suġġetti għal kartell.
55. Il-Kummissjoni kkonstatat fid-deċiżjoni inkwistjoni ksur wieħed biss tal-Artikolu 101 TFUE (22) marbut unikament mal-LCDs (ara l-premessi 1 u 377 tad-deċiżjoni inkwistjoni), billi osservat sempliċement li “l-bejgħ ta’ screens LCDs lil klijenti intra-ażjendali kienu jagħmlu parti mid-diskussjonijiet tal-akkordju inkwistjoni” u li wieħed seta’ “ raġonevolment jissoponi li akkordju implementat kellu effetti fuq il-bejgħ dirett permezz tal-prodotti pproċessati” (premessa 394 tad-deċiżjoni inkwistjoni; enfasi miżjuda minni), li ċertament ma huwiex ekwivalenti għal dimostrazzjoni tal-effetti kkwalifikati tal-kartell fis-suq taż-ŻEE.
56. Minn naħa, huwa ċar li (l-konstatazzjoni ta’) l-ksur ma jikkonċernax direttament il-prodotti lesti. min-naħa l-oħra, joħroġ mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja li lanqas ma jikkonċernahom b’mod indirett . Il-linji gwida tal-2006 jindikaw fil-fatt b’mod ċar, li l-kelma “indirett” li tidher fil-punt 13 tagħhom hija intiża li tkopri l-każijiet li fihom, “pereżempju għall-ftehim ta’ prezzijiet [...] li jirrigwardaw prodott partikolari, [...] il-prezz ta’ dan il-prodott iservi sussegwentement bħala bażi għall-prezz ta’ prodotti ta’ kwalità superjuri jew inferjuri” (23) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Din is-sitwazzjoni ma tqumx f’dan il-każ. Mill-proċess ma jirriżultax li l-prezz suġġett għal kartell ta’ LCD jikkostitwixxi prezz ta’ referenza tal-LCDs ta’ kwalità superjuri jew inferjuri. Lanqas ma jirriżulta mill-proċess li huwa jservi ta’ riferiment għall-prezzijiet tal-prodotti lesti li jinkorporawh.
57. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 48 u 49 tas-sentenza appellata, li l-għażla tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni l-“bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” kienet, fil-fehma tagħha, “għaldaqstant iktar iġġustifikata fil-każ fejn [irriżulta] mill-provi li jinsabu fid-deċiżjoni [appellata (premessa 394)], mhux ikkontestati mir-rikorrenti, li l-bejgħ ta’ LCDs suġġetti għal kartell intern għall-impriżi li jipparteċipaw fl-akkordju kien sar bi prezzijiet influwenzati minnu” u li “l-parteċipanti fl-akkordju kienu jafu li l-prezzijiet tal-LCDs suġġetti għal kartell kienu affettwaw dawk tal-prodotti lesti li jintegrawhom” (ara l-premessi 92 u 93 tad-deċiżjoni inkwistjoni). Issa, minkejja li dan forsi kien il-każ, xorta jibqa’ l-fatt li dawn il-kunċetti ta’ “influwenza” u li “jolqtu” ma humiex biżżejjed biex juru l-“effetti kkwalifikati” fiż-ŻEE. Barra minn hekk, jidher li dawn il-konstatazzjonijiet jirrigwardaw il-parteċipanti kollha fl-akkordju mingħajr ma jagħmlu distinzjoni bejn il-bejgħ intra-ażjendali “reali”, li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa meta jkunu involuti fiż-ŻEE u dak li ma jkunx u li jista’ skont il-Kummissjoni jkun issostitwit b’bejgħ “reali” lil terzi ta’ LCDs integrati fi prodott lest (24) .
58. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali enfasizzat fil-punt 70 tas-sentenza appellata li l-Kummissjoni għandha tipproċedi kontra r-“riperkussjonijiet” li akkordju barra miż-ŻEE kellu “fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern” u “timponi fuqha multa proporzjonali mal-ħsara ta’ dan l-akkordju fuq il-kompetizzjoni f’dan is-suq”. B’hekk, iżżid hi, “meta l-LCDs suġġetti għal kartell magħmula mir-rikorrenti jkunu ġew integrati f’prodotti lesti minn kumpanniji li jagħmlu parti mill-istess impriża bħar-rikorrenti u li dawn il-prodotti lesti jkunu nbiegħu fiż-ŻEE minn din l-impriża, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-akkordju affettwa t-tranżazzjonijiet li seħħew sal-mument ta’ dan il-bejgħ inkluż”. Din il-konklużjoni jidhirli li hija mill-inqas mgħaġġla fis-sens li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li ksur fuq il-fissazzjoni tal-prezz tal-LCDs għandu neċessarjament effett fuq il-fissazzjoni tal-prezz tal-prodotti lesti. Barra minn hekk, diversi manifatturi ta’ prodotti lesti ma kinux involuti fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni inkwistjoni. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 394 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li tgħid li “ wieħed jista’ raġonevolment jissoponi li akkordju implementat kellu effetti fuq il-bejgħ dirett permezz tal-prodotti pproċessati” hija, bħalma l-Kummissjoni stess tammetti, biss ipoteżi, peress li l-Kummissjoni ma tipproduċi l-ebda prova fid-deċiżjoni inkwistjoni li l-bejgħ tal-prodotti lesti kien affettwat biżżejjed biex wieħed ikun jista’ jitkellem fuq “effetti kkwalifikati” fiż-ŻEE tal-akkordju inkwistjoni, kunċett li mill-inqas jeżiġi effetti immedjati, sostanzjali u prevedibbli u mhux sempliċement possibbli jew preżupposti.
59. Jekk il-Kummissjoni trid tinkludi l-bejgħ inkwistjoni fil-kalkolu tal-multa, hija “ma tistax tillimita lilha nnifisha li tressaq biss preżunzjoni, iżda għandha tipprovdi [...] evidenza konkreta, kredibbli u suffiċjenti li tippermettilha li tevalwa l-impatt konkret li l-ksur seta’ jkollu fir-rigward tal-kompetizzjoni fuq l-imsemmija suq” (ara s-sentenza Prym u Prym Consumer vs Il-Kummissjoni, C‑534/07 P, EU:C:2009:505, punt 82). Ma huwiex għalhekk biżżejjed għall-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni tal-eżistenza ta’ dawn l-effetti u wieħed jista’ jistaqsi wkoll jekk il-Kummissjoni fittxitx li tivverifika u li tkejjel l-impatt tal-akkordju fis-suq tal-prodotti lesti fiż-ŻEE.
60. Għall-appellanti, problema oħra li jġib miegħu l-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” ġejja mill-fatt li dan ibiddel b’mod artifiċjali l-post tat-tranżazzjoni inkwistjoni, mill-post fejn l-LCD ġie effettivament ikkunsinnat u użat għal dak fejn il-prodott lest, li fih ġie inkorporat dan l-LCD, inbiegħ. Issa, il-post tal-bejgħ tal-LCDs kien jinsab fl-Ażja u mhux fiż-ŻEE. Għalhekk, meta l-Kummissjoni tassimila l-bejgħ tal-prodott lest ma’ dak tal-LCD li huwa inkorporat fih, hija tittratta fil-fatt il-kunsinni interni ta’ screens li saru fi ħdan InnoLux, fit-Taiwan u fiċ-Ċina, daqs li kieku saru fiż-ŻEE, minkejja li hija kkunsidrat li l-kunsinni intra-ażjendali ta’ screens li saru minn Samsung mill-Korea t’Isfel lill-fabbriki tagħha fiż-ŻEE saru barra miż-ŻEE, għar-raġuni unika li Samsung tbigħ, barra miż-ŻEE, il-prodotti lesti li fihom hemm inkorporati l-LCDs (25) .
61. Huwa veru, bħalma qalet il-Kummissjoni fil-premessa 383 tad-deċiżjoni inkwistjoni, li “l-fatt li jittieħed il-kriterju ta’ kunsinna biex jiġi stabbilit il-valur tal-bejgħ joħloq rabta qawwija maż-ŻEE” [traduzzjoni mhux uffiċjali], iżda bħalma l-Qorti Ġenerali ddeċidiet fis-sentenza Brouwerij Haacht vs Il‑Kummissjoni (T‑48/02, EU:T:2005:436, punt 59, li ma kinitx suġġetta għal appell), “l-evalwazzjoni, għal kalkolu tal-multa imposta minħabba l-ksur li seħħ, tal-kapaċità ekonomika effettiva ta’ l-atturi li toħloq dannu lill-operaturi l-oħra, b’mod partikulari lill-konsumaturi, topera b’referenza għal prodotti oħra apparti dawk li huma s-suġġett [tal-] kartell”.
62. Bħalma jipprevedu l-linji gwida tal-2006, li l-Kummissjoni ma tistax titbiegħed minnhom mingħajr ġustifikazzjoni speċifika u oġġettiva kompatibbli b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (26) (li ma ġietx ipprovduta f’dan il-każ), il-multi għandhom ikunu bbażati fuq il-bejgħ li huwa s-suġġett tal-ksur. Il-Kummissjoni ma tistax għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ tal-prodotti downstream, jiġifieri l-prodotti li ma jagħmlux parti mill-ksur anki jekk prodotti li jagħmlu parti mill-ksur kienu inkorporati fihom bħala komponent.
iii) Fi kwalunkwe każ, xi jfisser il-kriterju ta’ “implimentazzjoni” ta’ akkordju?
63. Fis-sentenza “Polpa tal-injam I” (punti 16 u 17), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-element “determinanti” tal-kompetenza tal-Kummissjoni biex tapplika l-projbizzjonijiet stabbiliti mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma kienx il-post ta’ fejn sar l-akkordju, iżda dak ta’ fejn l-akkordju jiġi implementat (27) . Fil-punt 18 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-kompetenza tal-Unjoni kienet “koperta mill-prinċipju ta’ territorjalità li huwa rikonoxxut universalment fid-dritt internazzjonali pubbliku”. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet innotat, fil-punt 12 tal-istess sentenza, “li s-sorsi prinċipali ta’ forniment ta’ polpa tal-injam [kienu] jinstabu barra mill-Komunità [...] u li s-suq [kellu], għalhekk, dimensjoni dinjija. Meta manifatturi ta’ polpa tal-injam stabbiliti f’dawn il-pajjiżi [barra mill-Unjoni] għamlu bejgħ direttament lil xerrejja stabbiliti fil-Komunità u meta daħlu f’kompetizzjoni fuq prezz biex iwasslu t-talbiet ta’ dawn il-klijenti, hemm kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni” (enfasi miżjuda minni). Huwa biss meta “dawn il-manifatturi jikkonsultaw fuq il-prezz li jagħtu lill-klijenti tagħhom stabbiliti fil-Kommunità u jimplementaw din il-konsultazzjoni billi jbiegħu bi prezzijiet effettivament ikkoordinati [li huma] jipparteċipaw f’konsultazzjoni li għandha bħala għan jew bħala riżultat li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni, fis-sens tal-Artikolu 85 tat-Trattat” (punt 13 tas-sentenza “Polpa tal-injam I”; enfasi miżjuda minni), u l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li, “f’dan il-każ, il-manifatturi [kienu] implementaw l-akkordju tagħhom fuq il-prezz fi ħdan is-suq komuni” (punt 17 tal-imsemmija sentenza).
64. Sabiex tiġi eżaminata l-applikabbiltà tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-punt tat-tluq jikkonsisti għalhekk fl-identifikazzjoni tal-post fejn tiġi eżerċitata l-kompetizzjoni għall-prodott ikkonċernat bil-konsultazzjoni.
65. Dak li jagħti lok għall-kompetenza tal-Unjoni bis-saħħa tal-kriterju ta’ implementazzjoni żviluppat fis-sentenza “Polpa tal-injam I” huwa bejgħ, fiż-ŻEE, tal-prodott rilevanti relatat mal-azzjoni ta’ kooperazzjoni , f’dan il-każ tal-LCDs (28) . Issa, id-deċiżjoni inkwistjoni ma tikkonstata l-ebda azzjoni ta’ kooperazzjoni f’dak li jirrigwarda prodotti lesti li jintegraw fihom LCDs immanifatturati mill-parteċipanti fl-akkordju. Il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tirrikonoxxi l-kriterju stabbilit fis-sentenza “Polpa tal-injam I” meta hija indikat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-bejgħ ta’ prodotti lesti li jintegraw fihom l-LCDs “jaffettwa l-kompetizzjoni fiż-ŻEE”. Huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-bejgħ ta’ prodotti lesti ma jsirx fis-suq taż-ŻEE kkonċernat bil-ksur, jiġifieri s-suq tal-LCDs. Fl-aħħar nett, b’differenza għal dak li l-Qorti Ġenerali qalet fil-punt 47 tas-sentenza appellata, ma huwiex biżżejjed li jiġi identifikat “il-bejgħ li jippreżenta [kwalunkwe] rabta maż-ŻEE” sabiex tiġi stabbilita l-appl ikabbiltà territorjali tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni bis-saħħa tal-kriterju stabbilit fis-sentenza “Polpa tal-injam I”. Dak li għandu jintwera huwa l-eżistenza tal-bejgħ, fi ħdan iż-ŻEE, tal-prodott ikkonċernat bil-ksur , jiġifieri l-LCDs u l-bejgħ ta’ prodott separat li jintegra l-LCD bħala komponent li ma huwa nnifsu s-suġġett tal-bejgħ u lanqas ma jissodisfa din il-kundizzjoni.
66. Fl-aħħar nett, jiena naħseb li, fil-kuntest tal-kwistjoni ta’ kompetenza ratione loci li tqum f’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet obbligata li tinterpreta l-linji gwida tal-2006 b’mod restrittiv — a fortiori jekk infakkar li “l-proċedura li permezz tagħha tiġi imposta multa [mill-Kummissjoni] għall-ksur tal-projbizzjoni ta’ akkordji dwar l-iffissar tal-prezzijiet u t-tqassim tas-suq fl-Artikolu 81(1) KE taqa’ taħt il-‘kategorija kriminali’ tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, kif iddefinita b’mod progressiv mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem” (29) .
67. Minn dan kollu jirriżulta li l-ewwel motiv għandu jintlaqa’.
68. B’hekk, huwa neċessarju li s-sentenza appellata tiġi annullata peress li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-kunsinni intra-ażjendali tal-LCDs lill-fabbriki tar-rikorrenti fiċ-Ċina u fit-Tajwan kienu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-ŻEE għar-raġuni unika li l-prodotti lesti li fihom kienu inkorporati l-LCDs bħala komponenti fil-fabbriki inkwistjoni jinbiegħu fiż-ŻEE mill-appellanti.
B – Fuq it-tieni aggravju, dwar l-allegata diskriminazzjoni fir-rigward tal-parteċipanti l-oħrajn fl-akkordju
69. Permezz tal-ewwel parti, dwar l-użu tal-kunċett ta’ “impriża unika” bħala kriterju distintiv, l-appellanti ssostni li d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn impriżi integrati vertikalment skont jekk jifformawx jew le impriża unika max-xerrejja tagħhom, ma hija bbażata fuq l-ebda differenza rilevanti. B’hekk, fis-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (T-128/11, EU:T:2014:88), il-Qorti Ġenerali, sabiex tiċħad l-argument ta’ LGD li l-bejgħ ta’ LCDs lill-kumpanniji parent tagħhom għandu jiġi eskluż, ma invokatx il-fatt li l-bejgħ inkwistjoni kien sar fi ħdan impriża unika. L-appellanti tirreferi wkoll għall-punt 140 ta’ din is-sentenza u targumenta li ma kien hemm ebda loġika li ssir distinzjoni bejn l-impriżi integrati vertikalment, skont jekk il-bejgħ rilevanti sarx lil sussidjarji assoċjati jew lil kumpaniji parent assoċjati.
70. Il-Kummissjoni ssostni li l-ilment tal-appellanti ma huwiex fondat.
71. Għandu l-ewwel nett jiġi osservat li, peress li t-tieni aggravju mqajjem mir-rikorrenti ma jistax iwassal għal annullament iktar wiesa’, normalment ma jkunx hemm lok li jiġi eżaminat (30) . Huwa biss għall-kompletezza u b’mod sussidjarju (fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma timxix mal-konklużjonijiet tiegħi fuq l-ewwel aggravju) li qed neżamina t-tieni wieħed.
72. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn il-parteċipanti fl-akkordju skont il-kriterju tal-kunċett ta’ “impriża” fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, sabiex jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi impriżi integrati vertikalment max-xerrejja tagħhom u dawk li jibqgħu awtonomi fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, hija msejsa fuq bażi soda fil-ġurisprudenza (31) .
73. Minbarra l-kwistjonijiet relatati, b’mod partikolari, mal-kompetenza extraterritorjali tal-Kummissjoni u mal-ġurisprudenza relatata magħha li huma eżaminati b’mod dettaljat fl-analiżi tal-ewwel aggravju, jiena naħseb li, sabiex jiddistingwu bejn il-kunsinni intra-ażjendali tal-bejgħ lil terzi, il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali ma għamlux distinzjoni arbitrarja. Fil-fatt, f’dan il-każ, huma sempliċement iddistingwew l-impriżi integrati vertikalment minn dawk li ma kinux u, sabiex issir din id-distinzjoni, bil-kontra tad-dritt tal-kompetizzjoni Amerikan, il-kunċett (oġġettiv) ta’ “impriża unika” huwa rilevanti ħafna fid-dritt tal-Unjoni. Fl-opinjoni tiegħi, din il-parti għandha tiġi miċħuda għal din ir-raġuni biss.
74. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li qed issostni l-appellanti, is-sitwazzjoni ta’ LGD kienet differenti minn dik tal-impriżi integrati vertikalment bħal InnoLux. Fil-fatt, LGD kienet impriża distinta mill-kumpaniji parent tagħha. Minħabba n-nuqqas ta’ integrazzjoni vertikali, il-bejgħ kollu ta’ LCDs magħmul minn LGD lil dawn tal-aħħar fiż-ŻEE ttieħed inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi kkalkolata l-multa, bħala “bejgħ ŻEE dirett”. Il-kunċett ta’ “impriża unika” għalhekk ippermetta li ssir distinzjoni oġġettiva bejn sitwazzjonijiet differenti.
75. Għaldaqstant l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.
76. Fit-tieni parti ta’ dan it-tieni aggravju, dwar l-allegati żbalji li jikkonċernaw il-metodu applikat għall-kunsinni intra-ażjendali ta’ LCDs li saru minn LGD u AUO, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta invokat, fil-punti 93 u 94 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ legalità biex tiċħad l-argumenti tagħha li ġejjin mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, jirriżulta mis-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni u L-Kummissjoni vs Alliance One International et (C‑628/10 P u C‑14/11 P, EU:C:2012:479) li huwa biss meta parti titlob il-benefiċċju ta’ metodu ta’ kalkolu illegali tal-multa li l-prinċipju ta’ legalità jista’ jitqajjem biex dan il-benefiċċju jiġi rrifjutat lilu. Issa, f’dan il-każ, l-appellanti kienet ġiet miċħuda mill-benefiċċju ta’ metodu perfettament legali fil-kalkolu tal-multa. Il-metodu applikat għall-kunsinni intra-ażjendali ta’ LCDs mibjugħa minn LGD u AUO kellu jkun fil-fatt dak li l-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermaw fis-sentenzi Europa Carton vs Il-Kummissjoni (T‑304/94, EU:T:1998:89) u KNP BT vs Il-Kummissjoni (C‑248/98 P, EU:C:2000:625). Il-Qorti Ġenerali stess, fis-sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il‑Kummissjoni (T‑128/11, EU:T:2014:88) kienet ikkonfermat il-legalità ta’ dan il-metodu u, b’hekk, qed tikkontradixxi lilha nnifisha.
77. Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tal-appellanti huma infondati.
78. Fl-opinjoni tiegħi, din il-parti tat-tieni motiv tfittex li tikkontesta r-raġunament superfluwu tas-sentenza appellata u, b’hekk, għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva. Fil-fatt, anki jekk il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet bi żball li la LGD, LG Electronics u Philips u lanqas AUO u BenQ ma kienu jifformaw impriża unika, dan ma jistax ikun ta’ benefiċċju għar-rikorrenti.
79. Fi kwalunkwe każ, bħalma l-Kummissjoni osservat ġustament, hija applikat, f’dan il-każ u bil-kontra tas-sitwazzjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il‑Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs Alliance One International et (C-628/10 P u C-14/11 P, EU:C:2012:479), l-istess metodu (tal-impriża unika) għall-parteċipanti kollha fl-akkordju. Huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li xejn f’din is-sentenza ma jippermetti li jingħad li l-Qorti Ġenerali kellha wkoll tiddetermina, fir-rikors għal annullament imressaq minn InnoLux, jekk il-Kummissjoni applikatx b’mod korrett il-metodu użat ma’ LGD u ma’ AUO.
80. Minn dan isegwi li t-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala irrilevanti u, fi kwalunkwe każ, infondata. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.
IV – Fuq il-konsegwenzi tal-annullament tas-sentenza appellata kif ukoll fuq l-ispejjeż
81. Skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi b’mod definittiv dwar il-kawża ladarba tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ f’din il-kawża, għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji kollha biex tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors.
82. Il-multa mnaqqsa stabbilita mill-Qorti Ġenerali (qabel l-arrotondament) kienet ta’ EUR 288 437 850 (punt 163 tas-sentenza appellata; ara f’dan ir-rigward, il-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Għandu għalhekk titnaqqas minn din is-somma l-parti tal-multa attribwibbli għall-“bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, li jitla’ għal EUR 114 681 174. L-ammont tal-bażi totali tal-multa (qabel l-arrotondament) huwa għalhekk ta’ EUR 173 756 676. Din is-somma għandha mbagħad tiġi arrotondata (32) għall-ammont finali ta’ EUR 173 000 000. Inżid li l-Kummissjoni ma kkontestatx dawn iċ-ċifri pprovduti mill-appellanti fl-appell tagħha.
83. Għal dak li jikkonċerna l-ispejjeż, peress li l-appell ta’ InnoLux huwa kkonfermat parzjalment, il-Kummissjoni għandha tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta kemm mal-proċeduri fl-ewwel istanza kif ukoll f’dan l-appell, nofs l-ispejjeż ta’ InnoLux fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri. InnoLux għandha tbati nofs l-ispejjeż tagħha marbuta ma’ dawn il-proċeduri.
V – Konklużjonijiet
84. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja:
– li tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea InnoLux vs Il‑Kummissjoni (T-91/11, EU:T:2014:92) sa fejn ikkonfermat li l-multa imposta fuq InnoLux Corp. setgħet legalment tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ intra-ażjendali ta’ screens tal-kristalli likwidi b’livell attiv lill-fabbriki ta’ InnoLux Corp. fiċ-Ċina u t-Tajwan u li jkunu sussegwentement integrati fi prodotti lesti mibjugħa fiż-Żona Ekonomika Ewropea, u ta’ dan il-fatt wettqet żball ta’ liġi;
– li tannulla d-deċiżjoni C(2010) 8767 finali tal-Kummissjoni, tat-8 ta’ Diċembru 2010, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFEU] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ COMP/39.309 – LCD) sa fejn hija imponiet il-multa fuq InnoLux Corp. billi ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-kunsinni intra-ażjendali ta’ screens tal-kristalli likwidi b’livell attiv lill-fabbriki ta’ InnoLux Corp. fiċ-Ċina u t-Tajwan u li jiġu sussegwentement integrati fi prodotti lesti mibjugħa fiż-Żona Ekonomika Ewropea;
– li tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq InnoLux Corp. għal EUR 173 000 000;
– li tiċħad il-bqija tal-appell; u
– li tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha marbuta kemm mal-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll f’dan l-appell, nofs l-ispejjeż ta’ InnoLux Corp. fil-kuntest ta’ dawn iż-żewġ proċeduri u tikkundanna lil InnoLux Corp. tbati nofs l-ispejjeż tagħha marbuta mal-imsemmija proċeduri.
85. Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li ma timxix mal-konklużjonijiet tiegħi fuq l-ewwel aggravju u tiċħdu, jiena nipproponi allura li tiċħad l-appell fit-totalità tiegħu u li tikkundanna lil InnoLux Corp. tbati l-ispejjeż ta’ din il-proċedura.
(1) .
(2) – T-91/11, EU:T:2014:92, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”. Din il-kawża tista’ tinqara flimkien mal-kawża LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni (C-227/14 P), li waqt il-kitba ta’ dawn il-konklużjonijiet tinsab pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li tikkonċerna l-istess akkordju, anki jekk dawn il-kawżi jqajmu kwistjonijiet ta’ natura differenti.
(3) – Deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2010 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [101 TFUE] u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ COMP/39.309 – LCD) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”), li tagħha ġie ppubblikat sommarju f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tas-7 ta’ Ottubru 2011 (ĠU C 295, p. 8).
(4) – Ara l-metodu applikat mill-Kummissjoni, b’mod partikolari, il-punti 8 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
(5) – Quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-kawża Intel vs Il-Kummissjoni (C-413/14 P, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 10 ta’ dawn il-konklużjonijiet). Quddiem il-Qorti Ġenerali, l-akkordju “Air Freight” [fost oħrajn, il-kawża Japan Airlines International vs Il-Kummissjoni (T‑36/11)] u l-akkordju “Cathode Ray Tubes” [fost oħrajn, il-kawża Samsung SDI vs Il-Kummissjoni (T‑84/13)].
(6) – Punti 155 sa 174 tas-sentenza appellata. Ma hemmx sovrappożizzjoni bejn it-tnaqqis tal-multa deċiża mill-Qorti Ġenerali fuq il-bażi ta’ dawn l-iżbalji u l-kategorija separata ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” li hija s-suġġett ta’ dan l-appell.
(7) – Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:272, punt 44). Barra minn hekk, ara s-sentenzi Team Relocations et vs Il-Kummissjoni (C-444/11 P, EU:C:2013:464, punt 76) kif ukoll Putters International vs Il-Kummissjoni (T-211/08, EU:T:2011:289, punt 59) li ma ġietx appellata.
(8) – Din hija r-raġuni għaliex l-allegata ħtieġa li “ma tipprivileġġax l-impriżi vertikalment integrati li pparteċipaw f’akkordju”, imsemmija fil-punt 74 tas-sentenza appellata, ma jikkostitwixxix, bħala prinċipju, raġuni valida biex jittieħed inkunsiderazzjoni f’dan il-każ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati” (ara wkoll il-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet).
(9) – Għandu jiġi ppreċiżat li fil-passat diġà kien hemm ġurisprudenza fuq dan is-suġġett, bħalma spjegajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:272, punti 21 et seq ). Għalhekk, il-fatt li s-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363) ġiet wara s-sentenza appellata, ma għandha l-ebda rilevanza hawnhekk.
(10) – Din il-kwistjoni hija, essenzjalment, inkwistjoni fil-kawża Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P), bħalissa pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-ħames aggravju mqajjem mill-appellanti jikkonċerna preċiżament il-kompetenza tal-Kummissjoni biex tapplika l-Artikolu 102 TFUE għal kuntratti ta’ bejgħ konklużi bejn Intel, kumpannija stabbilita fl-Istati Uniti, u Lenovo, impriża Ċiniża, dwar komponenti, jiġifieri mikro-proċessuri, li kellhom jiġu kkunsinnati fiċ-Ċina sabiex jiġu inkorporati f’kompjuters li Lenovo mmanifatturat fiċ-Ċina, iżda li x’aktarx jiġu kkummerċjalizzati sussegwentement fiż-ŻEE. Bħala prinċipju, f’dan ir-rigward, ma għandux ikun hemm fit-trattament ta’ din il-kwistjoni differenza bejn il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-multi inkwistjoni f’din il-kawża, minn naħa, u l-kompetenza tal-Kummissjoni biex tapplika l-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE, min-naħa l-oħra.
(11) – Ara l-“Brief of Belgian Competition Authority in Motorola Mobility LLC v AU Optronics Corp”, tal-10 ta’ Ottubru 2014. Din l-awtorità tikkwota s-sentenza tal-Cour d’appel Belġjana tat-12 ta’ Marzu 2014 fil-kawża 2013/MR/6 “Brabomills”, fejn din tal-aħħar ħassret il-multa imposta fuq Brabomills, għaliex il-multa ma kinitx ġiet ikkalkolata fuq il-bejgħ jew il-valur tal-bejgħ fil-Belġju, sa fejn il-Cour d’appel ma kinitx f’pożizzjoni li tevalwa jekk din il-multa kinitx tikkastiga lil Brabomills għall-ksur imwettaq fil-Belġju biss jew jekk kinitx tkopri wkoll il-ksur imwettaq fil-Pajjiżi l-Baxxi, li għaliha l-impriża kienet diġà ġiet issanzjonata f’dan il-pajjiż (u dan sabiex jiġi evitat ksur tal-prinċipju ta’ ne bis in idem ).
(12) – Jekk l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni barranin jimponu multi għall-implementazzjoni ta’ akkordju jew għall-effetti tiegħu fiż-ŻEE, dan jidħol fil-kompetenza ratione loci tal-Kummissjoni. Ara s-sentenzi Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T-236/01, T-244/01 sa T‑246/01, T-251/01 u T-252/01, EU:T:2004:118, punt 143), kif ukoll Hoechst vs Il‑Kummissjoni (T-410/03, EU:T:2008:211, punt 603). Bl-istess mod, jekk il-Kummissjoni timponi multi li ma jkunux relatati mal-implementazzjoni ta’ akkordju jew mal-effetti kkwalifikati fiż-ŻEE, hija taqbeż il-kompetenza tagħha.
(13) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (T-224/00, EU:T:2003:195, punt 103) kif ukoll Tokai Carbon et vs Il-Kummissjoni (T-236/01, T-244/01 sa T-246/01, T‑251/01 u T-252/01, EU:T:2004:118, punt 143) (l-appell ġie miċħud fis-sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni, C-397/03 P, EU:C:2006:328). Ara, ukoll, is-sentenza Showa Denko vs Il-Kummissjoni (C-289/04 P, EU:C:2006:431, punt 50).
(14) – Din id-denominazzjoni hija kemxejn kontradittorja peress li l-bejgħ huwa fl-istess waqt dirett u “permezz ta’”. Huwa ma għandux fi kwalunkwe każ il-karattru dirett tal-ewwel kategorija ta’ bejgħ (“bejgħ ŻEE dirett”).
(15) – Ara, ukoll, l-opinjoni tal-Professur P. Demaret, intitolata: “Note relative à l’arrêt du Tribunal InnoLux T-91/11”, Anness ECJ.A.6, mehmuż mal-appell ta’ InnoLux.
(16) – “Il-Kummissjoni ma tkunx mingħajr rimedju jekk, quddiem prattika miftiehma mibdija u li għaliha huma responsabbli biss impriżi barra mis-suq komuni, hija ssib ruħha mingħajr il-possibbiltà li tieħu ebda deċiżjoni fir-[rigward tagħhom]? Dan ikun, fl-istess ħin, rinunzja tal-protezzjoni tas-suq komuni, li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-oġġettivi maġġuri tal-Komunità” (punt 53).
(17) – Diġà, fid-deċiżjoni tagħha 69/243/KEE, tal-24 ta’ Lulju 1969, dwar proċedura fir-rigward tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/26.267 – “Koloranti”) (ĠU L 195, p. 11), il-Kummissjoni ssostni li “[t]he competition rules of the Treaty are [...] applicable to all restrictions of competition which produce within the Common Market effects set out in Article 85(1)”. Fid-deċiżjoni 85/202/KEE tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Diċembru 1984, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/29.725 – “Polpa tal-Injam”) (ĠU 1985 L 85, p. 1), fil-punt 79 tagħha, il-Kummissjoni indikat li “[t]he effect of the agreements [...] on prices announced and/or charged to customers and on resale of pulp with the EEC was [...] not only substantial but intended, and was the primary and direct result of the agreements” (it-test bil-lingwa Ingliża huwa l-uniku wieħed awtentiku). Id-deċiżjoni 85/206/KEE tal-Kummissjoni, tad-19 ta’ Diċembru 1984, dwar proċedura ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (IV/26.870 – “Importazzjoni ta’ aluminjum mill-Ewropa tal-Lvant”) (ĠU 1985 L 92, p. 1) ukoll kienet ibbażata espressament fuq il-kriterju tal-effetti. Ara, ukoll, “the Commission’s Eleventh Report on Competition Policy – 1981”, Brussell, 1982, punt 34, u “the Commission’s Fourteenth Report on Competition Policy – 1984”, Brussell, 1985, punt 60.
(18) – Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Air Transport Association of America et (C-366/10, EU:C:2011:637, punt 148).
(19) – Ara, f’dan is-sens, ukoll, is-sentenza Intel vs Il-Kummissjoni (T-286/09, EU:T:2014:547, punt 231). Il-High Court (England and Wales) ukoll waslet għal din il-konklużjoni fil-kawża Adidas vs The Lawn Tennis Association et [2006] EWHC 1318 (Ch), punti 47 et seq . Ara wkoll, b’mod partikolari, Broberg, M. P., “The European Commission’s Extraterritorial Powers in Merger Control”, International and Comparative Law Quarterly , 49, 2000, p. 180, u Albors-Llorens, A., “Collective Dominance: A new mechanism for the control of oligopolistic markets?”, The Cambridge Law Journal , Vol. 59, Nru. 2, Ġunju 2000, p. 256. Barra minn hekk, il-kriterju ta’ implementazzjoni u dak tal-“effetti kkwalifikati” ma jwasslux dejjem għall-istess riżultat. Ara, b’mod partikolari, Griffin, J. P., “EC and US Extraterritoriality: Activism and Cooperation” 17, Fordham International Law Journal , 1994, p. 353, 360 et seq ; Schwartz, I., u Basedow, J., “Restrictions on Competition”, III-35 International Encyclopedia of Comparative Law 1 , 1995, p. 134 sa 139; u Baudenbacher, C., “The CFI’s Gencor Judgment – Some remarks on its global implications”, Liber amicorum en l’honneur de B. Vesterdorf , Bruylant, 2007, p. 557.
(20) – T-204/03, EU:T:2006:273, punt 167, li ma kinitx suġġetta għal appell.
(21) – Dan kien il-każ, b’mod partikolari, fis-sentenza “Polpa tal-Injam I”, għaliex — b’differenza għall-kawża preżenti — il-kriterju tal-“implimentazzjoni” tal-akkordju inkwistjoni ppermetta lill-Qorti tal-Ġustizzja tiġġustifika l-kompetenza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-prinċipju tat-territorjalità.
(22) – Kif ukoll fl-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994 L 1, p. 3) (għall-finijiet ta’ dawn il-konklużjonijiet, qed nillimita ruħi għar-riferiment tal-Artikolu 101 TFUE biss).
(23) – In-nota ta’ qiegħ il-paġna fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006. Barra minn hekk, f’dan il-każ, wieħed jista’ jistaqsi jekk il-kunċett ta’ “bejgħ permezz ta’ prodotti pproċessati” huwiex xieraq bħala tali sa fejn il-prodotti lesti inkwistjoni (laptops żgħar, monitors tal-kompjuters jew settijiet tat-televiżjoni LCD) ma humiex verament LCDs “ipproċessati”, bħalma, pereżempju, smartphone ma jistax jiġi kklassifikat bħala screen, jew bħala mikro-proċessur “ipproċessat”. Huma prodotti totalment distinti li fihom LCD jiġi inkorporat bħala komponent, fost ħafna oħrajn. Issa, il-linji gwida tal-2006 jirreferu għal prodotti ta’ kwalità superjuri jew inferjuri għal dawk li għalihom il-prezz suġġett għal kartell iservi ta’ bażi, jiġifieri l-istess prodotti iżda ta’ kwalità differenti.
(24) – Minkejja li l-premessa 394 tad-deċiżjoni inkwistjoni tikkonċerna speċifikament it-tliet destinatarji integrati vertikalment tad-deċiżjoni inkwistjoni li għalihom ġie applikat il-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett permezz ta’ prodotti pproċessati”, il-premessa 396 tal-istess deċiżjoni tippreżenta eżattament l-istess provi f’dak li jikkonċerna LGD u AUO, li għalihom il-Kummissjoni applikat biss il-kunċett ta’ “bejgħ ŻEE dirett”.
(25) – Il-premessa 238 tad-deċiżjoni inkwistjoni tindika, b’mod ċar, li “l-bejgħ intra-ażjendali ta’ screens LCD — sa fejn dawn jispiċċaw bħala prodotti pproċessati mibjugħa fiż-ŻEE — għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara, ukoll, il-premessa 395 tad-deċiżjoni inkwistjoni li tiddikjara li, “għall-kalkolu tal-valur tal-bejgħ, il-valur tal-iscreens rilevanti huwa inkluż sa fejn il-prodott ipproċessat jinbiegħ mill-membru tal-akkordju fiż-ŻEE lil impriża mhux affiljata”.
(26) – Sentenza Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il-Kummissjoni (C‑397/03 P, EU:C:2006:328, punt 91). F’dan il-kuntest, ara wkoll is-sentenza Guardian Industries u Guardian Europe vs Il-Kummissjoni (C-580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 55).
(27) – Ara, ukoll, is-sentenza Atlantic Container Line et vs Il-Kummissjoni (T-395/94, EU:T:2002:49, punt 72), li hija bbażata fuq is-sentenza “Polpa tal-Injam I”.
(28) – Bħalma osserva ġustament Demaret, P., “L’application du droit communautaire de la concurrence dans une économie mondiale globalisée – La problématique de l’extraterritorialité”, f’ La politique communautaire de la concurrence face à la mondialisation et à l’élargissement de l’Union européenne , Nomos Verlagsgesellschaft, 1999, p. 49, “[i]l-kriterju tas-sentenza Polpa tal-Injam ma kienx jinkludi sempliċi bejgħ, taħt il-forma ta’ ċertu valur tal-bejgħ, iżda l-eżekuzzjoni ta’ mġiba fil-Komunità bħala bejgħ bi prezzijiet miftiehma”.
(29) – Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawża ThyssenKrupp Nirosta vs Il‑Kummissjoni (C-352/09 P), EU:C:2010:635, punti 48 sa 52, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata) u tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża KME Germany et vs Il-Kummissjoni (C‑272/09 P, EU:C:2011:63, punt 64).
(30) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenza Chronopost et vs Ufex et (C-83/01 P, C‑93/01 P u C-94/01 P, EU:C:2003:388, punt 43).
(31) – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Imperial Chemical Industries vs Il-Kummissjoni (48/69, EU:C:1972:70, punti 134, 135 u 140); Hydrotherm Gerätebau (170/83, EU:C:1984:271, punt 11), kif ukoll Arkema vs Il-Kummissjoni (C-520/09 P, EU:C:2011:619, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).
(32) – Skont il-metodu ta’ arrotondament ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali (punt 160 tas-sentenza appellata), meta arrotondament tal-ewwel żewġ ċifri jwassal għal tnaqqis ta’ inqas minn 2 % tal-ammont bażiku mhux arrotondat (3 756 676 huwa ekwivalenti għal 2.16 % ta’ 173 756 676), l-ammont imnaqqas tal-multa jiġi arrotondat għall-ewwel tliet ċifri.