|
19.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 302/85 |
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2082
tat-18 ta' Novembru 2015
dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni ta' Arctium lappa L. (il-partijiet li joħorġu 'l fuq mill-art) bħala sustanza bażika skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 23(5) flimkien mal-Artikolu 13(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fit-3 ta' Ġunju 2014, b'konformità mal-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni mingħand l-Institut Technique de l'Agriculture Biologique (ITAB) għall-approvazzjoni tal-Arctium lappa L. bħala sustanza bażika. Dik l-applikazzjoni kienet akkumpanjata mill-informazzjoni meħtieġa skont it-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 23(3). |
|
(2) |
Il-Kummissjoni talbet l-għajnuna xjentifika mingħand l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn hawn 'il quddiem “l-Awtorità”). Fis-27 ta' Novembru 2014 (2), l-Awtorità ppreżentat Rapport Tekniku dwar is-sustanza inkwistjoni lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ppreżentat ir-rapport tal-analiżi (3) u l-abbozz ta' dan ir-Regolament dwar in-nuqqas ta' approvazzjoni (il-partijiet li joħorġu 'l fuq mill-art) tal-Arctium lappa L. (il-partijiet li joħorġu 'l fuq mill-art) lill-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf fis-26 ta' Mejju 2015. |
|
(3) |
Id-dokumentazzjoni li ressaq l-applikant turi li mhux il-partijiet kollha tal-Arctium lappa L. li joħorġu 'l fuq mill-art jissodisfaw il-kriterji ta' oġġett tal-ikel kif iddefinit fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). |
|
(4) |
Ġie identifikat tħassib speċifiku fir-Rapport Tekniku tal-Awtorità dwar l-esponiment għall-artiġenina, għall-aċidu kloroġeniku u għall-aċidu kaffejku, u minħabba f'hekk ma setgħetx tiġi konkluża l-analiżi tar-riskju għall-operaturi, għall-ħaddiema, għall-persuni fil-qrib, għall-konsumaturi u għall-organiżmi mhux fil-mira. |
|
(5) |
Il-Kummissjoni stiednet lill-applikant iressaq il-kummenti tiegħu dwar ir-Rapport Tekniku tal-Awtorità u dwar l-abbozz tar-rapport tal-analiżi. L-applikant ressaq il-kummenti tiegħu, u dawn ġew eżaminati bir-reqqa. |
|
(6) |
Madankollu, minkejja l-argumenti mressqa mill-applikant, it-tħassib dwar din is-sustanza ma jistax jiġi eliminat. |
|
(7) |
Għaldaqstant, kif stabbilit fir-rapport ta' analiżi tal-Kummissjoni, ma setax jingħad li r-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 23 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 huma sodisfatti. Għalhekk, jixraq li l-Arctium lappa L. (il-partijiet li joħorġu 'l fuq mill-art) ma tiġix approvata bħala sustanza bażika. |
|
(8) |
Dan ir-Regolament ma jippreġudikax is-sottomissjoni ta' applikazzjoni ġdida għall-approvazzjoni tal-Arctium lappa L. (il-partijiet li joħorġu 'l fuq mill-art) bħala sustanza bażika skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009. |
|
(9) |
Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament jikkonformaw mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Nuqqas ta' approvazzjoni bħala sustanza bażika
Is-sustanza Arctium lappa L. (il-partijiet li joħorġu 'l fuq mill-art) mhijiex approvata bħala sustanza bażika.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-18 ta' Novembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(2) Ir-riżultat tal-konsultazzjoni mal-Istati Membri u mal-EFSA dwar l-applikazzjoni għas-sustanza bażika Arctium lappa u l-konklużjonijiet li waslet għalihom l-EFSA dwar il-punti speċifiċi li tqajmu. Il-pubblikazzjoni ta' sostenn tal-EFSA 2014:EN-699, 31 pp.
(3) http://ec.europa.eu/food/plant/pesticides/eu-pesticides-database/public/?event=activesubstance.selection&language=EN
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).