IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.4.2023
COM(2023) 242 final
2023/0136(NLE)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 26.4.2023
COM(2023) 242 final
2023/0136(NLE)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
L-emendi proposti għad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri 1 (minn hawn ’il quddiem id-Direttiva) huma parti minn pakkett li jinkludi wkoll proposta għal Regolament li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1466/97 2 (il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir) u emendi għar-Regolament (KE) Nru 1467/97 3 (il-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir). Id-Direttiva u l-partijiet preventivi u korrettivi tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir huma parti mill-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE.
Raġunijiet għall-proposta
Il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE għen biex jinħolqu kundizzjonijiet għall-istabbiltà ekonomika, għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u għal aktar impjiegi. Dan il-qafas bħalissa jikkonsisti fil-qafas fiskali tal-UE (il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u d-Direttiva), il-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi, is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impjiegi, u l-qafas għall-programmi ta’ assistenza finanzjarja makroekonomika.
Fl-2011, biex jitqiesu l-lezzjonijiet tal-kriżi finanzjarja globali u l-kriżi tad-dejn sovran taż-żona tal-euro, u bħala parti mill-pakkett magħruf bħala l-pakkett dwar il-governanza ekonomika (“is-Six-pack”), ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 1175/2011 4 , ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 ġie emendat bir-Regolament (UE) Nru 1177/2011 5 , u ġiet adottata d-Direttiva 2011/85/UE.
Dawn għenu biex tiġi żgurata sorveljanza mill-qrib tal-baġits nazzjonali filwaqt li taw attenzjoni akbar lil-livelli tad-dejn. Sabiex jiġu rrimedjati l-kawżi ewlenin tal-kriżi, il-qafas fiskali fil-livell tal-UE ġie kkomplementat minn dispożizzjonijiet vinkolanti fil-livell nazzjonali biex jitrawmu politiki baġitarji sodi fl-Istati Membri kollha. Għal dak il-għan, id-Direttiva ħtieġet lill-Istati Membri, fost affarijiet oħrajn, li jkollhom fis-seħħ regoli fiskali nazzjonali, li jkollhom monitoraġġ indipendenti tal-konformità mar-regoli fiskali fil-livell nazzjonali u li jintroduċu oqfsa baġitarji pluriennali. Dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali daħlu fis-seħħ biex jikkonformaw mad-Direttiva.
Fl-2019, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ippubblikat rapport dwar “Ir-rekwiżiti tal-UE għall-oqfsa baġitarji nazzjonali: jeħtieġ li jissaħħu aktar u jeħtieġ li l-applikazzjoni tagħhom tiġi mmonitorjata aħjar” 6 . Fir-rapport, il-QEA nnotat nuqqasijiet fir-rigward tal-effikaċja tal-ibbaġitjar ta’ terminu medju u tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti (IFIs), u rrakkomandat lill-Kummissjoni biex issaħħaħ ir-rekwiżiti dwar l-oqfsa baġitarji ta’ terminu medju u l-IFIs f’konformità mal-istandards internazzjonali.
Fl-2020, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni li tirrieżamina l-adegwatezza tad-Direttiva (minn hawn ’il quddiem ir-rieżami tal-adegwatezza) 7 , li tenfasizza l-progress u l-lok għal titjib fl-istruttura kurrenti tal-oqfsa baġitarji nazzjonali. Ir-rieżami tal-adegewatezza indika titjib sinifikanti fl-għadd u fis-saħħa tar-regoli fiskali nazzjonali, adozzjoni mifruxa ta’ ppjanar fiskali ta’ terminu medju, tbassir aktar affidabbli u trasparenza fiskali ogħla, li jinkludu wkoll obbligazzjonijiet kontinġenti. Madankollu, ir-rieżami nnota wkoll li l-ippjanar ta’ terminu medju baqa’ fil-biċċa l-kbira subordinat għall-ibbaġitjar annwali, esprima dubji dwar l-utilità tar-rapportar ta’ data fiskali ta’ kull xahar ibbażata fuq flus kontanti, u enfasizza l-eteroġeneità għolja fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar l-evalwazzjoni prevista, in-nefqa tat-taxxa u l-korpi ekstrabaġitarji. Barra minn hekk, l-użu tal-kontabbiltà pubblika nstab li kien ristrett min-nuqqas ta’ qafas komuni formali tal-UE.
Fl-aħħar nett, fil-Komunikazzjoni tagħha tad-9 ta’ Novembru 2022, il-Kummissjoni ressqet l-orjentazzjonijiet tagħha għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE 8 li għandu l-għan li jiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn u li jippromwovi tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha. L-orjentazzjonijiet ipprevedew sjieda nazzjonali aktar b’saħħitha, qafas simplifikat u trasformazzjoni lejn fokus ta’ terminu medju akbar, flimkien ma’ tisħiħ aktar b’saħħtu u aktar koerenti. Dawn ipprevedew ukoll it-titjib tal-istabbiliment u tal-prestazzjoni tal-IFIs. Dawn l-orjentazzjonijiet irriflettew ukoll osservazzjonijiet li ħarġu mill-konsultazzjoni pubblika mnedija f’Ottubru 2021, li stiednet lil istituzzjonijiet oħrajn tal-UE u lill-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha biex jinvolvu ruħhom fis-suġġett 9 .
Objettivi tal-proposta
Din il-proposta tippreżenta xi emendi għad-Direttiva. F’konformità mal-orjentazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2022 għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, l-emendi għandhom l-għan li jsaħħu s-sjieda nazzjonali u l-orjentazzjoni ta’ terminu medju tal-ippjanar baġitarju. B’mod aktar speċifiku, dawn għandhom l-għanijiet li ġejjin:
·Simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti: id-dispożizzjonijiet dwar is-sottomissjoni ta’ data fiskali ta’ kull xahar ibbażata fuq flus kontanti (l-Artikolu 3(2)) 10 ma humiex utli għat-tisħiħ tal-oqfsa baġitarji nazzjonali kif enfasizzat fir-rieżami tal-adegwatezza. L-Artikolu 8 dwar ir-Renju Unit ma għadux meħtieġ. Id-dispożizzjonijiet fl-Artikoli 4(4) u 4(5) ma humiex se jkunu meħtieġa aktar jekk dawn ir-rekwiżiti jidhru fil-proposta għal Regolament XXX (il-parti preventiva).
·Kjarifika tad-dispożizzjonijiet: qiegħed jiġi propost li l-Artikolu 4(6) issa jirreferi speċifikament għal korpi indipendenti bħala dawk inkarigati mill-evalwazzjoni ex post tat-tbassir, sabiex tiġi eliminata ambigwità identifikata fir-rieżami tal-adegwatezza. Huwa propost ukoll li l-Artikoli 14(1), 14(2) u 14(3) jispeċifikaw aħjar ir-rekwiżiti ta’ rapportar dwar il-korpi u l-fondi tal-amministrazzjoni pubblika li ma humiex parti mill-baġits nazzjonali regolari, ir-rekwiżiti dwar in-nefqa tat-taxxa u l-obbligazzjonijiet kontinġenti. Dawn ir-rekwiżiti ġew interpretati b’modi diversi ħafna mill-Istati Membri u xi wħud minn dawn l-interpretazzjonijiet ma kinux jirriflettu bis-sħiħ ir-raġunament oriġinali tad-Direttiva.
·Tisħiħ tas-sjieda nazzjonali: qiegħed jiġi propost li jiżdiedu jew jiġu ċċarati r-rekwiżiti dwar l-IFIs. F’xi każijiet, id-dispożizzjonijiet il-ġodda proposti diġà applikati għall-Istati Membri taż-żona tal-euro u wkoll għad-Danimarka, għall-Bulgarija u għar-Rumanija, bħala partijiet kontraenti għat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (b’dan it-TSKG) 11 (l-Artikolu 8 il-ġdid). Dispożizzjonijiet proposti oħrajn għandhom l-għan li jżidu kompiti li jippermettu lill-IFIs ikollhom rwol fis-sorveljanza tal-qafas fiskali tal-UE fil-livell nazzjonali kif propost fil-proposta għal Regolament XXX (il-parti preventiva) u wkoll fil-proposta għall-emendar tar-Regolament 1467/97 (il-parti korrettiva). Dawn jinkludu t-tħejjija jew l-approvazzjoni tat-tbassir baġitarju kif ukoll il-valutazzjoni tal-analiżi tas-sostenibbiltà u l-impatt tal-politiki. Fl-aħħar nett, xi dispożizzjonijiet proposti jiżguraw l-indipendenza u r-responsabbiltà tal-IFIs biex jirriflettu l-istandards identifikati mill-organizzazzjonijiet internazzjonali, kif huwa rrakkomandat fir-rapport tal-2019 tal-QEA.
·Promozzjoni ta’ orjentazzjoni ta’ terminu medju: qiegħed jiġi propost li d-dimensjoni baġitarja pluriennali fit-tbassir tiġi speċifikata b’mod aktar sistematiku (l-Artikolu 4) u għalhekk tkun ir-rabta bejn il-baġit annwali u l-ippjanar ta’ terminu medju (l-Artikolu 10), li nstab li kien dgħajjef fir-rapport tal-2019 tal-QEA u fir-rieżami tal-adegwatezza.
·Titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi: qegħdin jiġu proposti ftit dispożizzjonijiet biex tiġi promossa r-responsabbiltà tal-baġits pubbliċi u tiżdied it-trasparenza tar-riskji fiskali fir-rigward tat-tibdil fil-klima. L-Artikolu 9(2), il-punt d issa jkun jirrikjedi li jiġu vvalutati r-riskji li jirriżultaw mit-tibdil fil-klima u l-implikazzjonijiet tal-politiki dwar il-klima fuq il-finanzi pubbliċi. Bl-istess mod, l-Artikolu 14(3) ikun jirrikjedi li l-Istati Membri jippubblikaw id-data sa fejn ikun possibbli dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti relatati mad-diżastri u mal-klima kif ukoll dwar it-telf ekonomiku mġarrab minn diżastri naturali u minn xokkijiet relatati mal-klima. Għal dawn ix-xokkijiet, jiġu rrapportati wkoll il-kostijiet fiskali mġarrba mis-settur pubbliku u l-istrumenti użati biex itaffu jew ikopru x-xokkijiet.
• Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposta hija parti minn pakkett usa’ ta’ proposti b’segwitu għall-orjentazzjonijiet tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2022 għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE. Dan il-pakkett jinkludi wkoll proposta għal Regolament li jissostitwixxi l-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP) u emendi għall-parti korrettiva tal-SGP, u għandu l-għan li jistabbilixxi qafas riformat li jiddependi fuq l-orjentazzjoni ta’ terminu medju u s-sjieda nazzjonali li timmira lejn tnaqqis kredibbli u sostanzjali ta’ livelli għoljin ta’ dejn u l-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-qafas ta’ governanza ekonomika riformat, għalhekk, iżomm l-objettivi fundamentali tad-dixxiplina baġitarja u l-promozzjoni tat-tkabbir tal-SGP u d-dispożizzjonijiet fundamentali tiegħu fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
Fl-istess ħin, billi jimmira għal finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli kif ukoll il-promozzjoni ta’ tkabbir sostenibbli u inklużiv, il-qafas riformat jissodisfa wkoll l-objettivi ewlenin tal-Patt Fiskali li jifforma t-Titolu III tat-TSKG 12 . Barra minn hekk, elementi oħrajn tal-leġiżlazzjoni proposta jżommu s-sustanza tal-Patt Fiskali. B’orjentazzjoni fuq terminu medju ankrata fuq sfidi ta’ dejn speċifiċi għall-pajjiż, il-proposta għal Regolament li jissostitwixxi l-parti preventiva tal-SGP tirrifletti parzjalment ir-rekwiżit tal-Patt Fiskali ta’ konverġenza għal pożizzjonijiet ta’ terminu medju u li l-perjodu ta’ żmien ta’ din il-konverġenza għandu jiġi propost filwaqt li jitqiesu r-riskji ta’ sostenibbiltà speċifiċi għall-pajjiż (l-Artikolu 3(1), il-punt b, tat-TSKG). Filwaqt li jenfasizza l-bilanċ strutturali, il-Patt Fiskali jirrikjedi wkoll analiżi tan-nefqa netta mill-miżuri diskrezzjonali tad-dħul għall-valutazzjoni ġenerali tal-konformità (l-Artikolu 3(1), il-punt b, tat-TSKG), u din l-analiżi hija sostnuta fil-proposta għal Regolament li jissostitwixxi l-parti preventiva tal-SGP. Il-Patt Fiskali jippermetti devjazzjonijiet temporanji mill-objettiv ta’ terminu medju jew mill-perkors ta’ aġġustament lejh biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali (l-Artikolu 3(1), il-punt c, tat-TSKG), kif huwa previst fil-proposta għal Regolament li jissostitwixxi l-parti preventiva tal-SGP. Il-Patt Fiskali jistipula li f’każ ta’ devjazzjonijiet osservati sinifikanti mill-objettiv ta’ terminu medju jew mill-perkors ta’ aġġustament lejh, iridu jiġu implimentati miżuri biex jiġu kkoreġuti d-devjazzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien definit (l-Artikolu 3(1), il-punt e, tat-TSKG). Bl-istess mod, il-qafas riformat jirrikjedi korrezzjonijiet ta’ devjazzjonijiet mill-perkors tan-nefqa netta stabbilit mill-Kunsill. Barra minn hekk, meta d-devjazzjonijiet jirriżultaw f’defiċit li jaqbeż it-3 % tal-PDG, l-Istat Membru jista’ jitqiegħed taħt il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (PDE). Għal Stat Membru b’dejn ogħla minn 60 % tal-PDG, il-PDE bbażat fuq id-dejn jissaħħaħ: dan jiffoka fuq it-tluq mill-perkors tan-nefqa netta, u jissostitwixxi l-parametru referenzjarju kurrenti għat-tnaqqis tad-dejn (dik li tissejjaħ ir-“regola ta’ 1/20 ”), li impona sforz fiskali impenjattiv wisq għal xi Stati Membri. Il-Patt Fiskali jassenja rwol ta’ monitoraġġ tal-konformità mar-regoli tiegħu lill-IFIs, u d-dispożizzjonijiet dwar ir-rwol u l-indipendenza ta’ dawk l-istituzzjonijiet ta’ monitoraġġ, li kellu jiġi dettaljat fil-prinċipji komuni proposti mill-Kummissjoni 13 f’konformità mal-Artikolu 3(2) tat-TSKG, issa huma integrati bis-sħiħ fil-proposta li temenda d-Direttiva. Il-Patt Fiskali jipprevedi li l-Kummissjoni u l-Kunsill ikollhom rwol fil-proċess ta’ infurzar (l-Artikolu 5 tat-TSKG), kif huwa iddikjarat fl-emendi proposti għall-parti korrettiva tal-SGP.
L-aspetti komuni bejn il-Patt Fiskali u l-qafas ta’ governanza ekonomika riformat jirriżultaw ukoll mill-implimentazzjoni tal-Patt Fiskali fl-ordnijiet ġuridiċi nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-Partijiet Kontraenti ttrasponew id-dispożizzjonijiet tat-TSKG fil-liġijiet nazzjonali billi daħlu link dirett għal-liġijiet korrispondenti tal-UE 14 . Dan japplika għall-objettiv ta’ terminu medju u għall-perkors ta’ konverġenza kif ukoll għall-valutazzjoni ta’ devjazzjoni jew dispożizzjonijiet sinifikanti li jirrikjedu li jiġu segwiti r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill (kollha meħuda mir-Regolament Nru 1466/97).
Meta jitqiesu dawn l-affarijiet komuni, il-qafas ta’ governanza ekonomika riformat propost jista’ jitqies bħala li jinkorpora s-sustanza tad-dispożizzjonijiet fiskali tat-TSKG fil-qafas legali tal-UE, skont l-Artikolu 16 tat-TSKG.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Billi ddaħħal rekwiżiti dwar l-implikazzjonijiet tat-tibdil fil-klima fuq il-politiki baġitarji nazzjonali u r-riskji fiskali, il-proposta tiżgura konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni li jappoġġaw azzjonijiet għall-mitigazzjoni u għall-adattament għat-tibdil fil-klima f’konformità mal-objettiv li tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta lejn in-newtralità klimatika. Għal xi Stati Membri, bħala parti mill-Pjanijiet tagħhom għall-Irkupru u r-Reżiljenza, qegħdin jiġu implimentati diversi riformi li se jwasslu għat-titjib tal-oqfsa baġitarji, pereżempju permezz tat-titjib tal-indipendenza ta’ xi istituzzjonijiet fiskali, f’konformità mal-emendi proposti.
2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI
Bħala parti mir-rieżami tal-governanza ekonomika, il-Kummissjoni wettqet diversi attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni fost l-oħrajn billi organizzat konferenzi u involviet ruħha fi skambju aktar immirat tal-partijiet ikkonċernati. L-aktar prominenti, f’Ottubru 2021, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika 15 billi stiednet lil istituzzjonijiet oħrajn tal-UE u lill-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha biex jinvolvu ruħhom. Permezz ta’ diversi fora, inklużi laqgħat dedikati, workshops u stħarriġ online, ċittadini u firxa wiesgħa ta’ parteċipanti, inklużi gvernijiet nazzjonali, parlamenti, sħab soċjali, l-akkademja u istituzzjonijiet oħrajn tal-UE, esprimew il-fehmiet tagħhom dwar kif għandha tiġi riformata l-governanza ekonomika tal-UE. Bosta partijiet ikkonċernati ffavorew it-tisħiħ tal-oqfsa baġitarji nazzjonali, inkluż permezz ta’ involviment akbar tal-IFIs fis-sorveljanza tal-qafas tal-UE. F’xi każijiet, l-involviment tal-IFIs tqies bħala mod kif jiżdiedu l-kostijiet reputazzjonali tad-diżaggregazzjoni tal-impenji baġitarji.
Minbarra rwol fis-sorveljanza tal-UE, xi partijiet ikkonċernati kienu favur ukoll rwol ta’ monitoraġġ aktar b’saħħtu tar-regoli fiskali nazzjonali għall-IFIs, li jrid jiġi infurzat permezz ta’ obbligu għall-gvernijiet li jqisu b’mod sistematiku l-valutazzjonijiet tal-IFI, flimkien ma’ djalogu aktar strutturat bejn l-IFIs u l-istituzzjonijiet tal-UE. F’xi każijiet ġiet proposta espansjoni tal-kompiti li tkopri l-produzzjoni tal-inputs għall-analiżijiet tas-sostenibbiltà tad-dejn, il-produzzjoni ta’ tbassir makroekonomiku (inklużi dawk għal pjanijiet ta’ terminu medju) li jistgħu jservu bħala punt tat-tluq għall-gvernijiet nazzjonali biex jippjanaw il-politika fiskali tagħhom, u l-produzzjoni jew il-validazzjoni tal-pjanijiet baġitarji. Ġie ssuġġerit ukoll rwol konsultattiv dwar il-politika fiskali, flimkien ma’ rwol aktar prominenti fid-dibattitu pubbliku.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA
• Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għad-Direttiva emendata hija l-Artikolu 126(14), it-tielet subparagrafu, tat-TFUE. It-tisħiħ tar-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji nazzjonali fl-Istati Membri għandu l-għan li jikkomplementa u jsaħħaħ il-qafas ta’ politika tal-Unjoni biex jiġu evitati defiċits eċċessivi kif stabbilit skont l-Artikolu 126 tat-TFUE. Il-proposta tapplika għall-Istati Membri kollha.
• Sussidjarjetà u proporzjonalità
Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbiliti fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. L-objettiv tagħha, jiġifieri konformità uniformi mad-dixxiplina baġitarja kif meħtieġ mit-TFUE, ma jistax jintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni. Barra minn hekk, minħabba li l-emendi proposti għandhom l-għan ewlieni li jindirizzaw xi nuqqasijiet tad-Direttiva jew li jiċċaraw id-dispożizzjonijiet tagħha, jew li jaġġornawhom, filwaqt li titqies b’mod partikolari l-proposta għal Regolament li jissostitwixxi l-parti preventiva tal-SGP u l-emendi għall-parti korrettiva tal-SGP, dawn jistgħu jinkisbu l-aħjar fil-livell tal-UE minflok b’inizjattivi nazzjonali differenti.
Id-Direttiva emendata proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv. Bil-għan li jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri, xi emendi jipproponu s-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva, u li tiġi żgurata l-koerenza mal-proposta għal Regolament li jissostitwixxi l-parti preventiva tal-SGP u l-emendi għall-parti korrettiva tal-SGP. Il-proporzjonalità hija żgurata wkoll minn dawk l-emendi li għandhom l-għan li jiċċaraw il-kunċetti u d-definizzjonijiet li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tad-Direttiva. Bl-istess mod, bosta dispożizzjonijiet relatati mal-IFI jittieħdu minn regoli eżistenti li japplikaw għal xi Stati Membri iżda mhux għal kollha, jiġifieri t-TSKG jew ir-Regolament Nru 473/2013. B’riżultat ta’ dan, f’bosta Stati Membri, dawn id-dispożizzjonijiet diġà huma implimentati. Barra minn hekk, ir-rapportar tar-riskji u t-telf relatati mal-klima huwa meħtieġ filwaqt li jitqiesu l-isforzi nazzjonali kontinwi u l-ħtieġa li dawn il-prattiki jiġu adattati għall-ħtiġijiet u għall-preferenzi speċifiċi għall-pajjiż. Fl-aħħar nett, billi tippermetti lill-Istati Membri jittrasponu dawn id-dispożizzjonijiet fl-ordni ġuridiku nazzjonali tagħhom, id-Direttiva emendata proposta hija wkoll għodda xierqa sabiex jintlaħaq l-objettiv tagħha, peress li tippermetti lill-Istati Membri jadattaw ir-rekwiżiti għall-ispeċifiċitajiet tagħhom stess.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni.
2023/0136 (NLE)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 126(14), it-tielet subparagrafu, tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew,
Billi:
(1)Sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fil-qasam tal-politika baġitarja, u b’mod partikolari fir-rigward tal-evitar ta’ defiċits eċċessivi tal-gvern, id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE 16 stabbiliet regoli dettaljati dwar il-karatteristiċi tal-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri.
(2)Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza miksuba bl-unjoni ekonomika u monetarja minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva 2011/85/UE, huwa meħtieġ li jiġu emendati r-rekwiżiti tagħha rigward ir-regoli u l-proċeduri li jiffurmaw l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri.
(3)Fl-2019, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ppubblikat rapport li jeżamina r-rekwiżiti tal-Unjoni dwar l-oqfsa baġitarji nazzjonali u li jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tirrieżamina dawk ir-rekwiżiti, filwaqt li jitqiesu l-istandards internazzjonali u l-aħjar prattika. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri pproponiet azzjonijiet speċifiċi biex ittejjeb l-ambitu u l-effettività tal-oqfsa baġitarji nazzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-oqfsa baġitarji ta’ terminu medju u l-istituzzjonijiet fiskali indipendenti 17 .
(4)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ Frar 2020 18 indikat progress sostanzjali iżda mhux uniformi fl-iżvilupp ta’ oqfsa baġitarji nazzjonali meta wieħed iqis li d-dritt tal-Unjoni jistabbilixxi biss rekwiżiti minimi u li l-implimentazzjoni u l-konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali kienu diversi ħafna. Dik il-Komunikazzjoni qieset ukoll sa fejn il-qafas jappoġġa l-ħtiġijiet ekonomiċi, ambjentali u tal-politika soċjali relatati mat-tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea newtrali għall-klima, effiċjenti fir-riżorsi u diġitali, filwaqt li jikkomplementa r-rwol ewlieni tal-ambjent regolatorju u tar-riformi strutturali.
(5)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2019 dwar il-Patt Ekoloġiku Ewropew 19 talbet li jsir użu akbar ta’ għodod ta’ bbaġitjar ekoloġiku biex l-investiment pubbliku, il-konsum u t-tassazzjoni jiġu diretti mill-ġdid lejn prijoritajiet ekoloġiċi u lil hinn minn sussidji dannużi. Il-Liġi Ewropea dwar il-Klima tistabbilixxi objettiv ta’ newtralità klimatika għall-Unjoni kollha sal-2050 u tirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri jagħmlu progress fit-tisħiħ tal-kapaċità adattiva. Il-Kummissjoni impenjat ruħha li taħdem mal-Istati Membri biex tevalwa u tagħmel analiżi komparattiva tal-prattiki tal-ibbaġitjar ekoloġiku. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2021 dwar l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima 20 indikat ir-rilevanza makrofiskali tat-tibdil fil-klima u enfasizzat il-ħtieġa li tiżdied ir-reżiljenza tal-Unjoni għall-impatti tat-tibdil fil-klima. Is-Semestru Ewropew jipprovdi qafas addizzjonali biex jappoġġa dawn l-isforzi u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku joffri assistenza prattika għall-implimentazzjoni tagħhom.
(6)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2022 dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE 21 enfasizzat il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn u li jitnaqqsu l-proporzjonijiet għoljin tad-dejn pubbliku filwaqt li jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha. L-objettivi ewlenin tal-orjentazzjonijiet huma li tittejjeb is-sjieda nazzjonali, jiġi ssimplifikat il-qafas u ssir trasformazzjoni lejn fokus akbar ta’ terminu medju, flimkien ma’ infurzar aktar b’saħħtu u aktar koerenti.
(7)Sabiex tissaħħaħ il-konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE, u sabiex tiġi evitata b’mod partikolari l-proċedura għal defiċit eċċessiv tal-gvern stabbilita fl-Artikolu 126 tat-TFUE, jenħtieġ li jkun hemm dispożizzjonijiet speċifiċi fil-liġi tal-Istati Membri biex tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali, f’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Novembru 2022 dwar l-orjentazzjonijiet għal riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, lil hinn minn dawk attwalment meħtieġa mid-Direttiva 2011/85/UE. Filwaqt li jibnu fuq l-evidenza tal-implimentazzjoni ta’ dik id-Direttiva, jenħtieġ li l-emendi jkopru wkoll dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza u l-istatistika, it-tbassir u l-ibbaġitjar ta’ terminu medju biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati matul l-implimentazzjoni.
(8)Din id-Direttiva hija parti minn pakkett flimkien mar-Regolament (UE) [XXX] 22 tal-Parlament u tal-Kunsill li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1466/97 23 (il-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir) u r-Regolament tal-Kunsill [XXX] 24 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 25 (il-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir). Flimkien, jistabbilixxu qafas ta’ governanza ekonomika riformat tal-Unjoni li jinkorpora fid-dritt tal-Unjoni s-sustanza tat-Titolu III “Patt Fiskali” tat-Trattat intergovernattiv dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG) fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja 26 , f’konformità mal-Artikolu 16 tiegħu. It-Titolu III huwa vinkolanti fuq l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u, fuq bażi volontarja, fuq il-Bulgarija, id-Danimarka u r-Rumanija. Billi jibni fuq l-esperjenza bl-implimentazzjoni tat-TSKG mill-Istati Membri, il-pakkett iżomm l-orjentazzjoni tal-Patt Fiskali ta’ terminu medju bħala għodda biex jinkisbu d-dixxiplina baġitarja u l-promozzjoni tat-tkabbir. Il-pakkett jinkludi dimensjoni msaħħa speċifika għall-pajjiż immirata lejn it-tisħiħ tas-sjieda nazzjonali, inkluż permezz ta’ rwol aktar b’saħħtu għall-istituzzjonijiet fiskali indipendenti, li jibbaża fuq il-prinċipji komuni tal-Patt Fiskali proposti mill-Kummissjoni 27 f’konformità mal-Artikolu 3(2) tat-TSKG. L-analiżi tan-nefqa netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali għall-valutazzjoni ġenerali tal-konformità meħtieġa mill-Patt Fiskali hija stabbilita fir-Regolament [XXX] li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1466/97. Bħal fil-Patt Fiskali, devjazzjonijiet temporanji mill-pjan ta’ terminu medju huma permessi biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali fir-Regolament [XXX] li jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1466/97. Bl-istess mod, f’każ ta’ devjazzjonijiet sinifikanti mill-pjan ta’ terminu medju, jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri sabiex jiġu kkoreġuti d-devjazzjonijiet fuq perjodu ta’ żmien definit. Il-pakkett isaħħaħ is-sorveljanza fiskali u l-proċeduri ta’ infurzar biex jitwettaq l-impenn li jiġu promossi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli. Għalhekk, ir-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika żżomm l-objettivi fundamentali tad-dixxiplina baġitarja u s-sostenibbiltà tad-dejn stabbiliti fit-TSKG.
(9)Il-prattiċi tal-kontabbiltà tas-settur pubbliku kompleti u affidabbli għas-sottosetturi kollha tal-gvern ċentrali huma prekondizzjoni għall-produzzjoni ta’ statistika ta’ kwalità għolja li tkun komparabbli fl-Istati Membri kollha. Id-disponibbiltà u l-kwalità tal-istatistika bbażata fuq is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet (ESA 2010) huma kruċjali biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-qafas ta’ sorveljanza fiskali tal-Unjoni. L-ESA 2010 tibbaża fuq informazzjoni pprovduta fuq bażi tad-dovuti. Għalhekk huwa meħtieġ li jittejjeb il-ġbir tad-data tad-dovuti u l-informazzjoni meħtieġa biex tiġi ġġenerata statistika bbażata fuq id-dovuti b’mod li tkun integrata, komprensiva u armonizzata fis-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika.
(10)Id-disponibbiltà ta’ data ta’ frekwenza għolja tista’ tiżvela xejriet li jiġġustifikaw sorveljanza aktar mill-qrib u ttejjeb il-kwalità tat-tbassir baġitarju. L-Istati Membri u l-Kummissjoni (il-Eurostat) jenħtieġ li jippubblikaw data bbażata fuq il-flus kontanti, data trimestrali dwar id-defiċit u d-dejn bl-applikazzjoni tad-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-TFUE. Il-pubblikazzjoni ta’ data baġitarja bi frekwenza ogħla li tkun imfassla għad-definizzjonijiet baġitarji nazzjonali jenħtieġ li tiġi ddeterminata abbażi tar-rekwiżiti nazzjonali ta’ trasparenza u l-ħtiġijiet tal-utenti, biex tittejjeb is-sjieda nazzjonali.
(11)tbassir makroekonomiku u baġitarju preġudikati u mhux realistiċi għal-leġiżlazzjonijiet baġitarji annwali u pluriennali jistgħu jfixklu konsiderevolment l-effettività tal-ippjanar fiskali u konsegwentement ixekklu l-impenn favur id-dixxiplina baġitarja. Sabiex jittejbu s-suppożizzjonijiet tal-linja bażi u jiġu pprovduti valutazzjonijiet imparzjali tal-impatt fiskali ta’ diversi miżuri ta’ politika, it-tbassir makroekonomiku u baġitarju tal-Istati Membri jenħtieġ li jiġu approvati jew prodotti minn istituzzjoni fiskali indipendenti.
(12)It-tbassir makroekonomiku u baġitarju jenħtieġ li jiġu soġġetti għal evalwazzjonijiet regolari, oġġettivi u komprensivi mwettqa minn korp indipendenti sabiex tittejjeb il-kwalità tagħhom. Dawk l-evalwazzjonijiet jenħtieġ li jinkludu skrutinju tas-suppożizzjonijiet ekonomiċi, tqabbil mat-tbassir imħejji minn istituzzjonijiet oħrajn, u evalwazzjoni tal-prestazzjoni tat-tbassir fil-passat.
(13)Il-korpi indipendenti inkarigati mill-monitoraġġ tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri huma element essenzjali tal-bini ta’ oqfsa baġitarji effettivi. Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 28 jirrikjedi li l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro jkollhom istituzzjonijiet fiskali indipendenti inkarigati mill-approvazzjoni jew mill-produzzjoni ta’ tbassir makroekonomiku u jistabbilixxi salvagwardji speċifiċi fir-rigward tal-indipendenza u l-kapaċità teknika tagħhom. Minħabba l-kontribut pożittiv għall-finanzjament pubbliku ta’ korpi indipendenti, dawk ir-rekwiżiti jenħtieġ li jiġu estiżi għall-Istati Membri kollha. Sabiex titrawwem id-dixxiplina fiskali u tissaħħaħ il-kredibbiltà tal-politika fiskali, dawn il-korpi jenħtieġ li jikkontribwixxu wkoll għall-ippjanar baġitarju billi jew jipproduċu jew japprovaw it-tbassir u l-analiżijiet tad-dejn użati mill-gvern, u billi jwettqu valutazzjonijiet indipendenti tal-politiki fiskali u jimmonitorjaw il-konformità mal-qafas fiskali.
(14)Sabiex tinkiseb responsabbiltà msaħħa fil-politika fiskali, l-istituzzjonijiet fiskali jenħtieġ li jkollhom grad għoli ta’ indipendenza operazzjonali, ir-riżorsi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom u aċċess estensiv u f’waqtu għall-informazzjoni meħtieġa.
(15)Sabiex jittejjeb l-ippjanar baġitarju, jenħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa lir-riskji makrofiskali mit-tibdil fil-klima u lill-implikazzjonijiet tal-politiki relatati mal-klima dwar il-finanzi pubbliċi fuq terminu medju u twil. Il-fehim tal-kanali li permezz tagħhom ix-xokkijiet relatati mal-klima jaffettwaw l-ekonomija u l-finanzi pubbliċi huwa kruċjali għall-istrateġiji nazzjonali biex jiġi llimitat u ġestit ir-riskju fiskali li jirriżulta mit-tibdil fil-klima u minn diżastri relatati.
(16)Perspettiva ta’ sena waħda għall-ippjanar baġitarju tipprovdi bażi limitata għal politiki fiskali sodi, peress li l-biċċa l-kbira tal-miżuri għandhom implikazzjonijiet li jmorru ferm lil hinn miċ-ċiklu baġitarju annwali. Bħala tali, l-ippjanar fiskali pluriennali effettiv isaħħaħ il-kredibbiltà tal-politika fiskali filwaqt li jqis is-sostenibbiltà tad-dejn. L-ippjanar effettiv ta’ terminu medju jibbaża fuq definizzjoni ċara u konsistenti tal-objettivi baġitarji nazzjonali fuq terminu medju, li huma ppreżentati fi pjanijiet nazzjonali ta’ terminu medju. Sabiex tissaħħaħ perspettiva baġitarja pluriennali, l-ippjanar tal-leġiżlazzjoni baġitarja annwali jenħtieġ li jkun konsistenti mal-objettivi pluriennali stabbiliti f’oqfsa baġitarji ta’ terminu medju.
(17)Biex ikunu effettivi fil-promozzjoni tad-dixxiplina baġitarja u tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, l-oqfsa baġitarji jenħtieġ li jkopru l-finanzi pubbliċi b’mod komprensiv. Għal dik ir-raġuni, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-operazzjonijiet ta’ dawk il-korpi tal-amministrazzjoni pubblika u fondi li ma jiffurmawx parti mill-baġits regolari fil-livell tas-sottosettur u li għandhom impatt immedjat jew fuq terminu medju fuq il-pożizzjonijiet baġitarji tal-Istati Membri. Il-valuri tal-impatt ikkombinat fuq il-bilanċi u d-djun tal-amministrazzjoni pubblika ta’ dawk l-operazzjonijiet jenħtieġ li jiġu ppreżentati fil-qafas tal-proċessi baġitarji annwali u fil-pjanijiet baġitarji fuq terminu medju, li jkopru l-impatti li jirriżultaw minn operazzjonijiet futuri u obbligazzjonijiet pendenti u ġodda mistennija.
(18)Bl-istess mod, it-trasparenza rigward it-tip u d-daqs tal-infiq tat-taxxa u t-telf mid-dħul li jirriżulta hija meħtieġa sabiex tipprovdi fehim aktar profond tal-punt sa fejn il-politika fiskali u l-ippjanar baġitarju huma allinjati mal-prijoritajiet tal-gvern.
(19)L-għodod tal-ibbaġitjar ekoloġiku jistgħu jgħinu biex id-dħul u n-nefqa pubbliċi jiġu diretti mill-ġdid lejn prijoritajiet ekoloġiċi. F’dak ir-rigward, ir-rapportar affidabbli u regolari ta’ informazzjoni komprensiva, utli u aċċessibbli jtejjeb id-deliberazzjonijiet baġitarji. Dan ifisser ir-rapportar ta’ data dwar kif id-dħul jirrifletti l-ħtieġa li jiġi żgurat li jiġi rifless il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, u mbagħad dwar kif in-nefqa tirrifletti l-prijoritajiet ekoloġiċi kemm b’mod favorevoli kif ukoll mhux favorevoli. L-Istati Membri jenħtieġ li jippubblikaw l-informazzjoni dwar kif l-elementi rilevanti tal-baġits tagħhom jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-impenji nazzjonali u internazzjonali klimatiċi u ambjentali u l-metodoloġija użata. L-Istati Membri jenħtieġ li jippubblikaw id-data u l-informazzjoni deskrittiva separatament għall-entrati tan-nefqa, tan-nefqa tat-taxxa u tad-dħul. L-Istati Membri huma mistiedna jippubblikaw informazzjoni dwar l-impatt distribuzzjonali tal-politiki baġitarji u jqisu l-aspetti tal-impjiegi, soċjali u distributtivi fl-iżvilupp tal-ibbaġitjar ekoloġiku 29 .
(20)Jenħtieġ li tingħata attenzjoni xierqa lill-eżistenza tal-obbligazzjonijiet kontinġenti. B’mod aktar speċifiku, l-obbligazzjonijiet kontinġenti jkopru obbligazzjonijiet possibbli li jiddependu fuq l-okkorrenza ta’ avveniment futur inċert, jew obbligazzjonijiet preżenti fejn x’aktarx il-ħlas ma jsirx jew l-ammont tal-ħlas probabbli ma jkunx jista’ jitkejjel b’mod affidabbli. Dawn jinkludu, pereżempju, garanziji tal-gvern, self improduttiv, obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-operat ta’ korporazzjonijiet pubbliċi, u spejjeż u obbligi potenzjali li jirriżultaw minn kawżi tal-qorti u obbligazzjonijiet kontinġenti relatati mad-diżastri.
(21)Id-diżastri naturali u l-avvenimenti estremi tat-temp affettwaw il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u t-tibdil fil-klima huwa mistenni li jamplifika l-frekwenza u l-intensità ta’ dawn l-avvenimenti. Il-gvernijiet jinvestu f’miżuri ta’ adattament għat-tibdil fil-klima u jieħdu passi biex ikopru l-kostijiet tad-diżastri għal assistenza ta’ emerġenza, irkupru u rikostruzzjoni u biex jaġixxu bħala assiguratur tal-aħħar istanza f’xi każijiet. Meta jitqiesu l-isfidi eżistenti u futuri għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-obbligi u għar-riskji tal-gvern għall-finanzi tal-gvern li jirriżultaw minn diżastri naturali u avvenimenti relatati mal-klima, il-bidu bil-ġbir u bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar it-telf ekonomiku u l-kost fiskali ta’ avvenimenti tal-passat kif ukoll informazzjoni dwar l-arranġamenti baġitarji u l-istrumenti finanzjarji użati għal dik il-kwistjoni.
(22)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tkompli timmonitorja regolarment l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/85/UE. Jenħtieġ li jiġu identifikati u kondiviżi l-aħjar prattiki dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva.
(23)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2011/85/UE tiġi emendata bix-xieraq,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Id-Direttiva 2011/85/UE hija emendata kif ġej:
(1) L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a)fl-ewwel paragrafu, it-tieni sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:
“Għandha tapplika d-definizzjoni tas-sottobsetturi tal-amministrazzjoni pubblika stabbilita fl-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.*
___________
*ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1.”
(b)it-tieni paragrafu huwa emendat kif ġej:
(i)il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a) is-sistemi ta’ kontabbiltà tas-settur pubbliku u rapportar tal-istatistika;”
(ii)il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(c) ir-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż, li jikkontribwixxu għall-konsistenza tat-twettiq tal-politika fiskali mill-Istati Membri mal-obbligi rispettivi tagħhom skont it-TFUE, imfissra f’termini ta’ indikatur sommarju tal-prestazzjoni baġitarja, bħad-defiċit, is-self, id-dejn tal-baġit tal-gvern, jew komponent maġġuri tiegħu;”
(iii)il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(e) l-oqfsa baġitarji ta’ terminu medju bħala sett speċifiku ta’ proċeduri baġitarji nazzjonali li jestendu l-perjodu għat-tfassil tal-politika fiskali lil hinn mill-kalendarju baġitarju annwali, inkluż l-istabbiliment tal-prijoritajiet ta’ politika u tal-objettivi baġitarji nazzjonali fuq it-terminu medju;”
(iv)jiżdied il-punt (h) li ġej:
“(h) istituzzjonijiet fiskali indipendenti bħala korpi strutturalment indipendenti jew korpi li għandhom awtonomija funzjonali fir-rigward tal-awtoritajiet baġitarji tal-Istati Membri stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 8.”
(2) L-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. Fir-rigward tas-sistemi nazzjonali tal-kontabbiltà pubblika, l-Istati Membri għandu jkollhom, sal-2030, sistemi tal-kontabbiltà finanzjarja bbażata fuq id-dovuti li jkunu integrati, komprensivi u armonizzati fil-livell nazzjonali li jkopru s-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika u li jinkludu l-informazzjoni dwar il-flus kontanti u d-dovuti meħtieġa biex titħejja data bbażata fuq l-ESA 2010. Dawk is-sistemi ta’ kontabbiltà finanzjarja tas-settur pubbliku għandhom jiġu soġġetti għal kontroll intern u awditi indipendenti.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw disponibbiltà pubblika f’waqtha u regolari tad-data fiskali għas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika kif huwa stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill*. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw data trimestrali dwar id-dejn u d-defiċit separatament għall-fondi tal-gvern ċentrali, tal-gvern tal-Istat, tal-gvern lokali u tas-sigurtà soċjali, qabel tmiem it-trimestru ta’ wara jew wara l-pubblikazzjoni tad-data rilevanti mill-Kummissjoni (il-Eurostat).
3. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) għandha tippubblika d-data trimestrali tal-istatistika finanzjarja tal-gvern f’konformità mat-tabelli 25, 27 u 28 tal-Anness B tar-Regolament (UE) Nru 549/2013, kull 3 xhur.
___________
*ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1.”
(3) L-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ippjanar fiskali annwali u pluriennali jkun ibbażat fuq tbassir makroekonomiku u baġitarju realistiċi bl-użu tal-aktar informazzjoni aġġornata. L-ippjanar baġitarju għandu jkun ibbażat fuq ix-xenarju makrofiskali l-aktar probabbli jew fuq xenarju aktar prudenti. It-tbassir makroekonomiku u baġitarju għandhom jiġu prodotti jew approvati minn istituzzjonijiet fiskali indipendenti stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 8. Dawn għandhom jitqabblu mal-aktar tbassir aġġornat tal-Kummissjoni. Id-differenzi sinifikanti bejn it-tbassir makroekonomiku u baġitarju tal-Istat Membru u t-tbassir tal-Kummissjoni għandhom jiġu spjegati, inkluż meta l-livell jew it-tkabbir tal-fatturi varjabbli fis-suppożizzjonijiet esterni jitbiegħed b’mod sinifikanti mill-valuri li jinsabu fit-tbassir tal-Kummissjoni.”R
(b)il-paragrafu 4 jitħassar.
(c)il-paragrafi 5 u 6 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“5. L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw liema istituzzjoni hija responsabbli għall-produzzjoni ta’ tbassir makroekonomiku u baġitarju. Mill-inqas darba fis-sena l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandu jkollhom djalogu tekniku dwar is-suppożizzjonijiet li fuqhom hija bbażata t-tħejjija tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju.
6. It-tbassir makroekonomiku u baġitarju għall-ippjanar fiskali annwali u pluriennali prodott mill-istituzzjonijiet nazzjonali għandu jkun soġġett għal evalwazzjoni regolari, oġġettiva u komprensiva minn korp indipendenti, inkluża evalwazzjoni ex post. Ir-riżultat ta’ dik l-evalwazzjoni għandu jiġi ppubblikat u jitqies kif xieraq fit-tbassir makroekonomiku u baġitarju futuri. Jekk l-evalwazzjoni tidentifika preġudizzju sinifikanti li jaffettwa t-tbassir makroekonomiku fuq perjodu ta’ mill-inqas 4 snin konsekuttivi, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-azzjoni meħtieġa u jippubblikah.”
(d)il-paragrafu 7 jitħassar.
(4) L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 5
Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi r-regoli fiskali numeriċi li jkunu speċifiċi għalih biex jippromwovu b’mod effettiv il-konformità mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw mit-TFUE fil-qasam tal-ippjanar fiskali fuq perjodu pluriennali għall-amministrazzjoni pubblika kollu kemm hu. Dawn ir-regoli għandhom jippromwovu b’mod partikolari:
|
(a) |
il-konformità mal-valuri referenzjali u d-dispożizzjonijiet dwar id-defiċit u d-dejn stabbiliti f’konformità mat-TFUE; |
|
(b) |
l-adozzjoni ta’ perjodu ta’ ppjanar fiskali pluriennali, konsistenti mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament [XXX il-parti preventiva tal-SGP].* __________________ * Ir-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ [daħħal id-data] [daħħal it-titolu sħiħ] (ĠU L ..).” |
(5) L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:
(a) fil-paragrafu 1, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(b) Il-monitoraġġ effettiv u f’waqtu tal-konformità mar-regoli, abbażi ta’ analiżi affidabbli u indipendenti mwettqa minn istituzzjonijiet fiskali indipendenti stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 8.” ;
(b) il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Jekk ir-regoli fiskali numeriċi jkollhom fihom klawżoli liberatorji, dawn il-klawżoli għandhom jistabbilixxu għadd limitat ta’ ċirkostanzi speċifiċi konsistenti mal-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mit-TFUE u mir-Regolament [XXX il-parti preventiva tal-SGP], u proċeduri stretti għal meta huwa permess nuqqas ta’ konformità temporanju mar-regoli. Il-klawżoli liberatorji għandu jkollhom limiti ta’ żmien ċari.”
(6) L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 7
Il-leġiżlazzjoni tal-baġit annwali tal-Istati Membri għandha tkun konsistenti mar-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall‑pajjiż li fih ikunu fis-seħħ.”
(7) Fil-Kapitolu V, it-titolu huwa sostitwit bi “ISTITUZZJONIJIET FISKALI INDIPENDENTI”
(8) L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 8
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li istituzzjonijiet fiskali indipendenti, bħal korpi strutturalment indipendenti jew korpi b'awtonomija funzjonali fir-rigward tal-awtoritajiet baġitarji tal-Istati Membri, ikunu stabbiliti bil-liġijiet, bir-regolamenti jew bid-dispożizzjonijiet amministrattivi vinkolanti nazzjonali.
2. L-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu magħmulin minn membri nominati u maħtura abbażi tal-esperjenza u l-kompetenza tagħhom fil-finanzi pubbliċi, fil-makroekonomija jew fil-ġestjoni baġitarja, u permezz ta’ proċeduri trasparenti.
3. L-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1:
(a) ma għandhomx jirċievu struzzjonijiet mill-awtoritajiet baġitarji tal-Istat Membru kkonċernat jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor;
(b) għandu jkollhom il-kapaċità li jikkomunikaw pubblikament dwar il-valutazzjonijiet u l-opinjonijiet tagħhom fil-ħin;
(c) għandu jkollhom riżorsi proprji adegwati u stabbli biex iwettqu l-mandat tagħhom b’mod effettiv, inkluż kwalunkwe tip ta’ analiżi fil-mandat tagħhom;
(d) għandu jkollhom aċċess adegwat u f’waqtu għall-informazzjoni meħtieġa biex jissodisfaw il-mandat tagħhom;
(e) għandhom jiġu soġġetti għal evalwazzjonijiet esterni regolari minn evalwaturi indipendenti.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istituzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikollhom il-kompiti li ġejjin:
(a) jipproduċu t-tbassir makroekonomiku u baġitarju annwali u pluriennali sottostanti għall-ippjanar ta’ terminu medju tal-gvern jew l-approvazzjoni ta’ dawk użati mill-awtoritajiet baġitarji;
(b) jipproduċu valutazzjonijiet tas-sostenibbiltà tad-dejn li huma l-bażi tal-ippjanar ta’ terminu medju tal-gvern jew l-approvazzjoni ta’ dawk ipprovduti mill-awtoritajiet baġitarji;
(c) jipproduċu valutazzjonijiet dwar l-impatti tal-politiki fuq is-sostenibbiltà fiskali u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv jew l-approvazzjoni ta’ dawk ipprovduti mill-awtoritajiet baġitarji;
(d) jimmonitorjaw il-konformità mar-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż f’konformità mal-Artikolu 6;
(e) jimmonitorjaw il-konformità mal-qafas fiskali tal-Unjoni f’konformità mar-Regolamenti [XXX il-parti preventiva tal-SGP] u [XXX il-parti korrettiva tal-SGP] *;
(f) iwettqu, fuq bażi regolari, rieżamijiet tal-qafas baġitarju nazzjonali, sabiex jiġu vvalutati l-konsistenza, il-koerenza u l-effettività tal-qafas, inklużi mekkaniżmi u regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet fiskali bejn l-awtoritajiet pubbliċi fis-sottosetturi tal-amministrazzjoni pubblika;
(g) jipparteċipaw f’seduti u f’diskussjonijiet regolari fil-Parlament nazzjonali.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet baġitarji tal-Istat Membru kkonċernat jikkonformaw mal-valutazzjonijiet jew mal-opinjonijiet maħruġa mill-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 4. Meta tali awtoritajiet baġitarji ma jikkonformawx ma’ dawk il-valutazzjonijiet jew l-opinjonijiet, dawn għandhom jiġġustifikaw pubblikament id-deċiżjoni li ma jikkonformawx fi żmien xahar mill-ħruġ ta’ dawn il-valutazzjonijiet jew opinjonijiet.
* Ir-Regolament (UE) tal-Kunsill ta’ [daħħal id-data] [daħħal it-titolu sħiħ] (ĠU L ..).
(9) L-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:
a) il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas baġitarju kredibbli, effettiv, għal perjodu medju li jipprevedi l-adozzjoni ta’ perjodu ta’ ppjanar fiskali ta’ mill-inqas 4 snin biex ikun żgurat li l-ippjanar fiskali nazzjonali jsegwi perspettiva ta’ ppjanar fiskali pluriennali.”
b) il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:
(i) il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(a) objettivi baġitarji pluriennali komprensivi u trasparenti kif imsemmija fl-Artikolu 2, il-punt (e) f’termini tad-defiċit, tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika, tad-dejn u ta’ kwalunkwe indikatur fiskali sommarju ieħor bħan-nefqa, filwaqt li jiġi żgurat li dawn ikunu konsistenti ma’ kwalunkwe regola fiskali numerika speċifika għall-pajjiż kif previst fil-Kapitolu IV ta’ din id-Direttiva u d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament [XXX il-parti preventiva tal-SGP].”;
(ii) il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(c) deskrizzjoni tal-politiki ta’ terminu medju, inklużi l-investiment u r-riformi, previsti b’impatt fuq il-finanzi tal-amministrazzjoni pubblika u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, imqassma skont l-entrata ewlenija tad-dħul u n-nefqa, billi jintwera kif jinkiseb l-aġġustament lejn l-objettivi baġitarji nazzjonali fuq terminu medju kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (e), meta mqabbel mal-projezzjonijiet taħt politiki mhux mibdula.”;
(iii) il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“(d) valutazzjoni dwar kif fid-dawl tal-impatt dirett tagħhom fuq terminu medju u twil fuq il-finanzi tal-amministrazzjoni pubblika, il-politiki previsti aktarx jaffettwaw is-sostenibbiltà fuq terminu medju u fuq terminu twil tal-finanzi pubbliċi u t-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Il-valutazzjoni għandha tispeċifika, sa fejn ikun possibbli, ir-riskji makrofiskali mit-tibdil fil-klima u l-impatti ambjentali u distribuzzjonali tagħhom, u l-implikazzjonijiet fuq il-finanzi pubbliċi tal-politiki ta’ mitigazzjoni u adattament relatati mal-klima fuq it-terminu medju u t-terminu twil”;
c) il-paragrafu 3 jitħassar;
(10) L-Artikoli 10 u 11 huma sostitwiti b’dan li ġej:
“Artikolu 10
Il-leġiżlazzjoni baġitarja annwali għandha tkun konsistenti mal-objettivi baġitarji nazzjonali fuq terminu medju kif imsemmi fl-Artikolu 2, il-punt (e). Kwalunkwe devjazzjoni għandha tiġi spjegata kif xieraq.”;
Artikolu 11
Din id-Direttiva bl-ebda mod ma għandha timpedixxi gvern ġdid ta’ Stat Membru milli jaġġorna l-pjan baġitarju tiegħu ta’ terminu medju biex jirrifletti l-prijoritajiet politiċi ġodda tiegħu. F’dan il-każ, il-gvern il-ġdid għandu jindika d-differenzi mill-pjan baġitarju preċedenti u ta’ terminu medju l-ġdid.”;
(11) fil-Kapitolu VI, it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej: “TRASPARENZA FIL-FINANZI TAL-AMMINISTRAZZJONI PUBBLIKA”
(12) L-Artikolu 12 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 12
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżura meħuda f’konformità mal-Kapitoli II, III u IV tkun konsistenti fis-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika u tkopri b’mod komprensiv dawk is-sottosetturi. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom, b’mod partikolari, jirrikjedu regoli u proċeduri tal-kontabbiltà tas-settur pubbliku konsistenti, u l-integrità tas-sistemi tal-ġbir u tal-ipproċessar tad-data sottostanti tagħhom.”;
(13) L-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 14
1.Fil-qafas tal-proċessi tal-leġiżlazzjoni baġitarja annwali u pluriennali, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw korpi u fondi li ma jagħmlux parti mill-baġits regolari iżda li huma parti mill-amministrazzjoni pubblika, inklużi sottosetturi tal-amministrazzjoni pubblika. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ukoll valuri li jikkorrispondu għall-impatt ikkombinat fuq il-bilanċi u d-djun tal-amministrazzjoni pubblika ta’ dawk il-korpi u l-fondi fejn l-impatt fuq il-bilanċi għandu jinkludi operazzjonijiet tal-passat u futuri mistennija u l-impatt fuq id-djun għandu jinkludi obbligazzjonijiet ġodda pendenti u mistennija.
2. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata dwar l-impatt tal-infiq tat-taxxa fuq id-dħul għall-objettivi baġitarji nazzjonali kif huwa msemmi fl-Artikolu 2, il-punt (e), abbażi ta’ metodoloġija trasparenti.
3. Għas-sottosetturi kollha tal-gvern ċentrali, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni rilevanti dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti b’impatti potenzjalment kbar fuq il-baġits pubbliċi, inklużi l-garanziji tal-gvern, is-self mhux produttiv u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-operat ta’ korporazzjonijiet pubbliċi, l-ispejjeż potenzjali u l-obbligi li jirriżultaw mill-kawżi tal-qorti, inkluż il-limitu tagħhom. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ukoll, sa fejn ikun possibbli, informazzjoni dwar obbligazzjonijiet kontinġenti relatati mad-diżastri u mal-klima. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar sejħiet preċedenti fuq garanziji u nefqa ta’ darba rreġistrati għal garanziji standardizzati. L-informazzjoni ppubblikata għandha tinkludi informazzjoni dwar it-telf ekonomiku mġarrab minħabba diżastri u xokkijiet relatati mal-klima, inklużi l-kostijiet fiskali mġarrba mis-settur pubbliku u l-istrumenti użati biex jittaffew jew jiġu koperti. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-kapital ta’ korporazzjonijiet pubbliċi u privati fir-rigward ta’ ammonti ekonomikament sinifikanti.”
(14) L-Artikolu 14a. jiżdied kif ġej
“Artikolu 14a.
1. Sal-14 ta’ Diċembru 20XX, il-Kummissjoni għandha tippubblika rieżami tal-effettività ta’ din id-Direttiva.
2. Sal-31 ta’ Diċembru 2025, il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar is-sitwazzjoni attwali u d-direzzjoni futura tal-kontabbiltà finanzjarja tas-settur pubbliku fl-Unjoni, filwaqt li tqis il-progress li sar mill-valutazzjoni tagħha tal-2013 dwar l-adegwatezza tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku għall-Istati Membri.”
(15) L-Artikolu 15 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 15
1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 202x. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Il-Kunsill iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, għalihom u fl-interessi tal-Unjoni, ifasslu t-tabelli ta’ korrelazzjoni proprji li, kemm jista’ jkun, se juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku.
2. Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
3. Il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport interim ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin ta’ din id-Direttiva abbażi tal-informazzjoni rilevanti mill-Istati Membri, li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-14 ta’ Diċembru 20XX.
4. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.”
(16) L-Artikolu 16 jitħassar.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President