14.12.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/1


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-16 ta’ Novembru 2012

Għajnuna mill-Istat SA.33305 (2012/C) u SA.29832 (2012/C) implimentata mill-Pajjiżi l-Baxxi għal ING

(notifikata bid-dokument C(2012) 8238)

(Il-verżjoni bl-Ingliż biss hija awtentika)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2013/719/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,

Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,

Wara li talbet lill-Istati Membri u lil partijiet interessati oħrajn biex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont dawk id-dispożizzjonijiet (1),

Billi:

I.   PROĊEDURA

(1)

Fit-22 ta’ Ottubru 2008, il-Pajjiżi l-Baxxi nnotifikaw lill-Kummissjoni żieda kapitali ta’ EUR 10 biljun ("il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni") f’ING Groep N.V. ("ING") fil-forma ta’ kapital tal-Grad 1 ta’ ekwità komuni ("titoli ta’ CT1").

(2)

Permezz ta’ Deċiżjoni tat-12 ta’ Novembru 2008 ("id-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ") (2), il-Kummissjoni approvat temporanjament il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni bħala għajnuna għas-salvataġġ fid-dawl ta’ għadd ta’ impenji pprovduti mill-Pajjiżi l-Baxxi u minn ING. Huma kienu jinkludu impenn sabiex tiġi nnotifikata mill-ġdid il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni li kieku kellha titfaċċa xi waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin u li jagħmluha inqas probabbli b’mod konsiderevoli, tant li mistenni jinkiseb redditu globali ta’ mill-inqas 10% fis-sena (3):

—

Jekk ma jitħallas ebda dividend għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi jew għal tliet snin fil-ħames snin li ġejjin; jew

—

Jekk wara perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sena wara d-data tad-deċiżjoni preżenti, bħala medja, il-prezz tas-sehem fuq perjodu ta’ sentejn konsekuttivi jibqa’ taħt EUR 13.

(3)

Fid-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ, il-Kummissjoni kkunsidrat li, filwaqt li l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni minnha nnifisha mhijiex sejra tiġi kkontestata li kieku kellu jitfaċċa wieħed mix-xenarji ta’ notifika mill-ġdid, tali żvilupp jista’ jikkontesta l-kondizzjonijiet tal-kompatibbiltà tal-miżura u li jista’, b’mod partikolari, jirrikjedi limitazzjonijiet addizzjonali fl-imġiba li kieku dik il-miżura kellha tkompli tkun kompatibbli mas-suq intern.

(4)

Fit-22 ta’ Ottubru 2009, il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew pjan ta’ ristrutturar li kien jinkludi katalogu ta’ impenji. Permezz tad-Deċiżjoni tagħha tat-18 ta’ Novembru 2009 (4) ("id-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009"), il-Kummissjoni approvat l-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija jew li għandha tingħata lil ING u l-pjan ta’ ristrutturar tagħha. Fl-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għalqet proċedura ta’ investigazzjoni formali li hija kienet fetħet dwar faċilità ta’ sostenn tal-assi danneġġati mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi lil ING, billi approvat dik il-miżura fid-dawl tal-impenji mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tgħid li l-għajnuna għar-ristrutturar ipprovduta mill-Pajjiżi l-Baxxi lil ING tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, filwaqt li fit-tieni paragrafu tal-istess Artikolu tgħid li l-għajnuna hija kompatibbli mas-suq komuni, soġġetta għall-impenji stabbiliti fl-Anness II għal dik id-Deċiżjoni.

(5)

Fis-17 ta’ Novembru 2011, il-Pajjiżi l-Baxxi nnotifikaw lill-Kummissjoni talba għal emenda tal-impenji li fuqhom kienet ibbażata d-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009; in-notifika ġiet irreġistrata bħala l-każ SA.29832. Minflok ma ING tneħħi l-awtorità ta’ Westland Utrecht Bank ("WUB") kif previst fl-impenji li fuqhom kienet ibbażata d-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009 (minn hawn ’il quddiem "l-impenn tad-WUB"), il-Pajjiżi l-Baxxi pproponew li ING tintegra partijiet ta’ WUB ma’ Nationale Nederlanden Bank ("NN Bank") u tneħħi l-awtorità ta’ dik l-entità integrata bħala parti minn ING Insurance Europe. Il-Pajjiżi l-Baxxi talbu wkoll estensjoni ta’ perjodu ta’ żvestiment tad-WUB previst fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009.

(6)

Fil-21 ta’ Novembru 2011, fil-każ SA.33305, il-Pajjiżi l-Baxxi nnotifikaw mill-ġdid il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni lill-Kummissjoni. Dik in-notifika nbdiet minn ING talli ma ħallsitx kupun lill-Pajjiżi l-Baxxi għal sentejn konsekuttivi (fl-2010 għall-2009 u fl-2011 għall-2010).

(7)

Fil-5 ta’ Diċembru 2011, il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni minn Mediobanca li kienet qiegħda takkuża lil ING Direct (5) Italia li kisret il-projbizzjoni fuq il-price leadership li għaliha kienet soġġetta ING bħala riżultat tal-impenji magħmula mill-Pajjiżi l-Baxxi fil-qafas tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009 (6).

(8)

Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING talbu annullament parzjali tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009 fil-Kawżi Konġunti T-29/10 u T-33/10. Permezz tas-sentenza tagħha tat-2 ta’ Marzu 2012 (7), il-Qorti Ġenerali annullat l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009 u l-Anness II għal dik id-Deċiżjoni (8).

(9)

Minħabba li l-Qorti Ġenerali annullat dawk id-dispożizzjonijiet, il-Kummissjoni kellha terġa’ tevalwa l-għajnuna għar-ristrutturar, fejn poġġiet lilha nnifisha fis-sitwazzjoni li kienet teżisti fit-18 ta’ Novembru 2009. Għalhekk, fil-11 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida (“id-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012”) (9), fejn sabet li l-emenda (10) tal-kondizzjonijiet għall-ħlas lura tat-titoli ta’ CT1 jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat u sabet li dik il-miżura u l-miżuri l-oħrajn kollha ta’ għajnuna għar-ristrutturar mogħtija fil-kuntest tal-pjan tar-ristrutturar favur ING kienu kompatibbli mas-suq intern. Il-Kummissjoni għamlet is-sejba tal-kompatibbiltà tagħha fuq il-bażi ta’, fost l-oħrajn, l-impenji pprovduti fil-kuntest tal-pjan tar-ristrutturar tat-22 ta’ Ottubru 2009 li huma riprodotti fl-Anness għad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012. (11)

(10)

Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2012 ("id-Deċiżjoni tal-Ftuħ") (12), il-Kummissjoni bdiet il-proċedura preskritta fl-Artikolu 108(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea sabiex tinvestiga t-tliet kwistjonijiet li ġejjin:

—

jekk ir-rimunerazzjoni tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni kinitx għadha xierqa, meta wieħed iqis li ING ma ħallsitx kupuni lill-Istat mill-2009, nuqqas li wassal għal notifika mill-ġdid għar-raġunijiet deskritti fil-Premessa (2);

—

jekk l-emendi proposti tal-impenji u, b’mod partikolari, l-alternattiva proposta mill-Pajjiżi l-Baxxi bħala sostitut għall-impenn tad-WUB, jiżgurawx il-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar;

—

jekk ING Direct kinitx qiegħda tipprezza b’mod aggressiv, b’mod partikolari fl-Italja.

(11)

Id-Deċiżjoni tal-Ftuħ ġiet ippubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Awwissu 2012. Il-Kummissjoni talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti minn bosta partijiet terzi.

(12)

Permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ Ġunju 2012, il-Pajjiżi l-Baxxi bagħtu lill-Kummissjoni reazzjoni għas-sustanza tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Minbarra l-informazzjoni relatata ma’ ING Direct u b’mod partikolari ma’ ING Direct Italia, dik ir-reazzjoni kienet tinkludi dokument li kien immirat biex iwieġeb il-mistoqsijiet imqajma fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ dwar l-alternattiva għall-impenn tad-WUB, kif ukoll talba għal sospensjoni tal-iskadenza għall-iżvestiment u l-ħatra ta’ fiduċjarju tal-iżvestiment.

(13)

Fil-15 ta’ Ġunju 2012, il-Pajjiżi l-Baxxi pproponew ukoll impenji ulterjuri, inkluż impenn għal skeda ta’ ħlas lura għall-bqija tat-titoli ta’ CT1. Barra minn hekk, huma indikaw li ser ikollhom bżonn jemendaw l-iskeda ta’ żvestiment għal ING Insurance (13) inkluża fil-pjan ta’ ristrutturar tat-22 ta’ Ottubru 2009 u, għal dak il-għan, issottomettew proposta sabiex jittawlu l-miżuri tal-imġiba li għalihom kienet soġġetta ING. Il-Pajjiżi l-Baxxi kienu tal-fehma li dawk il-proposti jippermettu lill-Kummissjoni tikkonkludi li l-għajnuna għar-ristrutturar kienet kompatibbli mas-suq intern.

(14)

Fid-19 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni kellha laqgħa ma’ rappreżentanti ta’ ING, NN Bank u l-Pajjiżi l-Baxxi, li matulha NN Bank ippreżenta lill-Kummissjoni addendum għall-pjan tan-negozju deskritt fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ (14).

(15)

Saru wkoll aktar laqgħat bejn il-Kummissjoni, ING u l-Pajjiżi l-Baxxi, b’mod partikolari fil-25 ta’ Lulju, fl-24 ta’ Awwissu, fis-6, fis-17, fit-18 u fis-26 ta’ Settembru u fl-1 ta’ Ottubru 2012. B’mod parallel ma’ dawk id-diskussjonijiet, il-Pajjiżi l-Baxxi pprovdew informazzjoni dwar il-proċess tal-iżvestiment ta’ ING Insurance, dwar il-mudell kummerċjali ta’ NN Bank u dwar il-politika tal-ipprezzar ta’ ING Direct Europe, b’mod partikolari fit-23 ta’ Awwissu u fl-14, fl-24 u fil-25 ta’ Settembru 2012.

(16)

Fit-23 ta’ Awwissu 2012, il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew studju minn RBB Economics, li ddeskriva l-modi possibbli sabiex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni tal-projbizzjoni fuq il-price leadership għal ING Direct Europe, li din tal-aħħar kienet soġġetta għaliha minħabba impenn mogħti mill-Pajjiżi l-Baxxi u li kien irreġistrat fl-Anness għad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar 2012. Permezz ta’ posta elettronika tal-5 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni għamlet bosta mistoqsijiet dwar dak l-istudju u talbet dejta kwantitattiva li għandha tissostanzja l-pretensjonijiet ta’ RBB Economics. Fit-13 ta’ Settembru 2012, il-Pajjiżi l-Baxxi pprovdew nota minn RBB Economics datata l-11 ta’ Settembru 2012, li permezz tagħha wieġbu għall-mistoqsijiet tal-Kummissjoni iżda li ma kienet tinkludi ebda dejta kwantitattiva ulterjuri. ING ipprovdiet xi dejta addizzjonali użata minn RBB Economics fl-14 ta’ Settembru 2012 u pprovdiet informazzjoni addizzjonali matul laqgħa teknika mal-Kummissjoni fis-17 ta’ Settembru 2012.

(17)

Fl-14 ta’ Settembru 2012, il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew projezzjonijiet aġġornati tal-karta tal-bilanċ għal NN Bank (il-"pjan kummerċjali ta’ NN Bank").

(18)

Fil-31 ta’ Ottubru 2012, il-Pajjiżi l-Baxxi ssottomettew talba formali lill-Kummissjoni sabiex temenda d-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012, b’mod partikolari l-iskadenza għall-iżvestiment ta’ ING Insurance, filwaqt li ppreżentaw katalogu ġdid ta’ impenji, li fih l-emenda mitluba fir-rigward tal-iskadenzi tal-iżvestiment tal-Assigurazzjoni, timmodifika t-talba nnotifikata qabel sabiex tiġi emendata l-iskadenza għall-iżvestiment ta’ WUB u timmodifika t-talba inizjali għal emenda deskritta fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Il-katalogu ġdid tal-impenji għandu jemenda ċerti elementi tal-pjan tar-ristrutturar tat-22 ta’ Ottubru 2009 u jieħu post l-impenji rreġistrati fl-Anness għad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 (15). Dawk l-impenji jidħlu fis-seħħ mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda d-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012. Il-katalogu tal-impenji huwa akkumpanjat minn żewġ dokumenti separati. Wieħed jispeċifika d-dettalji tal-projbizzjoni fuq il-price leadership għal ING Direct Europe, li ma tkunx parti mid-deċiżjoni li temenda iżda li tkun il-bażi għall-Kummissjoni sabiex issegwi d-Deċiżjoni emendata dwar ir-Ristrutturar tal-2012. L-ieħor jinkludi prinċipji li għandhom jiġu applikati għall-istralċ intern tal-Annwalitajiet Varjabbli (VA) tal-Istati Uniti u għan-negozji tal-Prodotti Finanzjarji tal-Istati Uniti ta’ ING u huwa meqjus bħala Anness separat.

(19)

Il-Kummissjoni tosserva li l-Pajjiżi l-Baxxi jaċċettaw b’mod eċċezzjonali li d-deċiżjoni preżenti tiġi adottata bil-lingwa Ingliża.

II.   FATTI

2.1.   DESKRIZZJONI TA’ ING

(20)

ING hija komposta minn ING Groep N.V., kumpanija azzjonarja prinċipali li tikkontrolla l-attivitajiet bankarji ta’ ING permezz ta’ ING Bank N.V. ("ING Bank") u l-attivitajiet ta’ assigurazzjoni tagħha permezz ta’ ING Verzekeringen N.V. ("ING Insurance").

(21)

Fir-rapportaġġ segmentali tagħha, ING tissottovidi lil ING Bank tul il-linji kummerċjali fis-Servizzi Bankarji bl-Imnut, is-Servizzi Bankarji Kummerċjali u ING Direct. B’kuntrast ma’ dan, ING Insurance tuża struttura ta’ rapportaġġ ġeografika: Insurance Benelux (li tinkludi l-impriża tal-assigurazzjoni Olandiża ta’ ING "Nationale Nederlanden" (magħrufa wkoll bħala "NN"), Insurance Central & rest of Europe, Insurance US u Insurance Asia/Pacific). Deskrizzjoni aktar dettaljata tas-segmenti kummerċjali ta’ ING tista’ tinstab fil-Premessi (20) sa (37) tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012.

(22)

It-Tabella 1 tiġbor fil-qosor il-figuri finanzjarji ewlenin ta’ ING għall-perjodu 2007-2011. Minkejja l-fatt li ING għamlet profitti fl-2010 u fl-2011, hija ma ħallsitx id-dividendi lill-azzjonisti tagħha. B’riżultat ta’ dan, hija ma ħallsitx kupuni lill-Pajjiżi l-Baxxi.

Tabella 1

Metriċi finanzjarji ewlenin tal-ING għall-perjodu 2007-2011

Sena

2007

2008

2009

2010

2011

Dħul totali (f’EUR miljun)

73 672

64 248

46 928

54 105

55 794

Riżultat nett (f’EUR miljun)

9 238

– 868

–1 006

2 810

5 766

Assi totali (f’EUR biljun)

1 313

1 332

1 164

1 247

1 279

Ekwità totali (f’EUR biljun)

37

17

34

41

47

Ammont nozzjonali pendenti tat-titoli ta’ CT1 (f’EUR biljun)

 

10

5

5

3

2.2.   PJAN TA’ RISTRUTTURAR APPROVAT FID-DEĊIŻJONI DWAR IR-RISTRUTTURAR 2012

(23)

ING bħalissa qiegħda timplimenta l-pjan ta’ ristrutturar tat-22 ta’ Ottubru 2009 abbażi tal-impenji elenkati fl-Anness għad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012. Fiduċjarju tal-monitoraġġ isegwi l-implimentazzjoni minn ING ta’, fost l-oħrajn, l-impenn tad-WUB u tal-impenji għal ING u ING Direct Europe sabiex jiġu rrispettati l-projbizzjonijiet fuq il-price leadership.

2.3.   DIFFIKULTAJIET FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-IMPENJI LI FUQHOM HUMA BBAŻATI D-DEĊIŻJONI DWAR IS-SALVATAĠĠ U D-DEĊIŻJONI DWAR IR-RISTRUTTURAR TAL-2012

Notifika mill-ġdid tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni

(24)

ING hija mitluba biss li tagħmel ħlasijiet b’kupun fuq it-titoli ta’ CT1 lill-Pajjiżi l-Baxxi meta jitħallas dividend fuq l-ishma ordinarji. Fiż-żmien li ttieħdet id-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ, ING qalet li hija kienet sejra tissokta bil-politika prevalenti tagħha dwar id-dividendi, dejjem jekk jippermettu ċ-ċirkostanzi tas-suq. Madankollu, billi ING ma ħallsitx id-dividendi fl-2010 u fl-2011, fil-21 ta’ Novembru 2011 il-Pajjiżi l-Baxxi nnotifikaw mill-ġdid il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni skont l-impenn tagħhom, li abbażi tiegħu ttieħdet id-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ. L-impenn ta’ notifika mill-ġdid kellu l-għan li jassigura rimunerazzjoni suffiċjenti fid-dawl tal-inċertezza tal-ħlas ta’ kupuni b’mod intrinsiku għat-titoli ta’ CT1.

Diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-impenn tad-WUB u l-impenji ta’ żvestiment fl-assigurazzjoni  (16) – emenda ta’ dawk l-impenji sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar

(25)

Fil-ħarifa tal-2010, ING organizzat investigazzjoni tas-suq sabiex tittestja jekk il-parteċipanti tas-suq kinux interessati li jixtru d-WUB. ING ikkuntattjat lil ħafna partijiet fis-suq (17). Madankollu, instab li ma kien hemm ebda interess reali fid-WUB. Il-fiduċjarju tal-monitoraġġ irrapporta dwar l-investigazzjoni tas-suq fir-rapporti tiegħu ta’ Settembru 2010, Novembru 2010 u Jannar 2011 (18). Għaldaqstant, il-Pajjiżi l-Baxxi fasslu mill-ġdid l-impenn ta’ WUB u nnotifikaw l-emenda lill-Kummissjoni. It-tfassil il-ġdid ippreveda l-integrazzjoni ta’ partijiet minn WUB fl-NN Bank, li huwa parti min-negozju Ewropew tal-assigurazzjoni ta’ ING. Dik l-istruttura, li permezz tagħha, partijiet ta’ WUB jiġu integrati fl-NN Bank u fejn parti kbira mill-portafoll ipotekarju storiku (li jammonta għal EUR 34 biljun) tinżamm minn ING, issir referenza għaliha mill-Pajjiżi l-Baxxi u minn ING bħala x-xenarju Van Gogh.

(26)

Minbarra d-diffikultajiet tagħha sabiex tesegwixxi l-impenn ta’ WUB, ING iffaċċjat diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-impenn għall-iżvestiment ta’ ING Insurance. Għall-ewwel, ING kellha l-ħsieb li timplimenta l-impenn sabiex tiżvesti lil ING Insurance permezz ta’ offerta pubblika inizjali ("IPO") li tkopri n-negozju kollu tal-Assigurazzjoni, iżda aktar tard hija ddeċidiet li tuża żewġ IPOs separati, waħda għal EurAsia (19) u waħda għall-Istati Uniti, minflok IPO waħda. Madankollu, minħabba l-ambjent ekonomiku u kummerċjali li qiegħed imur għall-agħar fl-Ewropa, ING biddlet il-każ bażi tagħha ta’ IPO għan-negozju tal-Assigurazzjoni ta’ EurAsia u għandha l-ħsieb li tesplora l-possibbiltajiet sabiex tiżvesti separatament uħud mill-kostitwenti ta’ dan in-negozju tal-Assigurazzjoni ta’ EurAsia.

(27)

Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, l-iżviluppi makroekonomiċi u regolatorji, l-evalwazzjonijiet xejn favorevoli u l-espożizzjoni proprja ta’ ING għall-kwistjonijiet li jikkonċernaw l-industrija kollha wasslu għad-dewmien tal-iżvestiment ta’ ING Insurance. Fir-rigward tal-ambjent makroekonomiku, ir-rati tal-imgħax fit-tul komplew jitbaxxew kemm fil-Pajjiżi l-Baxxi kif ukoll fl-Istati Uniti, filwaqt li, b’riżultat ta’ dan, l-obbligazzjonijiet tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni żdiedu. Barra minn hekk, l-eskalazzjoni tal-kriżi tad-dejn sovran Ewropew kellha impatt fuq il-valuri tal-assi tal-kumpaniji li joffru poloz ta’ assigurazzjoni tal-ħajja. Hemm inċertezza dwar ir-regoli l-ġodda ta’ Solvenza II (20), li tagħmilha diffiċli għall-investituri pubbliċi u għall-imsieħba industrijali biex jevalwaw kumpanija tal-assigurazzjoni bir-reqqa. Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, il-metriċi tal-evalwazzjoni ddeterjoraw, bl-indiċi tal-assigurazzjoni tal-ħajja fl-Ewropa u fl-Istati Uniti jinnegozjaw f’livelli storikament baxxi qrib 0.4 darbiet daqs il-valur tal-ekwità skont il-kotba (minn 0.9 darbiet daqs il-valur skont il-kotba fit-tieni nofs tal-2009).

(28)

Barra minn hekk, […] (*1) Nationale Nederlanden għandha […] minħabba l-inċertezza kontinwa fir-rigward ta’ każ ta’ bejgħ inadatt fis-settur kollu fil-Pajjiżi l-Baxxi (l-hekk imsejjaħ Woekerpolissen). F’dak li għandu x’jaqsam ma’ ING Insurance US, ING indikat li […] fir-rigward tal-prodotti ta’ VA, li jikkostitwixxu parti kbira mill-karta tal-bilanċ ta’ ING Insurance US (21).

(29)

F’dak l-isfond, ING ma tkunx tista’ tiżvesti n-negozju tal-assigurazzjoni tagħha sal-aħħar tal-2013, xi ħaġa li kienet ikkonfermata mill-Pajjiżi l-Baxxi f’reazzjoni għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ tal-Kummissjoni.

Allegata strateġija aggressiva ta’ pprezzar minn ING Direct Italia

(30)

Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Diċembru 2011, Mediobanca allega li ING aġixxiet bħala price leader fis-suq Taljan fi ksur tal-projbizzjoni fuq il-price leadership li kienet soġġetta għaliha. B’mod aktar preċiż, dan il-bank sostna li fir-raba’ ġimgħa ta’ Settembru 2011 (bejn id-19 u l-25 ta’ Settembru), ING Direct Italia żiedet ir-rata tal-imgħax gross tagħha fuq 12-il xahar għall-klijenti ġodda minn 3,50% (ir-rata applikabbli fil-ġimgħa ta’ qabel, li kienet ilha fis-seħħ mill-inqas mir-raba’ ġimgħa ta’ Ġunju 2011) għal 4,20%, biex b’hekk stabbilixxiet ruħha bħala l-price leader. Skont Mediobanca, bħala riżultat tal-offerta ġdida ta’ ING Direct Italia, Banca Sistema żiedet ir-rata tal-imgħax gross tagħha fuq 12-il xahar għall-klijenti kollha għal 4,25% fl-aħħar ġimgħa ta’ Settembru 2011 (bejn is-26 u t-30 ta’ Settembru), żieda li wasslet – għall-inqas f’termini teoretiċi – għal prodott aktar kompetittiv (22).

III.   RAĠUNIJIET GĦAD-DEĊIŻJONI TAL-FTUĦ

(31)

Fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni indikat id-dubji li ġejjin fir-rigward tal-emendi proposti mill-Pajjiżi l-Baxxi u l-kapaċità tagħhom li jkomplu jiżguraw il-kompatibbiltà tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni u tal-għajnuna għar-ristrutturar mas-suq intern:

Dubji rigward ir-rimunerazzjoni xierqa tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni

(32)

ING tidher li segwiet strateġija ta’ rimunerazzjoni opportunistika fir-rigward tat-titoli ta’ CT1, li tidher li tmur kontra l-intenzjonijiet li ġew iddikjarati qabel f’termini tal-politika dwar id-distribuzzjoni tad-dividendi. Skont il-Kummissjoni, jidher li ING segwiet politika ta’ distribuzzjoni li llimitat il-ħlasijiet b’kupuni għall-Istat, filwaqt li ING kienet f’pożizzjoni li tħallas id-dividendi mill-profitti mwettqa. Għalhekk, mingħajr restrizzjonijiet fuq l-imġiba fir-rigward tal-kundizzjonijiet tar-rimunerazzjoni relatati mat-titoli ta’ CT1, il-Kummissjoni kellha dubji dwar kemm setgħet tkompli tqis il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni bħala kompatibbli mas-suq intern mingħajr ebda modifikazzjoni, b’konformità mar-riżervi li esprimiet fil-Premessa (32) tad-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ.

(33)

B’mod partikolari, kien evidenti li kien hemm bżonn ta’ restrizzjonijiet fuq l-imġiba sabiex jiġi indirizzat l-"arbitraġġ tal-għajnuna mill-Istat", bil-għan li l-benefiċjarju jkun jista’ jieħu deċiżjonijiet strateġiċi li jfittxu li jnaqqsu r-ritorn għall-Istat Membru u li setgħu jinkisbu minn dan tal-aħħar li kieku l-benefiċjarju segwa l-kors normali tan-negozju. Fil-fehma tal-Kummissjoni, tali restrizzjonijiet jistgħu jieħdu l-forma ta’ żieda fir-rimunerazzjoni, kjarifika tal-iskeda tal-ħlas lura jew xi tip ta’ kombinazzjoni ta’ miżuri bħal dawn.

Dubji rigward l-emenda proposta tal-impenji sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar

(34)

ING ipproponiet li l-attivitajiet ewlenin ta’ WUB jiġu integrati ma’ NN Bank kif ġie deskritt fil-Premessa (4) aktar ’il fuq. Il-proposta għall-iżvestiment ta’ WUB wara l-integrazzjoni tiegħu fl-NN Bank, li għadu kif inħoloq, ġiet innotifikata lill-Kummissjoni. Abbażi ta’ valutazzjoni preliminari tal-informazzjoni u l-projezzjonijiet finanzjarji deskritti fil-Premessi (39) sa (78) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, il-Kummissjoni qajmet dubji li NN Bank tkun entità awtonoma u esprimiet id-dubji tagħha dwar kemm l-iżvestiment tiegħu sejjer ikollu l-istess valur kompetittiv bħall-impenn oriġinali ta’ WUB.

(35)

B’mod partikolari, il-Kummissjoni esprimiet dubji li NN Bank kien komparabbli, f’termini tal-ambitu u l-prodotti offruti, mal-impenn tad-WUB (billi tal-ewwel kellu inqas ishma mis-suq u metriċi finanzjarji minn tal-aħħar) u ma kinitx konvinta li NN Bank seta’ jikber b’saħħtu biżżejjed sabiex isir parteċipant imdaqqas fil-futur qarib.

(36)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar kemm NN Bank jista’ jkun f’pożizzjoni li jiffunzjona bħala attur indipendenti fis-suq. L-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni ma ppermettitilhiex tistabbilixxi b’mod suffiċjenti jekk NN Bank għandux skala kritika u jekk għandux biżżejjed aċċess għall-finanzjament sabiex ikun jista’ jsostni u jkabbar in-negozju tiegħu. Dik l-informazzjoni naqset ukoll milli tistabbilixxi l-vijabbiltà tal-entità. Barra minn hekk, il-Kummissjoni staqsiet ukoll jekk, fid-dawl tal-iżviluppi tas-suq fuq il-bażi tal-aħħar informazzjoni disponibbli, l-iskeda għall-bejgħ ta’ ING Insurance sal-2013, li suppost kellha tiżgura l-indipendenza tal-bank il-ġdid, setgħetx tkompli tiġi kkonfermata, filwaqt li talbet skeda ta’ żvestiment aġġornata għal ING Insurance Europe. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar kemm l-emenda proposta setgħet tkompli tiżgura l-kompatibbiltà tal-għajnuna.

Dubji fir-rigward tal-imġiba tal-ipprezzar ta’ ING Direct Italia

(37)

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tinvestiga l-imġiba tal-ipprezzar ta’ ING Direct fl-Italja. Jekk l-investigazzjoni tal-Kummissjoni tikkonferma l-imġiba tal-ipprezzar ta’ ING Direct, kif allegata minn Mediobanca, din twassal biex jitqajmu dubji dwar jekk ING irrispettatx l-impenn li fuqu kienet ibbażata d-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ, jiġifieri li żżomm lura mill-espansjoni tal-attivitajiet kummerċjali tagħha li qatt ma setgħet tkun tista’ twettaq li kieku ma rċevietx il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni tkopri wkoll il-kwistjoni ta’ jekk is-suq rilevanti għall-valutazzjoni tal-istrateġija tal-ipprezzar ta’ ING Direct huwiex is-suq globali għall-prodotti tat-tfaddil u tal-ipoteki jew is-suq aktar speċjalizzat għat-tfaddil u l-ipoteki fuq l-internet.

IV.   OSSERVAZZJONIJIET MINN PARTIJIET TERZI

(38)

Il-Kummissjoni kisbet l-osservazzjonijiet li ġejjin minn partijiet terzi:

Osservazzjonijiet minn ING

(39)

Skont ING, l-impenn ta’ notifika mill-ġdid fid-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ sempliċiment jippermetti lill-Kummissjoni tevalwa jekk huwiex probabbli li ING tħallas mill-inqas 10% ta’ rimunerazzjoni fis-sena.

(40)

Fil-21 ta’ Diċembru 2009, ING sarrfet 500 miljun titolu ta’ CT1 (b’valur nominali ta’ EUR 5 biljun) b’redditu ta’ 15% għall-Pajjiżi l-Baxxi. Barra minn hekk, fit-13 ta’ Mejju 2011, ING sarrfet 200 miljun titolu ta’ CT1 oħrajn (b’valur nominali ta’ EUR 2 biljun) b’redditu ta’ 19.5% għall-Pajjiżi l-Baxxi, li jipprovdu lill-Pajjiżi l-Baxxi redditu globali ta’ 17% fis-sena fuq l-ammont imħallas lura ta’ EUR 7 biljun. Għaldaqstant, skont ING, ma jista’ jkun hemm ebda dubju serju li l-Istat sejjer jirċievi redditu globali ta’ mill-inqas 10% fis-sena.

(41)

Skont ING, id-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ ma kkunsidratx (u ma setgħetx tikkunsidra) l-iżviluppi li mistennija jseħħu fil-ftit snin li ġejjin (il-kriżi tad-dejn sovran). Fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012, il-Kummissjoni aċċettat il-pjan ta’ ristrutturar ta’ ING, li indika li ING kienet mistennija li tkun tista’ tagħmel ħlasijiet ta’ dividendi fuq ishma ordinarji mill-2013. Għaldaqstant, ma kien hemm ebda raġuni sabiex wieħed jassumi li ING kienet sejra tħallas id-dividendi fil-perjodu bejn l-2008 u l-2013. B’reazzjoni għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ, ING issostni li l-politika tagħha dwar id-dividendi ma kinitx opportunistika. Għalkemm ING iddikjarat il-profitti tagħha fl-2010 u fl-2011, hija kellha żżommhom sabiex tibni livelli kapitali bil-għan li tissodisfa r-rekwiżiti l-ġodda ta’ Basel III (23).

(42)

ING tirrimarka li x-xenarju Van Gogh jikkostitwixxi opportunità aħjar sabiex jintlaħaq l-għan tal-Kummissjoni li toħloq negozju vijabbli u kompetittiv, li jkun awtonomu u separat min-negozju miżmum minn ING.

(43)

Skont ix-xenarju Van Gogh, NN Bank sejjer ikollu aċċess għal aktar klijenti u jopera taħt ditta bl-imnut ferm aktar b’saħħitha milli kien previst skont l-impenn tad-WUB. Barra minn hekk, ix-xenarju Van Gogh jinkludi finanzjament minn portafoll aktar fit-tul milli kien previst fl-impenn tad-WUB, li jirriżulta f’bank li għandu vantaġġ kompetittiv fis-swieq attwali minħabba n-nuqqas ta’ back book tiegħu u l-possibbiltajiet tiegħu ta’ finanzjament diversifikat. Permezz tal-kombinazzjoni tiegħu mad-WUB, l-NN Bank jinsab f’pożizzjoni tajba li jkompli jikber fl-ambjent attwali ta’ dan is-suq diffiċli.

(44)

Sakemm issir l-IPO ta’ ING Insurance Europe, kemm ING Insurance Europe kif ukoll WUB sejrin jibqgħu operazzjonalment separati mill-bqija ta’ ING sabiex jiżguraw l-indipendenza tagħhom. Barra minn hekk, ING ipproponiet miżuri addizzjonali ta’ delimitazzjoni bil-għan li tkompli tiggarantixxi l-indipendenza tal-entità integrata li tirriżulta minn WUB u minn NN Bank, li twaqqaf riċentament. Għaldaqstant, skont ING, ix-xenarju Van Gogh jissodisfa u saħansitra jissupera l-għanijiet tal-Kummissjoni.

(45)

ING tirrimarka li ma hemm ebda evidenza li ING Direct Italia kisret il-projbizzjoni fuq il-price leadership. Għalhekk, l-ilment imressaq minn Mediobanca fir-rigward tal-konformità ta’ ING Direct Italia mal-projbizzjoni fuq il-price leadership mhuwiex sostanzjat. Mediobanca semma biss każ konkret wieħed (Settembru 2011), li madankollu huwa fattwalment skorrett billi Banca Sistema offriet rata aħjar minn ING. B’mod partikolari, Banca Sistema diġà kienet qiegħda toffri rata ta’ 4.25% fit-30 ta’ Awwissu 2011, kif muri fl-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni fit-13 ta’ Ġunju 2012.

(46)

Skont ING, id-dubji tal-Kummissjoni dwar jekk ING setgħetx tikseb is-sehem mis-suq tagħha mingħajr għajnuna ma għandhom ebda bażi. ING uriet li s-sehem mis-suq tagħha fl-Italja ma żdiedx minn mindu rċeviet l-għajnuna. Fi kwalunkwe każ, l-ebda għajnuna rċevuta minn ING ma kienet relatata ma’ ING Direct Europe (inkluża ING Direct Italia).

(47)

ING issostni li hija ma segwiet ebda strateġija b’riskju għoli. It-telf irreġistrat minn ING fuq l-investimenti tagħha, kif ukoll il-provvedimenti f’każ ta’ telf minn self (loan loss provisions - "LLPs") li hija għamlet, huma r-riżultat tal-kriżi u tal-miżuri speċifiċi ta’ tnaqqis tar-riskji meħuda minn ING sabiex tipproteġi lilha nnifisha mill-impatt tal-kriżi.

(48)

ING issostni li kien hemm qbil bejn il-Kummissjoni, il-fiduċjarju tal-monitoraġġ u ING li l-punt ta’ riferiment għall-projbizzjoni fuq il-price leadership huwa s-suq kollu: onlajn u offlajn, li jkopri kemm kompetituri żgħar kif ukoll kbar. ING hija wkoll tal-opinjoni li ma hemm ebda raġuni għaliex għandha ssir distinzjoni bejn is-suq onlajn u offlajn għall-prodotti finanzjarji, minħabba li llum il-ġurnata ma fadalx banek li huma purament onlajn u offlajn.

Osservazzjonijiet minn De Nederlandsche Bank NV

(49)

De Nederlandsche Bank NV ("DNB") huwa l-kontrollur prudenzjali tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-Pajjiżi l-Baxxi u f’dik il-kapaċità jrid jirreaġixxi għall-kwistjonijiet li ġejjin:

—

l-adegwatezza tar-rimunerazzjoni tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni u dwar id-deċiżjoni ta’ ING li ma tħallasx dividend għal tliet snin konsekuttivi;

—

is-sostituzzjoni tal-iżvestiment tad-WUB bix-xenarju Van Gogh

(50)

Fir-rigward tal-kwistjoni tar-rimunerazzjoni, DNB isostni li - fil-fehma tiegħu - ING ma kinitx f’pożizzjoni li tħallas dividendi lill-azzjonisti tagħha. F’dak ir-rigward, DNB jispjega li, ceteris paribus (24), ħlas ta’ dividend inaqqas il-kapital ta’ istituzzjoni u għalhekk għandu jiġi analizzat minn perspettiva prudenzjali. Barra minn hekk, DNB jispjega li l-valutazzjonijiet prudenzjali tiegħu huma prospettivi u għalhekk jieħdu f’kunsiderazzjoni, pereżempju, ir-rekwiżiti regolatorji dejjem jinbidlu. B’mod konkret, DNB jirreferi għall-introduzzjoni ta’ Basel III, li għandu jżid ir-rekwiżiti kapitali għall-banek b’mod sinifikanti. Fil-fehma ta’ DNB "l-uniku mod u l-aktar mod importanti kif jiġu ssodisfati u jiżdiedu r-rekwiżiti l-ġodda huwa billi jinżamm il-qligħ". DNB jiddeskrivi li fl-2010 u fl-2011 ING u DNB kienu fi djalogu kontinwu, fejn ING ipprovat timmassimizza l-ħlas lura tal-għajnuna mill-Istat taħt ir-restrizzjoni li l-pożizzjoni kapitali kellha tibqa’ prudenzjalment aċċettabbli. B’riżultat ta’ dan, ma kien hemm ebda lok fil-pożizzjoni kapitali ta’ ING li tħallas id-dividendi jew li tinvolvi ruħha f’attivitajiet oħrajn li jkomplu jnaqqsu l-pożizzjoni kapitali ewlenija ta’ ING.

(51)

DNB ikkummenta wkoll dwar il-vijabbiltà tax-xenarju Van Gogh. DNB isostni li jekk tħares lejn WUB f’iżolament, issib li l-maġġoranza vasta tan-negozju ta’ WUB hija mmexxija mill-assi (self) minflok immexxija mill-obbligazzjonijiet (tfaddil). Għaldaqstant, huwa inerenti għall-mudell kummerċjali mmexxi mill-assi ta’ WUB li huwa dejjem ikollu ċerta diskrepanza fil-finanzjament bl-imnut. Meta wieħed iqis id-diffikultà sabiex jinkiseb biżżejjed finanzjament bl-ingrossa fil-klima ekonomika attwali, huwa essenzjali għal WUB li jsib kumpanija ewlenija b’saħħitha li tkun tista’ tagħmel ammonti sinifikanti ta’ fondi disponibbli bil-għan li tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ WUB. Fid-dawl tad-diskrepanza tal-finanzjament ta’ WUB, DNB isib li huwa raġonevoli li ING ma setgħetx issib xerrej għal WUB li kien lest u kapaċi jipprovdi l-ammonti sinifikanti ta’ fondi li kien jeħtieġ WUB.

(52)

Mill-perspettiva ta’ DNB, il-vantaġġ ewlieni tax-xenarju Van Gogh, imqabbel mal-impenn ta’ WUB, huwa li l-bażi tal-assi ta’ WUB, li sejra tiġi ttrasferita skont ix-xenarju Van Gogh, hija iżgħar minn dik ittrasferita skont l-impenn ta’ WUB. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ inqas finanzjament sabiex ikopri dawk l-assi, biex b’hekk ix-xenarju Van Gogh jista’ jitqies bħala propożizzjoni aktar vijabbli. DNB jikkonkludi li huwa ma kienx bi ħsiebu jaċċetta l-akkwist minn NN Bank ta’ operazzjoni akbar immexxija mill-assi, iżda d-daqs tal-kumpanija implikat fix-xenarju Van Gogh huwa soluzzjoni prudenzjalment aċċettabbli.

Osservazzjonijiet minn Nationale Nederlanden  (25)

(53)

Nationale Nederlanden tikkummenta dwar il-vijabbiltà u s-setgħa kompetittiva ta’ NN Bank skont ix-xenarju Van Gogh. Nationale Nederlanden issostni li hija ma għandha ebda dubji dwar il-vijabbiltà ta’ NN Bank u tisħaq li NN Bank u WUB flimkien għandhom jiksbu aktar setgħa kompetittiva minn kull negozju awtonomu. F’dak ir-rigward, Nationale Nederlanden issemmi l-mudell kummerċjali aktar bilanċjat u varjat ta’ NN Bank, karta tal-bilanċ aktar b’saħħitha li għandha tipprovdi aċċess stabbli għall-finanzjament (fattur ta’ suċċess ewlieni għall-kompetizzjoni), l-aċċess għal 2,5 miljun klijent, mudell ta’ distribuzzjoni usa’ u għarfien akbar dwar il-marka kummerċjali.

(54)

Nationale Nederlanden hija tal-fehma li bank mingħajr netwerk fiżiku ta’ fergħat huwa aktar attraenti minn bank bl-ispiża operattiva ta’ netwerk ta’ fergħat b’legat. Fir-rigward tal-kontijiet kurrenti, hija temmen li l-offerta ta’ kont kurrenti hija aktar piż strateġiku għal NN Bank milli vantaġġ kompetittiv.

(55)

Nationale Nederlanden tikkonkludi li x-xenarju Van Gogh għandu jżid il-kapaċitajiet u l-iskala fl-attivitajiet bankarji bl-imnut aktar malajr minn kif jistgħu jinkisbu minn NN Bank fuq bażi awtonoma.

Osservazzjonijiet mill-Kunsill tal-Ħaddiema ta’ WUB

(56)

Il-Kunsill tal-Ħaddiema ta’ WUB jikkummenta dwar ix-xenarju Van Gogh u jindika li tabilħaqq għandu jiġi żgurat li l-bank il-ġdid ikun vijabbli fuq perjodu ta’ żmien twil. Il-Kunsill tal-Ħaddiema jsemmi xi ftit eżempji ta’ fejn il-bank il-ġdid għandu jiżviluppa politika dinamika għal dak il-għan (innovazzjoni tal-prodotti sabiex tiġi antiċipata l-politika governattiva ġdida f’termini ta’ ipoteki, l-iżviluppi ġodda fir-rigward tal-intermedjarji, mezzi ta’ distribuzzjoni ġodda u t-teknoloġija tal-informatika).

(57)

Il-Kunsill tal-Ħaddiema jinsisti li huwa wkoll fl-interess tal-ħaddiema ta’ WUB li tittieħed deċiżjoni malajr mill-Kummissjoni.

Osservazzjonijiet minn WUB

(58)

Il-Bord Eżekuttiv ta’ WUB jikkummenta dwar il-vijabbiltà u s-setgħa kompetittiva tal-bank il-ġdid, NN Bank, wara l-integrazzjoni ta’ WUB. Il-Bord Eżekuttiv jemmen li l-kumpanija hija vijabbli u kompetittiva għal numru ta’ raġunijiet.

(59)

L-ewwel nett, fil-fehma tal-Bord Eżekuttiv, bank żgħir bħal NN Bank jeħtieġ impriża prinċipali bħal Nationale Nederlanden, li fost l-oħrajn tkompli ttejjeb l-aċċess għas-suq tal-bejgħ bl-ingrossa.

(60)

It-tieni nett, il-Bord Eżekuttiv josserva li s-suq ipotekarju tal-Pajiżi l-Baxxi huwa wieħed li joffri bosta sfidi u li l-mezz ta’ distribuzzjoni ewlieni (intermedjarji indipendenti) għaddej minn bidliet sinifikanti. Il-bank ġdid NN Bank ser ikun jista’ jimplimenta strateġija multidistribuzzjonali (pereżempju b’aġenti marbuta u distribuzzjoni diretta).

(61)

It-tielet nett, il-Bord Eżekuttiv jara wkoll valur miżjud fil-fatt li Nationale Nederlanden għandha isem u reputazzjoni mill-aqwa fis-suq.

(62)

Fl-aħħar nett, il-Bord Eżekuttiv josserva wkoll li x-xenarju Van Gogh ser jippermetti lil NN Bank jiffoka r-riżorsi tiegħu fuq organizzazzjoni waħda u fuq marka kummerċjali waħda. Għaldaqstant, huwa jtejjeb kemm l-effikaċja fl-organizzazzjoni kif ukoll l-impatt kompetittiv.

(63)

Bħala rimarka konklużiva, il-Bord Eżekuttiv isemmi wkoll li x-xenarju Van Gogh huwa l-unika għażla ta’ żvestiment fattibbli li hija disponibbli bħalissa.

(64)

F’ittra separata, id-diretturi superviżorji indipendenti ta’ WUB jesprimu l-appoġġ tagħhom għall-pożizzjoni meħuda mill-Bord Eżekuttiv, billi jgħidu espliċitament li huma japprovaw l-ittra ta’ dan tal-aħħar.

Osservazzjonijiet minn Vereniging Eigen Huis

(65)

Vereniging Eigen Huis, assoċjazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi tas-sidien tad-djar li tirrappreżenta 700 000 detentur ta’ self ipotekarju tal-Pajjiżi l-Baxxi, issottomettiet dokumentarju intitolat "Uw hypotheek als melkkoe" ["L-poteka tiegħek hija bħal baqra tal-ħalib"], li jiddiskuti s-suq ipotekarju tal-Pajjiżi l-Baxxi (kwistjonijiet bħall-prezzijiet dejjem jiżdiedu tal-ipoteki fil-Pajjiżi l-Baxxi, l-ambjent kompetittiv li qiegħed jinbidel fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-projbizzjonijiet fuq il-price leadership). Dik l-assoċjazzjoni tqis din l-informazzjoni bħala rilevanti għat-tielet valutazzjoni (jiġifieri l-imġiba tal-ipprezzar ta’ ING Direct Italia).

Ir-reazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-osservazzjonijiet minn partijiet terzi

(66)

Il-Pajjiżi l-Baxxi jieħdu nota tal-fatt li saru xi osservazzjonijiet minn partijiet terzi dwar il-kwistjonijiet ta’ vijabbiltà li jappartjenu lil WUB u lix-xenarju Van Gogh. Dawk kollha li kkummentaw esprimew l-appoġġ tagħhom għax-xenarju Van Gogh bħala alternattiva aċċettabbli għall-impenn oriġinali ta’ WUB. Barra minn hekk, il-Pajjiżi l-Baxxi jieħdu nota tar-rimarka ta’ DNB li x-xenarju Van Gogh huwa soluzzjoni prudenzjalment aċċettabbli.

(67)

Wara li qraw l-osservazzjonijiet kollha, il-Pajjiżi l-Baxxi għadhom kunfidenti li x-xenarju Van Gogh sejjer iwassal għal attur vijabbli u kompetittiv ġdid fis-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Pajjiżi l-Baxxi jieħdu nota wkoll tar-riflessjonijiet dwar l-impatt negattiv tal-perjodu ta’ inċertezza, pereżempju, fuq l-impjegati u partijiet interessati oħrajn. Il-Pajjiżi l-Baxxi jittamaw li deċiżjoni dwar l-emendi tal-pjan tar-ristrutturar għal ING tagħti r-riassigurazzjoni meħtieġa lil WUB u lill-impjegati tiegħu. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kummenti ta’ Vereniging Eigen Huis, il-Pajjiżi l-Baxxi jirrimarkaw li d-dokumentarju huwa relatat mas-suq ipotekarju tal-Pajjiżi l-Baxxi u jissuġġerixxu li jsir kuntatt mal-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar dik il-kwistjoni. Il-Pajjiżi l-Baxxi jinnotaw li t-tielet kwistjoni li għandha tiġi vvalutata mill-Kummissjoni tittratta l-ilmenti ta’ Mediobanca dwar l-aderenza minn ING Direct mal-projbizzjonijiet fuq il-price leadership fl-Italja.

V.   IL-POŻIZZJONI TAL-PAJJIŻI L-BAXXI

5.1.   L-IŻVILUPPI EKONOMIĊI LI AFFETTWAW LIL ING FL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJAN TA’ RISTRUTTURAR TAT-22 TA’ OTTUBRU 2009

(68)

Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, il-kriżi attwali fl-Ewropa ma kinitx prevista meta ING issottomettiet il-pjan tar-ristrutturar tagħha tat-22 ta’ Ottubru 2009, filwaqt li l-impatt ma kienx rifless b’mod ċar fil-projezzjonijiet finanzjarji li ġew sottomessi dak iż-żmien.

(69)

Minkejja dak l-ambjent diffiċli, ING Bank kompla jipproduċi riżultati finanzjarji tajbin. Fl-2011, ING Bank ħa sehem f’testijiet ta’ stress mifruxa madwar l-Unjoni kollha (f’Lulju u Ottubru) u li saru mill-Awtorità Bankarja Ewropea ("EBA") (26). L-ABE pproponiet mira ġdida ta’ 9.0% ta’ Kapital tal-Grad 1 minn Ġunju 2012 u ING, min-naħa tagħha, kienet kapaċi tissodisfa dawk il-miri ġodda. Min-naħa tal-assigurazzjoni, ING ħadet ukoll miżuri sinifikanti sabiex ittejjeb il-prestazzjoni, iżżid l-iħħeġġjar u tħejji lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni tagħha għal ġejjieni awtonomu.

(70)

Barra minn hekk, il-pożizzjoni tal-finanzjament u tal-likwidità ta’ ING baqgħet waħda b’saħħitha. Pereżempju, ING ma għamlitx użu mill-Operazzjonijiet ta’ Rifinanzjament fit-Tul magħmula disponibbli mill-BĊE f’Diċembru 2011 jew f’Marzu 2012.

(71)

Bħala riżultat tal-kriżi tad-dejn sovran, ING kienet iffaċċjata, fost l-oħrajn, b’telf sinifikanti fuq il-portafoll tagħha tal-bonds tal-gvern Grieg, li kellu jesperjenza tnaqqis fil-valur tiegħu bi kważi 80% minħabba l-Involviment tas-Settur Privat Grieg. Dak it-tnaqqis fil-valur irriżulta f’telf kumulattiv ta’ madwar EUR 1 biljun għal ING.

5.2.   PROPOSTA ĠDIDA MILL-PAJJIŻI L-BAXXI

(72)

Fil-31 ta’ Ottubru 2012, il-Pajjiżi l-Baxxi ppreżentaw lill-Kummissjoni bi proposta ġdida li tikkonsisti f’serje ta’ emendi għall-pjan tar-ristrutturar tat-22 ta’ Ottubru 2009, li huma mmirati biex jindirizzaw it-tħassib li tqajjem fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ u li huma kommessi għal skadenzi ġodda għall-iżvestiment ta’ ING Insurance akkumpanjati minn tiġdid tal-perjodu tar-ristrutturar.

Impenn ta’ NN Bank li jieħu post l-impenn ta’ WUB

(73)

Il-proposta l-ġdida tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar l-iżvestiment ta’ NN Bank tibni fuq il-proposta deskritta fil-Premessi (39) sa (78) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Skont il-proposta l-ġdida, il-bank integrat NN Bank għandu jżomm madwar EUR 3 biljun ta’ ipoteki (27) u fondi assoċjati fuq il-kotba tiegħu, filwaqt li ING għandha żżomm EUR 34 biljun tal-portafoll ipotekarju, li għandu jiġi pprovdut parzjalment minn NN Bank.

L-istruttura u t-taħlita ta’ prodotti

(74)

Il-Pajjiżi l-Baxxi qegħdin iġeddu l-impenn tagħhom għal ING bil-għan li tinħoloq kumpanija ġdida għall-iżvestiment f’dak l-Istat Membru (minn hawn ’il quddiem "in-Negozju tal-Iżvestiment"), li għandha toħroġ min-negozju bankarju bl-imnut tal-Pajjiż l-Baxxi attwali ta’ ING. Ir-riżultat għandu jkun li l-kumpanija ġdida tkun negozju vijabbli u kompetittiv, awtonomu u separat min-negozji miżmuma minn ING. Dik il-kumpanija ġdida għandha tinkludi partijiet min-negozju li diġà nħareġ ta’ WUB u l-attivitajiet (limitati) attwali tad-diviżjoni bankarja li ġiet stabbilita dan l-aħħar ta’ Nationale Nederlanden (NN Bank).

(75)

In-Negozju tal-Iżvestiment sejjer jitpoġġa taħt ING Insurance/Investment Management (IM) Europe, li għandha impenn strateġiku fit-tul għas-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-Pajjiżi l-Baxxi u li sejra topera taħt il-marka kummerċjali "Nationale Nederlanden" (bħala “NN Bank”), bil-kapaċitajiet ta’ finanzjament tagħha stess u b’netwerk wiesa’ ta’ distribuzzjoni. B’riżultat ta’ dan, NN Bank għandu jiġi żvestit bħala parti minn ING Insurance Europe sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015. Dak l-iżvestiment x’aktarx li jsir permezz ta’ IPO.

(76)

NN Bank sejjer joffri linja ta’ prodotti wiesgħa u koerenti, b’ipoteki, tfaddil, annwalitajiet bankarji, investimenti u prodotti ta’ krediti għall-konsumaturi, ikkombinati ma’ prodotti ewlenin ta’ assigurazzjoni bl-imnut ta’ Nationale Nederlanden (li tinkludi prodotti ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja u prodotti ta’ assigurazzjoni każwali u fuq il-proprjetà). NN Bank sejjer jasal għand il-klijenti tiegħu permezz ta’ mudell ta’ distribuzzjoni integrat u b’bosta mezzi, li jimpjega konsulenti finanzjarji indipendenti u aġenti marbuta b’kopertura nazzjonali sabiex jagħtu pariri dwar prodotti u sitwazzjonijiet finanzjarji kumplessi, u li jħaddan numru dejjem jikber ta’ ċentri telefoniċi u tal-internet għal finijiet ta’ bejgħ u servizz. B’mod kumulattiv, dawk il-mezzi ta’ distribuzzjoni jipprovdu aċċess lil aktar minn 2,5 miljun klijent ta’ Nationale Nederlanden.

(77)

Il-karta tal-bilanċi pproġettata ta’ NN Bank, skont il-pjan kummerċjali ta’ NN Bank ipprovdut fil-11 ta’ Lulju 2012, hija din li ġejja:

Figura 1

Il-pjan kummerċjali ta’ NN Bank (f’EUR miljun)

Assi

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Ipoteki

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Finanzi tal-Konsumatur

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Flus kontanti u l-ekwivalenti ta’ flus kontanti

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

 

 

 

 

 

 

 

Ekwità

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

 

 

 

 

 

 

 

Obbligazzjonijiet

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Depożiti tal-klijenti

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Depożiti tat-tfaddil

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Tfaddil tal-kumpanija/levensloop

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Annwalitajiet bankarji - Ipoteka

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Annwalitajiet bankarji - Lijfrente

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

 

 

 

 

 

 

 

Finanzjament bl-Ingrossa

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Finanzjament Bankarju ta’ ING

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Swieq Kapitali

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

 

 

 

 

 

 

 

RWA's

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Proporzjon tal-Grad 1

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Redditu azzjonarju

(78)

Il-każ kummerċjali l-ġdid tax-xenarju Van Gogh, inklużi l-impenji addizzjonali, qiegħed jipproġetta redditu azzjonarju (return on equity - "RoE") wara ħames snin ta’ madwar [7-12]%, filwaqt li, fuq perjodu ta’ żmien twil, l-RoE mistenni jiżdied għal medda ta’ [9-15]%.

Il-mira tal-produzzjoni fi prodotti ewlenin

—   Ipoteki

(79)

Fl-ipoteki, NN Bank sejjer ikollu produzzjoni ġdida annwali medja (inkluż it-tiġdid mill-portafoll ta’ ING Bank (bil-marka NN)) ta’ mill-inqas EUR [1,5-6] biljun fis-sena u [2-9]% tal-produzzjoni ipotekarja totali fis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi b’massimu ta’ EUR [2-8] biljun fis-sena matul il-perjodu bejn l-2013 (28) u l-2015. Jekk dawk il-kriterji ma jiġux issodisfati, ING timpenja ruħha li tagħmel l-attivitajiet li ġejjin:

—

tittrasferixxi r-relazzjonijiet ta’ klijenti individwali permezz ta’ trasferiment ta’ ipoteki lil NN Bank (abbażi ta’ offerti individwali lil klijenti ta’ ipoteki ta’ ING Bank (29), (30);

—

tittrasferixxi l-proprjetà ta’ dawk l-ipoteki mingħajr ebda ħlas addizzjonali għall-klijenti jew bi ħlas għal NN Bank; u

—

tippermetti lil NN Bank juża l-mezzi ta’ distribuzzjoni ta’ ING Bank sabiex ikun jista’ joffri l-ipoteki ta’ NN Bank lill-klijenti ta’ ING Bank bil-għan li jintlaħqu l-miri.

—   Self lill-konsumaturi

(80)

Fis-self lill-konsumaturi, NN Bank sejjer ikollu produzzjoni annwali ġdida ta’ mill-inqas EUR [10-100] miljun u mill-inqas [0,5-4]% tal-produzzjoni totali tas-self lill-konsumaturi fis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi sal-31 ta’ Diċembru 2013 (31). NN Bank sejjer ikollu produzzjoni annwali ġdida ta’ mill-inqas EUR [40-140] miljun fis-sena u mill-inqas [0,5-6]% tal-produzzjoni totali tas-self lill-konsumaturi fis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi, li għandha tibda titkejjel mill-31 ta’ Diċembru 2015 b’massimu ta’ EUR [100-200] miljun. Jekk dawk il-kriterji ma jiġux issodisfati, ING timpenja ruħha li:

—

tittrasferixxi r-relazzjonijiet ta’ klijenti individwali permezz ta’ trasferiment ta’ portafoll tal-klijenti rigward is-self lill-konsumaturi ta’ ING Bank Netherlands (32) lil NN Bank (33); u

—

tittrasferixxi s-sjieda ta’ dak is-self lill-konsumaturi mingħajr ebda ħlas addizzjonali għall-klijenti jew bi ħlas għal NN Bank.

—   Faċilità tal-pagamenti

(81)

ING timpenja ruħha li tinkludi faċilità ta’ ħlas għal NN Bank fil-forma ta’ karta tal-kreditu bil-marka NN bi spiża għall-konsumatur li ma tkunx ogħla minn dik ta’ karta tad-debitu. Fir-rigward tad-detenturi tal-karti tal-kreditu bil-marka NN, ING sejra tipprovdi aċċess mingħajr ħlas għall-automated teller machines ("ATMs") tagħha għal tliet snin wara t-tnedija ta’ dik il-karta tal-kreditu u fl-aħħarnett sal-31 ta’ Diċembru 2015.

(82)

ING sejra tibgħat posta kummerċjali fir-rigward ta’ NN Bank lil 350 000 klijent tagħha skont il-liġi dwar il-privatezza tal-Pajjiżi l-Baxxi. ING sejra tingħata ċ-ċans li tispjega lill-klijenti tagħha li l-posta qiegħda ssir sabiex ING tkun tista’ tikkonforma mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Projbizzjoni marbuta

(83)

ING timpenja ruħha li l-produzzjoni ipotekarja annwali ta’ ING Bank (minbarra t-tiġdid) mhijiex ser tkun ogħla minn [2-4] darbiet tal-produzzjoni l-ġdida ta’ NN Bank. Fuq bażi ta’ kull tliet xhur, il-produzzjoni ġdida ta’ ING ma tistax tkun aktar minn [2,5-5] darbiet tal-produzzjoni ġdida ta’ NN Bank fl-istess kwart u aktar minn [2,25-4,5] darbiet tal-produzzjoni ġdida ta’ NN Bank fuq bażi ta’ nofs sena. Jekk il-produzzjoni ġdida ta’ NN Bank fuq bażi annwali taqbeż EUR [2-8] biljun, ma jkun hemm ebda restrizzjoni fuq il-produzzjoni ġdida għal ING Bank (li tfisser li jekk fuq semestru wieħed (nofs sena) il-produzzjoni ġdida ta’ NN Bank taqbeż EUR [1-4] biljun, ING ma tiġi soġġetta għal ebda restrizzjoni fil-volum tal-produzzjoni ġdida tagħha fis-semestru konsekuttiv).

(84)

Il-proporzjon ta’ [2-4] darbiet bejn il-produzzjoni ġdida ta’ ING minbarra t-tiġdid u l-produzzjoni ġdida ta’ NN Bank huwa bbażat fuq iċ-ċifri murija fil-Figura 2 ipprovduta mill-Pajjiżi l-Baxxi. Minn Jannar 2011 sa Ġunju 2012, il-perjodu li għalih ġiet ipprovduta d-dejta mill-Pajjiżi l-Baxxi, il-produzzjoni annwalizzata medja kienet ta’ EUR [5-15] biljun li, meta tiġi diviża bl-ammont ta’ EUR [1,5-6] biljun fis-sena (jiġifieri l-produzzjoni minima ta’ NN Bank li għaliha impenjat ruħha ING), tikkorrespondi għall-proporzjon speċifikat..

Figura 2

Produzzjoni ipotekarja ġdida minn ING matul l-2011 u fl-ewwel nofs tal-2012

Ipoteki tal-Pajjiżi l-Baxxi: produzzjoni ġdida u tiġdid (minbarra l-ipoteki ta’ WUB)


AMMONTI × EUR 1 mln

Jan-11

Frar-11

Mar-11

Apr-11

Mejju-11

Ġunju-11

Lulju-11

Aww-11

Sett-11

produzzjoni ġdida

878

835

1 020

856

921

888

762

679

549

tiġdid

[500-1 000 ]

[300-800]

[300-800]

[500-1 000 ]

[500-1 000 ]

[500-1 000 ]

[600-1 100 ]

[600-1 200 ]

[600-1 200 ]

 

Ott-11

Nov-11

Diċ-11

Jan-12

Frar-12

Mar-12

Apr-12

Mejju-12

Ġunju-12

produzzjoni ġdida

485

369

466

403

421

624

627

571

547

tiġdid

[600-1 200 ]

[500-1 000 ]

[600-1 200 ]

[600-1 200 ]

[500-1 000 ]

[400-900]

[600-1 200 ]

[600-1 200 ]

[600-1 200 ]

(85)

NN Bank irid jipprovdi dejta dwar produzzjoni ġdida (proposti ġodda, proposti aċċettati) u previżjonijiet fuq bażi ta’ kull xahar lil ING mingħajr dewmien bla bżonn. Il-konformità mal-limitu massimu sejra titkejjel fuq il-bażi tan-numri tal-produzzjoni ppubblikati mill-Kadaster. (34)

(86)

Ir-restrizzjoni deskritta fil-Premessa (85) tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2015. Fil-perjodu tranżitorju sat-tnedija ta’ NN Bank, ING timpenja ruħha għal produzzjoni ġdida massima (minbarra t-tiġdid) ta’ [2-4] darbiet ta’ EUR [1,5-6] biljun (EUR [3-24] biljun) fuq bażi annwali. ING sejra tirrapporta dwar il-progress fuq bażi ta’ kull tliet xhur.

Impenn ta’ awtofinanzjament

(87)

NN Bank sejjer ikun awtoffinanzjat l-aktar permezz ta’ tfaddil bl-imnut u finanzjament eċċessiv min-negozju tal-assigurazzjoni, ikkumplimentati minn finanzjament estern, skont kif ikun meħtieġ. Nationale Nederlanden għandha aċċess għal finanzjament u kapital sabiex tippermetti t-tkabbir u l-produzzjoni tal-ipoteki, li huwa vantaġġ kompetittiv fil-kundizzjonijiet attwali tas-suq.

(88)

NN Bank jeħtieġ li jiffinanzja l-karta tal-bilanċ tiegħu huwa stess. Il-profil tal-finanzjament ta’ NN Bank sejjer ikun konformi mal-projezzjonijiet tal-karta tal-bilanċ kif proposta fil-każ kummerċjali. ING mhijiex ser iżżid il-finanzjament tagħha ta’ NN Bank f’ammonti assoluti ’lil hinn mill-ammonti fil-pjan kummerċjali ta’ NN Bank għal kull sena, filwaqt li l-finanzjament massimu pprovdut minn ING fl-2015 sejjer ikun ta’ EUR 2,7 biljun.

(89)

Il-finanzjament ipprovdut minn ING fl-aħħar tal-2015 (b’ammont massimu ta’ EUR 2,7 biljun) irid jieħu l-forma ta’ titoli kummerċjabbli, fejn ING tkun tista’ tixtri noti garantiti jew mhux garantiti bil-prezzijiet tas-suq, bħal bonds koperti jew titoli abbażi ta’ ipoteki residenzjali (residential mortgage-backed securities - "RMBS"). In-noti jistgħu jinxtraw ukoll minn investituri oħrajn minbarra ING. 100% tan-noti għandu jkollhom terminu fil-ħruġ ta’ ħames snin jew aktar, 66% tan-noti għandu jkollhom terminu daqs jew itwal minn seba’ snin u 33% tan-noti għandu jkollhom terminu daqs jew itwal minn għaxar snin. Id-determinazzjoni tal-ipprezzar bil-kundizzjonijiet normali tas-suq tiġi deċiża permezz tal-ipprezzar tat-titolu nnifsu jew, jekk ING tkun l-unika xerrejja tat-titolu, permezz tal-prezzijiet tas-suq sekondarju tal-pari komparabbli proposti mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ.

(90)

L-ammont tal-finanzjament ta’ NN Bank (depożiti totali u finanzjament bl-ingrossa) (35) jammonta għal mill-inqas 75% fl-ewwel sena, 80% fit-tieni sena u 85% fit-tielet sena (b’finanzjament massimu bl-ingrossa ta’ EUR [1-4] biljun) kontra l-projezzjonijiet ta’ każ ta’ referenza.

(91)

Jekk, minħabba bidliet materjali fl-ambjent regolatorju u/jew minħabba ċ-ċirkostanzi tas-suq, il-finanzjament proprju jkun taħt dawk il-meded, u b’riżultat ta’ dan ikun hemm bżonn li jiġu aġġornati l-projezzjonijiet tal-karta tal-bilanċ, ING tirrapporta dak il-fatt lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ u lill-Kummissjoni. Wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jipproponi liema miżuri għandhom jittieħdu sabiex tiġi ssalvagwardjata l-vijabbiltà ta’ NN Bank, li mbagħad għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni.

(92)

Il-livell ta’ finanzjament ta’ ING jiġi rivedut fuq bażi annwali mit-tnedija ta’ NN Bank, jiġifieri mill-mument meta tibda topera l-istruttura deskritta ta’ NN Bank sal-31 ta’ Diċembru 2015.

(93)

Jekk il-projezzjonijiet tal-finanzjament tal-pjan kummerċjali ta’ NN Bank ma jintlaħqux sal-aħħar ta’ kull sena, ING tieħu l-miżuri korrettivi li ġejjin, kif deskritti fil-Premessi (94) sa (96).

(94)

Wara l-ewwel sena, ING tibgħat posta kummerċjali fir-rigward ta’ NN Bank lil numru addizzjonali ta’ 50 000 klijent ta’ ING jekk il-finanzjament proprju jkun taħt it-80%, kif ukoll lil numru addizzjonali ta’ 100 000 klijent ta’ ING jekk il-finanzjament proprju jkun taħt il-75% tal-projezzjoni ta’ każ ta’ referenza tal-ewwel sena. Wara t-tieni sena, ING tibgħat posta kummerċjali fir-rigward ta’ NN Bank lil numru addizzjonali ta’ 100 000 klijent ta’ ING jekk il-finanzjament proprju jkun taħt il-85% u lil numru addizzjonali ta’ 150 000 klijent ta’ ING jekk il-finanzjament proprju jkun taħt it-80% tal-projezzjoni ta’ każ ta’ referenza tat-tieni sena. Il-posta ssir skont il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-privatezza. ING tingħata ċ-ċans li tispjega lill-klijenti tagħha li l-posta hija meħtieġa sabiex ING tkun tista’ tikkonforma mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

(95)

Wara l-ewwel sena, ING tipprovdi baġit ta’ kummerċjalizzazzjoni addizzjonali ta’ EUR 1 miljun lil NN Bank jekk il-finanzjament proprju jkun taħt it-80% u ta’ EUR 2 miljun jekk il-finanzjament proprju jkun taħt il-75% tal-projezzjoni ta’ każ ta’ referenza tal-ewwel sena. Wara t-tieni sena, ING għandha tipprovdi baġit ta’ kummerċjalizzazzjoni addizzjonali ta’ EUR 2 miljun lil NN Bank jekk il-finanzjament proprju jkun taħt il-85% u ta’ EUR 4 miljun jekk il-finanzjament proprju jkun taħt it-80% tal-projezzjoni ta’ każ ta’ referenza tat-tieni sena. Wara t-tielet sena, ING tipprovdi baġit ta’ kummerċjalizzazzjoni addizzjonali ta’ EUR 5 miljun lil NN Bank jekk il-finanzjament proprju jkun taħt il-85% u ta’ EUR 6 miljun jekk il-finanzjament proprju jkun taħt it-80% tal-projezzjoni ta’ każ ta’ referenza tat-tielet sena. NN Bank juża dawk il-baġits ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ġdida ta’ bejgħ dirett (36).

(96)

Jekk il-finanzjament proprju tal-2015 ikun taħt il-85% tal-projezzjoni ta’ każ ta’ referenza għall-2015, minbarra l-miżuri korrettivi deskritti fil-Premessi (94) sa (95), ING tipprovdi estensjoni ta’ sentejn għall-aċċess mingħajr ħlas għall-ATMs ta’ ING għad-detenturi tal-karti tal-kreditu bil-marka NN (sal-31 ta’ Diċembru 2017).

(97)

Il-Kummissjoni tevalwa l-impenji stabbiliti fil-Premessi (73) sa (96) fuq l-iżvestiment ta’ aktar minn 50% ta’ ING Insurance Europe jew, kif jista’ jkun il-każ, ta’ NN Bank jew inkella sal-31 ta’ Diċembru 2015, skont liema data tiġi l-ewwel. L-impenji jiġu fi tmiemhom fid-data tal-iżvestiment ta’ aktar minn 50% ta’ ING Insurance Europe jew, kif jista’ jkun il-każ, ta’ NN Bank, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor.

(98)

Il-ħolqien ta’ NN Bank għandu jsir taħt is-superviżjoni tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ li nħatar bħalissa. ING għandha tiddelimita lil NN Bank sal-iżvestiment ta’ aktar minn 50% ta’ ING Insurance Europe, li għandu jiġi mmonitorjat mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ. Għall-implimentazzjoni tad-delimitazzjoni, prinċipju ewlieni tad-disinn se jkun li NN Bank u NN Insurance jitħallew jesegwixxu b’mod adegwat strateġija kummerċjali integrata bejn l-assigurazzjoni bl-imnut u l-prodotti u s-servizzi bankarji bl-imnut.

(99)

Għal perjodu interim sa 12-il xahar wara l-iżvestiment ta’ NN Bank (żvestiment ta’ aktar minn 50% ta’ ING Insurance Europe u NN Bank), ING ser toqgħod lura milli tissolleċita b’mod attiv lill-klijenti ta’ NN Bank għal prodotti li qiegħed iforni NN Bank lil dawk il-klijenti fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni preżenti.

Kapitalizzazzjoni

(100)

Permezz tal-eżekuzzjoni tal-pjan kummerċjali ta’ NN Bank, parti mill-portafoll ipotekarju eżistenti ta’ WUB sejra tinżamm minn ING. Il-karta tal-bilanċ ta’ NN Bank ser tkun modesta fil-bidu, bil-għan li tipprovdi tqabbil adegwat tal-assi u l-obbligazzjonijiet, sabiex imbagħad tikber f’daqqa għal waħda ta’ daqs medju. Il-kapitalizzazzjoni ta’ NN Bank ser tkun suffiċjenti sabiex huwa jkun jista’ jeżegwixxi l-pjan ta’ tkabbir tiegħu fit-tul: ING ser tittrasferixxi l-benefiċċji ekonomiċi tal-portafoll miżmum minn ING (EUR 350 miljun abbażi tal-valur nett preżenti tal-profitti (ekonomiċi) ta’ dak il-portafoll) bħala injezzjoni kapitali bil-quddiem, filwaqt li tipprovdi kapital addizzjonali (sa EUR 120 miljun) jekk u meta jkun meħtieġ, iżda fl-aħħar mill-aħħar qabel l-iżvestiment (jekk il-proporzjon tal-ingranaġġ ta’ Basel III isir obbligatorju u meta NN Bank ikun jeħtieġ kapital sabiex jeżegwixxi l-pjan kummerċjali tiegħu). Dik l-evoluzzjoni ppjanata fil-kapitalizzazzjoni ta’ NN Bank għandha tiżgura tkabbir sa madwar l-2016 u mbagħad NN Bank ikun jista’ jiffinanzja t-tkabbir tiegħu waħdu. Fi ftit kliem, ING sejra ġġorr l-ispejjeż u r-riskji kollha tal-portafoll ipotekarju miżmum (sal-maturità tiegħu) u sejra tittrasferixxi l-profitti lil NN Bank.

(101)

ING timpenja ruħha li l-livell minimu mmirat tal-Grad 1 ta’ NN Bank sejjer ikun ta’ 12% (li huwa ferm ogħla mir-rekwiżit minimu regolatorju) sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015 jew mal-iżvestiment ta’ aktar minn 50% ta’ ING Insurance / IM Europe jew, kif jista’ jkun il-każ, ta’ NN Bank.

Impenn ta’ żvestiment

(102)

ING qiegħda tkompli tnaqqas il-karta tal-bilanċ tagħha b’madwar 45%, meta mqabbla maċ-ċifri tat-tielet kwart tal-2008 permezz tal-iżvestimenti (37) jew ta’ miżuri oħrajn li huma mmirati biex inaqqsu d-daqs tal-karta tal-bilanċ (bħal tnaqqis tal-portafolli) (38) sal-31 ta’ Diċembru 2015. It-tnaqqis impenjat fil-karta tal-bilanċ huwa bbażat fuq id-dejta tat-tielet kwart tal-2008 u ma jikkunsidrax l-impatt possibbli tat-tkabbir organiku, il-bidliet fir-rati tal-kambju, il-bidliet fir-rati tal-imgħax jew iż-żidiet addizzjonali minħabba rekwiżiti regolatorji ġodda potenzjali, bħal pereżempju jekk il-banek jintalbu jżommu riżervi ta’ likwidità ferm akbar minħabba r-regolamenti ġodda mifruxa madwar l-Unjoni kollha.

(103)

ING mhux se jkollha restrizzjoni fuq it-tkabbir organiku (fi kliem ieħor tkabbir li mhuwiex relatat mal-akkwisti) tal-karta tal-bilanċ tan-negozji tagħha. ING ser tkompli tħaddan politika ġenerali biex tuża t-tkabbir tagħha f’fondi fdati mill-klijenti, l-aktar sabiex tikber fis-self lill-ekonomija reali (kumpaniji u konsumaturi) u tkompli tnaqqas l-espożizzjoni tagħha għal klassijiet ta’ assi ta’ riskji ogħla fi ħdan it-titoli abbażi ta’ ipoteki kummerċjali u l-RMBS. Hija mhijiex ser tibda inizjattivi ġodda li jżidu l-espożizzjoni diretta tagħha għall-proprjetà immobbli (39), b’konformità mal-politika ġenerali ta’ ING dwar it-tnaqqis tar-riskji.

(104)

ING timpenja ruħha li tiżvesti aktar minn 50% tal-operazzjonijiet ta’ ING Insurance Asia qabel il-31 ta’ Diċembru 2013, aktar minn 50% tal-operazzjonijiet ta’ ING Insurance US qabel il-31 ta’ Diċembru 2014 u aktar minn 50% tal-operazzjonijiet ta’ ING Insurance Europe qabel il-31 ta’ Diċembru 2015, (40) apparti l-attivitajiet tal-entitajiet/tan-negozji li ING diġà żvestiet, poġġiet f’ġestjoni estintiva jew ikkompletat u li huma elenkati fil-Premessa 77 tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 u fl-aħħar rapport ta’ progress biannwali (41). Barra minn hekk, għan-negozju tal-Assigurazzjoni tal-Istati Uniti, ING timpenja ruħha li tiżvesti mill-inqas 25% tan-negozju qabel il-31 ta’ Diċembru 2013. (42)

(105)

Il-kontroll tal-iżvestiment ta’ aktar minn 50% tal-interessi ta’ ING (imkejjel f’ishma) f’negozju jikkwalifika bħala li jissodisfa r-rekwiżit tal-iżvestiment. F’każ bħal dan, ING titlef il-maġġoranza fil-bord u tneħħi l-konsolidazzjoni tan-negozju (skont ir-regoli dwar il-kontabilità tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju). ING sejra tiżvesti l-bqija tal-interessi tagħha fi (i) ING Insurance Europe qabel il-31 ta’ Diċembru 2018, (ii) ING Insurance US qabel il-31 ta’ Diċembru 2016 u (iii) ING Insurance Asia qabel il-31 ta’ Diċembru 2016.

(106)

ING timpenja ruħha li telimina l-ingranaġġ doppju. Għal dan il-għan, hekk kif isiru l-iżvestimenti tal-assigurazzjoni, il-profitti mill-iżvestiment jintużaw sabiex jitnaqqas l-ingranaġġ doppju – sakemm il-profitti ma jkunux meħtieġa sabiex l-ingranaġġ tal-bqija tan-negozju tal-assigurazzjoni jinżamm f’livell aċċettabbli – li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għall-eliminazzjoni sħiħa tal-ingranaġġ doppju. Separatament, sakemm dak il-kapital żejjed ikun qiegħed jiġi ġġenerat b’mod eċċessiv għal dak illi huwa meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ Basel III jew Solvenza II, id-dividendi lil ING Group jistgħu jifformaw sors addizzjonali sabiex jgħinu fit-tħaffif tal-proċess tal-eliminazzjoni tal-ingranaġġ doppju.

Impenji emendati relatati mal-imġiba

Projbizzjoni fuq l-akkwist

(107)

Barra minn hekk, il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li ING taderixxi ma’ projbizzjoni fuq l-akkwist.

(108)

ING trid toqgħod lura minn akkwisti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji għal perjodu ta’ żmien addizzjonali sat-18 ta’ Novembru 2015 jew sad-data li fiha ġew żvestiti aktar minn 50% tal-operazzjonijiet tal-Assigurazzjoni fl-Asja, 50% tal-operazzjonijiet tal-Assigurazzjoni fl-Istati Uniti u 50% tal-operazzjonijiet tal-Assigurazzjoni fl-Ewropa, skont liema data tiġi l-ewwel. (43) Barra minn hekk, ING għandha toqgħod lura wkoll, għall-istess perjodu, minn kwalunkwe akkwist ieħor ta’ negozji li jista’ jtawwal il-ħlas lura tat-Titoli ta’ CT 1 lill-Pajjiżi l-Baxxi.

(109)

Minkejja dik il-projbizzjoni, ING tista’, wara li tikseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, takkwista negozji, b’mod partikolari jekk dan ikun essenzjali sabiex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja jew il-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti.

Projbizzjoni fuq il-price leadership

(110)

Barra minn hekk, il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li ING Bank jaderixxi ma’ projbizzjoni fuq il-price leadership.

(111)

Għandu jinħatar fiduċjarju tal-monitoraġġ mill-Pajjiżi l-Baxxi, magħżul minn qabel u propost minn ING sabiex isegwi dak l-impenn (il-"Fiduċjarju tal-Monitoraġġ tal-PLB"). Il-ħatra tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ tal-PLB hija soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

ING EU (negozji mhux relatati ma’ ING Direct) > sehem mis-suq ta’ 5%

(112)

Ma hija ser tapplika ebda projbizzjoni fuq il-price leadership għall-Pajjiżi l-Baxxi (ipoteki, tfaddil, depożiti tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), servizzi bankarji privati, eċċ.). Għal negozji oħrajn li mhumiex relatati ma’ ING Direct u li huma bbażati fl-UE b’sehem mis-suq ta’ aktar minn 5%, għandhom japplikaw ir-restrizzjonijiet fil-Premessi (113) sa (114).

(113)

Mingħajr ebda awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, ING ma għandhiex toffri prezzijiet aktar favorevoli fuq prodotti standardizzati ta’ ING (fis-swieq definiti fil-Premessa (114)) minn dawk tal-aqwa tliet kompetituri diretti tagħha bl-aħjar prezzijiet fir-rigward tas-swieq tal-UE fejn ING għandha sehem mis-suq ta’ aktar minn 5%. B’riżultat ta’ dan, ING tista’ toffri l-aħjar prezz waqt li jkun hemm mill-inqas tliet prodotti fis-suq bi prezz aħjar.

(114)

Dak l-impenn huwa limitat għall-prodotti standardizzati ta’ ING fis-swieq tal-prodotti li ġejjin: (i) is-suq tat-tfaddil bl-imnut, (ii) is-suq tal-ipoteki bl-imnut, (iii) is-settur bankarju privat sakemm dan ikun jinvolvi prodotti ta’ ipoteki jew prodotti ta’ tfaddil jew (iv) id-depożiti għall-SMEs (fejn SME hija definita skont id-definizzjoni ta’ SME kif użata normalment jew bħalissa minn ING fin-negozju tagħha fil-pajjiż rilevanti). Hekk kif ING issir konxja tal-fatt li hija toffri prezzijiet aktar favorevoli għall-prodotti tagħha mill-aqwa tliet kompetituri diretti tagħha bl-aħjar prezzijiet, ING għandha taġġusta l-prezz tagħha, mill-aktar fis possibbli u mingħajr ebda dewmien żejjed (44), għal livell li jkun konformi ma’ dak l-impenn. Fil-mument li ING tiffissa l-prezzijiet tagħha, hija għandha tevalwa jekk tali prezzijiet ikunux konformi mar-restrizzjonijiet fuq il-price leadership. Bil-għan li tnaqqas il-kunflitti bejn il-projbizzjoni fuq il-price leadership u r-restrizzjonijiet legali u regolatorji fuq l-aġġustament tal-prezzijiet, ING għandha tillimita l-validità tal-offerti fis-suq tagħha għal massimu ta’ tliet xhur.

ING Direct EU

(115)

Barra minn hekk, bil-għan li tappoġġja l-vijabbiltà fit-tul ta’ ING, ING Direct għandha toqgħod lura, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, milli toffri prezz aktar favorevoli minn dak tal-kompetitur dirett tagħha bl-aqwa prezz (fost l-għaxar istituzzjonijiet finanzjarji (45) bl-akbar sehem mis-suq fis-suq tal-prodott rilevanti) (46) fir-rigward tal-prodotti standardizzati ta’ ING fis-swieq tal-ipoteki bl-imnut u tat-tfaddil bl-imnut fi ħdan l-UE. B’riżultat ta’ dan, ING tista’ toffri l-aħjar prezz waqt li jkun hemm mill-inqas prodott wieħed fis-suq bi prezz aħjar. Il-prezzijiet kollha offruti minn istituzzjoni finanzjarja bħal din (inklużi l-prezzijiet ta’ marki sekondarji u sussidjarji) jistgħu jintużaw għal valutazzjoni komparattiva.

(116)

Hekk kif ING Direct issir konxja tal-fatt li hija saret il-price leader fis-swieq tal-ipoteki bl-imnut jew tat-tfaddil bl-imnut fi ħdan l-UE, ING Direct taġġusta l-prezz tagħha f’livell li jkun konformi ma’ dak l-impenn mill-aktar fis possibbli u mingħajr ebda dewmien żejjed (47). Fil-mument li ING Direct tiffissa l-prezzijiet tagħha, hija għandha tevalwa jekk dawn humiex konformi mar-restrizzjonijiet. Bil-għan li tnaqqas il-kunflitti bejn il-projbizzjoni fuq il-price leadership u r-restrizzjonijiet legali u regolatorji għall-aġġustament tal-prezzijiet, ING Direct għandha tillimita l-validità tal-offerti fis-suq tagħha għal massimu ta’ tliet xhur.

(117)

F’każ li n-numru tal-prezzijiet fil-punt ta’ riferiment ibbażat fuq l-aħjar rata minn kull waħda mill-aqwa għaxar istituzzjonijiet finanzjarji jkun inqas minn għaxra, tintuża l-11, it-12, it-13 eċċ. l-akbar istituzzjoni finanzjarja sakemm jinstabu għaxar prezzijiet minn istituzzjonijiet finanzjarji differenti.

(118)

Għal kull pajjiż u grupp ta’ prodotti, intlaħaq qbil fuq lista stabbilita minn qabel tal-aqwa għaxar istituzzjonijiet finanzjarji (li hija inkluża f’dokument tekniku addizzjonali mehmuż li sejjer ikun il-bażi għall-monitoraġġ) u li għandha tintuża sat-30 ta’ Ġunju 2013 u tiġi aġġornata perjodikament. Fit-tieni kwart tal-2013, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ta’ PLB (48) għandu jirrevedi l-lista u jipproponi l-bidliet li jistgħu jkunu meħtieġa.

(119)

Għal Spanja, Franza u l-Italja ntlaħqu ftehimiet speċifiċi ta’ valutazzjoni komparattiva. Fil-każ speċifiku tal-Italja (rata ewlenija), ING qiegħda timpenja ruħha għal prezz aktar baxx mir-rata ewlenija numru 1 fl-Italja mqabbel mas-suq sħiħ tat-tfaddil (minbarra tliet swieq speċjalizzati: […]). Il-parteċipanti ġodda fis-suq sejrin jiġu evalwati mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ta’ PLB. Il-punt ta’ riferiment għar-rati promozzjonali tat-tfaddil varjabbli fl-Italja huwa bbażat fuq l-aqwa għaxar istituzzjonijiet finanzjarji. Għal kull istituzzjoni finanzjarja, ser tittieħed f’kunsiderazzjoni l-ogħla rata promozzjonali tat-tfaddil varjabbli. Jekk l-istituzzjoni finanzjarja ma toffrix rata promozzjonali tat-tfaddil varjabbli, tiġi kkunsidrata l-ogħla offerta ta’ depożitu b’terminu fiss ta’ [1-12-il] xahar. Madankollu, jekk ikun hemm aktar minn [2-6] minn fost l-aqwa għaxar istituzzjonijiet finanzjarji li joffru rata promozzjonali tat-tfaddil varjabbli, l-abbiltà li jiġu inklużi depożiti b’terminu fiss ta’ [1-12-il] xahar ma tibqax valida. ING timpenja ruħha għal prezz aktar baxx mill-aqwa offerta f’dik il-lista tal-punt ta’ riferiment. Id-dettalji dwar l-eċċezzjonijiet u kjarifiki oħrajn huma inklużi fid-dokument mehmuż imsemmi fil-Premessa (118).

(120)

Barra minn hekk, ING mhijiex ser toffri inċentivi għall-akkwist (pereżempju bonusijiet ta’ flus) li jitħallsu sabiex jinfetaħ kont tat-tfaddil u li, flimkien mar-rata tal-imgħax offruta, huma aktar favorevoli mill-ogħla kombinazzjoni ta’ rata tal-imgħax u inċentiv għall-akkwist fis-suq tat-tfaddil. Barra minn hekk, meta jiġu offruti ġabra ta’ prodotti (inkluż kont tat-tfaddil), kwalunkwe kombinazzjoni ta’ rati tal-imgħax u inċentivi għall-akkwist għal tali ġabra ma għandhiex tkun ogħla mill-ogħla kombinazzjoni ta’ rati tal-imgħax u inċentivi għall-akkwist fis-suq tat-tfaddil jew għal ġabra simili. Ġabra tinkludi l-ipprezzar tal-prodott innifsu. Sabiex jiġi kkalkolat il-valur ikkombinat tal-offerta, l-inċentiv għall-akkwist jiġi skontat bl-ewwel depożitu medju ta’ ING għall-kampanja fuq bażi ta’ tnax-il xahar, li jirriżulta f’rata tal-imgħax ikkombinata effettiva. Għal ING Retail (49), il-ġabriet għandhom jitqabblu ma’ dawk tal-aqwa tliet kompetituri diretti bl-aħjar prezzijiet. Għal ING Direct, il-ġabriet jitqabblu ma’ dawk tal-għaxar istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom l-akbar sehem mis-suq fis-suq tal-prodotti rilevanti.

(121)

F’każ ta’ bidliet fis-suq li jwasslu għal nuqqas ta’ kompetizzjoni sinifikanti fi ħdan kategorija ta’ punt ta’ riferiment partikolari, anki wara li jkunu ġew inklużi l-istituzzjonijiet finanzjarji kollha, jew f’każ ta’ kompetituri (i) li jipprovdu informazzjoni skorretta jew inkompleta lill-klijenti fir-rigward tal-projbizzjoni fuq il-price leadership ta’ ING jew (ii) li jipprovaw jesponu lil ING għar-riskju tal-ksur tal-projbizzjoni fuq il-price leadership, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ta’ PLB, wara li jisma’ lill-Kummissjoni, jagħmel proposta u jilħaq ftehim mal-Kummissjoni u ma’ ING sabiex tinstab soluzzjoni fl-ispirtu tas-soluzzjonijiet inklużi fid-dokument mehmuż.

(122)

L-impenji tal-projbizzjoni fuq il-price leadership magħmula minn ING fl-2009, li huma inklużi fl-Anness għad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012, jibqgħu fis-seħħ għal perjodu tranżitorju ta’ tliet xhur wara li tiġi adottata d-Deċiżjoni preżenti. Ir-restrizzjonijiet emendati stipulati fl-Anness I jidħlu fis-seħħ tliet xhur wara li tiġi adottata d-Deċiżjoni preżenti. Il-projbizzjoni fuq il-price leadership tapplika sat-18 ta’ Novembru 2015 jew sa dik id-data meta jkunu ġew żvestiti aktar minn 50% tal-operazzjonijiet tal-Assigurazzjoni fl-Asja, 50% tal-operazzjonijiet tal-Assigurazzjoni fl-Istati Uniti (50) u 50% tal-operazzjonijiet tal-Assigurazzjoni fl-Ewropa, skont liema data tiġi l-ewwel.

It-tiġdid tal-perjodu ta’ ristrutturar u t-tiġdid ta’ impenji oħrajn tal-pjan tar-ristrutturar

(123)

ING tkompli torjenta l-finanzjament mhux depożitorju tagħha lejn finanzjament aktar fit-tul billi toħroġ aktar strumenti ta’ dejn b’maturità ta’ aktar minn sena. Dik l-istrateġija timplika li s-sehem relattiv tal-finanzjament fit-tul pendenti (b’maturità ta’ aktar minn sena) fil-parti mhux depożitorja tal-karta tal-bilanċ ta’ ING jkompli jiżdied. Is-suċċess ta’ dik l-istrateġija jiddependi fuq ir-ritorn tas-swieq għal kundizzjonijiet ta’ inqas stress.

(124)

Fir-rigward tas-sejħiet għat-titoli tal-Grad 1 u tal-Grad 2, il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li ING tipproponi lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni ma’ kull sejħa jew riakkwist ta’ kapital tal-Grad 2 u ibridi tal-Grad 1 sal-eqreb data tat-18 ta’ Novembru 2014 jew sad-data li fiha ING tkun ħallset lura totalment it-titoli ta’ CT1 lill-Pajjiżi l-Baxxi (inkluż l-imgħax dovut rilevanti fuq il-kupuni ta’ dawk it-titoli ta’ CT1 u t-tariffi tal-primjum ta’ ħruġ).

(125)

ING mhux se tkun obbligata li tiddiferixxi l-ħlasijiet b’kupun fuq l-ibridi.

(126)

L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jifhmu li l-Kummissjoni hija kontra l-fatt li r-reċipjenti tal-għajnuna mill-Istat iħallsu lura l-fondi tagħhom stess (ekwità u dejn subordinat) meta l-attivitajiet tagħhom ma jiġġenerawx biżżejjed qligħ, filwaqt li jifhmu wkoll li f’dan il-kuntest il-Kummissjoni hija fil-prinċipju kontra s-sejħa tal-kapital tal-Grad 2 u tal-ibridi tal-Grad 1.

(127)

Minkejja r-restrizzjoni msemmija fil-Premessa (126), ING ser titħalla titlob l-ibridu ta’ EUR 1,25 biljun ING Verzekeringen NV (ISIN XS0130855108), li jwassal għal bidla fil-kontroll u li permezz tiegħu ING Verzekeringen NV sejra tkun inadempjenti. It-talba ta’ dak l-istrument hija prerekwiżit għar-ristrutturar meħtieġ sabiex ikun jista’ jopera negozju tal-assigurazzjoni awtonomu. Il-klawżola tal-bidla fil-kontroll għandha tiskatta mal-iżvestiment ta’ Insurance Asia.

(128)

Il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li ING iżżomm lura minn kummerċjalizzazzjoni tal-massa li tinvoka l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni bħala vantaġġ f’termini kompetittivi.

(129)

Il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li l-eżekuzzjoni kompluta tar-ristrutturar ta’ ING titwettaq qabel il-31 ta’ Diċembru 2015, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, pereżempju l-iżvestiment tal-imgħax li jifdal (jiġifieri imgħax taħt il-50%) fin-negozju tal-Assigurazzjoni ta’ ING.

Skeda ta’ ħlas lura

(130)

ING sejra tħallas il-bqija tat-300 000 000 titolu tal-Kapital tal-Grad 1 lill-Pajjiżi l-Baxxi skont l-iskeda li ġejja: (i) EUR 1 125 miljun sas-26 ta’ Novembru 2012, (ii) EUR 1 125 miljun sas-6 ta’ Novembru 2013, (iii) EUR 1 125 miljun sal-31 ta’ Marzu 2014 u (iv) EUR 1 125 miljun sal-15 ta’ Mejju 2015 kif spjegat f’aktar dettall hawn taħt fl-iskeda tal-ħlas lura.

Image 1

Skeda ta' ħlas lura

(EUR biljun)

primjum ta' 50 %/imgħax dovut

riakkwist

ħlas fura b'valuri pari mal-konverżjoni

Sabiex iġġib il-ħlas totali eżattament għal EUR 4,5 biljun, għal parti żgħira ħafna, ING ser ikollha bżonn teżerċita l-għażla ta’ konverżjoni tat-titoli ta’ CT1, minħabba li r-riakkwist b’perċentwal ta’ 150% jiskatta imgħax dovut jekk ma jsirx sat-13 ta’ Mejju ta’ kull sena. F’każ ta’ (tali) konverżjoni (kif deskritta wkoll f’dan l-impenn hawn taħt), l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi sejjer jagħżel li jifdi l-flus kontanti b’valuri pari.

(131)

Dawk il-ħlasijiet lura ser isiru b’mod predominanti permezz tar-riakkwist tat-titoli ta’ CT1 mill-Pajjiżi l-Baxxi u permezz tal-ħlas tal-primjum relatat ta’ 50%. L-iskeda twassal għal ħlas lura totali ta’ EUR 4,5 biljun, li jittraduċi f’IRR globali preċiża ta’ 12,5%, li huwa ’l fuq mir-redditu globali ta’ mill-inqas 10% imsemmi fid-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ. ING tuża l-għażla ta’ konverżjoni tagħha biss sakemm jiġu skattati l-ħlasijiet b’kupun u/jew sakemm ikun pagabbli l-imgħax dovut, b’tali mod li l-qligħ ikun ugwali għal total ta’ EUR 4,5 biljun. F’każ bħal dan, il-ħlasijiet b’kupun u/jew il-ħlasijiet tal-imgħax dovut li jwasslu għal qligħ ogħla mit-total ta’ EUR 4,5 biljun għandhom jitnaqqsu effettivament minn, jew kif jista’ jkun il-każ, jiġu kkreditati kontra l-ħlas tal-primjum ta’ 50%. Il-ħlas lura totali jista’ jinġieb għal EUR 4,5 biljun permezz ta’ konverżjoni - prorata - ta’ parti mit-titoli li jifdal minflok permezz tar-riakkwist tagħhom. Il-ħlasijiet kollha li jifdal (nozzjonali, primjum, kupuni u/jew imgħax dovut) jammontaw għal total ta’ EUR 4,5 biljun.

(132)

Il-ħlasijiet lura proprji tas-segmenti fl-iskeda msemmija fuq huma kundizzjonali fuq l-approvazzjoni ta’ DNB.

(133)

Hija l-ambizzjoni ta’ ING li tħallas lura lill-Pajjiżi l-Baxxi mill-aktar fis possibbli u ING sejra tħaffef il-ħlasijiet jekk dan ikun prudenti skont iċ-ċirkostanzi finanzjarji prevalenti. Jekk ING tħaffef il-ħlasijiet, dan konsegwentement iwassal għal IRR ogħla minn 12,5% (51).

(134)

Jekk segment ta’ ħlas lura ma jkunx jista’ jsir kompletament jew parzjalment, ING tagħmel tajjeb għal dan permezz ta’ żieda korrispondenti fis-segment sussegwenti. Il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li jinnotifikaw il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni mill-ġdid f’każ li ING tonqos milli tħallas kompletament f’żewġ ħlasijiet parzjali konsekuttivi.

(135)

Jekk ING tonqos milli tħallas lura ammont totali ta’ EUR 4,5 biljun sal-15 ta’ Mejju 2015 kif indikat fl-iskeda, l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi jimpenja ruħu li jinnotifika l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni mill-ġdid.

Kummenti addizzjonali tal-Pajjiżi l-Baxxi fir-rigward tal-ħlas lura tat-titoli ta’ CT1

(136)

Fir-rigward tal-iskeda tal-ħlas lura, ta’ min ifakkar li skont it-termini tat-titoli ta’ CT1, ING - wara tliet snin wara l-għoti tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni - kienet libera li tagħżel bejn il-ħlas lura tat-titoli ta’ CT1 b’perċentwal ta’ 150% jew il-konverżjoni tagħhom f’ishma fuq bażi ta’ wieħed ma’ wieħed (fejn il-Pajjiżi l-Baxxi jistgħu jitolbu ħlas lura fi flus kontanti b’perċentwal ta’ 100%). Il-Pajjiżi l-Baxxi fakkru li d-dritt ta’ ING li tikkonverti t-titoli ta’ CT1 tagħha f’ishma ġie attivat fit-12 ta’ Novembru 2011.

(137)

Il-Pajjiżi l-Baxxi jsemmu l-iskeda ta’ ħlas lura ta’ ING bi ħlas totali ta’ EUR 4,5 biljun, li tagħmel użu limitat ħafna mid-dritt ta’ konverżjoni tagħha. L-iskeda ta’ ħlas lura inkluża f’din id-Deċiżjoni twassal għal IRR ta’ 12,5%. […]

(138)

Il-Pajjiżi l-Baxxi għarrfu lill-Kummissjoni wkoll li DNB ħa deċiżjoni qafas fit-22 ta’ Ottubru 2012 ibbażata fuq il-miżuri ta’ żvestiment eżaminati fid-Deċiżjoni preżenti. Minbarra l-approvazzjoni qafas tiegħu għall-miżuri ta’ żvestiment, jeħtieġ ukoll li DNB jagħti l-approvazzjoni tiegħu għal kull wieħed mis-segmenti tal-ħlas lura tat-titoli ta’ CT1 fil-mument li jsir il-ħlas lura sabiex jiġi żgurat li ħlas lura jkun prudenzjalment aċċettabbli. Il-ħlas lura ta’ EUR 750 miljun nominalment u ta’ EUR 1,125 biljun, inkluż il-primjum għall-2012, diġà ġie approvat minn DNB. Il-Pajjiżi l-Baxxi jesprimu l-kunfidenza tagħhom li, jekk iċ-ċirkostanzi tas-suq ma jinbidlux b’mod materjali u ING twassal il-pjan kapitali tagħha, DNB sejjer japprova s-segmenti tal-ħlas lura previsti fl-Anness I.

Impenn ta’ monitoraġġ u notifika mill-ġdid

(139)

L-implimentazzjoni sħiħa u xierqa tal-impenji u l-obbligi kollha msemmija fl-Anness I sejra tiġi mmonitorjata kontinwament u bir-reqqa sal-31 ta’ Diċembru 2015 minn fiduċjarju tal-monitoraġġ bi kwalifiki xierqa li jkun indipendenti minn ING. Il-kumpanija li bħalissa hija fdata b’dak il-kompitu sejra tkompli ssegwi l-impenn fir-rigward tax-xenarju Van Gogh u l-impenji l-oħrajn kollha fl-Anness I, għajr għall-monitoraġġ tal-projbizzjoni fuq il-price leadership. Il-projbizzjoni fuq il-price leadership sejra tiġi segwita minn fiduċjarju ġdid, jiġifieri l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ta’ PLB. Il-ħatra u l-prestazzjoni taż-żewġ Fiduċjarji sejrin jiġu riveduti mill-Kummissjoni wara sitt xhur u minn hemm ’il quddiem ikomplu jiġu riveduti fuq bażi kontinwa. L-ispejjeż tal-fiduċjarji kollha maħtura matul il-proċess tar-ristrutturar jinġarru minn ING.

(140)

ING u l-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li r-rapporti ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar jiġu pprovduti lill-Kummissjoni kull sitt xhur sal-31 ta’ Diċembru 2013 u minn hemm ’il quddiem kull sena sal-2018 jew sakemm isir l-iżvestiment sħiħ tan-negozju tal-Assigurazzjoni ta’ ING.

(141)

Jekk ING tonqos milli tissodisfa impenn ta’ żvestiment jew kwalunkwe impenji relatati ma’ NN Bank li għandhom jiġu eżegwiti fl-2015, il-Pajjiżi l-Baxxi jinnotifikaw il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni mill-ġdid lill-Kummissjoni.

5.3.   AKTAR INFORMAZZJONI DWAR ING DIRECT

(142)

Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, l-allegazzjoni ta’ Mediobanca hija skorretta minħabba li Banca Sistema żiedet ir-rata tagħha għal 4,25% fit-30 ta’ Awwissu 2011. ING ipprovdiet evidenza li turi li r-rata tal-imgħax offruta minn Banca Sistema fuq SI Conto! tagħha fit-30 ta’ Awwissu 2011 kienet ta’ 4,25%.

(143)

Skont il-Pajjiżi l-Baxxi, is-sehem mis-suq ta’ ING fi tfaddil fl-Italja naqas minn [1-4]% fl-aħħar tal-2008, jiġifieri meta waslet l-għajnuna mill-Istat, għal [1-4]% fl-aħħar tal-2011.

(144)

Il-Pajjiżi l-Baxxi spjegaw lill-Kummissjoni li għalkemm ING tqis li hija rrispettat b’mod formali l-projbizzjoni fuq il-price leadership fl-Italja, ING hija lesta li taċċetta projbizzjoni riveduta fuq il-price leadership sabiex tevita kwalunkwe nuqqas ta’ ftehim u sabiex tindirizza t-tħassib tal-Kummissjoni bil-għan li jkunu jistgħu jiġu evitati ilmenti bħal dak ta’ MedioBanca fl-Italja. F’xi swieq, bħall-Italja, ING Direct toffri prodotti li ma jiġux offruti mill-banek mainstream. B’riżultat ta’ dan, ING Direct kienet xi drabi mitluba tkejjel dawk il-prodotti kontra l-prodotti f’volum baxx ta’ swieq iżgħar. Il-projbizzjoni riveduta fuq il-price leadership tiżgura li l-prezzijiet ta’ ING Direct jitkejlu u jitqabblu ma’ dawk tal-aqwa għaxar istituzzjonijiet finanzjarji (gruppi) mainstream. Il-projbizzjoni riveduta fuq il-price leadership tinkludi wkoll kjarifiki u/jew emendi (proċedurali), pereżempju fir-rigward tal-iskeda taż-żmien għall-aġġustament tal-prezzijiet wara li ING saret konxja ta’ pożizzjoni ta’ price leadership ikkombinata ma’ limitu fuq il-validità tal-offerti fis-suq.

(145)

Fir-rigward tal-prestazzjoni finanzjarja ta’ ING Direct, il-Pajjiżi l-Baxxi pprovdew informazzjoni li tgħid li l-indebolimenti ta’ EUR 608 għal ING Direct huma attribwibbli għall-indebolimenti tal-bonds tal-gvern Grieg għal ammont ta’ EUR 347 miljun. Indebolimenti ulterjuri ta’ EUR 187 miljun jirriżultaw mit-tnaqqis tal-espożizzjoni ta’ ING Direct għall-assi b’konċentrazzjoni eċċessiva fir-reġjun ikklassifikat minn ING bħala “in-Nofsinhar tal-Ewropa”. Dak it-telf ta’ EUR 187 miljun irriżulta minn bejgħ ta’ EUR 2,3 biljun ta’ espożizzjoni f’dik il-kategorija. Fl-aħħar nett, kien hemm ukoll EUR 74 miljun f’indebolimenti relatati ma’ portafoll tal-RMBS f’ING Direct US.

(146)

Skont id-dejta pprovduta, il-livell ta’ LLPs għall-2011 huwa maqsum bejn EUR 326 miljun irreġistrati minn ING Direct USA u EUR 136 miljun biss għal postijiet oħrajn.

VI.   VALUTAZZJONI

(147)

Din id-Deċiżjoni tikkonċerna l-valutazzjoni tad-dubji fir-rigward tan-notifika mill-ġdid tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni u l-emenda tal-pjan ta’ ristrutturar tat-22 ta’ Ottubru 2009 u tal-impenji approvati fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012. Bil-għan li jindirizzaw dawk id-dubji, il-Pajjiżi l-Baxxi aġġornaw il-pjan ta’ ristrutturar u l-impenji li ġew sottomessi minnhom qabel (52) (li minn hawn ’il quddiem issir referenza għalih bħala "l-emenda"), li huwa l-bażi għall-valutazzjoni preżenti. Il-Kummissjoni tista’ tapprova emenda għall-pjan ta’ ristrutturar u l-impenji, billi hija għandha diskrezzjoni li tippermetti tali modifiki sakemm l-istess modifiki jkunu ekwivalenti għall-kontropartijiet oriġinali tagħhom, fis-sens li l-modifiki jiżguraw ukoll il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern u ma jinvolvu ebda għajnuna addizzjonali.

6.1.   L-EBDA GĦOTI TA’ GĦAJNUNA ADDIZZJONALI

(148)

L-emenda preżenti ma tinvolvi ebda għajnuna addizzjonali għall-benefiċċju ta’ ING.

(149)

Fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012, il-Kummissjoni stabbilixxiet li ING irċeviet għajnuna mill-Istat ta’ aktar minn EUR 15-il biljun, li minnhom il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni tirrappreżenta EUR 10 biljun. Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbilixxiet li l-emenda tal-kundizzjonijiet tal-ħlas lura tat-titoli ta’ CT1 kienet tikkostitwixxi għajnuna favur ING.

(150)

Il-Kummissjoni tosserva li l-emendi nnotifikati ma jbiddlux il-kundizzjonijiet tal-ħlas lura tat-titoli ta’ CT1. L-impenn tal-Pajjiżi l-Baxxi li jimplimentaw skeda ta’ ħlas lura huwa konformi mal-kundizzjonijiet tal-ħlas lura approvati fid-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ. Dik l-iskeda tippermetti li jsir riakkwist parzjali b’perċentwal ta’ 150% flimkien ma’ konverżjoni parzjali (53). Iż-żewġ mekkaniżmi tat-tifdija bħalissa huma possibbli taħt il-kundizzjonijiet ikkunsidrati fid-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ u ma jirrikjedux li ssir emenda tal-kundizzjonijiet tal-ħlas lura għat-titoli ta’ CT1. Id-disponibbiltà attwali taż-żewġ mekkaniżmi tikkuntrasta mas-sitwazzjoni fl-2009, meta ING kellha biss l-għażla kuntrattwali li tħallas lura b’perċentwal ta’ 150%, minħabba li l-għażla ta’ konverżjoni għandha ssir disponibbli biss tliet snin wara li jingħataw it-titoli ta’ CT1.

(151)

B’kuntrast mas-sitwazzjoni fl-2009, il-Pajjiżi l-Baxxi ma daħlux f’arranġament ad hoc, filwaqt li l-Pajjiżi l-Baxxi setgħu jagħmlu għażla ta’ investiment billi jaċċettaw modifika ta’ kuntratt eżistenti. Meta aċċettaw l-iskeda ta’ ħlas lura ta’ ING, li għaliha huma impenjati, il-Pajjiżi l-Baxxi ma kinux mitluba jieħdu deċiżjoni ta’ investiment. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-Pajjiżi l-Baxxi ma setgħu jippreċedu ebda dħul skont l-iskeda ta’ ħlas lura.

(152)

Il-Kummissjoni tosserva wkoll li l-iskattar tal-impenn ta’ notifika mill-ġdid fid-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ ma jwassalx għall-eżistenza ta’ għajnuna addizzjonali. Dik in-notifika mill-ġdid tikkonċerna biss kwistjoni ta’ kompatibbiltà sal-punt li tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk il-Pajjiżi l-Baxxi humiex sejrin jirċievu rimunerazzjoni adegwata. Għaldaqstant, l-impenn minn ING għal skeda fissa ta’ ħlas lura għandu jiġi eżaminat biss bil-għan li tiġi stabbilita l-kompatibbiltà tal-modifiki għall-pjan ta’ ristrutturar.

6.2.   IL-KOMPATIBBILTÀ TAL-GĦAJNUNA GĦAR-RISTRUTTURAR

(153)

Billi l-emendi nnotifikati ma jinvolvu ebda għajnuna addizzjonali mill-Istat għall-benefiċċju ta’ ING, l-emendi jistgħu jitqiesu bħala sostituzzjoni ta’ ċertu numru ta’ impenji minn impenji oħrajn. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha teżamina jekk l-impenji sostitwiti jiżgurawx ukoll il-kompatibbiltà tal-għajnuna pprovduta fl-2008 u fl-2009 (54).

(154)

Il-konklużjoni tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ dik l-għajnuna ma għandhiex tinbidel sakemm ikun jista’ jiġi stabbilit li l-impenji l-ġodda jkomplu jiżguraw il-vijabbiltà, livell xieraq ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet u miżuri suffiċjenti li jindirizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni (55).

Vijabbiltà

(155)

Fin-nuqqas ta’ għajnuna addizzjonali, il-Kummissjoni ma tevalwax il-vijabbiltà ta’ ING mill-ġdid. Hija teżamina biss jekk il-modifiki għall-pjan tar-ristrutturar jikkontestawx il-konklużjoni dwar il-vijabbiltà ta’ ING milħuqa fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012. L-emendi nnotifikati jaffettwaw il-vijabbiltà ta’ ING b’żewġ modi: permezz tat-tnaqqis tal-kumplessità tal-mudell kummerċjali u l-eliminazzjoni tal-ingranaġġ doppju u permezz tas-sostenibbiltà tal-istrateġija tal-ipprezzar ta’ ING Direct.

(156)

Fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012, il-Kummissjoni bbażat il-valutazzjoni tal-vijabbiltà tagħha fuq l-impenn minn ING li telimina l-ingranaġġ doppju u żżid il-proporzjonijiet kapitali tagħha bil-għan li tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tiffaċċja l-iżviluppi ekonomiċi negattivi possibbli fil-ġejjieni u tassorbi t-telf mhux mistenni (56).

(157)

L-ewwel nett, l-iskadenzi l-ġodda għall-iżvestiment ta’ Insurance Europe jġeddu l-impenn li titnaqqas il-kumplessità u jiġi eliminat l-ingranaġġ doppju. Permezz tal-iżvestiment ta’ aktar minn 50% tal-entitajiet tal-assigurazzjoni kollha sal-aħħar tal-2015 u t-telf tal-kontroll tal-bord tal-entitajiet legali ta’ ING Insurance, it-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi minn ING għandu jsir biss fis-suq bankarju u mhux aktar fis-suq tal-assigurazzjoni. Barra minn hekk, il-modifika ma tikkontestax l-impenn ta’ ING li telimina l-ingranaġġ doppju kompletament. L-iżvestiment sħiħ tas-sussidjarji tal-assigurazzjoni għandu jwassal għall-eliminazzjoni tal-ingranaġġ doppju sa mhux aktar tard mill-2018.

(158)

L-impenn immodifikat fir-rigward tal-iżvestiment tan-negozju ta’ VA fl-Istati Uniti […] minn ING meta mqabbel mad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012. Madankollu, […] permezz tal-impenn minn ING li tikkonforma ma’ dispożizzjonijiet stretti ta’ tnaqqis fil-valur stipulati fl-Anness II, inklużi l-iħħeġġjar sħiħ tal-espożizzjoni u politika konservattiva ta’ investiment mill-ġdid. Barra minn hekk, il-possibbiltajiet ta’ tranżazzjoni ta’ bejgħ għandhom jiġu esplorati perjodikament u, għaldaqstant, iż-żamma […] għandha tkun biss temporanja.

(159)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tosserva li fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar tagħha ING setgħet tassorbi t-telf mhux mistenni, bħat-telf fuq il-bonds Griegi tagħha (57). Il-Kummissjoni tosserva wkoll li ING setgħet tissodisfa r-rekwiżiti tal-eżerċizzju kapitali tal-EBA fejn ma ġie identifikat ebda nuqqas kapitali (58). Fid-dawl tal-kapaċità murija minn ING li tassorbi x-xokkijiet mhux mistennija, it-tiġdid tal-iskadenza għall-eliminazzjoni tal-ingranaġġ doppju ma jaffettwax il-valutazzjoni tal-vijabbiltà ta’ ING fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012.

(160)

It-tieni nett, l-allegazzjoni li ING aġixxiet bħala price leader ġiet ribattuta. ING issottomettiet evidenza li turi li hija ma kinitx bl-aħjar prezz fost il-parteċipanti kollha fis-suq u b’hekk ma kisritx il-projbizzjoni fuq il-price leadership fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009.

(161)

Il-Kummissjoni tosserva li Banca Sistema offriet rati aħjar minn ING Direct f’Settembru 2011. Madankollu, Banca Sistema mhijiex fost il-parteċipanti ewlenin fis-suq f’termini tas-sehem mis-suq u r-rikonoxximent tal-marka. Filwaqt li l-Pajjiżi l-Baxxi wrew li ING Direct ma kisritx it-test tal-impenn dwar il-price leadership, madankollu, il-pożizzjonament ta’ ING Direct fl-Italja taħt Banca Sistema jikkonferma li l-ipprezzar għadu element ewlieni fl-istrateġija kummerċjali ta’ ING Direct.

(162)

F’dan l-isfond, l-impenn imsaħħaħ li jwassal għal projbizzjoni kkalibrata aħjar fuq il-price leadership, flimkien ma’ definizzjoni aktar prudenti tal-grupp ta’ pari għal ING Direct, jiżgura li fil-ġejjieni ING ma tadottax strateġiji ta’ investiment li jfittxu qligħ illi jesponuha għal indebolimenti, kif kien il-każ tal-portafoll tal-investiment fl-Istati Uniti. B’mod partikolari, dik il-kalibrazzjoni hija bbażata fuq id-dejta pprovduta minn ING rigward id-dinamika sottostanti tas-suq (59). Fil-każ tal-Italja, l-esklużjoni espliċita ta’ […] mill-kampjun tal-valutazzjoni komparattiva għandha tiżgura li ING titqabbel biss ma’ parteċipanti b’saħħa komparabbli.

(163)

Barra minn hekk, sabiex jiġu evitati l-konflitti tal-interpretazzjoni u jittejjeb il-proċess tal-monitoraġġ, il-kriterji tal-monitoraġġ speċifiċi għal kull suq u bbażati fuq il-prodotti offruti minn ING Direct Europe f’kull Stat Membru fejn topera ġew diskussi ma’ ING u mal-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li ġew speċifikati f’dokument separat mehmuż mal-katalogu tal-impenn (60). B’mod partikolari, id-definizzjoni ċara tal-grupp ta’ pari għal dawk is-swieq kollha għandha ttejjeb il-monitoraġġ u l-implimentazzjoni effettiva tal-impenn.

(164)

Abbażi ta’ dan, għandu jiġi żgurat li ING Direct ma tadotta ebda strateġija tal-ipprezzar li tkun aktar aggressiva minn dik tal-kompetituri stabbiliti sewwa tagħha.

(165)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tinnota b’mod pożittiv li ING implimentat b’mod f’waqtu l-impenn ta’ żvestiment tagħha fir-rigward ta’ ING Direct US, li kien jikkostitwixxi miżura ta’ vijabbiltà ewlenija tal-pjan tar-ristrutturar.

(166)

Għalhekk, l-emendi ma jikkontestawx l-analiżi tal-vijabbiltà tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 u warrbu d-dubji espressi mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

Kondiviżjoni tal-piżijiet

(167)

Id-dubji mqajma mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ imressqa minn ING dwar l-istrateġija tar-rimunerazzjoni fir-rigward tat-titoli ta’ CT1, li kkontestaw ir-rimunerazzjoni xierqa tat-titoli ta’ CT1, ittaffew permezz tal-iskeda ġdida ta’ ħlas lura li ġiet proposta u l-impenn inerenti tagħha għal IRR ta’ 12,5%.

(168)

Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax taqbel mal-argument ta’ ING indikat fil-Premessi (39), (40) u (41) li l-Kummissjoni ma kinitx intitolata li tikkummenta dwar il-politika tad-dividendi tagħha, billi d-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ tirreferi biss għall-IRR bħala li tinsab f’livell ta’ mill-inqas 10% u li ma jista’ jkun hemm ebda dubju li jista’ jinkiseb tali livell ta’ redditu. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma tistax taqbel lanqas mal-argument li hija ma kinitx intitolata li teżamina mill-ġdid il-politika tad-dividendi ta’ ING minħabba li, b’mod indipendenti mill-ħlas ta’ kupun, dik il-politika ma għandhiex twassal għal redditu li jaqbeż it-8,5% u li, b’riżultat ta’ dan, in-nuqqas ta’ ING milli tħallas id-dividendi (u b’hekk il-kupuni) ma jistax jiġi relatat mal-livell ta’ IRR. Kuntrarju għal dak li ssostni ING, mhuwiex il-każ li, fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 (kif ukoll fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009 li issa ġiet annullata), il-Kummissjoni ħadet nota tal-politika tad-dividendi ta’ ING.

(169)

Dawk l-argumenti jridu jiġu rrifjutati minħabba li jistrieħu fuq qari parzjali tal-Premessa 32 tad-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ. Sabiex jitpoġġa fil-kuntest l-impenn mogħti mill-Pajjiżi l-Baxxi u li fuqu hija bbażata d-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ, jeħtieġ li jittieħdu f’kunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet li saru minn dak l-Istat Membru u minn ING u li ġew irreġistrati fil-Premessa 31 ta’ dik id-Deċiżjoni. F’dak l-isfond, jidher ċar li l-Kummissjoni tilqa’ l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni b’mod favorevoli fid-dawl tal-impenn ta’ notifika mill-ġdid preċiżament minħabba li l-Istat Membru indika li jista’ jiġi garantit redditu xieraq parzjalment permezz tal-ħlas ta’ kupun u minħabba li ING indikat li hija ser tkompli tħaddan il-politika tad-dividendi preċedenti tagħha. Billi l-Kummissjoni kienet konxja li l-livell ta’ assistenza offruta lil bank permezz ta’ rikapitalizzazzjoni diretta jvarja skont il-livell ta’ rimunerazzjoni pprovduta lill-Istat Membru, l-istess Kummissjoni kienet f’pożizzjoni li tapprova l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni b’mod temporanju fid-dawl tal-impenn tal-Istat Membru li jinnotifika mill-ġdid u li offra lill-Kummissjoni livell ta’ riassigurazzjoni li l-bank ma għandux jikseb assistenza mill-Istat mingħajr ma jħallas redditu xieraq.

(170)

Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li meta hija tapprova miżura, hija tagħmel dan fuq il-bażi ta’ kwalunkwe impenn ta’ akkumpanjament li jifforma parti integrali mill-miżura inkwistjoni. Bħala tali, l-impenn ta’ notifika mill-ġdid ġie inkorporat fil-miżura li ġiet eżaminata u approvata temporanjament mid-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ. Meta l-Kummissjoni eżaminat mill-ġdid il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012, l-impenn ta’ notifika mill-ġdid baqa’ parti integrali minn dik il-miżura u fid-deċiżjoni msemmija l-aħħar ma hemm xejn illi jindika li l-Kummissjoni waqfet milli tikkunsidra l-impenn ta’ notifika mill-ġdid kif rilevanti għall-valutazzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-kliem innifsu tal-impenn ta’ notifika mill-ġdid jindika li l-Kummissjoni fehmet li dan huwa applikabbli għal ħames snin u li l-Pajjiżi l-Baxxi offrew l-impenji tagħhom sabiex ikopru dak il-perjodu ta’ żmien. Bħala tali, ma hemm xejn li jindika li t-trattament mill-Kummissjoni tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni bħala komponent tal-għajnuna għar-ristrutturar approvata fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 affettwa r-rekwiżit ta’ notifika mill-ġdid.

(171)

Għalhekk, in-notifika mill-ġdid tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni u l-fatti sottostanti kienu adatti biex jikkontestaw il-kompatibbiltà tar-rimunerazzjoni tat-titoli ta’ CT1. Madankollu, skont id-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ tal-2008, il-kompatibbiltà tal-miżura tista’ fi kwalunkwe każ tiġi garantita jekk jiġu implimentati biżżejjed impenji ta’ mġiba mill-Pajjiżi l-Baxxi sabiex tiġi żgurata rimunerazzjoni adegwata tal-kapital tal-Istat.

(172)

L-iskeda fissa ta’ ħlas lura hija impenn xieraq ta’ mġiba li ngħata għall-finijiet tal-impenn ta’ notifika mill-ġdid li sar mill-Pajjiżi l-Baxxi fl-2008. Fil-fatt, l-iskeda fissa ta’ ħlas lura proposta tirrimedja l-inċertezza tar-rimunerazzjoni inkorporata fil-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni u tiggarantixxi redditu fiss ta’ 12,5% għall-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Kummissjoni tosserva li istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn li ġew rikapitalizzati permezz ta’ strumenti kapitali simili impenjaw ruħhom ukoll għal skeda fissa ta’ ħlas lura. (61) Barra minn hekk, il-fatt li DNB diġà approva ħlas lura ta’ EUR 750 miljun nominalment u ta’ EUR 1,125 biljun, inkluż primjum għall-2012, jipprovdi lill-Kummissjoni b’kunfidenza suffiċjenti li l-ħlas lura jista’ jsir.

(173)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-IRR indikata ta’ 12,5%, li tirriżulta mill-iskeda ta’ ħlas lura, hija aċċettabbli għall-finijiet tal-analiżi tal-kompatibbiltà preżenti, minkejja l-fatt li d-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 kienet tinkludi skeda ta’ ħlas lura b’IRR ogħla (62). Il-Kummissjoni tosserva li l-IRR miksuba permezz tal-iskeda ta’ ħlas lura hija ta’ 12,5%, li hija aktar baxxa mir-rata aċċettata fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 bħala adegwata għall-ħlas lura tal-ewwel nofs tat-titoli ta’ CT1 u hija aktar baxxa mill-IRR indikattiva ta’ [15-25]% prevista minn ING fil-pjan tar-ristrutturar tat-22 ta’ Ottubru 2009. Madankollu, l-IRR ta’ 12,5% li tirriżulta mill-iskeda ta’ ħlas lura hija ċerta, kuntrarju għall-valuri indikattivi li ġew ipprovduti qabel. Barra minn hekk, din l-IRR hija konformi mal-livelli ta’ IRR approvati bħala suffiċjenti sabiex l-għajnuna mill-Istat issir kompatibbli mas-suq intern f’deċiżjonijiet oħrajn tal-Kummissjoni dwar skedi fissi ta’ ħlas lura għall-banek rikapitalizzati bi strumenti simili (63). L-IRR ta’ 12,5% tista’ titqies bħala rimunerazzjoni adegwata.

(174)

It-tieni nett, l-emendi għall-pjan tar-ristrutturar rigward il-perjodu tal-iżvestiment għan-negozju tal-Assigurazzjoni jikkonċernaw il-kondiviżjoni tal-piżijiet. L-iżvestimenti kienu mistennija jippermettu lil ING tikseb ir-riżorsi meħtieġa sabiex tkun tista’ tkopri l-ispejjeż tal-pjan tar-ristrutturar (64) u, b’mod partikolari, tħallas lura l-għajnuna mill-Istat. Madankollu, l-aggravazzjoni tal-ambjent finanzjarju (ara l-Premessa (26) u dawk ta’ wara) wasslet għal kundizzjonijiet diffiċli għat-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ tal-assigurazzjoni (65).

(175)

Madankollu, l-iskadenza tal-iżvestiment għal ING Insurance Europe, li hija r-raġuni ewlenija għad-dewmien, hija affettwata minn diversi aspetti oħrajn li ma kinux prevedibbli fl-2009 u li jrendu l-ilħuq tal-iskadenzi tal-2013 kważi impossibbli. L-ewwel nett, dawn huma l-inċertezzi kontinwi relatati mar-regoli ta’ Solvenza II, kif ukoll l-inċertezzi relatati mal-kriżi tad-dejn sovran Ewropew u l-effett dirett tagħha fuq is-settur tal-assigurazzjoni meta wieħed iqis li l-kumpaniji tal-assigurazzjoni huma grupp ta’ investituri sinifikanti fil-bonds sovrani. It-tieni nett, ING Insurance Europe għandha ambitu modifikat permezz tal-integrazzjoni ta’ parti minn WUB f’Nationale Nederlanden. It-tielet nett, jeżistu […] fis-suq intern ta’ Nationale Nederlanden. (66) Dak l-ambitu modifikat kif ukoll l-ambjent regolatorju u makroekonomiku żiedu d-diffikultà tal-proċess ta’ żvestiment ta’ ING Insurance Europe b’mod konsiderevoli fuq perjodu ta’ żmien qasir. Minħabba dak l-isfond u fid-dawl tal-fatt li l-kondiviżjoni tal-piżijiet miżjuda hija ppreservata bħala riżultat tat-tiġdid assoċjat tal-projbizzjoni fuq l-akkwist u tal-projbizzjoni fuq is-sejħa jew ir-riakkwist tal-ibridi, l-estensjoni tal-perjodu tal-iżvestiment sal-2015 tista’ titqies bħala raġonevoli.

(176)

Fir-rigward tat-tiġdid tal-iskadenza ta’ ING Insurance US, il-Kummissjoni tinnota […]. Id-dewmien li rriżulta fl-iżvestiment jista’ jitqies bħala xieraq hekk kif ING eżawriet in-negozju VA u fil-ġejjieni għandha tkun soġġetta għal impenji li huma stipulati fl-Anness II […]. (67) Fl-istess waqt, ING tibqa’ impenjata li tipproċedi bl-IPO prevista għall-bqija ta’ ING Insurance US u timpenja ruħha għal tnaqqis ta’ 50% ta’ ING Insurance US fl-aħħar tal-2013 (jekk l-eżawriment tal-portafoll ta’ VA jitqies bħala tnaqqis), b’kunsiderazzjoni tal-kapital involut. Fl-2014, ING għandha mbagħad tiżvesti 50% tan-negozju, minbarra l-portafoll ta’ VA. Il-Kummissjoni tqis li dak l-approċċ huwa soluzzjoni aċċettabbli […]. Dan huwa xieraq ukoll f’termini tal-kondiviżjoni tal-piżijiet permezz tat-tiġdid assoċjat tal-projbizzjoni fuq l-akkwist u tal-projbizzjoni fuq is-sejħa jew ir-riakkwist tal-ibridi.

(177)

Fuq kollox, minkejja d-dewmien fil-bejgħ tan-negozju tal-Assigurazzjoni fl-Ewropa u fl-Istati Uniti, ING għandha tkun kapaċi taderixxi ma’ skeda fissa ta’ ħlas lura sal-2015. Dik il-valutazzjoni ma tinbidilx permezz tal-modifika tal-arranġamenti dettaljati tal-iżvestiment li, skont l-impenn immodifikat, fl-ewwel lok għandhom jipproċedu permezz tal-bejgħ ta’ aktar minn 50% tan-negozji tal-assigurazzjoni rilevanti. Filwaqt li l-Kummissjoni tosserva li l-bejgħ tal-maġġoranza tan-negozji rilevanti għandu jagħtihom iċ-ċans li jkunu diżaggregati minn ING minn perspettiva regolatorja u ta’ kontabilità, hija tinnota b’mod pożittiv ukoll li l-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li ING tiżvesti n-negozju tal-Assigurazzjoni fl-Asja u fl-Istati Uniti sal-aħħar tal-2016 u ING Insurance Europe kompletament sal-aħħar tal-2018.

(178)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-emendi ma jikkontestawx il-konklużjoni tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 dwar il-livell ta’ kondiviżjoni tal-piżijiet u taffew id-dubji tal-Kummissjoni rigward ir-rimunerazzjoni tat-titoli ta’ CT1.

Distorsjoni tal-kompetizzjoni

(179)

B’mod partikolari, l-emendi nnotifikati lill-Kummissjoni jikkonċernaw ir-rimunerazzjoni adegwata tal-għajnuna mill-Istat u l-iżvestiment ta’ forza kompetittiva ġdida fis-suq bl-imnut tal-Pajjiżi l-Baxxi.

(180)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tosserva li ING ipprovdiet rimunerazzjoni adegwata tat-titoli ta’ CT1. (68) Il-livell ta’ rimunerazzjoni għandu jiġi evalwat b’rabta mal-ħlas lura. Filwaqt li huwa meħtieġ livell adegwat ta’ rimunerazzjoni sabiex jiġu indirizzati d-distorsjonijiet eżistenti tal-kompetizzjoni, il-ħlas lura bikri għandu jillimita l-effett tal-għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni diġà stabbilixxiet li, skont l-iskeda ta’ ħlas lura, l-IRR miksuba fuq il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni hija ffissata bħala 12,5%, li hija tqis bħala adegwata. Barra minn hekk, skont l-impenji, dak il-kapital tal-Istat għandu jitħallas lura kompletament sal-2015.

(181)

It-tieni nett, billi impenjaw ruħhom li jiżvestu lil WUB, il-Pajjiżi l-Baxxi u ING impenjaw ruħhom li jdaħħlu forza vijabbli u kompetittiva ġdida fis-suq bl-imnut tal-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING naqsu milli jimplimentaw dak l-impenn inizjali. Huma pproponew ix-xenarju Van Gogh bħala alternattiva, li qanqal dubji mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ. Sadanittant, dawk in-nuqqasijiet issolvew permezz ta’ tliet impenji ewlenin, li flimkien jallinjaw l-inċentivi ta’ ING mill-ġdid sabiex jinħoloq parteċipant sostenibbli ġdid fis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi.

(182)

Il-Kummissjoni tieħu nota pożittiva tal-impenn ta’ projbizzjoni marbuta deskritt fil-Premessi (83) sa (86), li jikkostitwixxi limitu massimu fuq il-produzzjoni ipotekarja ġdida ta’ ING bħala multiplu tal-produzzjoni ta’ NN Bank. Dan jiżgura li ING jkollha l-inċentivi sabiex tilħaq il-livell impenjat ta’ produzzjoni għal NN Bank u b’hekk is-sehem impenjat mis-suq ta’ madwar [2-9]%. Il-multiplu ta’ [2-4], li jgħaqqad il-produzzjoni ipotekarja ta’ ING u NN Bank, huwa bbażat fuq il-produzzjoni medja tal-ipoteki ġodda ta’ ING, minbarra t-tiġdid mill-2011 (69) imqabbel mal-produzzjoni ġdida annwali prevista ta’ EUR [1.5-6] biljun ta’ NN Bank. Jekk NN Bank irendi inqas, meta mqabbel mal-miri minimi tiegħu tal-produzzjoni ġdida, min-naħa tagħha ING tispiċċa ġġarrab telf ta’ sehem mis-suq.

(183)

Fl-ambjent makroekonomiku attwali, fejn l-evoluzzjoni futura tad-daqs tas-suq tista’ tiġi prevista biss b’inċertezza relattivament għolja, huwa xieraq li jiġi ffissat limitu massimu ta’ produzzjoni relattiv mal-prestazzjoni ta’ NN Bank minflok fuq livell assolut. Ir-rabta fil-projbizzjoni tiżgura li jekk is-suq jikber jew jiċkien aktar milli mistenni, ING jkollha l-inċentivi meħtieġa sabiex iżżomm is-sehem mis-suq ta’ NN Bank konformi mal-livell previst.

(184)

Dak l-impenn ta’ projbizzjoni marbuta jkompli jissaħħaħ permezz tal-impenn ta’ awtofinanzjament deskritt fil-Premessi (87) sa (96). Fil-fatt, il-produzzjoni ġdida ta’ NN Bank għandha tkun awtoffinanzjata sabiex tiġi żgurata l-indipendenza reali minn ING fuq perjodu ta’ żmien medju. Il-projbizzjoni marbuta tista’ twassal lil ING sabiex tħeġġeġ lil NN Bank jiffinanzja l-produzzjoni ġdida tiegħu b’mod insostenibbli bil-għan li jevita restrizzjoni fuq il-produzzjoni għal ING fuq perjodu ta’ żmien qasir. ING impenjat ruħha li, fil-biċċa l-kbira tiegħu, il-finanzjament għandu jikkonsisti minn obbligazzjonijiet tal-klijenti, sakemm id-depożiti totali u l-finanzjament bl-ingrossa jikkostitwixxu mill-inqas 75% fl-ewwel sena, 80% fit-tieni sena u 85% fit-tielet sena tal-finanzjament fil-projezzjonijiet tal-każ bażi, filwaqt li l-finanzjament bl-ingrossa jrid jkun limitat għal EUR [1-4] biljun.

(185)

Barra minn hekk, sabiex tinkiseb massa kritika ta’ sehem mis-suq ta’ [2-9]%, huwa aċċettabbli li ING tiffinanzja lil NN Bank sal-ammont massimu ta’ EUR 2,7 biljun skont il-pjan kummerċjali ta’ NN Bank sal-mument tal-iżvestiment. Madankollu, sabiex tinkiseb l-indipendenza ta’ NN Bank bħala attur ġdid fis-suq bankarju bl-imnut tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-finanzjament wara l-iżvestiment jista’ biss jieħu l-forma ta’ titoli maħruġa minn NN Bank u akkwistati minn ING fit-tranżizzjonijiet skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Il-Kummissjoni tosserva b’mod pożittiv li skont dak l-impenn, ING ma tistax tinfluwenza l-istrateġija kummerċjali ta’ NN Bank billi thedded li tirtira f’daqqa l-finanzjament ta’ dan tal-aħħar, billi t-titoli jkollhom maturità minima ta’ bejn ħames snin u għaxar snin.

(186)

Il-każ kummerċjali ta’ NN Bank qiegħed jipproġetta li jiffinanzja sa EUR [2-8] biljun b’mod sostenibbli. Jekk dak il-livell jintlaħaq, dan ikun ifisser li NN Bank laħaq daqs suffiċjenti sabiex jistabbilixxi ruħu bħala attur ġdid fis-suq. Għalhekk, huwa aċċettabbli li ING mhijiex kostretta fil-produzzjoni tagħha ’lil hinn minn dak il-livell.

(187)

Il-kredibbiltà tal-istrateġija tal-awtofinanzjament ta’ NN Bank hija garantita permezz tal-azzjonijiet korrettivi previsti fl-impenji li saru mill-Pajjiżi l-Baxxi u li qegħdin jiġu mmonitorjati u implimentati fuq bażi kontinwa. Dawk l-azzjonijiet korrettivi huma mmirati biex jindirizzaw id-defiċits possibbilment ta’ awtofinanzjament, kif ukoll biex joħolqu inċentivi addizzjonali għal ING bil-għan li jiġi żgurat li jintlaħqu l-objettivi tal-finanzjament ta’ NN Bank. Il-monitoraġġ kontinwu ser jippermetti li n-nuqqasijiet jiġu identifikati b’mod f’waqtu u qabel l-iskadenza tal-iżvestiment finali.

(188)

It-tielet nett, fir-rigward tal-impatt kompetittiv ta’ NN Bank fuq is-suq bankarju bl-imnut fil-Pajjiżi l-Baxxi, li għandu jkun is-suq ewlieni li fih mistennija tkompli tkun attiva ING wara li jintemm il-proċess tar-ristrutturar, il-Kummissjoni tieħu nota pożittiva tal-fatt li ING impenjat ruħha għal figuri minimi tal-produzzjoni annwali ġdida u l-ishma mis-suq għal NN Bank kemm fil-qasam tal-ipoteki (70) kif ukoll fil-qasam tal-finanzi tal-konsumatur (71). Dak l-impenn għandu jiżgura li NN Bank jilħaq skala kritika f’dawk iż-żewġ linji kummerċjali importanti fuq in-naħa tal-assi tal-karta tal-bilanċ.

(189)

Għal darba oħra, il-kredibbiltà ta’ dawk l-impenji hija garantita mill-fatt li ING tieħu azzjoni korrettiva jekk NN Bank jonqos milli jilħaq il-miri tiegħu. Il-Kummissjoni tosserva li ING impenjat ruħha li tittrasferixxi r-relazzjonijiet ta’ klijenti individwali permezz ta’ trasferiment tal-ipoteki lil NN Bank, fejn l-ispejjeż tal-bidla għandhom jinġarru biss u kompletament minn ING. Tali mekkaniżmu jevita r-riskji ta’ implimentazzjoni ta’ kwalità baxxa, pereżempju, permezz tat-titolizzazzjoni ta’ portafoll antik li joffri xi opportunitajiet ta’ negozju għal NN Bank sabiex ikun jista’ jżid is-sehem tiegħu mis-suq.

(190)

Fir-rigward tal-ambitu tax-xelta ta’ prodotti ta’ NN Bank, il-Kummissjoni tieħu nota tal-fatt li NN Bank se jkollu attivitajiet f’ħames oqsma ta’ prodotti, jiġifieri l-ipoteki, il-finanzi tal-konsumatur, it-tfaddil, l-annwalitajiet bankarji u t-titoli bl-imnut. Il-fatt li NN Bank wessa’ l-ambitu tal-prodotti tiegħu, meta mqabbel ma’ dak previst għall-impenn ta’ WUB fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 permezz tal-iżvilupp ta’ faċilità tal-ħlas fil-forma ta’ karta ta’ kreditu, ikompli jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni tal-mudell kummerċjali u b’hekk jindirizza wieħed min-nuqqasijiet tal-mudell kummerċjali ta’ WUB, jiġifieri l-istatus tiegħu bħala monoliner tal-ipoteki.

(191)

Ċertu tħassib relatat mal-vijabbiltà li għamel l-iżvestiment ta’ WUB diffiċli (b’mod partikolari d-diskrepanza kbira fil-finanzjament) ġie indirizzat mix-xenarju Van Gogh. Il-projezzjonijiet finanzjarji attwali ta’ NN Bank jindikaw li dan jista’ jkun entità vijabbli. Fir-rigward tal-adegwatezza kapitali, il-Kummissjoni tosserva li, fuq perjodu ta’ żmien medju, is-solvenza tal-bank ser tiġi garantita permezz tal-impenn ta’ ING li tipprovdi lil NN Bank bi proporzjon minimu tal-Grad 1 ta’ 12%. Fl-istess waqt, l-offerta tal-karta ta’ kreditu ta’ NN Bank għandha tgħin ukoll sabiex tittejjeb ir-riġidità tal-kontijiet tat-tfaddil. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tosserva li NN Bank għandu jibbenifika mis-saħħa finanzjarja tal-impriża prinċipali tiegħu, jiġifieri ING Insurance Europe. Ilkoll flimkien, il-miżuri proposti mill-Pajjiżi l-Baxxi jipprovdu xenarju plawżibbli għal forza kompetittiva u vijabbli fis-suq bl-imnut tal-Pajjiżi l-Baxxi. L-impenji u b’mod partikolari l-iskattaturi u l-azzjonijiet korrettivi definiti b’mod ċar għandhom jipprovdu biżżejjed ċertezza ta’ implimentazzjoni b’suċċess. Dik il-valutazzjoni hija enfasizzata wkoll mill-osservazzjonijiet li saru minn partijiet terzi, li jtennu l-kredibbiltà tal-mudell kummerċjali ta’ NN Bank.

(192)

Il-Kummissjoni tinnota li t-tiġdid tal-projbizzjoni fuq il-price leadership fi swieq fejn is-sehem mis-suq ta’ ING huwa ta’ 5% jew aktar jikkostitwixxi miżura addizzjonali għall-indirizzar tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Dak it-tiġdid mhuwiex applikabbli fil-Pajjiżi l-Baxxi, fejn il-preservazzjoni tas-sehem mis-suq attwali ta’ ING fil-qasam tal-ipoteki tiddependi fuq is-suċċess ta’ NN Bank, permezz tal-projbizzjoni marbuta. Minkejja l-fatt li l-kummenti li saru minn Vereniging Eigen Huis mhumiex rilevanti fir-rigward tad-dubji mqajma u mressqa mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ u ma jiżvelaw ebda relazzjoni kawżali diretta bejn il-projbizzjoni fuq il-price leadership għal ING u l-imġiba tas-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-qasam tal-ipoteki, fi kwalunkwe każ, dawn kellhom jiġu indirizzati mill-ambitu mnaqqas tal-projbizzjoni fuq il-price leadership.

(193)

Is-salvagwardji tal-imġiba mġedda jinnewtralizzaw ukoll id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-fatt li l-proċess tal-iżvestiment ġarrab dewmien. Din il-mitigazzjoni hija konformi mal-prattika tal-Kummissjoni f’każijiet riċenti oħrajn. (72)

(194)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-emenda tal-impenn ta’ WUB flimkien mat-tiġdid tal-projbizzjoni fuq il-price leadership u tal-projbizzjoni fuq l-akkwist ma jikkontestawx il-konklużjoni tagħha fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 illi hemm biżżejjed miżuri li jillimitaw id-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(195)

Wara li kkunsidrat il-bilanċ tal-miżuri, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-impenji l-ġodda huma biżżejjed sabiex itaffu d-dubji espressi mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ fir-rigward tad-distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni, kif ukoll sabiex jiżguraw il-kompatibbiltà tal-għajnuna għar-ristrutturar.

Konklużjoni

(196)

Bħala konklużjoni, l-impenji emendati flimkien mal-ħlas lura ta’ EUR 4,5 biljun abbażi ta’ skeda fissa ta’ ħlas lura jagħmlu l-valutazzjoni tal-kompatibbiltà konformi mad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 sakemm ikunu disposti li jiżguraw ir-riġenerazzjoni tal-vijabbiltà, il-kondiviżjoni tal-piżijiet u jindirizzaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. L-emenda proposta tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012, fuq il-bażi tal-impenji l-ġodda, tkompli tiżgura l-kompatibbiltà tal-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni u tal-għajnuna għar-ristrutturar mogħtija mill-Pajjiżi l-Baxxi lil ING. Abbażi ta’ dan, id-dubji mqajma mill-Kummissjoni fid-Deċiżjoni tal-Ftuħ ittaffew,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-injezzjoni ta' kapital ta’ EUR 10 biljun sottoskritta mill-Pajjiżi l-Baxxi fit-22 ta’ Ottubru 2008 qiegħda tkompli tkun kompatibbli mas-suq intern, fid-dawl tal-impenji msemmija fl-Anness I.

Artikolu 2

L-għajnuna mill-Istat imsemmija fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 2012 fil-każ SA.28855 (N 373/2009) (ex C 10/2009 u ex N528/2008) qiegħda tkompli tkun kompatibbli mas-suq intern, fid-dawl tal-impenji msemmija fl-Anness I.

L-impenji msemmija fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 2012 fil-każ SA.28855 (N 373/2009) (ex C 10/2009 u ex N528/2008) huma mibdula bl-impenji msemmija fl-Anness I.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

Magħmula fi Brussell, is-16 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Joaquín ALMUNIA

Viċi President


(1)   ĠU C 262, 30.8.2012, p. 34.

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Kawża N528/2008, ĠU C 328, 23.12.2008, p. 10.

(3)  Ara l-Premessa (32) tad-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ.

(4)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni C 10/09 (ex N 138/09), ĠU L 274, 19.10.2010, p. 139.

(5)  ING Direct hija segment kummerċjali ta’ ING li joffri firxa ta’ prodotti finanzjarji mhux kumplessi – tfaddil, ipoteki, prodotti ta’ investiment bl-imnut, kontijiet tal-pagamenti u prodotti ta’ self għall-konsumaturi – primarjament permezz ta’ mezzi diretti (fuq is-sit elettroniku tagħha). Hija topera fil-pajjiżi li ġejjin: il-Kanada, Spanja, l-Awstralja, Franza, l-Italja, il-Ġermanja, l-Awstrija u r-Renju Unit.

(6)  Ara l-Premessi (53), (84), (128) u (150) tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009.

(7)  Kawżi konġunti T-29/10 u T-33/10 Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u oħrajn vs il-Kummissjoni, sentenza tat-2 ta’ Marzu 2012, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra.

(8)  Fil-11 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni ressqet appell – taħt il-każ numru C-224/12 P kontra s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Marzu 2012 fil-Kawżi Konġunti T-29/10 u T-33/10 Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep vs il-Kummissjoni.

(9)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA.28855 (ex N373/2009, ex C10/2009, ex N528/2008), ĠU C 260, 29.8.2012, p. 1.

(10)  Fil-ftehim oriġinali għall-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni nnotifikata lill-Kummissjoni fit-22 ta’ Ottubru 2008, ING setgħet tħallas lura biss it-titoli ta’ CT1 fl-ewwel tliet snin wara l-ħruġ tagħhom b’perċentwal ta’ 150% tal-prezz tal-ħruġ tagħhom. Dawk il-kondizzjonijiet ġew emendati f’Ottubru 2009 u ppermettew lil ING tħallas lura b’termini aktar favorevoli, jiġifieri 100% + l-imgħax dovut + penali fuq il-ħlas lura li jiddependi fuq il-prezz tas-sehem ta’ ING iżda b’rata interna ta’ redditu ("IRR") minima għall-Istat ta’ 15% fis-sena. Aktar dettalji jistgħu jinstabu fil-Premessi (45) sa (61) tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar 2012.

(11)  L-Anness għad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 huwa identiku għall-Anness II tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009.

(12)   ĠU C 262, 30.8.2012, p. 34.

(13)  ING Insurance hija d-diviżjoni tal-assigurazzjoni ta’ ING, li hija deskritta f’aktar dettall fil-Premessa (21).

(14)  Ara l-Premessi (52) sa (78) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(15)  Huwa għandu jieħu post ukoll, jekk ikun hemm il-ħtieġa, l-impenji fl-Anness II għad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009. Sakemm it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009 u l-Anness II għal dik id-Deċiżjoni jitqiesu mill-Qrati tal-Unjoni bħala validi, il-valutazzjoni u, b’hekk, l-approvazzjoni bbażata fuq l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-Anness tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 ma jibqgħux effettivi.

(16)  Il-Premessa (77) u l-Anness tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012 jiddeskrivu l-impenn meħud minn ING u mill-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-iżvestiment tal-attivitajiet kollha tal-assigurazzjoni ta’ ING.

(17)  Fl-ewwel sessjoni, ING ħadmet b'lista qasira ta’ 24 parti. Fit-tieni sessjoni, hija ħadmet b'lista ta’ 16-il parti, li kompliet tiżdied bi tliet ismijiet addizzjonali fuq talba tal-fiduċjarju.

(18)  Deskrizzjoni dettaljata tan-nuqqas ta’ implimentazzjoni tal-impenn ta’ WUB hija mogħtija fil-Premessi (39) sa (78) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(19)  EurAsia Insurance tirreferi għan-negozju Ewropew u Asjatiku ta’ ING Insurance.

(20)  Solvenza II tirreferi għad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II) – riformulazzjoni ta’ diversi direttivi – li x’aktarx tkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2014. B’mod partikolari, hija għandha tiddefinixxi mill-ġdid ir-rekwiżiti kapitali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni.

(*1)  Informazzjoni kunfidenzjali.

(21)  VA jirrappreżentaw 27% tal-karta tal-bilanċ ta’ ING Insurance US mill-aħħar tal-2011. L-attivitajiet ta’ VA twaqqfu u bħalissa qegħdin jiġu operati minn ING bħala 'Ktieb Magħluq'.

(22)  Deskrizzjoni dettaljata tal-ilment hija mogħtija fil-Premessi (79) sa (90) tad-Deċiżjoni tal-Ftuħ.

(23)  Basel III huwa sett ta’ miżuri ta’ riforma, żviluppat mill-Kumitat ta’ Basel dwar is-Sorveljanza Bankarja, bil-għan li jsaħħaħ ir-regolamentazzjoni, is-superviżjoni u l-ġestjoni tar-riskji fis-settur bankarju.

(24)  Mingħajr ma jittieħdu f’kunsiderazzjoni, pereżempju, iż-żidiet kapitali jew l-introjtu mill-iżvestimenti.

(25)  Għal aktar informazzjoni dwar il-kumpanija, ara l-Premessa 21 ta’ din id-Deċiżjoni

(26)  B’kooperazzjoni ma’ DNB, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Kummissjoni u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

(27)  Is-sottomissjoni tal-11 ta’ Lulju 2012 indikat li l-portafoll ittrasferit għall-ewwel mistenni jkun ta’ EUR 2,6 biljun.

(28)  Imkejla mid-data tat-tnedija ta’ NN Bank, jiġifieri mill-mument meta tibda topera l-istruttura deskritta ta’ NN Bank.

(29)  Inklużi s-sussidjarji ta’ ING Bank.

(30)  Id-daqs sejjer jiddependi fuq il-ħtieġa li jintlaħqu l-ishma mis-suq stabbiliti fil-Premessa 79; l-għażla tal-portafoll ta’ ING bi probabbiltajiet tal-inadempjenza (PDs) u t-telf fil-każ ta’ inadempjenza (LGDs) li għandhom ikunu konformi mal-pjan kummerċjali ta’ NN Bank.

(31)  Fil-perjodu tranżitorju sat-tnedija tax-xenarju Van Gogh (sakemm tibda topera l-istruttura deskritta ta’ NN Bank), WUB u NN Bank ser jibdew jibnu kapaċitajiet ta’ produzzjoni ta’ finanzjament għall-konsumaturi mill-aktar fis possibbli. Fid-dawl ta’ dak il-perjodu tranżitorju, ING timpenja ruħha għal produzzjoni tas-suq bi prorata bejn it-tnedija tax-xenarju Van Gogh u l-31 ta’ Diċembru 2013. Kwalunkwe nuqqas fil-produzzjoni fis-sena rilevanti għandu jiġi kkumpensat fis-snin konsekuttivi bil-għan li jintlaħqu l-projezzjonijiet tal-każ kummerċjali.

(32)  Dak il-portafoll tal-klijenti rigward is-self lill-konsumaturi ta’ ING Bank Netherlands huwa portafoll proprjetà ta’ ING Bank.

(33)  Id-daqs sejjer jiddependi fuq il-ħtieġa li jintlaħqu l-ishma mis-suq stabbiliti fil-Premessa 80; l-għażla tal-portafoll ta’ ING bi probabbiltajiet tal-inadempjenza (PDs) u telf fil-każ ta’ inadempjenza (LGDs) għandha tkun konformi mal-pjan kummerċjali ta’ NN Bank.

(34)  Il-Kadaster huwa r-reġistru pubbliku tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-artijiet.

(35)  Minbarra l-finanzjament minn ING (jew minn kwalunkwe wieħed mis-sussidjarji diretti jew indiretti tagħha).

(36)  Primarjament inċentivi promozzjonali […] u […], u sa ċertu punt, metodi oħrajn ta’ kummerċjalizzazzjoni. Jekk il-miżuri ma jikkonsistux primarjament minn inċentivi promozzjonali […] jew […], dawn għandhom jiġu approvati mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ u jistgħu jiġu rrifjutati mill-Kummissjoni.

(37)  ING sejra tippreżenta mill-inqas EUR […] biljun tat-tnaqqis mill-karta tal-bilanċ totali (ta’ 45%) fil-forma ta’ żvestimenti (skont il-pjan ta’ ristrutturar tat-22 ta’ Ottubru 2009).

(38)  It-tnaqqis tal-annwalitajiet varjabbli tal-Istati Uniti u l-Prodotti Finanzjarji jistgħu jitqiesu bħala żvestiment, sakemm l-implimentazzjoni tat-tnaqqis tkun konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fl-Anness II.

(39)  Fi kliem ieħor, minbarra l-ipoteki, billi dawn mhumiex meqjusa bħala espożizzjoni diretta għall-beni immobbli.

(40)  50% jitkejlu f’termini ta’ ishma ta’ 50% u 1 u telf tal-maġġoranza fil-bord u d-dekonsolidazzjoni tal-kontabilità tal-entità.

(41)  Rapport ta’ progress dwar il-verżjoni finali tal-pjan ta’ ristrutturar ta’ ING tad-19 ta’ Ġunju 2012.

(42)  Ir-run-offs tal-Istati Uniti (jiġifieri l-Annwalitajiet Varjabbli u n-negozju tal-Prodotti Finanzjarji) jikkwalifikaw bħala żvestimenti proforma. Dawk ir-run-offs imkejla permezz tal-kejl tal-kapital tal-ekwità allokat (ibbażat fuq id-dejta tas-sena finanzjarja 2011), flimkien ma’ żvestiment ta’ mill-inqas 25% tal-interessi f’ING Insurance US, jirriżultaw fi żvestiment ta’ aktar minn 50% (proforma) qabel il-31 ta’ Diċembru 2014.

(43)  Għal Insurance US, il-kriterju tal-iżvestiment ta’ 50%+ għandu jintlaħaq hekk kif ING tkun żvestiet mill-inqas 25% ta’ dak in-negozju u wara li tkun ħadet f’kunsiderazzjoni żvestiment proforma tan-negozji run-off tal-Istati Uniti (permezz tal-kapital tal-ekwità allokat skont id-dejta tas-sena finanzjarja 2011).

(44)  B’ "mingħajr ebda dewmien żejjed" nifhmu li ING taġġusta l-prezz tagħha fi żmien [0-20] ġurnata tax-xogħol, jekk hija tkun permessa li tagħmel dan fuq il-bażi tar-regoli legali u regolatorji (lokali).

(45)  "Istituzzjoni finanzjarja" hija definita bħala l-kumpaniji kollha fi ħdan grupp. Għaldaqstant, huma inklużi wkoll il-marki sekondarji u s-sussidjarji.

(46)  Jekk ING Direct mhijiex mal-aqwa għaxra hija stess, hija xorta tista’ titqabbel mal-(akbar) għaxar parteċipanti fis-suq. Jekk ING Direct hija fost l-aqwa għaxar parteċipanti fis-suq, it-tqabbil għandu jsir fil-konfront tal-akbar disa’ parteċipanti l-oħrajn fis-suq. Dan tal-aħħar ma japplikax għal ING Direct Austria, li dejjem tista’ tqabbel lilha nnifisha mal-(akbar) għaxar parteċipanti l-oħrajn fis-suq.

(47)  B’ "mingħajr ebda dewmien żejjed" nifhmu li ING taġġusta l-prezz tagħha fi żmien [0-20] ġurnata tax-xogħol, jekk hija tkun permessa li tagħmel dan fuq il-bażi tar-regoli legali u regolatorji (lokali).

(48)  Ara l-Premessa 124.

(49)  Fi kliem ieħor, il-fergħat jew is-sussidjarji kollha ta’ ING li mhumiex parti minn ING Direct u li għandhom sehem mis-suq ta’ aktar minn 5%.

(50)  Għal Insurance US, il-kriterju tal-iżvestiment ta’ 50%+ jintlaħaq hekk kif ING tkun żvestiet 25% ta’ dak in-negozju u wara li tkun ħadet f’kunsiderazzjoni żvestiment proforma tan-negozji run-off (permezz tal-kapital tal-ekwità allokat skont id-dejta tas-sena finanzjarja 2011).

(51)  L-IRR tkun ogħla minħabba li l-ammont totali tal-ħlas lura ma jonqosx, filwaqt li ż-żmien tal-ħlas lura javvanza, li għalhekk iwassal sabiex jonqos il-perjodu ta’ żmien li matulu tiġi kkalkolata l-IRR.

(52)  Dan japplika għall-Anness tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar u, jekk tinħass il-ħtieġa, sakemm it-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009 u l-Anness II għal dik id-deċiżjoni jitqiesu bħala validi mill-Qrati tal-Unjoni, anki għall-impenji fl-Anness tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2009.

(53)  Konverżjoni tiggarantixxi għall-Pajjiżi l-Baxxi ħlas lura mill-inqas fil-valur nominali, li l-Pajjiżi l-Baxxi jistgħu jiksbu f’każ ta’ konverżjoni skont il-kundizzjonijiet approvati fid-Deċiżjoni dwar is-Salvataġġ.

(54)  L-istess approċċ ġie adottat fid-Deċiżjoni dwar il-każ SA.34539 Commerzbank ĠU C 177, 20.6.2012, p. 20 Premessa (25).

(55)  Fil-każ SA.29833 KBC ĠU C 135, 9.5.2012, p. 5 Premessi 74 sa 83, il-Kummissjoni evalwat mill-ġdid l-għajnuna għar-ristrutturar ta’ KBC fid-dawl tar-rekwiżiti tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, ĠU C 195,19.8.2009, p. 9, (il-“Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar”) minħabba li l-modifiki għall-pjan tar-ristrutturar taw lok għal għajnuna addizzjonali mill-Istat.

(56)  Il-Premessa (180) tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar.

(57)  ara l-Premessa 71

(58)  ara l-Premessa 70

(59)  Għalkemm id-dejta ma ntużatx fl-istudju ta’ RBB Economics (ara l-Premessa (16)), li kien ibbażat fuq informazzjoni aktar aggregata dwar is-suq, huwa preżunt li t-tħassib espress fl-istudju ta’ RBB Economics seta’ jinbidel fid-dawl ta’ dik l-informazzjoni aktar dettaljata. Id-dejta dettaljata dwar id-dinamika tas-suq ma kkontestatx ir-rilevanza tad-definizzjoni tas-suq użata fid-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment mingħand partijiet terzi għad-Deċiżjoni tal-Ftuħ rigward ir-rilevanza tad-definizzjoni tas-suq.

(60)  ara l-Premessa 18.

(61)  N372/2009 AEGON ĠU C 290, 27.10.2010 p.1 u SA.33303 SNS REAAL ĠU C 33, 7.2.2012, p.5

(62)  Oriġinarjament [15-25] %, ara l-Premessa (97) tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012. Fil-premessa (189) tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012, il-Kummissjoni diġà aċċettat tnaqqis ta’ 15% għal IRR bħala rimunerazzjoni adegwata għall-finijiet tal-analiżi tal-kompatibbiltà tagħha.

(63)  SA.33303 SNS REAAL ĠU C 33, 7.2.2012, p.5, SA.29833 KBC ĠU C135, 09.05.2012, p.5.

(64)  Ara l-Premessa (192) tad-Deċiżjoni dwar ir-Ristrutturar tal-2012.

(65)  Għalkemm ċerti tranżazzjonijiet li saru kienu ta’ daqs iżgħar minn ING Insurance. Pereżempju, l-IPO ta’ Talanx; l-akkwist ta’ JEVCO minn Intact Financial Corporation (b’daqs tat-tranżazzjoni ta’ USD 530 miljun, price to book 1.3, Mejju 2012); l-akkwist ta’ Old Mutual Skandinavia minn Skandia LifeSkandia AB (b’daqs tat-tranżazzjoni ta’ EUR 2 496 miljun, price to book 1.7, Diċembru 2011); l-akkwist ta’ AXA Canada minn Intact Financial Corporation (b’daqs tat-tranżazzjoni ta’ USD 2 665 miljun, price to book 1.8, Mejju 2011; l-akkwist ta’ Tower Australia minn Dai Ichi Life (b’daqs tat-tranżazzjoni ta’ USD 1 432 miljun, price to book 1.94, Diċembru 2010).

(66)  Ara l-Premessa 28.

(67)  Fl-aħħar nett, iż-żamma għandha tkun temporanja biss minħabba li ING qiegħda timpenja ruħha li tbigħ in-negozju ta’ VA […]. Il-monitoraġġ ta’ dak l-impenn jinkludi investigazzjonijiet perjodiċi tas-suq sabiex jiġi aċċertat li t-tiġdid tal-iskadenza għall-iżvestiment permezz tat-tibdil fil-modalitajiet tal-iżvestiment rigward il-portafoll ta’ VA jkun limitat għall-minimu meħtieġ.

(68)  Il-punt 34 tal-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar jinnota li r-rimunerazzjoni adegwata hija waħda mill-aktar limitazzjonijiet xierqa għad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, billi hija tillimita l-ammont ta’ għajnuna.

(69)  Ara l-Figura 1 fil-Premessa 77

(70)  EUR [1.5-6] biljun rispettivament [2-9]% bħala medja matul il-perjodu 2013-2015, ara l-Premessa 79.

(71)  EUR [40-140] miljun rispettivament [0.5-6]% sal-2015, ara l-Premessa 80.

(72)  Id-Deċiżjoni fil-każ SA.34539 Commerzbank, ĠU C 177 tal-20 ta’ Ġunju 2012, p.20 u d-Deċiżjoni fil-każ SA.29833 KBC ĠU C 135 tad-9 ta’ Mejju 2012, p.5.


ANNESS I

KATALOGU TAL-IMPENJI

a)   Ħlas lura tal-bqija tat-Titoli Ewlenin tal-Grad 1;

—

ING ser tħallas lura t-300 000 000 Titolu Ewlieni tal-Grad 1 li jifdal lill-Pajjiżi l-Baxxi skont l-iskeda li ġejja: (i) EUR 1 125 miljun sas-26 ta’ Novembru 2012, (ii) EUR 1 125 miljun sas-6 ta’ Novembru 2013, (iii) EUR 1 125 miljun sal-31 ta’ Marzu 2014 u (iv) EUR 1 125 miljun sal-15 ta’ Mejju 2015 kif spjegat f’aktar dettall fl-iskeda ta’ hawn taħt.

Image 2

Skeda ta' ħlas lura

(EUR biljun)

primjum ta' 50 % imgħax dovut

rikkwist

ħlas lura b'valuri pari malkonverżjoni

Sabiex iġġib il-ħlas totali eżattament għal EUR 4,5 biljun, għal parti żgħira ħafna, ING ser ikollha bżonn teżerċita l-għażla ta’ konverżjoni tat-titoli ta’ CT1, minħabba li r-riakkwist b’perċentwal ta’ 150% jiskatta imgħax dovut jekk ma jsirx sat-13 ta’ Mejju ta’ kull sena. F’każ ta’ (tali) konverżjoni (kif deskritta wkoll f’dan l-impenn hawn taħt), l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi sejjer jagħżel li jifdi l-flus kontanti b’valuri pari.

—

Dawk il-ħlasijiet lura ser isiru b’mod predominanti permezz tar-riakkwist tat-Titoli mill-Pajjiżi l-Baxxi u permezz tal-ħlas tal-primjum relatat ta’ 50%. L-iskeda msemmija fuq twassal għal ħlas lura totali ta’ EUR 4,5 biljun, li jittraduċi f’rata interna ta’ redditu (IRR) globali preċiża ta’ 12,5%, li huwa ’l fuq mir-redditu globali ta’ mill-inqas 10% imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Novembru 2008. ING ser tuża l-għażla ta’ konverżjoni tagħha biss sakemm jiġu skattati l-ħlasijiet b’kupun u/jew sakemm ikun pagabbli l-imgħax dovut, b’tali mod li l-qligħ ikun ugwali għal total ta’ EUR 4,5 biljun. F’każ bħal dan, il-ħlasijiet b’kupun u/jew il-ħlasijiet tal-imgħax dovut li jwasslu għal qligħ ogħla mit-total ta’ EUR 4,5 biljun jitnaqqsu effettivament minn, jew kif jista’ jkun il-każ, jiġu kkreditati kontra l-ħlas tal-primjum ta’ 50%. Il-ħlas lura totali jista’ jinġieb għal EUR 4,5 biljun permezz ta’ konverżjoni - prorata - ta’ parti mit-titoli li jifdal minflok permezz tar-riakkwist tagħhom. Il-ħlasijiet kollha li jifdal (nozzjonali, primjum, kupuni u/jew imgħax dovut) jammontaw għal total ta’ EUR 4,5 biljun.

—

Il-ħlasijiet lura proprji tas-segmenti fl-iskeda msemmija fuq huma kundizzjonali fuq l-approvazzjoni tal-Bank Ċentrali Olandiż (DNB).

—

Hija l-ambizzjoni ta’ ING li tħallas lura lill-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi mill-aktar fis possibbli u ING se tħaffef il-ħlasijiet jekk dan ikun prudenti skont iċ-ċirkostanzi finanzjarji prevalenti. Jekk ING tħaffef il-ħlasijiet, dan konsegwentement iwassal għal IRR ogħla minn 12,5%.

—

Jekk segment ta’ ħlas lura ma jkunx jista’ jsir kompletament jew parzjalment, ING ser tagħmel tajjeb għal dan permezz ta’ żieda korrispondenti fis-segment sussegwenti. L-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi jimpenja ruħu li jinnotifika l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni Ewlenija tal-Grad 1 mill-ġdid f’każ li ING tonqos milli tħallas kompletament f’żewġ ħlasijiet parzjali konsekuttivi.

—

Jekk ING tonqos milli tħallas lura ammont totali ta’ EUR 4,5 biljun sal-15 ta’ Mejju 2015 kif indikat fl-iskeda, l-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi jimpenja ruħu li jinnotifika l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni Ewlenija tal-Grad 1 mill-ġdid.

b)   Impenji fir-rigward tat-tnaqqis tal-karta tal-bilanċ ta’ ING;

—

ING qiegħda tkompli tnaqqas il-karta tal-bilanċ tagħha b’madwar 45%, meta mqabbla maċ-ċifri tat-tielet kwart tal-2008 permezz tal-iżvestimenti (1) jew ta’ miżuri oħrajn li huma mmirati biex inaqqsu d-daqs tal-karta tal-bilanċ (bħal tnaqqis tal-portafolli) (2) sal-31 ta’ Diċembru 2015. It-tnaqqis impenjat fil-karta tal-bilanċ huwa bbażat fuq id-dejta tat-tielet kwart tal-2008 u ma jikkunsidrax l-impatt possibbli tat-tkabbir organiku, il-bidliet fir-rati tal-kambju, il-bidliet fir-rati tal-imgħax jew iż-żidiet addizzjonali minħabba rekwiżiti regolatorji ġodda potenzjali, bħal pereżempju jekk il-banek jintalbu jżommu riżervi ta’ likwidità ferm akbar minħabba r-regolamenti ġodda mifruxa madwar l-Unjoni kollha.

—

ING mhux ser ikollha restrizzjoni fuq it-tkabbir organiku (fi kliem ieħor, li mhuwiex relatat mal-akkwisti) tal-karta tal-bilanċ tan-negozji tagħha. ING ser tkompli tħaddan politika ġenerali biex tuża t-tkabbir tagħha f’fondi fdati mill-klijenti, l-aktar sabiex tikber fis-self lill-ekonomija reali (kumpaniji u konsumaturi) u tkompli tnaqqas l-espożizzjoni tagħha għal klassijiet ta’ assi ta’ riskji ogħla fi ħdan is-CMBS u l-RMBS. Hija mhijiex ser tibda inizjattivi ġodda li jżidu l-espożizzjoni diretta tagħha għall-proprjetà immobbli (3), b’konformità mal-politika ġenerali ta’ ING dwar it-tnaqqis tar-riskji.

—

ING timpenja ruħha li tiżvesti aktar minn 50% tal-operazzjonijiet ta’ ING Insurance/Investment Management (IM) Asia qabel il-31 ta’ Diċembru 2013, aktar minn 50% tal-operazzjonijiet ta’ ING Insurance/IM US qabel il-31 ta’ Diċembru 2014 u aktar minn 50% tal-operazzjonijiet ta’ ING Insurance/IM Europe qabel il-31 ta’ Diċembru 2015, (4) minbarra l-attivitajiet tal-entitajiet/tan-negozji li ING diġà żvestiet, poġġiet f’ġestjoni estintiva jew ikkompletat u li huma elenkati fil-Premessa 77 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2012 u fl-aħħar rapport ta’ progress biannwali (5). Barra minn hekk, għan-negozju tal-Assigurazzjoni/IM tal-Istati Uniti, ING timpenja ruħha li tiżvesti mill-inqas 25% tan-negozju qabel il-31 ta’ Diċembru 2013. (6)

—

Il-kontroll tal-iżvestiment ta’ aktar minn 50% tal-interessi ta’ ING (imkejjel f’ishma) f’negozju jikkwalifika bħala li jissodisfa r-rekwiżit tal-iżvestiment. F’każ bħal dan, ING titlef il-maġġoranza fil-bord u tneħħi l-konsolidazzjoni tan-negozju (skont ir-regoli dwar il-kontabilità tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju). ING sejra tiżvesti l-bqija tal-interessi tagħha fi (i) ING Insurance/IM Europe qabel il-31 ta’ Diċembru 2018, (ii) ING Insurance/IM US qabel il-31 ta’ Diċembru 2016 u (iii) ING Insurance/IM Asia qabel il-31 ta’ Diċembru 2016.

ċ)   Barra minn hekk, il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li ING taderixxi ma’ projbizzjoni fuq l-akkwist:

—

ING toqgħod lura minn akkwisti ta’ istituzzjonijiet finanzjarji għal perjodu ta’ żmien addizzjonali. Barra minn hekk, ING toqgħod lura wkoll, għall-istess perjodu, minn kwalunkwe akkwist ieħor ta’ negozji li jista’ jtawwal il-ħlas lura tat-Titoli ta’ CT 1 lill-Pajjiżi l-Baxxi. Il-projbizzjoni fuq l-akkwist tapplika sat-18 ta’ Novembru 2015 jew sad-data li fiha ġew żvestiti aktar minn 50% tal-operazzjonijiet tal-Assigurazzjoni/IM fl-Asja, 50% tal-operazzjonijiet tal-Assigurazzjoni/IM fl-Istati Uniti u 50% tal-operazzjonijiet tal-Assigurazzjoni/IM fl-Ewropa, skont liema data tiġi l-ewwel. (7)

—

Minkejja dik il-projbizzjoni, ING tista’, wara li tikseb l-approvazzjoni tal-Kummissjoni, takkwista negozji, b’mod partikolari jekk dan ikun essenzjali sabiex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja jew il-kompetizzjoni fis-swieq rilevanti.

d)   Barra minn hekk, il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li ING taderixxi ma’ projbizzjoni fuq il-price leadership:

ING EU (negozji mhux relatati ma’ ING Direct) > sehem mis-suq ta’ 5%

—

Ma hija ser tapplika ebda projbizzjoni fuq il-price leadership għall-Pajjiżi l-Baxxi (ipoteki, tfaddil, depożiti tal-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), servizzi bankarji privati, eċċ.). Għal negozji oħrajn li mhumiex relatati ma’ ING Direct u li huma bbażati fl-UE b’sehem mis-suq ta’ aktar minn 5%, għandhom japplikaw dawn li ġejjin.

—

Mingħajr ebda awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, ING ma għandhiex toffri prezzijiet aktar favorevoli fuq prodotti standardizzati ta’ ING (fis-swieq definiti hawn taħt) minn dawk tal-aqwa tliet kompetituri diretti tagħha bl-aħjar prezzijiet fir-rigward tas-swieq tal-UE fejn ING għandha sehem mis-suq ta’ aktar minn 5%. Dan ifisser li ING tista’ toffri l-aħjar prezz waqt li jkun hemm mill-inqas tliet prodotti fis-suq bi prezz aħjar.

—

Dak l-impenn huwa limitat għall-prodotti standardizzati ta’ ING fis-swieq tal-prodotti li ġejjin: (i) is-suq tat-tfaddil bl-imnut, (ii) is-suq tal-ipoteki bl-imnut, (iii) is-settur bankarju privat sakemm dan ikun jinvolvi prodotti ta’ ipoteki jew prodotti ta’ tfaddil jew (iv) id-depożiti għall-SMEs (fejn SME hija definita skont id-definizzjoni ta’ SME kif użata normalment jew bħalissa minn ING fin-negozju tagħha fil-pajjiż rilevanti). Hekk kif ING issir konxja tal-fatt li hija toffri prezzijiet aktar favorevoli għall-prodotti tagħha mill-aqwa tliet kompetituri diretti tagħha bl-aħjar prezzijiet, ING taġġusta l-prezz tagħha, mill-aktar fis possibbli u mingħajr ebda dewmien żejjed - fi żmien [0-20] ġurnata tax-xogħol jekk dan ikun permess fuq il-bażi ta’ regoli legali u regolatorji (lokali) - għal livell li jkun konformi ma’ dan l-impenn. Fil-mument li ING tiffissa l-prezzijiet tagħha, hija tevalwa jekk tali prezzijiet ikunux konformi mar-restrizzjonijiet fuq il-price leadership. Bil-għan li tnaqqas il-kunflitti bejn il-projbizzjoni fuq il-price leadership u r-restrizzjonijiet legali u regolatorji fuq l-aġġustament tal-prezzijiet, ING għandha tillimita l-validità tal-offerti fis-suq tagħha għal massimu ta’ tliet xhur.

ING Direct EU

—

Barra minn hekk, bil-għan li tappoġġja l-vijabbiltà fit-tul ta’ ING, ING Direct toqgħod lura, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-Kummissjoni, milli toffri prezz aktar favorevoli minn dak tal-kompetitur dirett tagħha bl-aqwa prezz (fost l-għaxar istituzzjonijiet finanzjarji bl-akbar sehem mis-suq fis-suq tal-prodott rilevanti) (8) fir-rigward tal-prodotti standardizzati ta’ ING fis-swieq tal-ipoteki bl-imnut u tat-tfaddil bl-imnut fi ħdan l-UE. Dan ifisser li ING tista’ toffri l-aħjar prezz waqt li jkun hemm mill-inqas prodott wieħed fis-suq bi prezz aħjar. Istituzzjoni finanzjarja tiġi definita bħall-kumpaniji kollha fi ħdan grupp (pereżempju; il-marki sekondarji u s-sussidjarji jiġu inklużi). Il-prezzijiet kollha offruti minn istituzzjoni finanzjarja bħal din (inklużi l-prezzijiet ta’ marki sekondarji u sussidjarji) jistgħu jintużaw għal valutazzjoni komparattiva.

—

Hekk kif ING Direct issir konxja tal-fatt li hija saret il-price leader fis-swieq tal-ipoteki bl-imnut jew tat-tfaddil bl-imnut fi ħdan l-UE, ING Direct taġġusta l-prezz tagħha f’livell li jkun konformi ma’ dak l-impenn mill-aktar fis possibbli u mingħajr ebda dewmien żejjed - fi żmien [0-20] ġurnata tax-xogħol jekk dan ikun permess fuq il-bażi ta’ regoli legali u regolatorji (lokali). Fil-mument li ING Direct tiffissa l-prezzijiet tagħha, hija għandha tevalwa jekk dawn humiex konformi mar-restrizzjonijiet. Bil-għan li tnaqqas il-kunflitti bejn il-projbizzjoni fuq il-price leadership u r-restrizzjonijiet legali u regolatorji għall-aġġustament tal-prezzijiet, ING Direct tillimita l-validità tal-offerti fis-suq tagħha għal massimu ta’ tliet xhur.

—

F’każ li n-numru tal-prezzijiet fil-punt ta’ riferiment ibbażat fuq l-aħjar rata minn kull waħda mill-aqwa għaxar istituzzjonijiet finanzjarji jkun inqas minn għaxra, tintuża l-11, it-12, it-13 eċċ. l-akbar istituzzjoni finanzjarja sakemm jinstabu għaxar prezzijiet minn istituzzjonijiet finanzjarji differenti.

—

Għal kull pajjiż u grupp ta’ prodotti, intlaħaq qbil fuq lista stabbilita minn qabel tal-aqwa għaxar Istituzzjonijiet Finanzjarji (li hija inkluża f’dokument separat li ntlaħaq qbil dwaru mal-Kummissjoni u li sejjer ikun il-bażi għall-monitoraġġ) u li ser tintuża sat-30 ta’ Ġunju 2013 u tiġi aġġornata perjodikament. Fit-tieni kwart tal-2013, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ta’ PLB ser jirrevedi l-lista u jipproponi l-bidliet li jistgħu jkunu meħtieġa.

Għal Spanja, Franza u l-Italja ntlaħqu ftehimiet speċifiċi ta’ valutazzjoni komparattiva. Fil-każ speċifiku tal-Italja (rata ewlenija), ING qiegħda timpenja ruħha għal prezz aktar baxx mir-rata ewlenija numru 1 fl-Italja mqabbel mas-suq sħiħ tat-tfaddil (minbarra tliet swieq speċjalizzati: […]). Il-parteċipanti ġodda fis-suq sejrin jiġu evalwati mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ta’ PLB. Il-punt ta’ riferiment għar-rati promozzjonali tat-tfaddil varjabbli fl-Italja huwa bbażat fuq l-aqwa għaxar Istituzzjonijiet Finanzjarji. Għal kull istituzzjoni finanzjarja, ser tittieħed f’kunsiderazzjoni l-ogħla rata promozzjonali tat-tfaddil varjabbli. Jekk l-istituzzjoni finanzjarja ma toffrix rata promozzjonali tat-tfaddil varjabbli, tiġi kkunsidrata l-ogħla offerta ta’ depożitu b’terminu fiss ta’ [1-12-il] xahar. Madankollu, jekk ikun hemm aktar minn [2-6] minn fost l-aqwa għaxar Istituzzjonijiet Finanzjarji li joffru rata promozzjonali tat-tfaddil varjabbli, l-abbiltà li jiġu inklużi depożiti b’terminu fiss ta’ [1-12-il] xahar ma tibqax valida. ING timpenja ruħha għal prezz aktar baxx mill-aqwa offerta f’dik il-lista tal-punt ta’ riferiment. Id-dettalji dwar l-eċċezzjonijiet u kjarifiki oħrajn huma inklużi f’dokument separat li ntlaħaq qbil dwaru mal-Kummissjoni għall-monitoraġġ.

Ġenerali

—

Barra minn hekk, ING mhijiex ser toffri inċentivi għall-akkwist (pereżempju; bonusijiet ta’ flus) li jitħallsu sabiex jinfetaħ kont tat-tfaddil u li, flimkien mar-rata tal-imgħax offruta, huma aktar favorevoli mill-ogħla kombinazzjoni ta’ rata tal-imgħax u inċentiv għall-akkwist fis-suq tat-tfaddil. Barra minn hekk, meta jiġu offruti ġabra ta’ prodotti (inkluż kont tat-tfaddil), kwalunkwe kombinazzjoni ta’ rati tal-imgħax u inċentivi għall-akkwist għal tali ġabra ma tkunx ogħla mill-ogħla kombinazzjoni ta’ rati tal-imgħax u inċentivi għall-akkwist fis-suq tat-tfaddil jew għal ġabra simili. Ġabra tinkludi l-ipprezzar tal-prodott innifsu. Sabiex jiġi kkalkolat il-valur ikkombinat tal-offerta, l-inċentiv għall-akkwist jiġi skontat bl-ewwel depożitu medju ta’ ING għall-kampanja fuq bażi ta’ tnax-il xahar, li jirriżulta f’rata tal-imgħax ikkombinata effettiva. Għal ING EU ((negozji mhux relatati ma’ ING Direct) > b’sehem mis-suq ta’ 5%), il-ġabriet jitqabblu ma’ dawk tal-aqwa tliet kompetituri diretti bl-aħjar prezzijiet. Għal ING Direct, il-ġabriet jitqabblu ma’ dawk tal-għaxar istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom l-akbar sehem mis-suq fis-suq tal-prodotti rilevanti.

—

F’każ ta’ bidliet fis-suq li jwasslu għal nuqqas ta’ kompetizzjoni sinifikanti fi ħdan kategorija ta’ punt ta’ riferiment partikolari, anki wara li jkunu ġew inklużi l-Istituzzjonijiet Finanzjarji kollha, jew f’każ ta’ kompetituri (i) li jipprovdu informazzjoni skorretta u/jew inkompluta lill-klijenti fir-rigward tal-projbizzjoni fuq il-price leadership ta’ ING jew (ii) li jipprovaw jesponu lil ING għar-riskju tal-ksur tal-projbizzjoni fuq il-price leadership, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ta’ PLB, wara li jisma’ lill-Kummissjoni, jagħmel proposta u jilħaq ftehim mal-Kummissjoni u ma’ ING sabiex tinstab soluzzjoni fl-ispirtu tas-soluzzjonijiet inklużi f’dokument separat li jkun intlaħaq qbil dwaru mal-Kummissjoni għall-monitoraġġ.

—

Ir-restrizzjonijiet tal-projbizzjoni fuq il-price leadership impenjati minn ING fl-2009, li huma inklużi fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Mejju 2012, jibqgħu fis-seħħ għal perjodu tranżitorju sa tliet xhur wara li tittieħed id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar dan l-Anness emendat. Ir-restrizzjonijiet emendati stipulati f’dan l-Anness jidħlu fis-seħħ tliet xhur wara li tittieħed id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar dan l-Anness emendat. Il-projbizzjoni fuq il-price leadership tapplika sat-18 ta’ Novembru 2015 jew sa dik id-data meta jkunu ġew żvestiti aktar minn 50% tal-operazzjonijiet tal-Assigurazzjoni/IM fl-Asja, 50% tal-operazzjonijiet tal-Assigurazzjoni/IM fl-Istati Uniti (9) u 50% tal-operazzjonijiet tal-Assigurazzjoni/IM fl-Ewropa, skont liema data tiġi l-ewwel. Jinħatar fiduċjarju tal-monitoraġġ mill-Pajjiżi l-Baxxi, magħżul minn qabel u propost minn ING sabiex isegwi dan l-impenn (il-"Fiduċjarju tal-Monitoraġġ tal-PLB"). Il-ħatra tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ tal-PLB hija soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni.

e)   Il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom għal numru ta’ dispożizzjonijiet dettaljati fir-rigward tal-ħruġ u l-iżvestiment ta’ WUH/Interadvies:

—

Issir referenza għat-talba ta’ reviżjoni/proposta ta’ każ kummerċjali (Van Gogh) tal-Pajjiżi l-Baxxi tal-4 ta’ Novembru 2011 u aktar tard jintbagħtu l-aġġornamenti lill-Kummissjoni, b’mod partikolari l-aġġornament dwar il-każ kummerċjali tal-11 ta’ Lulju 2012. L-impenji ta’ Van Gogh huma elenkati hawn taħt.

—

ING sejra toħloq kumpanija ġdida għall-iżvestiment fil-Pajjiżi l-Baxxi, li għandha toħroġ min-negozju attwali tagħha tal-attivitajiet bankarji bl-imnut fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-projezzjonijiet finanzjarji ewlenin ta’ dak in-negozju huma dawn li ġejjin: (10)

Il-bilanċi tal-klijenti u l-projezzjonijiet tal-finanzjament ta’ NN-bank

(miljuni)

 

Bidu

2013

2014

2015

2016

2017

Bilanċi tal-klijenti

Ipoteki

EUR 2 600

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Finanzi tal-Konsumatur

EUR 188

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Depożiti tal-Klijenti

EUR 2 940

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Finanzjament bl-Ingrossa

Finanzjament ta’ ING Bank

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

Swieq tal-Kapital

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

[…]

—

Ir-riżultat għandu jkun li l-kumpanija ġdida tkun negozju vijabbli u kompetittiv, awtonomu u separat min-negozji miżmuma minn ING. Dik il-kumpanija ġdida tinkludi partijiet min-negozju tad-diviżjoni bankarja mqassma diġà ta’ Westland Utrecht/Interadvies (“Westland Utrecht Bank”) u l-attivitajiet (limitati) attwali tad-diviżjoni bankarja li ġiet stabbilita dan l-aħħar ta’ Nationale Nederlanden (NN Bank).

—

In-Negozju tal-Iżvestiment sejjer jitpoġġa taħt ING Insurance/IM Europe, li għandha impenn strateġiku fit-tul għas-suq tal-bejgħ bl-imnut tal-Pajjiżi l-Baxxi u li sejra topera taħt il-marka kummerċjali "Nationale Nederlanden" (bħala “NN Bank”), bil-kapaċitajiet ta’ finanzjament tagħha stess u b’netwerk wiesa’ ta’ distribuzzjoni. B’riżultat ta’ dan, NN Bank jiġi żvestit bħala parti minn ING Insurance/IM Europe sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015. Dak l-iżvestiment x’aktarx li jsir permezz ta’ offerta pubblika inizjali (IPO).

—

NN Bank sejjer joffri linja ta’ prodotti wiesgħa u koerenti, b’ipoteki, tfaddil, annwalitajiet bankarji, investimenti u prodotti ta’ krediti għall-konsumaturi, ikkombinati ma’ prodotti ewlenin ta’ assigurazzjoni bl-imnut ta’ NN Life u kumpaniji tal-assigurazzjoni P&C (11). NN Bank sejjer jasal għand il-klijenti tiegħu permezz ta’ mudell ta’ distribuzzjoni integrat u b’bosta mezzi, li jimpjega konsulenti finanzjarji indipendenti u aġenti marbuta b’kopertura nazzjonali sabiex jagħtu pariri dwar prodotti u sitwazzjonijiet finanzjarji kumplessi, u li jħaddan numru dejjem jikber ta’ ċentri telefoniċi u tal-internet għal finijiet ta’ bejgħ u servizz. Dawn il-mezzi ta’ distribuzzjoni flimkien jipprovdu aċċess lil aktar minn 2,5 miljun klijent ta’ Nationale Nederlanden.

—

NN Bank sejjer ikun awtoffinanzjat l-aktar permezz ta’ tfaddil bl-imnut u finanzjament eċċessiv min-negozju tal-assigurazzjoni, ikkumplimentati minn finanzjament estern, skont kif ikun meħtieġ. Nationale Nederlanden għandha aċċess għal finanzjament u kapital sabiex tippermetti t-tkabbir u l-produzzjoni tal-ipoteki, li huwa vantaġġ kompetittiv fil-kundizzjonijiet attwali tas-suq.

—

Permezz tal-eżekuzzjoni tal-pjan kummerċjali ta’ NN Bank, parti mill-portafoll ipotekarju eżistenti ta’ Westland Utrecht Bank sejra tinżamm minn ING. Il-karta tal-bilanċ ta’ NN Bank sejra tkun modesta fil-bidu, bil-għan li tipprovdi tqabbil adegwat tal-assi u l-obbligazzjonijiet, sabiex imbagħad tikber f’daqqa għal waħda ta’ daqs medju. Il-kapitalizzazzjoni għandha tkun suffiċjenti sabiex huwa jkun jista’ jeżegwixxi l-pjan ta’ tkabbir tiegħu fit-tul: ING sejra tittrasferixxi l-benefiċċji ekonomiċi tal-portafoll miżmum minn ING (EUR 350 miljun abbażi tal-valur nett preżenti tal-profitti (ekonomiċi) ta’ dak il-portafoll) bħala injezzjoni kapitali bil-quddiem, filwaqt li tipprovdi kapital addizzjonali (sa EUR 120 miljun) jekk u meta jkun meħtieġ, iżda fl-aħħar mill-aħħar qabel l-iżvestiment (jekk il-proporzjon tal-ingranaġġ ta’ Basel III isir obbligatorju u meta NN Bank ikun jeħtieġ kapital sabiex jeżegwixxi l-pjan kummerċjali tiegħu). Dan jiggarantixxi tkabbir sa madwar l-2016 u mbagħad NN Bank ikun jista’ jiffinanzja t-tkabbir tiegħu waħdu. B’hekk, ING sejra ġġorr l-ispejjeż u r-riskji kollha tal-portafoll ipotekarju miżmum (sal-maturità tiegħu) u tittrasferixxi l-profitti lil NN Bank.

—

NN Bank ser ikollu l-miri li ġejjin fir-rigward tal-ipoteki u s-self lill-konsumaturi:

—

Ipoteki

Fl-ipoteki, NN Bank sejjer ikollu produzzjoni ġdida annwali medja, inkluż it-tiġdid mill-portafoll ta’ ING Bank (bil-marka NN)), ta’ mill-inqas EUR [1,5-6] biljun fis-sena u [2-9]% tal-produzzjoni ipotekarja totali fis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi b’massimu ta’ EUR [2-8] biljun fis-sena matul il-perjodu bejn l-2013 (imkejla mid-data tat-tnedija ta’ NN Bank (12)) u l-2015. Jekk dawk il-kriterji ma jiġux issodisfati, ING timpenja ruħha li b’mod kumulattiv:

—

tittrasferixxi r-relazzjonijiet ta’ klijenti individwali permezz ta’ trasferiment ta’ ipoteki lil NN Bank (abbażi ta’ offerti individwali lil klijenti ta’ ipoteki ta’ ING Bank (13)) (id-daqs jiddependi fuq il-ħtieġa li jintlaħaq is-sehem mis-suq imsemmi fuq; l-għażla tal-portafoll ta’ ING bil-PD’s u l-LGD’s (14) skont il-każ kummerċjali);

—

tittrasferixxi l-proprjetà ta’ dawk l-ipoteki mingħajr ebda ħlas addizzjonali għall-klijenti jew bi ħlas għal NN Bank; u

—

tippermetti lil NN Bank juża l-mezzi ta’ distribuzzjoni ta’ ING Bank sabiex ikun jista’ joffri l-ipoteki ta’ NN Bank lill-klijenti ta’ ING Bank bil-għan li jintlaħqu l-miri.

—

Self lill-konsumaturi

Fis-self lill-konsumaturi, NN Bank sejjer ikollu produzzjoni annwali ġdida ta’ mill-inqas EUR [10-100] miljun u mill-inqas [0,5-4]% tal-produzzjoni totali tas-self lill-konsumaturi fis-suq tal-Pajjiżi l-Baxxi sal-31 ta’ Diċembru 2013. (15) NN Bank sejjer ikollu produzzjoni annwali ġdida ta’ mill-inqas EUR [40-140] miljun fis-sena u mill-inqas [0,5-5]% li għandha tibda titkejjel mill-31 ta’ Diċembru 2015 b’massimu ta’ EUR [100-200] miljun. Jekk dawk il-kriterji ma jiġux issodisfati, ING timpenja ruħha li:

—

tittrasferixxi r-relazzjonijiet ta’ klijenti individwali permezz ta’ trasferiment ta’ portafoll tal-klijenti rigward is-self lill-konsumaturi ta’ ING Bank Netherlands (bħala portafoll bi proprjetà ta’ NN Bank) lil NN Bank (id-daqs jiddependi fuq il-ħtieġa li jintlaħaq is-sehem mis-suq imsemmi fuq; l-għażla tal-portafoll ta’ ING bil-PD’s u l-LGD’s skont il-każ kummerċjali);

—

tittrasferixxi l-proprjetà ta’ dak is-self lill-konsumaturi mingħajr ebda ħlas addizzjonali għall-klijenti jew bi ħlas għal NN Bank.

—

ING timpenja ruħha li l-livell minimu mmirat tal-Grad 1 ta’ NN Bank sejjer ikun ta’ 12% (li huwa ferm ogħla mir-rekwiżit minimu regolatorju) sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2015 jew mal-iżvestiment ta’ aktar minn 50% ta’ ING Insurance / IM Europe jew, kif jista’ jkun il-każ, ta’ NN Bank.

—

ING timpenja ruħha li tinkludi faċilità ta’ ħlas għal NN Bank fil-forma ta’ karta ta’ kreditu bil-marka NN bi spiża għall-konsumatur li ma tkunx ogħla minn dik ta’ karta ta’ debitu. Fir-rigward tad-detenturi tal-karti ta’ kreditu bil-marka NN, ING sejra tipprovdi aċċess mingħajr ħlas għall-ATMs tagħha għal tliet snin wara t-tnedija tal-prodott u fl-aħħar nett sal-31 ta’ Diċembru 2015.

—

ING sejra tibgħat posta kumerċjali fir-rigward ta’ NN Bank lil 350 000 klijent tagħha skont il-liġi dwar il-privatezza tal-Pajjiżi l-Baxxi. ING sejra tingħata ċ-ċans li tispjega lill-klijenti tagħha li l-posta qiegħda ssir sabiex ING tkun tista’ tikkonforma mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

—

ING Bank ser jillimita l-produzzjoni ipotekarja ġdida tiegħu. ING timpenja ruħha li l-produzzjoni ipotekarja annwali ta’ ING Bank (minbarra t-tiġdid) mhijiex ser tkun ogħla minn [2-4] darbiet tal-produzzjoni l-ġdida ta’ NN Bank. Fuq bażi ta’ kull tliet xhur, il-produzzjoni ġdida ta’ ING ma tistax tkun aktar minn [2,5-5] darbiet tal-produzzjoni ġdida ta’ NN Bank fl-istess kwart u aktar minn [2,25-4,5] darbiet tal-produzzjoni ġdida ta’ NN Bank fuq bażi ta’ nofs sena. Jekk il-produzzjoni ġdida ta’ NN Bank fuq bażi annwali tkun ta’ aktar minn EUR [2-8] biljun, ma jkun hemm ebda restrizzjoni fuq il-produzzjoni ġdida għal ING Bank, li tfisser li jekk fuq semestru wieħed (nofs sena) il-produzzjoni ġdida ta’ NN Bank taqbeż EUR [1-4] biljun, ING ma tiġi soġġetta għal ebda restrizzjoni fil-volum tal-produzzjoni ġdida tagħha fis-semestru konsekuttiv).

NN Bank jeħtieġ li jipprovdi dejta dwar produzzjoni ġdida (proposti ġodda, proposti aċċettati) u previżjonijiet fuq bażi ta’ kull xahar lil ING mingħajr dewmien bla bżonn. Il-konformità mal-limitu massimu għandha titkejjel fuq il-bażi tan-numri tal-produzzjoni ppubblikati mill-Kadaster.

Dik ir-restrizzjoni msemmija fuq tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2015. Fil-perjodu tranżitorju sat-tnedija tax-xenarju Van Gogh, ING timpenja ruħha għal produzzjoni ġdida massima (minbarra t-tiġdid) ta’ [2-4] darbiet ta’ EUR [1,5-6] biljun (EUR [3-24] biljun) fuq bażi annwali. Ir-rapportar dwar il-progress se jsir fuq bażi ta’ kull tliet xhur.

—

NN Bank jeħtieġ li jiffinanzja l-karta tal-bilanċ tiegħu huwa stess. Il-profil tal-finanzjament ta’ NN Bank sejjer ikun konformi mal-projezzjonijiet tal-karta tal-bilanċ kif proposta fil-każ kummerċjali. Dan ifisser li ING mhijiex ser iżżid il-finanzjament tagħha ta’ NN Bank f’ammonti assoluti ’lil hinn mill-ammonti fil-pjan kummerċjali għal kull sena, filwaqt li l-finanzjament massimu pprovdut minn ING fl-2015 sejjer ikun ta’ EUR 2,7 biljun.

Il-finanzjament ipprovdut minn ING fl-aħħar tal-2015 b’ammont massimu ta’ EUR 2,7 biljun irid jieħu l-forma ta’ titoli kummerċjabbli, fejn ING tista’ tixtri noti garantiti jew mhux garantiti bil-prezzijiet tas-suq, bħal bonds koperti jew RMBS. In-noti jistgħu jinxtraw ukoll minn investituri oħrajn minbarra ING. 100% tan-noti għandu jkollhom terminu fil-ħruġ ta’ ħames snin jew aktar, 66% tan-noti għandu jkollhom terminu daqs jew itwal minn seba’ snin u 33% tan-noti għandu jkollhom terminu daqs jew itwal minn għaxar snin. Id-determinazzjoni tal-ipprezzar bil-kundizzjonijiet normali tas-suq tiġi deċiża permezz tal-ipprezzar tat-titolu nnifsu jew, jekk ING tkun l-unika xerrejja tat-titolu, permezz tal-prezzijiet tas-suq sekondarju tal-pari komparabbli proposti mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ.

L-ammont tal-finanzjament ta’ NN Bank (depożiti totali u finanzjament bl-ingrossa) (16) se jammonta għal mill-inqas 75% fl-ewwel sena, 80% fit-tieni sena u 85% fit-tielet sena (b’finanzjament massimu bl-ingrossa ta’ EUR [1-4] biljun) kontra l-projezzjonijiet ta’ każ ta’ referenza.

Jekk, minħabba bidliet materjali fl-ambjent regolatorju u/jew minħabba ċ-ċirkostanzi tas-suq, il-finanzjament proprju jkun taħt dawk il-meded, u b’riżultat ta’ dan ikun hemm bżonn li jiġu aġġornati l-projezzjonijiet tal-karta tal-bilanċ, ING tirrapporta dak il-fatt lill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ u lill-Kummissjoni. Wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, il-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ jipproponi liema miżuri għandhom jittieħdu sabiex tiġi ssalvagwardjata l-vijabbiltà ta’ NN Bank, li mbagħad għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni.

Il-livell ta’ finanzjament ta’ ING jiġi rivedut fuq bażi annwali mit-tnedija ta’ NN Bank (Van Gogh) sal-31 ta’ Diċembru 2015.

Jekk il-projezzjonijiet tal-finanzjament tal-każ kummerċjali ma jintlaħqux sal-aħħar ta’ kull sena, ING tieħu l-miżuri korrettivi li ġejjin:

—

Wara l-ewwel sena, ING tibgħat posta kummerċjali fir-rigward ta’ NN Bank lil numru addizzjonali ta’ 50 000 klijent ta’ ING jekk il-finanzjament proprju jkun taħt it-80%, kif ukoll lil numru addizzjonali ta’ 100 000 klijent ta’ ING jekk il-finanzjament proprju jkun taħt il-75% tal-projezzjoni ta’ każ ta’ referenza tal-ewwel sena. Wara t-tieni sena, ING tibgħat posta kummerċjali fir-rigward ta’ NN Bank lil numru addizzjonali ta’ 100 000 klijent ta’ ING jekk il-finanzjament proprju jkun taħt il-85% u lil numru addizzjonali ta’ 150 000 klijent ta’ ING jekk il-finanzjament proprju jkun taħt it-80% tal-projezzjoni ta’ każ ta’ referenza tat-tieni sena. Il-posta ssir skont il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar il-privatezza. ING tingħata ċ-ċans li tispjega lill-klijenti tagħha li l-posta hija meħtieġa sabiex ING tkun tista’ tikkonforma mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

—

Wara l-ewwel sena, ING tipprovdi baġit ta’ kummerċjalizzazzjoni addizzjonali ta’ EUR 1 miljun lil NN Bank jekk il-finanzjament proprju jkun taħt it-80% u ta’ EUR 2 miljun jekk il-finanzjament proprju jkun taħt il-75% tal-projezzjoni ta’ każ ta’ referenza tal-ewwel sena. Wara t-tieni sena, ING tipprovdi baġit ta’ kummerċjalizzazzjoni addizzjonali ta’ EUR 2 miljun lil NN Bank jekk il-finanzjament proprju jkun taħt il-85% u ta’ EUR 4 miljun jekk il-finanzjament proprju jkun taħt it-80% tal-projezzjoni ta’ każ ta’ referenza tat-tieni sena. Wara t-tielet sena, ING tipprovdi baġit ta’ kummerċjalizzazzjoni addizzjonali ta’ EUR 5 miljun lil NN Bank jekk il-finanzjament proprju jkun taħt il-85% u ta’ EUR 6 miljun jekk il-finanzjament proprju jkun taħt it-80% tal-projezzjoni ta’ każ ta’ referenza tat-tielet sena. NN Bank juża dawk il-baġits ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ġdida ta’ bejgħ (primarjament inċentivi promozzjonali […] u […], u sa ċertu punt, metodi oħrajn ta’ kummerċjalizzazzjoni, eċċ. Jekk il-miżuri ma jikkonsistux primarjament minn inċentivi promozzjonali […] jew […], dawn jiġu approvati mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ u jistgħu jiġu rrifjutati mill-Kummissjoni.

Jekk il-finanzjament proprju tal-2015 ikun taħt il-85% tal-projezzjoni ta’ każ ta’ referenza għall-2015, minbarra l-miżuri korrettivi msemmija aktar ’il fuq, ING tieħu wkoll il-miżura korrettiva li ġejja:

—

Tipprovdi estensjoni ta’ sentejn għall-aċċess mingħajr ħlas għall-ATMs ta’ ING għad-detenturi tal-karti ta’ kreditu bil-marka NN (sal-31 ta’ Diċembru 2017).

—

Il-Kummissjoni tevalwa l-impenji msemmija aktar ’il fuq fuq l-iżvestiment ta’ aktar minn 50% ta’ ING Insurance/IM Europe jew, kif jista’ jkun il-każ, ta’ NN Bank jew inkella sal-31 ta’ Diċembru 2015, skont liema data tiġi l-ewwel. L-impenji jiġu fi tmiemhom fid-data tal-iżvestiment ta’ aktar minn 50% ta’ ING Insurance/IM Europe jew, kif jista’ jkun il-każ, ta’ NN Bank, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor.

—

Il-ħolqien ta’ NN Bank isir taħt is-sorveljanza tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ li nħatar bħalissa. ING tiddelimita lil NN Bank sal-iżvestiment ta’ aktar minn 50% ta’ ING Insurance/IM Europe, li jiġi mmonitorjat mill-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ. Għall-implimentazzjoni tad-delimitazzjoni, prinċipju ewlieni tad-disinn ikun li NN Bank u NN Insurance jitħallew jesegwixxu b’mod adegwat strateġija kummerċjali integrata bejn l-assigurazzjoni bl-imnut u l-prodotti u s-servizzi bankarji bl-imnut.

—

Għal perjodu interim sa 12-il xahar wara l-iżvestiment ta’ NN Bank (jiġifieri l-iżvestiment ta’ aktar minn 50% ta’ ING Insurance/IM Europe u NN Bank), ING għandha toqgħod lura milli tissolleċita b’mod attiv lill-klijenti ta’ NN Bank għal prodotti li qiegħed iforni NN Bank lil dawk il-klijenti fid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni.

f)   L-ispejjeż tal-fiduċjarji kollha maħtura matul il-proċess tar-ristrutturar jinġarru minn ING.

g)   Għar-riġenerazzjoni tal-vijabbiltà, il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li ING taderixxi ma’ dawn li ġejjin:

—

ING tkompli torjenta l-finanzjament mhux depożitorju tagħha lejn finanzjament aktar fit-tul billi toħroġ aktar strumenti ta’ dejn b’maturità ta’ aktar minn sena. Dan jimplika li s-sehem relattiv tal-finanzjament fit-tul pendenti (b’maturità ta’ aktar minn sena) fil-parti mhux depożitorja tal-karta tal-bilanċ ta’ ING jkompli jiżdied. Is-suċċess ta’ dan jiddependi fuq ir-ritorn tas-swieq għal kundizzjonijiet ta’ inqas stress.

—

ING timpenja ruħha li telimina l-ingranaġġ doppju. Għal dan il-għan, hekk kif isiru l-iżvestimenti tal-assigurazzjoni, il-profitti mill-iżvestiment jintużaw sabiex jitnaqqas l-ingranaġġ doppju – sakemm il-profitti ma jkunux meħtieġa sabiex l-ingranaġġ tal-bqija tan-negozju tal-assigurazzjoni jinżamm f’livell aċċettabbli – li fl-aħħar mill-aħħar iwassal għall-eliminazzjoni sħiħa tal-ingranaġġ doppju. Separatament, sakemm dak il-kapital żejjed ikun qiegħed jiġi ġġenerat b’mod eċċessiv għal dak illi huwa meħtieġ sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ Basel III jew Solvenza II, id-dividendi lil ING Group jistgħu jifformaw sors addizzjonali sabiex jgħinu fit-tħaffif tal-proċess tal-eliminazzjoni tal-ingranaġġ doppju.

h)   Fir-rigward tad-differiment tal-kupuni u s-sejħa tat-titoli tal-Grad 1 u tal-Grad 2, il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li ING taderixxi ma’ dawn li ġejjin:

—

ING mhux se tkun obbligata li tiddiferixxi l-ħlasijiet b’kupun fuq l-ibridi.

L-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jifhmu li l-Kummissjoni hija kontra l-fatt li r-reċipjenti tal-għajnuna mill-Istat iħallsu lura l-fondi tagħhom stess (ekwità u dejn subordinat) meta l-attivitajiet tagħhom ma jiġġenerawx biżżejjed qligħ (17) filwaqt li jifhmu wkoll li f’dan il-kuntest il-Kummissjoni hija fil-prinċipju kontra s-sejħa tal-kapital tal-Grad 2 u tal-ibridi tal-Grad 1. Fil-ġejjieni, is-sejħa jew ir-riakkwist tal-kapital tal-Grad 2 u tal-ibridi tal-Grad 1 għandhom jiġu proposti każ b’każ lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni sal-eqreb data tat-18 ta’ Novembru 2014 jew sad-data meta ING tkun ħallset lura kompletament it-Titoli Ewlenin tal-Grad 1 lill-Pajjiżi l-Baxxi (inkluż l-imgħax akkumulat rilevanti fuq il-kupuni tal-Kapital Ewlieni tal-Grad 1 u t-tariffi tal-primjum ta’ ħruġ).

Minkejja r-restrizzjoni msemmija aktar ’il fuq, ING ser titħalla titlob l-ibridu ta’ EUR 1,25 biljun ING Verzekeringen NV (ISIN XS0130855108), li jwassal għal bidla fil-kontroll u li permezz tiegħu ING Verzekeringen NV sejra tkun inadempjenti. It-talba ta’ dak l-istrument hija prerekwiżit għar-ristrutturar meħtieġ sabiex ikun jista’ jopera negozju tal-assigurazzjoni awtonomu. Il-klawżola tal-Bidla fil-Kontroll tiskatta mal-iżvestiment ta’ Insurance Asia.

i)   Il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li ING żżomm lura minn kummerċjalizzazzjoni tal-massa li tinvoka l-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni bħala vantaġġ f’termini kompetittivi.

j)   Il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li ING iżżomm ir-restrizzjonijiet fuq il-politiki ta’ rimunerazzjoni u l-attivitajiet ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħha kif kienet impenjata li tagħmel qabel skont il-ftehimiet li jikkonċernaw it-Titoli Ewlenin tal-Grad 1 u l-faċilità ta’ sostenn tal-assi illikwidi.

k)   ING u l-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li r-rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ ristrutturar jiġi pprovdut lill-Kummissjoni kull sitt xhur sal-31 ta’ Diċembru 2013 u kull sena sal-2018 jew inkella sakemm isir l-iżvestiment sħiħ tan-negozju tal-Assigurazzjoni ta’ ING.

l)   Jekk ING tonqos milli tissodisfa impenn ta’ żvestiment jew kwalunkwe impenji relatati ma’ NN Bank li għandhom jiġu eżegwiti fl-2015, il-Pajjiżi l-Baxxi jinnotifikaw il-miżura ta’ rikapitalizzazzjoni mill-ġdid lill-Kummissjoni.

m)   L-implimentazzjoni sħiħa u xierqa tal-impenji u l-obbligi kollha msemmija f’dan l-Anness tiġi mmonitorjata kontinwament u bir-reqqa sal-31 ta’ Diċembru 2015 minn fiduċjarju tal-monitoraġġ bi kwalifiki xierqa li jkun indipendenti minn ING. Il-kumpanija li bħalissa hija fdata b’dak il-kompitu tkompli ssegwi l-impenn fir-rigward tax-xenarju Van Gogh u l-impenji l-oħrajn kollha f’dan l-Anness, għajr għall-monitoraġġ tal-projbizzjoni fuq il-price leadership. Il-projbizzjoni fuq il-price leadership tiġi segwita minn fiduċjarju ġdid, jiġifieri l-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ta’ PLB. Il-ħatra u l-prestazzjoni taż-żewġ Fiduċjarji jiġu riveduti mill-Kummissjoni wara sitt xhur u minn hemm ’il quddiem ikomplu jiġu riveduti fuq bażi kontinwa. L-arranġamenti għall-ħatra tal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ ta’ PLB u d-doveri tiegħu huma stipulati fi ftehim separat.

n)   Il-Pajjiżi l-Baxxi jimpenjaw ruħhom li l-eżekuzzjoni kompluta tar-ristrutturar ta’ ING titwettaq qabel il-31 ta’ Diċembru 2015, sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, pereżempju, l-iżvestiment tal-imgħax li jifdal (jiġifieri imgħax taħt il-50%) fin-negozju tal-Assigurazzjoni/IM ta’ ING.


(1)  ING ser tippreżenta mill-inqas EUR […] biljun tat-tnaqqis mill-karta tal-bilanċ totali (ta’ 45%) fil-forma ta’ żvestimenti (skont il-pjan ta’ ristrutturar ta’ ING tal-2009).

(2)  It-tnaqqis tal-annwalitajiet varjabbli u l-Prodotti Finanzjarji tal-Istati Uniti jista' jitqies bħala żvestiment, sakemm l-implimentazzjoni tat-tnaqqis tkun konformi mal-kundizzjonijiet elenkati fl-Anness II.

(3)  Fi kliem ieħor, minbarra l-ipoteki, billi dawn mhumiex meqjusa bħala espożizzjoni diretta għall-beni immobbli.

(4)  Fi kliem ieħor, 50% titkejjel f’termini ta’ ishma ta’ 50% u 1 u telf tal-maġġoranza fil-bord u d-dekonsolidazzjoni tal-kontabilità tal-entità.

(5)  Rapport ta’ progress dwar il-verżjoni finali tal-pjan ta’ ristrutturar ta’ ING tad-19 ta’ Ġunju 2012.

(6)  Ir-run-offs tal-Istati Uniti (jiġifieri l-Annwalitajiet Varjabbli u n-negozju tal-Prodotti Finanzjarji) jikkwalifikaw bħala żvestimenti proforma. Dawk ir-run-offs imkejla permezz tal-kejl tal-kapital tal-ekwità allokat (ibbażat fuq id-dejta tas-sena finanzjarja 2011), flimkien ma’ żvestiment ta’ mill-inqas 25% tal-interessi f’ING Insurance/IM US, jirriżultaw fi żvestiment ta’ aktar minn 50% (proforma) qabel il-31 ta’ Diċembru 2014.

(7)  Għal Insurance/IM US, il-kriterju tal-iżvestiment ta’ 50%+ jintlaħaq hekk kif ING tkun żvestiet mill-inqas 25% ta’ dak in-negozju u wara li tkun ħadet f’kunsiderazzjoni żvestiment pro-forma tan-negozji run-off tal-Istati Uniti (permezz tal-kapital tal-ekwità allokat skont id-dejta tas-sena finanzjarja 2011).

(8)  Jekk ING Direct mhijiex mal-aqwa għaxra hija stess, hija xorta tista’ titqabbel mal-(akbar) għaxar parteċipanti fis-suq. Jekk ING Direct hija fost l-aqwa għaxar parteċipanti fis-suq, it-tqabbil għandu jsir fil-konfront tal-akbar disa’ parteċipanti l-oħrajn fis-suq. Dan tal-aħħar ma japplikax għal ING Direct Austria, li dejjem tista’ tqabbel lilha nnifisha mal-(akbar) għaxar parteċipanti l-oħrajn fis-suq.

(9)  Għal Insurance/IM US, il-kriterju tal-iżvestiment ta’ 50%+ jintlaħaq hekk kif ING tkun żvestiet 25% ta’ dak in-negozju u wara li tkun ħadet f’kunsiderazzjoni żvestiment proforma tan-negozji run-off (permezz tal-kapital tal-ekwità allokat skont id-dejta tas-sena finanzjarja 2011).

(10)  Il-projezzjonijiet fir-rigward tal-ipoteki huma bbażati fuq produzzjoni annwali ta’ EUR [1.5-7] (każ bażi). Il-projezzjonijiet fir-rigward tal-finanzi tal-konsumatur huma bbażati fuq il-miri tal-produzzjoni kif inklużi hawn taħt. Iċ-ċifri reali jistgħu jiddevjaw minħabba l-imġiba tal-klijenti fir-rigward tal-ħlas minn qabel, madankollu, il-produzzjoni tkun konformi mal-miri impenjati kif inklużi hawn taħt. Id-depożiti u l-finanzjament bl-ingrossa totali jkunu fi ħdan il-meded impenjati kif indikati fit-tabella ta’ hawn taħt, skont is-sena partikolari.

(11)  Bħalissa NN Bank qiegħed joffri biss annwalitajiet Bankarji u krediti (ipoteki). Kwalunkwe estensjoni tal-attivitajiet jew tal-prodotti teħtieġ l-approvazzjoni minn qabel minn DNB.

(12)  Fil-perjodu tranżitorju sat-tnedija ta’ Van Gogh, l-impenn għall-produzzjoni ipotekarja ta’ Van Gogh se jitwettaq mill-Westland Utrecht Bank attwali. Matul dak il-perjodu, Westland Utrecht Bank jirrapporta dwar dawk l-impenji mal-Fiduċjarju tal-Monitoraġġ. Il-produzzjoni ġdida tal-ipoteki (inkluż it-tiġdid) u d-depożiti tal-klijenti prodotti f’dak il-perjodu tranżitorju jiġu ttrasferiti lill-bank ġdid, NN-bank, waqt jew qabel it-tnedija tiegħu.

(13)  Inklużi s-sussidjarji ta’ ING Bank

(14)  Probabilità tal-inadempjenza (PD) u Telf fil-każ ta’ inadempjenza (LGD).

(15)  Fil-perjodu tranżitorju sat-tnedija ta’ Van Gogh, Westland Utrecht Bank/NN Bank ser jibda jibni l-kapaċitajiet għall-produzzjoni tal-finanzi tal-konsumatur mill-aktar fis possibbli. Fid-dawl ta’ dak il-perjodu tranżitorju, ING timpenja ruħha għal produzzjoni fis-suq bi prorata bejn it-tnedija ta’ Van Gogh u l-31 ta’ Diċembru 2013. Kwalunkwe nuqqas fil-produzzjoni fis-sena rilevanti jiġi rrimedjat fis-snin konsekuttivi bil-għan li jintlaħqu l-projezzjonijiet tal-każ kummerċjali.

(16)  Minbarra l-finanzjament minn ING (jew minn kwalunkwe wieħed mis-sussidjarji diretti jew indiretti tagħha).

(17)  Ara l-punt 26 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni tal-miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar).


ANNESS II

IL-PRINĊIPJI APPLIKATI GĦALL-UNITAJIET INTERNI TA’ STRALĊ FIS-SETTUR TAL-ASSIGURAZZJONI

Applikabbli waqt li ING Group ikollu kontroll sħiħ ta’ negozju.

Tħassib relatat mal-kompetizzjoni

(i)

ebda produzzjoni ġdida, ebda sottoskrizzjoni ta’ politiki ġodda bi klijenti ġodda jew eżistenti (għal finijiet ta’ impenji kuntrattwali assenti jew ALM).

(ii)

esplorazzjoni tal-possibbiltajiet sabiex jinġiebu fi tmiemhom il-politiki fis-seħħ bil-kunsens tal-klijenti

(iii)

ebda titjib tal-kundizzjonijiet kummerċjali dwar il-politika fis-seħħ

(iv)

meta l-kundizzjonijiet kummerċjali jkunu jistgħu jiġu aġġustati mill-assiguratur, il-kundizzjonijiet kummerċjali jiġu stabbiliti fl-inqas livell vantaġġuż possibbli

Tħassib relatat mal-vijabbiltà

(i)

esplorazzjoni perjodika tal-possibbiltà ta’ bejgħ totali jew parzjali tal-assi u l-obbligazzjonijiet li jifdal (sejħiet għal investigazzjoni annwali tas-suq li għandhom jiġu rrapportati lill-Fiduċjarju; investigazzjoni tas-suq iddokumentati b’mod sħiħ kull sentejn)

(ii)

delimitazzjoni tal-impatt possibbli fuq in-negozju vijabbli permezz ta’ separazzjoni tal-kontijiet u allokazzjoni ċara tal-ispejjeż bejn bank tajjeb u negozju li jkun qiegħed inaqqas l-attivitajiet tiegħu

(iii)

stima tal-ħtiġijiet kapitali futuri tan-negozju li jkun qiegħed inaqqas l-attivitajiet tiegħu b’mod konservattiv u allokazzjoni tal-kapital meħtieġ, fil-forma ta’ dispożizzjonijiet jew f’forma oħra

(iv)

ġestjoni konservattiva tal-assi relattivi għall-obbligazzjonijiet (linji gwida dwar l-investiment mill-ġdid li għandhom jiġu ddokumentati).

(v)

politika ta’ ħħeġġjar konservattiva b’mira ta’ effiċjenza fl-użu tal-iħħeġġjar fil-medda ta’ 80-120% tal-objettiv tal-iħħeġġjar globali, soġġetta għall-materjalità

(vi)

il-possibbiltajiet ta’ riassigurazzjoni parzjali jew sħiħa li għandhom jiġu eżaminati perjodikament (għandhom jiġu ddokumentati)

(vii)

il-punti msemmija hawn fuq għandhom ikunu konsistenti mal-objettivi u r-rekwiżiti regolatorji lokali applikabbli