SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Jannar 2022 ( *1 )

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Id-dritt tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)

 

Ir-Regolament bażiku

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

 

It-talbiet tal-partijiet

 

Dwar l-appell

 

Osservazzjonijiet preliminari

 

Fuq l-ewwel sat-tielet aggravju

 

L-argumenti tal-partijiet

 

– Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq analiżi tat-twaqqigħ tal‑prezzijiet għal kull segment tas-suq

 

– Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-metodu tan-NKP ma kienx adegwat sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-segmentazzjoni tas-suq

 

– Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ żnaturament tal-provi

 

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

– Osservazzjonijiet preliminari

 

– Fuq it-tielet aggravju

 

– Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

 

Fuq ir-raba’ aggravju

 

L-argumenti tal-partijiet

 

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

 

– Fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn iddeċidiet li l‑Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi tal‑effetti tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal‑industrija tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, it‑tipi kollha tal-prodott inkwistjoni mibjugħa minn din l-industrija

 

– Fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn iddeċidiet li l‑Kummissjoni kienet obbligata teżamina, fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti tal‑importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, il-punt sa fejn il‑prezzijiet tas‑17‑il tip tal-prodott ikkunsidrat setgħu kkontribwixxew għat‑tnaqqis tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

 

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

 

Dwar l-ispejjeż

“Appell – Dumping – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/804 – Importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr ġonġituri li joriġinaw miċ‑Ċina – Dazju antidumping definittiv – Regolament (UE) 2016/1036 – Artikolu 3(2), (3) u (6), u Artikolu 17 – Determinazzjoni tad‑dannu – Eżami tal‑effett tal-importazzjonijiet li huma s‑suġġett ta’ dumping fuq il‑prezzijiet tal‑prodotti simili mibjugħa fis‑suq tal‑Unjoni Ewropea – Analiżi tat‑twaqqigħ tal‑prezzijiet – Applikazzjoni tal‑metodu tan‑numri ta’ kontroll tal‑prodott (NKP) – Obbligu għall‑Kummissjoni Ewropea li tieħu inkunsiderazzjoni d‑diversi segmenti tas‑suq relatati mal‑prodott ikkunsidrat kif ukoll it‑totalità tal‑bejgħ ta’ prodotti simili tal‑produtturi tal‑Unjoni Ewropea inklużi fil-kampjun”

Fil-Kawża C‑891/19 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2019,

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn T. Maxian Rusche u N. Kuplewatzky, sussegwentement minn T. Maxian Rusche u A. Demeneix u, fl‑aħħar nett, minn T. Maxian Rusche u K. Blanck, bħala aġenti,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Hubei Xinyegang Special Tube Co. Ltd, stabbilita f’Huangshi (iċ-Ċina), irrappreżentata minn E. Vermulst u J. Cornelis, advocaten,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

ArcelorMittal Tubular Products Roman SA, stabbilita f’Roman (ir-Rumanija),

Válcovny trub Chomutov a.s., stabbilita f’Chomutov (ir-Repubblika Ċeka),

Vallourec Deutschland GmbH, stabbilita f’Düsseldorf (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn G. Berrisch, Rechtsanwalt,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatriċi), Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer, F. Biltgen, L. S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑1 ta’ Lulju 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas‑sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il-Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2019:691), li permezz tagħha din annullat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/804 tal‑11 ta’ Mejju 2017 li jimponi dazju antidumping provviżorju [definittiv] fuq l‑importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid mingħajr ġonġituri (ħlief tal‑ħadid fondut) jew tal-azzar (ħlief tal-azzar inossidabbli), ta’ sezzjoni trasversali tonda, ta’ dijametru estern li jaqbeż l-406,4 mm, li joriġinaw mir-Repubblika tal‑Poplu taċ-Ċina (ĠU 2017, L 121, p. 3, iktar ’il quddiem ir-“regolament kontenzjuż”), sa fejn dan ir-regolament kien jikkonċerna l-prodotti mmanifatturati minn Hubei Xinyegang Special Tube Co. Ltd (iktar ’il quddiem “Hubei”).

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO)

2

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il‑konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva l-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakexx fil-15 ta’ April 1994, kif ukoll il-ftehimiet li jinsabu fl-Annessi 1 sa 3 ta’ dan il-ftehim, li fosthom jinsab il-Ftehim dwar l-Implementazzjoni ta’ l-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 189, iktar ’il quddiem il-“Ftehim antidumping”).

3

L-Artikolu 3 tal-Ftehim antidumping, intitolat “Determinazzjoni ta’ Ħsara”, jipprevedi:

“3.1   Determinażżjoni ta’ ħsara għar-raġunijiet ta’ l-Artikolu VI [tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ 1994 (GATT)] għandha tkun ibbażata fuq evidenza pożittiva u tinvolvi eżaminazzjoni oġġettiva fuq kemm (a) il-volum ta’ l-importazzjoni ddampjata u l-effett ta’ l-istess importazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq domestiku, kif ukoll (b) l-impatt konsegwenti li jkollha din l-importazzjoni fuq il-produtturi domestiċi ta’ dawn il-prodotti.

3.2   […] Dwar l-effett ta’ l-importazzjoni ddampjata fuq il-prezzijiet, l-awtoritajiet investigattivi għandhom iqisu jekk kienx hemm tnaqqis sinifikanti moħbi mill-prezzijiet ta’ l-importazzjoni ddampjata meta paragunat ma’ prodott simili ta’ Membru importatur, jew jekk l-effetti ta’ din l-importazzjoni humiex biex jibblokkaw il-prezzijiet sostanzjalment jew li ma jħallux li jkun hemm żieda fil-prezzijiet, li f’sitwazzjoni oħra kienet tiġri sostanzjalment. L-ebda wieħed jew ħafna minn dawn il-fatturi ma jistgħu neċessarjament, jagħtu gwida deċiżiva.

[…]

3.5   Għandu jintwera li minħabba l-effetti tad-damping, il-prodotti ddampjati huma, kif huwa ndikat fil-paragrafi 2 [u] 4, jikkawżaw ħsara bit-tifsira f’dan il-Ftehim. Id-demostrazzjoni tar-relazzjoni kawżali bejn l-importazzjoni ddampjata u d-danni ta’ l-industrija domestika għandha tkun ibbażata fuq eżaminazzjoni quddiem l-awtoritajiet ta’ l-evidenza relevanti kollha. L-awtoritajiet għandhom jeżaminaw ukoll kwalunkwe fatturi magħrufa apparti mill-importazzjoni ddampjata li fl-istess ħin qed jikkawżaw ħsara fl-industrija domestika, u d-danni kkawżati minn dawn il-fatturi m’għandhomx ikunu assoċjati ma’ l-importazzjoni ddampjata. […]

[…]”

Ir-Regolament bażiku

4

Il-premessa 3 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”), tipprovdi:

“Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni korretta u trasparenti tar-regoli tal-Ftehim kontra d-Dumping […], il-lingwaġġ ta’ dak il-Ftehim għandu jiġi rifless fil-leġislazzjoni tal-Unjoni sa fejn ikun possibbli.”

5

L-Artikolu 1 tar-Regolament bażiku, intitolat “Prinċipji”, jipprovdi:

“1.   Jista’ jiġi applikat dazju anti-dumping għal kwalunkwe prodott oġġett ta’ dumping li r-rilaxx tiegħu għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni jikkawża dannu.

2.   Prodott għandu jiġi kkunsidrat bħala oġġett ta’ dumping jekk il-prezz tal-esportazzjoni tiegħu għall-Unjoni ikun inqas minn prezz paragonabbli għal prodott simili, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, kif stabbilit għall-pajjiż esportatur.

[…]

4.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘prodott simili’ jfisser prodott li jkun identiku, jiġifieri, l-istess f’kull lat, bħall-prodott ikkunsidrat, jew fin-nuqqas ta’ tali prodott, prodott ieħor li għalkemm ma jkunx simili f’kull lat, ikollu karatteristiċi li jixbħu mill-qrib dawk tal-prodott ikkunsidrat.”

6

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Determinazzjoni ta’ dumping”, huwa fformulat kif ġej:

“[…]

D. MARĠINI TA’ DUMPING

11.   Soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti li jirregolaw paragun adegwat, l-eżistenza ta’ marġini ta’ dumping matul il-perjodu ta’ investigazzjoni għandha normalment tiġi stabbilita fuq il-bażi ta’ paragun ta’ valur normali medju peżat ma’ medja peżata tal-prezzijiet tat-transazzjonijiet kollha tal-esportazzjoni lill-Unjoni, jew b’paragun tal-valuri normali individwali u l-prezzijiet individwali tal-esportazzjoni lill-Unjoni fuq bażi ta’ kull transazzjoni individwali. Madanakollu, valur normali stabbilit fuq bażi ta’ medja peżata jista’ jiġi mqabbel ma prezzijiet tat-transazzjonijiet individwali kollha tal-esportazzjoni lill-Unjoni, jekk ikun hemm differenza sinifikanti fix-xejriet ta’ prezzijiet tal-esportazzjoni fost xerrejja differenti, reġjuni differenti jew perjodi differenti ta’ żmien, u jekk il-metodi speċifikati fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu ma jirriflettux il-grad sħiħ ta’ dumping ipprattikat. Dan il-paragrafu ma għandux jipprekludi l-użu ta’ teħid ta’ kampjuni skont l-Artikolu 17.

[…]”

7

Skont l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, intitolat “Determinazzjoni tad-dannu”:

“1.   Taħt dan ir-Regolament, it-terminu ‘dannu’ għandu, sakemm mhux speċifikat mod ieħor, jinftiehem li jfisser dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, theddida ta’ dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni jew dewmien materjali fl-istabbiliment ta’ tali industrija u għandu jiġi interpretat skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu.

2.   Id-dannu għandu jiġi determinat billi jkun ibbażat fuq evidenza pożittiva u għandu jinvolvi eżami objettiv ta’:

(a)

il-volum ta’ importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u l-effett tal-importazzjonijiet li huma oġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni għal prodotti simili; u

(b)

l-impatt konsegwenti ta’ dawk l-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni.

3.   Fir-rigward tal-volum tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, kemm jekk f’termini assoluti kif ukoll jekk relattivament għall-produzzjoni jew għall-konsum fl-Unjoni. Fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping fuq prezzijiet, għandu jittieħed kont ta’ jekk kienx hemm undercutting sinifikanti fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping meta mqabbla mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, jew jekk l-effett ta’ tali importazzjonijiet huwiex mod ieħor biex iwaqqa’ l-prezzijiet għal grad sinifikanti jew biex jipprevjeni żidiet fil-prezz, li b’mod ieħor kienu jseħħu, sa grad sinifikanti. L-ebda wieħed jew iktar minn dawn il-fatturi ma jista neċessarjament jagħti gwida deċiżiva.

[…]

5.   L-eżami tal-impatt tal-prodotti li huma l-oġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni konċernata għandha tinkludi evalwazzjoni tal-fatturi ekonomiċi rilevanti kollha u l-indiċi kollha li għandhom effett fuq l-istat tal-industrija […].

6.   Għandu jintwera, mill-evidenza rilevanti kollha ppreżentata relattivament għall-paragrafu 2, li l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping qegħdin jikkawżaw dannu fis-sens ta’ dan ir-Regolament. B’mod speċifiku, dan għandu jinvolvi li jintwera li l-volum u/jew il-livelli tal-prezzijiet identifikati skont il-paragrafu 3 huma responsabbli għal impatt fuq l-industrija tal-Unjoni kif previst fil-paragrafu 5, u li dak l-impatt jeżisti sa grad li jagħmlu possibbli li jiġi kklassifikat bħala materjali.

7.   Fatturi magħrufa, għajr importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping, li fl-istess ħin ikunu qegħdin jagħmlu dannu lill-industrija tal-Unjoni għandhom ukoll jiġu eżaminati sabiex jiġi żgurat li d-dannu kkawżat minn dawk il-fatturi l-oħrajn ma jkunx attribwit għall-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping taħt il-paragrafu 6. […]

8.   L-effett tal-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping għandu jiġi stmat relattivament għall-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni ta’ prodott simili meta dejta disponibbli jippermettu l-identifikazzjoni separata ta’ dik il-produzzjoni fuq il-bażi ta’ kriterji bħall-proċess tal-produzzjoni, il-bejgħ tal-produtturi u l-profitti. […]

[…]”

8

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjoni ta’ industrija tal‑Unjoni”, jipprevedi:

“1.   Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘industrija tal-Unjoni’ għandu jkun interpetat bħala li jirreferi għall-produtturi kollha tal-prodotti simili jew għal dawk minnhom li l-output kollettiv tal-prodotti jikkostitwixxi proporzjon maġġuri, kif definit fl-Artikolu 5(4), tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ dawk il-prodotti, […]

[…]

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(8) għandhom japplikaw għal dan l-Artikolu.”

9

L-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, intitolat “Teħid ta’ kampjuni”, jipprevedi:

“1.   F’każijiet fejn in-numru ta’ min jilmenta, l-esportaturi jew l-importaturi, it-tipi ta’ prodott jew it-transazzjonijiet ikun kbir, l-investigazzjoni tista’ tiġi limitata għal numru raġonevoli ta’ partijiet, prodotti, jew transazzjonijiet bl-użu ta’ teħid ta’ kampjuni li jkunu statistikament validi fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli fiż-żmien tal-għażla, jew għall-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jistgħu raġonevolment jiġu investigati fiż-żmien disponibbli.

2.   L-għażla finali ta’ partijiet, tipi ta’ prodotti jew transazzjonijiet magħmula taħt dawn id-dispożizzjonijiet tal-kampjunament għandha tibqa’ f’idejn il-Kummissjoni, għalkemm għandha tingħata preferenza għall-għażla ta’ kampjun f’konsultazzjoni ma’, u bil-kunsens ta’, il-partijiet konċernati, sakemm tali partijiet jagħmlu lihom infushom magħrufin u jagħmlu biżżejjed informazzjoni disponibbli, fi żmien tliet ġimgħat mill-bidu tal-investigazzjoni, sabiex jagħmluha possibbli li jiġi magħżul kampjun rappreżentattiv.

[…]”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

10

Il-fatti li wasslu għall-kawża jinsabu fil-punti 1 sa 7 tas-sentenza appellata u, għall-ħtiġijiet tas-sentenza preżenti, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

11

Fit-13 ta’ Frar 2016, wara t-tressiq ta’ lment, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr ġonġituri tal-ħadid (ħlief tal-ħadid fondut) jew tal-azzar (ħlief tal-azzar inossidabbli), ta’ sezzjoni trasversali tonda, ta’ dijametru estern li jaqbeż l-406.4 mm (iktar ’il quddiem il-“prodott inkunsiderazzjoni”), li joriġinaw miċ-Ċina.

12

Matul l-investigazzjoni, Hubei, kumpannija stabbilita fiċ-Ċina li tipproduċi u tesporta lejn l-Unjoni pajpijiet u tubi mingħajr ġonġituri, intgħażlet sabiex tifforma parti mill-kampjun tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

13

Fil-11 ta’ Novembru 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) 2016/1977, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi mingħajr ġonġituri, tal-ħadid (ħlief tal-ħadid fondut) jew tal-azzar (ħlief tal-azzar inossidabbli), ta’ sezzjoni trasversali tonda, ta’ dijametru estern li jaqbeż l-406,4 mm, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2016, L 305, p. 1).

14

Fil-11 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni adottat r-regolament kontenzjuż li l-Artikolu 1 tiegħu jipprevedi l-impożizzjoni ta’ dazju antidumping definittiv fuq il-produtturi-esportaturi Ċiniżi kollha tal-prodott ikkunsidrat. Fir-rigward tal-prodotti mmanifatturati u esportati minn Hubei, ir-rata tad-dazju antidumping ġiet stabbilita għal 54.9 %.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

15

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Awwissu 2017, Hubei talbet l-annullament tar-regolament kontenzjuż.

16

Permezz ta’ digriet tal-24 ta’ Jannar 2018, il-President tas-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali ammetta lil ArcelorMittal Tubular Products Roman SA, lil Válcovny trub Chomutov a.s. u lil Vallourec Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “ArcelorMittal et”) sabiex jintervjenu insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

17

Insostenn tar-rikors tagħha, Hubei invokat erba’ motivi. L-ewwel motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku u tal-Artikolu 3(3.1) u 3.2 tal-Ftehim antidumping. It-tieni motiv kien ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(6) ta’ dan ir-regolament u tal-Artikolu 3(3.5) ta’ dan il-ftehim. It-tielet motiv kien ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-istabbiliment tar-rabta kawżali, fis-sens tal-Artikolu 3(6) u (7) tar-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, ir-raba’ motiv kien ibbażat fuq il-ksur tal-“obbligu ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba”. Huma biss l-ewwel u t-tieni motivi li ġew eżaminati mill-Qorti Ġenerali u li għalhekk huma ta’ interess għal din il-proċedura.

18

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv tagħha, Hubei sostniet li, billi analizzat, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu, it-twaqqigħ tal-prezzijiet abbażi tal-perijodu ta’ investigazzjoni, jiġifieri s-sena 2015, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi. Din l-ewwel parti ġiet miċħuda mill-Qorti Ġenerali fil-punti 48 sa 52 tas-sentenza appellate, li ma humiex ikkonċernati minn dan l-appell.

19

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tieni parti tal-ewwel motiv invokat minn Hubei dwar il-metodu użat mill-Kummissjoni, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu, sabiex tqabbel il-prezzijiet tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping u dawk tal-prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni għall-finijiet tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

20

F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet, fil-punti 59 sa 67 tas-sentenza appellata, li, filwaqt li l-Kummissjoni kienet irrilevat l-eżistenza ta’ tliet segmenti tas-suq relatati mal-prodott ikkunsidrat li jirrigwardaw, l-ewwel wieħed, iż-żejt u l-gass, it-tieni wieħed, il-kostruzzjoni u, it-tielet wieħed, il-ġenerazzjoni tal-elettriku, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni din is-segmentazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tagħha tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u, b’mod iktar ġenerali, fil-kuntest tal-eżami tal-effett tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili fis-suq tal-Unjoni. Għaldaqstant, il‑Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma bbażatx l-analiżi tagħha fuq id-data rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni, bi ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku.

21

Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod partikolari fuq ir-rapport tal-korp tal-appell stabbilit mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO fit-tilwima “Ċina – Miżuri ta’ impożizzjoni ta’ dazji antidumping fuq tubi mingħajr ġonġitura fl-azzar inossidabbli ta’ prestazzjoni għolja ‘HP‑SSST’ li joriġinaw mill-Ġappun” (WT/DS 454/AB/R u WT/DS 460/AB/R, rapport tal-14 ta’ Ottubru 2015, iktar ’il quddiem ir-“rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST”) u fuq is-sentenza tagħha stess tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill (T‑35/01, EU:T:2004:317).

22

Min-naħa l-oħra, fil-punti 68 sa 75 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li l-Kummissjoni, sa fejn, fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċertu volum ta’ prodott ikkunsidrat immanifatturat mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, jiġifieri s-17 mis-66 tip ta’ prodotti, imsejħa “numri ta’ kontroll tal-prodott” (iktar ’il quddiem in-“NKP”), li jirrappreżentaw 8 % tal-volum tal-bejgħ tal-imsemmija produtturi, li ma ġewx esportati mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data rilevanti kollha tal-każ ineżami, bi ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku.

23

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata, li l-konklużjonijiet li kienet waslet għalihom ma setgħux jiġu kkontestati mill-elementi mitfugħa mill-Kummissjoni fil-proċess wara s-seduta.

24

Fil-punti 82 sa 89 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali laqgħet ukoll it-tieni motiv imqajjem minn Hubei billi ddeċidiet, essenzjalment, li, peress li fil-kuntest tal-ewwel aggravju kkonstatat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u tal-effett tal-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili fis-suq tal-Unjoni, kien hemm lok li jiġi kkunsidrat li, konsegwentement, il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali, fis-sens tal-Artikolu 3(6) tar-Regolament bażiku, kienet ibbażata fuq bażi fattwali inkompleta, b’mod li fl-analiżi tar-rabta kawżali, il-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni d-data kollha rilevanti tal-każ ineżami.

25

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali laqgħet l-ewwel u t-tieni motivi tar-rikors u, konsegwentement, annullat ir-regolament kontenzjuż, sa fejn dan jikkonċerna lil Hubei, mingħajr ma eżaminat iż-żewġ motivi l-oħra mressqa minnha.

It-talbiet tal-partijiet

26

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tiċħad, bħala infondati fid-dritt, l-ewwel u t-tieni motiv fl-ewwel istanza;

–

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar il-motivi l-oħra; u

–

tirriżerva l-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

27

Hubei titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tiċħad l-appell;

–

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex teżamina t-tielet u r-raba’ motiv fl-ewwel istanza; u

–

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.

28

ArcelorMittal et jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–

tannulla s-sentenza appellata;

–

tiċħad l-ewwel u t-tieni motiv fl-ewwel istanza bħala infondati fid-dritt;

–

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwar it-tielet u r-raba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza;

–

tikkundanna lil Hubei għall-ispejjeż tal-appell; u

–

tirriżerva l-ispejjeż għall-kumplament.

Dwar l-appell

29

Insostenn tal-appell tagħha, il-Kummissjoni tressaq sitt aggravji bbażati, l-ewwel wieħed, fuq li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li hija kienet obbligata twettaq analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet għal kull segment tas-suq, it-tieni wieħed, fuq li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-metodu tan-NKP ma kienx adegwat sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-segmentazzjoni tas-suq, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq l-iżnaturament tal-provi mwettqa mill-Qorti Ġenerali, ir-raba’ wieħed, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, il-ħames wieħed, fuq ksur tal-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, u, is-sitt wieħed, fuq żball ta’ liġi, inkwantu l-Qorti Ġenerali wettqet stħarriġ ġudizzjarju intensiv wisq waqt l-eżami tagħha tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet imwettqa mill-Kummissjoni.

Osservazzjonijiet preliminari

30

Preliminarjament, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 3 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni xierqa u trasparenti tar-regoli tal-Ftehim antidumping, liema ftehim għandu b’mod partikolari l-għan li jittrasponi, sa fejn possibbli, it-termini ta’ dan il-ftehim fid-dritt tal-Unjoni. Kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 54 tas-sentenza appellata, li ma hijiex is-suġġett tal-kritika tal-Kummissjoni fl-appell tagħha, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku huma sostanzjalment identiċi għal dawk tal-Artikolu 3(3.1) u (3.2) tal-imsemmi ftehim, li kienu speċifikament is-suġġett ta’ interpretazzjoni fir-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST”.

31

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li s-supremazija tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni fuq it-test tad-dritt sekondarju tal-Unjoni teżiġi li dawn tal-aħħar jiġu interpretati, sa fejn ikun possibbli, b’mod konformi ma’ dawn il-ftehimiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, X u X BV, C‑319/10 u C‑320/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:720, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali ta’ osservanza tal-impenji kuntrattwali (pacta sunt servanda), stabbilit fl-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna fuq id-Dritt tat-Trattati, tat-23 ta’ Mejju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 1155, p. 331), jimplika li, għall-finijiet tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tal-Ftehim antidumping, il-qorti tal-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tad-diversi dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li l-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adotta (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (Edukazzjoni Ogħla), C‑66/18, EU:C:2020:792, punt 92).

33

Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà rreferiet għal rapporti ta’ grupp speċjali jew tal-korp tal-appell tal-WTO insostenn tal-interpretazzjoni tagħha ta’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ ftehimiet li jinsabu fl-anness tal-ftehim li jistabbilixxi l-WTO (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, X u X BV, C‑319/10 u C‑320/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:720, punt 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

34

Għaldaqstant, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 53 u 54 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat, essenzjalment, li xejn ma kien jipprekludi, f’dan il-każ, li hija tagħmel riferiment għar-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST” dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(3.1) u (3.2) tal-Ftehim antidumping għall-finijiet tal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet, essenzjalment identiċi, tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku.

35

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-qasam tal-politika kummerċjali komuni, u b’mod partikolari fil-qasam tal-miżuri ta’ difiża kummerċjali, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li jkollhom jeżaminaw (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2018, Gul Ahmed Textile Mills vs Il-Kunsill, C‑100/17 P, EU:C:2018:842, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li din is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tirrigwarda b’mod partikolari d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura antidumping. L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ tali evalwazzjoni għandu għalhekk ikun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tal-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. Dan huwa b’mod partikolari l-każ f’dak li jikkonċerna d-determinazzjoni tal-fatturi li jikkawżaw dannu lill-industrija tal-Unjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Bricmate, C‑569/13, EU:C:2015:572, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet repetutament li l-istħarriġ, mill-Qorti Ġenerali, tal-provi li fuqhom l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jibbażaw il-konstatazzjonijiet tagħhom ma jikkostitwixxix evalwazzjoni ġdida tal-fatti li tissostitwixxi dik ta’ dawn l-istituzzjonijiet. Dan l-istħarriġ ma jaffettwax is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-imsemmija istituzzjonijiet fil-qasam tal-politika kummerċjali, iżda jillimita ruħu li jirrileva jekk dawn l-elementi humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex ta’ natura li jsostnu l-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2019, Caviro Distillerie et vs Il-Kummissjoni, C‑345/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2019:589, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-ewwel sat-tielet aggravju

38

Permezz tal-ewwel sat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta minn ArcelorMittal et, tikkontesta l-punti 59 sa 67 tas-sentenza appellata li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-segmentazzjoni tas-suq tal-prodott ikkunsidrat fil-kuntest tal-analiżi tagħha tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u, b’mod iktar ġenerali, tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili fis-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni ma bbażatx l-analiżi tagħha fuq id-data rilevanti kollha tal-każ ineżami, bi ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku.

L-argumenti tal-partijiet

– Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq analiżi tat-twaqqigħ tal‑prezzijiet għal kull segment tas-suq

39

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill‑Qorti Ġenerali talli kisret l-Artikolu 1(2) u (4), l-Artikolu 3(2), (3) u (8), kif ukoll l-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku, u dan billi ddeċidiet li hija kienet obbligata twettaq eżami separat tat-twaqqigħ tal-prezzijiet għal kull segment tas‑suq tal-prodott ikkunsidrat.

40

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li huwa suffiċjenti li l-Kummissjoni tanalizza t-twaqqigħ tal-prezzijiet għal-livell tal-“prodott simili”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku, billi teżamina l-effett tiegħu fuq l-“industrija tal-Unjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament.

41

Min-naħa l-oħra, xejn fl-imsemmija dispożizzjonijiet ma jindika obbligu li ssir analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet separatament għal kull segment tas-suq tal-prodott ikkunsidrat.

42

Billi imponiet tali obbligu, il-Qorti Ġenerali eżiġiet analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet li hija bbażata fuq il-kunċett tas-suq tal-prodott rilevanti li jappartjeni għad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Issa, dan il-kunċett huwa differenti ħafna minn dak tal-“prodott simili” adottat mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni antidumping, b’mod partikolari għall-finijiet tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

43

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l‑Qorti Ġenerali bbażat b’mod żbaljat ir-rekwiżit ta’ analiżi tat-twaqqigħ tal‑prezzijiet separatament għal kull segment tas-suq fuq żewġ preċedenti biss, jiġifieri r-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST” u s-sentenza tat‑28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill (T‑35/01, EU:T:2004:317).

44

B’hekk, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li fuqhom huma bbażati dawn il-preċedenti li huma kompletament differenti minn dawk li fuqhom hija bbażata din il-kawża.

45

Fil-fatt, minn naħa, fil-każijiet inkwistjoni f’dawn iż-żewġ preċedenti, ebda twaqqigħ tal-prezzijiet ma ġie kkonstatat fil-livell tal-prodott simili filwaqt li, fir-regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni kkonstatat twaqqigħ tal-prezzijiet għal dan il-livell.

46

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għas-sitwazzjoni inkwistjoni fir-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST”, li fiha l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping u l-bejgħ intern kienu kkonċentrati f’diversi segmenti tas-suq, fir-regolament kontenzjuż il-Kummissjoni allegatament ikkonstatat konċentrazzjoni tal-bejgħ intern u tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fl-istess segmenti tas-suq u f’livelli simili.

47

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli interpretat b’mod żbaljat ir-regolament kontenzjuż jew, sussidjarjament, li wettqet klassifikazzjoni ġuridika żbaljata tal-fatti meta, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li l-fatti, ikkonstatati fil-punti 59, 61, 62 u 64 ta’ dik is-sentenza, kienu jikkostitwixxu ċirkustanzi eċċezzjonali li jeħtieġu analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet għal kull settur tas-suq.

48

Preliminarjament, Hubei ssostni li l-appell huwa ineffettiv sa fejn il-Kummissjoni tikkontesta s-sentenza appellata inkwantu timponi analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet b’mod separat għal kull segment tas-suq. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma imponietx tali analiżi, iżda kkunsidrat biss, fil-punti 45, 66 u 67 tas-sentenza appellata, li r-regolament kontenzjuż jikser l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku sa fejn, fid-dawl tal-elementi ta’ fatt li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-segmentazzjoni tas-suq tal-prodott ikkunsidrat fil-kuntest tal-analiżi tagħha tat-twaqqigħ tal-prezzijiet. Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni tikkontesta r-rilevanza ta’ ċerti konstatazzjonijiet fattwali magħmula mill-Qorti Ġenerali mingħajr ma tinvoka żnaturament tal-provi, l-argument tagħha huwa inammissibbli.

49

Fuq il-mertu, Hubei ssostni li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju ma hijiex fondata. Fil-fatt, mir-riferiment, fl-Artikolu 3(2)(a) u fl-Artikolu 4(1) tal-imsemmi regolament, għal “prodotti simili”, jirriżulta li l-kunċett ta’ “prodott simili” jista’ jkopri diversi tipi ta’ prodotti u, għaldaqstant, diversi segmenti, fatt li huwa kkorroborat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

50

Barra minn hekk, il-korp tal-appell stabbilit mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO enfasizza l-importanza li tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ segmenti differenti tas-suq fl-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u li s-sentenza appellata hija konformi ma’ dawn il-konstatazzjonijiet.

51

Skont Hubei, għalkemm ma jeżisti ebda obbligu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet għal kull tip ta’ prodott jew segment mis-suq, il-Kummissjoni hija obbligata teżamina l-provi rilevanti kollha, inkluż il-punt dwar jekk l-eżistenza ta’ segmenti differenti tas-suq jistax ikollha effett globali fuq l-analiżi tal-effetti tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fuq il-prezzijiet u, b’mod partikolari, fuq it-twaqqigħ tal-prezzijiet.

52

Fir-rigward tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, Hubei ssostni li l-bażi legali li fuqha bbażat ruħha l-Qorti Ġenerali sabiex tannulla r-regolament kontenzjuż hija l-ksur tal-obbligu, impost fuq il-Kummissjoni skont l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, li tibbaża l-analiżi tagħha fil-qasam tat-twaqqigħ tal-prezzijiet fuq l-informazzjoni rilevanti kollha u, għaldaqstant, il-ksur tal-obbligu li jiġi ddeterminat id-dannu fuq provi pożittivi u fuq eżami oġġettiv.

53

Il-Qorti Ġenerali ġustament irreferiet għal żewġ preċedenti, jiġifieri r-rapport tal‑korp tal-appell “HP‑SSST” u s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill (T‑35/01, EU:T:2004:317), sabiex issostni li, meta jkunu jeżistu diversi segmenti tas-suq li jkollhom differenzi sostanzjali fil-prezz, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett ta’ din is-segmentazzjoni fuq l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

54

Barra minn hekk, diversi allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar dawn iż-żewġ preċedenti ma humiex eżatti.

55

Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni tal-Kummissjoni li, f’din il-kawża, kemm l-importazzjonijiet Ċiniżi kif ukoll il-prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni kienu kkonċentrati fl-istess segment tas-suq ma tidhirx fir-regolament kontenzjuż, kif il-Qorti Ġenerali kkonstatat korrettament. Issa, sa mill-proċedura amministrattiva Hubei sostniet li l-importazzjonijiet Ċiniżi kienu kkonċentrati f’segment tas-suq differenti minn dak li fih kienu kkonċentrati l-prodotti mmanifatturati mill-industrija tal-Unjoni.

56

Hubei ssostni li t-tielet parti tal-ewwel aggravju wkoll għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, minn naħa, il-partijiet ikkonċernati indirizzaw il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ diversi segment tas-suq mhux fil-kuntest tad-definizzjoni tal-prodott ikkunsidrat, iżda f’dak tad-dannu u tar-rabta kawżali. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-aġġustament li għamlet il-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-marġni ta’ dannu minħabba s-sitwazzjoni ekonomika u l-profittabbiltà tal-ikbar kumpannija tal-kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni msemmi fil-premessa 8 tar-Regolament 2016/1977, Hubei ssostni li dawn l-elementi għandhom b’mod ċar effett sinjifikattiv fuq l-analiżi tad-dannu.

– Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li l-metodu tan-NKP ma kienx adegwat sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-segmentazzjoni tas-suq

57

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 60 u 67 tas‑sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali, essenzjalment, qieset li l-metodu tan-NKP ma kienx adegwat sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-segmentazzjoni tas-suq. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-premessa 24 tar-regolament kontenzjuż kif ukoll l-ispjegazzjonijiet mogħtija matul il-proċedura amministrattiva u fl-osservazzjonijiet orali u bil-miktub tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. B’mod sussidjarju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi prodotti f’dan ir-rigward.

58

Il-Kummissjoni ssostni li l-metodu tan-NKP jikkostitwixxi l-iktar analiżi ddettaljata li tista’ ssir sabiex jitqabblu l-prodott ikkunsidrat u l-prodott simili. Dan il-metodu, li barra minn hekk ma huwiex użat mill-imsieħba kummerċjali prinċipali tal-Unjoni, jikkonsisti f’analiżi ħafna iktar fil-fond minn dik imwettqa fil-livell tas-segmenti tas-suq tal-prodott simili. Fil-fatt, il-kostruzzjoni tan-NKP tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi kollha tal-prodott ikkunsidrat u b’hekk tippermetti lill-Kummissjoni tqiegħed f’korrispondenza kull pajp jew tubu mmanifatturat mill-produttur Ċiniż inkluż fil-kampjun ma’ pajp jew tubu mmanifatturat mill-produttur tal-Unjoni inkluż fil-kampjun li huwa l-iktar paragunabbli possibbli. B’hekk, l-ewwel ċifra tan-NKP tagħmel riferiment għal wieħed mit-tliet segmenti tas-suq ikkonċernati. Xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li, billi bbażat ruħha fuq in-NKP, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċerti karatteristiċi proprji tal-prodott ikkunsidrat jew tas-suq, fosthom il-varjazzjonijiet tal-prezzijiet. Il-metodu tan-NKP jiggarantixxi, bil-ħolqien u l-funzjonament tiegħu, analiżi skont is-settur tas-suq.

59

Hubei ssostni li, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet biss li, fid-dawl tal-fatti li kellha l-Kummissjoni għad-dispożizzjoni tagħha, l-applikazzjoni tal-metodu tan-NKP kienet fiha nnifisha insuffiċjenti sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-segmentazzjoni tas-suq.

60

Ċertament, dan il-metodu ppermetta lill-Kummissjoni tiddetermina jekk l-importazzjonijiet Ċiniżi li jaqgħu taħt NKP jew taħt tip ta’ prodott speċifiku f’segment tas-suq speċifiku kinux iwaqqgħu il-prezzijiet tal-bejgħ iffatturati mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun għall-istess NKP jew tip ta’ prodott li jaqa’ taħt l-istess segment tas-suq. Madankollu, kif indikat b’mod korrett il-Qorti Ġenerali fil-punt 67 tas-sentenza appellata, dan l-istess metodu ma ppermettiex lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-effett tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping f’segment partikolari fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għal prodotti li jaqgħu taħt segmenti oħra.

– Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ta’ żnaturament tal-provi

61

Permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju tagħha, ibbażata fuq żball ta’ interpretazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE, il‑Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 77 sa 79 tas‑sentenza appellata, li ċerti provi prodotti minnha wara s-seduta fuq talba tal‑Qorti Ġenerali u li juru li kien hemm twaqqigħ tal-prezzijiet għat-tliet segmenti tas-suq tal-prodott ikkunsidrat u li l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil‑kampjun kienu kkonċentrati, bħalma kienu l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping, fis-settur tal-kostruzzjoni, ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni peress li huma kienu tressqu fi stadju tardiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u kienu jikkonċernaw raġunijiet li ma kinux jinsabu fir-regolament kontenzjuż.

62

Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li hija kellha għad-dispożizzjoni tagħha meta ddeċidiet, fil-punt 78 tas-sentenza appellata, li l-analiżi għal kull segment tas-suq twettqet biss ex post. Id-distinzjoni bejn id-diversi partijiet tas-suq ġiet deliberatament internalizzata fl-analiżi permezz tal-metodu tan-NKP li l-Qorti Ġenerali injorat jew naqset milli tosserva, u żnaturat il-funzjonament tiegħu.

63

Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, Hubei ssostni li l-Kummissjoni b’mod żbaljat tibbaża ruħha fuq is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen‑Zentrum Deutschland (C‑687/13, EU:C:2015:573), sabiex issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ interpretazzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE.

64

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 73 ta’ dik is-sentenza, din ingħatat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni partikolari li fiha importatur li ma kienx ipparteċipa fil-proċedura amministrattiva invoka ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni f’dak li jirrigwarda allegazzjonijiet li ma kienx ifformula huwa stess. Hubei ssostni li l-pożizzjoni tagħha hija fundamentalment differenti peress li, sa mill-bidu tal-proċedura amministrattiva, hija sostniet li l-eżistenza ta’ segmenti differenti kellha importanza għall-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

65

Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li l-istituzzjonijiet huma obbligati jesponu l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni inkwistjoni u li l-motivazzjoni ta’ att għandha tidher fit-test stess tiegħu.

66

Fl-aħħar nett, Hubei ssostni li ma huwiex eżatt li jingħad li hija kienet taf, permezz tal-fajl amministrattiv, li l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping kienu kkonċentrati fl-istess segment, jiġifieri dak tal-kostruzzjoni, u li twaqqigħ tal-prezzijiet kien ġie kkonstatat fit-tliet segmenti. Fil-fatt, għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, hija ma kellhiex aċċess għall-kalkoli ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet tal-produtturi Ċiniżi l-oħra.

67

Fir-rigward tat-tieni parti tat-tielet aggravju, Hubei ssostni li, fil-punt 78 tas‑sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Kummissjoni mhux talli ma applikatx il-metodu tan-NKP għal kull segment, iżda talli ma wettqitx analiżi għal kull segment. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Kummissjoni li l‑metodu tan-NKP ippermettielha biss li tistabbilixxi twaqqigħ tal-prezzijiet f’segment partikolari, iżda ma ppermettilhiex tanalizza l-effetti tat-twaqqigħ ikkonstatat f’settur fuq il-prezzijiet ta’ bejgħ iffatturati minn produtturi tal-Unjoni f’segment ieħor.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

– Osservazzjonijiet preliminari

68

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat, qabel kollox, dak li l-Qorti Ġenerali kkritikat eżattament lill-Kummissjoni fis-sentenza appellata f’dak li jikkonċerna l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet li hija wettqet f’dan il-każ, peress li, fuq dan il-punt, il-partijiet ma jaqblux dwar il-portata eżatta ta’ dik is-sentenza.

69

F’dan ir-rigward, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-punti 65 sa 67 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali aċċettat li, fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Kummissjoni, peress li hija applikat il-metodu tan-NKP, ħadet inkunsiderazzjoni, sa ċertu punt, is-segmentazzjoni tal-prodott ikkunsidrat. Madankollu, hija qieset li, fid-dawl ta’ erba’ elementi fattwali tal-każ inkwistjoni li jikkaratterizzaw din is-segmentazzjoni, jiġifieri d-diffikultà ta’ interkambjabbiltà min-naħa tad-domanda bejn prodotti li jaqgħu taħt diversi segmenti, il-varjazzjoni tal-prezzijiet bejn diversi segmenti, il-konċentrazzjoni tal-operazzjonijiet tal-ikbar impriża inkluża fil-kampjun tal-industrija tal-Unjoni fis-segment taż-żejt u tal-gass u l-konċentrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-produtturi‑esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun fis-segment tal-kostruzzjoni, l-użu ta’ dan il-metodu ma kienx suffiċjenti sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod adegwat, is-segmentazzjoni tas-suq għall-finijiet tal-analiżi tal-effetti tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u qieset li, għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx ibbażat l-analiżi tagħha fuq id-data rilevanti kollha tal-kawża ineżami.

70

B’mod iktar preċiż, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Kummissjoni, fid-dawl ta’ dawn l-erba’ elementi fattwali li jikkaratterizzaw is-segmentazzjoni tal-kawża ineżami, li ma żguratx ruħha, tal-inqas, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni ma kienx ġej minn segment li fuqu l-importazzjonijiet Ċiniżi kellhom preżenza baxxa jew livell ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, jekk jitqies li jeżisti, li ma setax jitqies li huwa “sinifikanti” fis-sens tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku.

71

Fil-fatt, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, permezz ta’ dan il-punt 67 il-Qorti Ġenerali impliċitament iżda neċessarjament iddeċidiet li, li kieku dan kien il-każ, dan it-tnaqqis fil-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni ma jistax jitqies li huwa l-konsegwenza tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

72

Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, id-determinazzjoni tad-dannu għandha tkun akkumpanjata minn eżami oġġettiv tal-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, tal-effett tagħhom fuq il-prezzijiet ipprattikati fis-suq tal-Unjoni u tal-effett tagħhom fuq l-industrija tal-Unjoni. L-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li, f’dak li jikkonċerna l-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet, għandu jiġi eżaminat jekk, għall-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, kienx hemm twaqqigħ sinjifikattiv fil-prezz meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni.

73

Kif il-Qorti Ġenerali osservat fil-punt 33 tas-sentenza appellata, ir-Regolament bażiku ma jimponi l-ebda metodu partikolari għall-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

74

Madankollu, kif tenfasizza l-Kummissjoni, mill-kliem stess tal-Artikolu 3(3) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-metodu segwit sabiex jiġi ddeterminat eventwali twaqqigħ tal-prezzijiet għandu, bħala prinċipju, jintuża fil-livell tal-“prodott simili”, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-imsemmi regolament, anki jekk dan jista’, bħal f’dan il-każ, ikun kompost minn diversi tipi ta’ prodotti li jaqgħu taħt diversi segmenti tas-suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill, C‑376/15 P u C-377/15 P, EU:C:2017:269, punti 58 u 59).

75

Għaldaqstant, ir-Regolament bażiku ma jimponix, bħala prinċipju, obbligu fuq il-Kummissjoni li twettaq analiżi tal-eżistenza tat-twaqqigħ tal-prezzijiet f’livell differenti minn dak tal-prodott simili.

76

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-punt 5.180 tar-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST” li jipprovdi li, skont l-Artikolu 3(3.2) tal-Ftehim antidumping, l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni antidumping ma hijiex obbligata tistabbilixxi l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet għal kull wieħed mit-tipi ta’ prodotti koperti mill-investigazzjoni jew f’dak li jirrigwarda l-firxa kollha ta’ prodotti li jikkostitwixxu l-prodott nazzjonali simili.

77

Madankollu, kif jikkonferma dan l-istess punt 5.180, peress li, skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni hija obbligata twettaq “eżami oġġettiv” tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili tal-industrija tal-Unjoni, din l-istituzzjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tagħha tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-provi pożittivi rilevanti kollha, inkluż, jekk ikun il-każ, dawk relatati mad-diversi segmenti tas-suq tal-prodott ikkunsidrat.

78

Għaldaqstant, sabiex tiżgura l-oġġettività tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Kummissjoni tista’, f’ċerti ċirkustanzi, tkun obbligata twettaq tali analiżi fil-livell tas-segmenti tas-suq tal-prodott inkwistjoni, anki jekk is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha din l-istituzzjoni sabiex tiddetermina, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ dannu skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 36 ta’ din is-sentenza testendi, hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 167 tal-konklużjonijiet tiegħu, għal mill-inqas id-deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-metodu ta’ analiżi, għad-data u l-provi li għandhom jinġabru, għall-metodu ta’ kalkolu li għandu jintuża sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ twaqqigħ u kif ukoll għall-interpretazzjoni u l-evalwazzjoni tad-data miġbura.

79

Fl-aħħar nett, għandu jiġi indikat li dan jgħodd ukoll, fl-ewwel lok, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fis-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill (T‑35/01, EU:T:2004:317), ikkaratterizzata mill-fatt li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett tal-investigazzjoni antidumping kienu fil-biċċa l-kbira kkonċentrati f’wieħed mis-segmenti tas-suq tal-prodott inkwistjoni.

80

Fil-fatt, kif iddeċidiet, essenzjalment, il-Qorti Ġenerali fil-punti 127 u 129 ta’ dik is-sentenza, f’tali sitwazzjoni ta’ segmentazzjoni partikolarment ikkaratterizzata tal-importazzjonijiet ikkonċernati, l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku ma jipprekludix li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jwettqu l-evalwazzjoni tad-dannu separatament fil-livell tas-settur ikkonċernat, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-prodott simili kollu kemm hu jittieħed debitament inkunsiderazzjoni.

81

Fit-tieni lok, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 77 tal-konklużjonijiet tiegħu, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, l-insenjamenti li jirriżultaw mir-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST” jistgħu jiġu miġbura fil-qosor fis-sens li, f’sitwazzjoni partikolari kkaratterizzata minn konċentrazzjoni qawwija tal-bejgħ intern u tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq segmenti distinti kif ukoll minn differenzi fil-prezz għalkollox sinjifikattivi bejn dawn is-segmenti, sabiex tiġi ggarantita l-oġġettività tal-analiżi dwar l-eżistenza tat-twaqqigħ tal-prezzijiet il-Kummissjoni, anki jekk hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fir-rigward tal-modalitajiet ta’ din l-analiżi, tista’ tkun obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-partijiet tas-suq ta’ kull tip ta’ prodott u dawn id-differenzi fil-prezz.

82

Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 5.180 u 5.181 ta’ dak ir-rapport, l-awtorità inkarigata minn investigazzjoni antidumping, peress li għandha l-obbligu li teżamina oġġettivament l-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet interni, ma tistax teskludi provi li jistgħu jagħtu x’jifhem li dawn l-importazzjonijiet ma kellhomx effett fuq dawn il-prezzijiet, jew biss effett limitat.

83

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ewwel sat-tielet aggravju, billi l-ewwel jiġi eżaminat it-tielet aggravju fid-dawl tal-effett potenzjalment sinjifikattiv tiegħu fuq l-ewwel u t-tieni aggravju.

– Fuq it-tielet aggravju

84

Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata, qieset li ma setax jittieħed kont ta’ ċerti elementi fattwali dwar is-segmentazzjoni tas-suq tal-prodott ikkunsidrat ippreżentati mill-Kummissjoni wara s-seduta.

85

Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 80 u 81 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-proċess jirriżulta li, wara d-dibattiti li seħħew matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni pprovdiet, konformement ma’ talba magħmula minn dik il-qorti, data f’ċifri li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu tan-NKP, li minnha rriżulta, minn naħa, li, fit-tliet segmenti inkwistjoni, l-importazzjonijiet li kienu s-suġġett ta’ dumping u l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kienu preżenti f’livelli kważi ekwivalenti, li huma kienu kkonċentrati prinċipalment fis-segment tal-kostruzzjoni, b’sehem rispettiv ta’ 75.1 % u ta’ 71.6 %, li t-tnejn li huma kienu jilħqu livell mhux negliġibbli fis-settur taż-żejt u tal-gass, jiġifieri 17.3 % u 15.3 % rispettivament, u li t-tnejn li huma kienu preżenti f’miżura inqas iżda mhux negliġibbli, fis-segment tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, jiġifieri 7.4 % u 13.1 % rispettivament, u, min-naħa l-oħra, li t-twaqqigħ tal-prezzijiet kien seħħ fit-tliet setturi inkwistjoni.

86

Issa, fil-punti 77 sa 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li hija ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni din id-data peress li, minħabba li kienet ġiet ippreżentata fi stadju tardiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, din ma setgħetx tikkompleta l-motivazzjoni tar-regolament kontenzjuż.

87

F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni li hija l-awtur tagħha, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il-Kunsill, C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 81, kif ukoll tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen‑Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 75).

88

Skont din l-istess ġurisprudenza, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jistgħu jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tad-9 ta’ Jannar 2003, Petrotub u Republica vs Il‑Kunsill, C‑76/00 P, EU:C:2003:4, punt 81, u tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen‑Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 76).

89

Bl-istess mod, fil-każ ta’ regolament, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li huwa maħsub li jilħaq. Għaldaqstant, ma jistax jiġi meħtieġ mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jispeċifikaw id-diversi fatti li xi drabi jafu jkunu numerużi u kumplessi ħafna li fid-dawl tagħhom ġie adottat ir-regolament, u lanqas a fortiori li jipprovdu evalwazzjoni ftit jew wisq kompleta (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen‑Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 77).

90

F’dan il-każ, fil-punt 79 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali enfasizzat li fir-regolament kontenzjuż il-Kummissjoni ma kinitx esponiet il-fatt li l-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun kien ikkonċentrat fuq is-settur tal-kostruzzjoni, minkejja li mill-premessa 104 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-assoċjazzjoni tal-produtturi-esportaturi Ċiniżi kienet issostni preċiżament li l-importazzjonijiet miċ-Ċina kienu jiffokaw fuq dan is-settur filwaqt li l-produtturi tal-Unjoni kienu iktar involuti fis-segmenti taż-żejt u tal-gass kif ukoll tal-ġenerazzjoni tal-elettriku.

91

Issa, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li fir-regolament kontenzjuż ma enfasizzatx l-imsemmi fatt b’risposta għall-argument imqajjem mill-imsemmija assoċjazzjoni peress li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 89 ta’ din is-sentenza, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE ma timponix fuq din l-istituzzjoni l-obbligu li tispeċifika b’mod eżawrjenti d-diversi fatti xi kultant numerużi u kumplessi li fid-dawl tagħhom ġie adottat regolament li jimponi dazji antidumping, u lanqas a fortiori li tipprovdi evalwazzjoni ftit jew wisq kompleta tagħhom.

92

Barra minn hekk, peress li, fir-rigward tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, is-sustanza tal-għan imfittex mill-Kummissjoni tirriżulta mir-regolament kontenzjuż, dan tal-aħħar ma kellux jinkludi motivazzjoni speċifika għal kull wieħed mid-diversi argumenti fattwali invokati fir-rigward ta’ din l-analiżi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2015, Fliesen‑Zentrum Deutschland, C‑687/13, EU:C:2015:573, punt 78).

93

Fil-fatt, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-data pprovduta mill-Kummissjoni wara s-seduta tinkludi dettalji u informazzjoni addizzjonali dwar ir-raġunijiet diġà inklużi fir-regolament kontenzjuż, li barra minn hekk ma huwiex ikkontestat li jikkostitwixxu motivazzjoni suffiċjenti, li abbażi tagħhom il-Kummissjoni kkonkludiet li l-analiżi bbażata fuq il-metodu tan-NKP kienet uriet li f’dan il-każ kien jeżisti twaqqigħ tal-prezzijiet fil-livell tal-prodott simili.

94

B’mod partikolari, fil-premessa 108 tar-regolament kontenzjuż, il-Kummissjoni spjegat, kif ġej, għaliex il-metodu tan-NKP kien jippermetti li tittieħed inkunsiderazzjoni, waqt it-tqabbil tal-prodotti u għalhekk, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, is-segmentazzjoni tas-suq tal-prodott ikkunsidrat:

“F’dak li jirrigwarda s-segmenti, il-Kummissjoni indikat li d-differenzi rilevanti bejn tipi ta’ prodott huma riflessi fin-[NKP], li jiżgura li prodotti paragunabbli biss jiġu pparagunati flimkien. Il-karatteristiċi ewlenin tas-segmenti huma distinti minħabba l-PCN: azzar illigat u azzar illigat ħafna (segment ta’ ġenerazzjoni tal-enerġija), azzar mhux illigat (kostruzzjoni) u l-kategoriji ta’ prodotti speċifiċi ta’ pajpijiet lineari, kejsing, tubi u ajpijiet għat-tħaffir (segment taż-żejt u l-gass).”

95

Peress li l-parti essenzjali tar-raġunament tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, inkluż speċifikament it-teħid inkunsiderazzjoni tas-segmenti tas-suq tal-prodott ikkunsidrat, kienet diġà tirriżulta mill-motivi tar-regolament kontenzjuż, xejn ma kien jipprekludi li, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali titlob kjarifiki lill-Kummissjoni sabiex tikseb spjegazzjonijiet addizzjonali li dik il-qorti kienet tqis neċessarji sabiex tifhem bis-sħiħ din l-analiżi fid-dawl tal-kritika magħmula kontriha minn Hubei.

96

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni d-data li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-metodu tan-NKP imsemmija fil-punt 85 ta’ din is-sentenza meta kienet dik il-qorti stess li talbet lill-Kummissjoni tipprovdihielha wara s-seduta. Għaldaqstant, peress li din l-informazzjoni tifforma parti mill-proċess, din għandha tittieħed inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-ewwel u tat-tieni aggravju.

97

Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

– Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

98

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli eżiġiet analiżi tat-twaqqigħ tal‑prezzijiet għal kull segment tas-suq tal-prodott ikkunsidrat bi ksur tal‑Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku li jipprevedi tali analiżi biss fil-livell tal‑prodott simili. Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali bbażat ir-rekwiżit ta’ analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet għal kull segment tas-suq fuq żewġ preċedenti, jiġifieri r-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST” u s-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill (T‑35/01, EU:T:2004:317), filwaqt li l-insenjamenti li jirriżultaw minn dawn il-preċedenti ma japplikawx f’dan il-każ. Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ddeċidiet li l-fatti, elenkati fil-punti 59, 61, 62 u 64 tas-sentenza appellata, kienu jikkostitwixxu ċirkustanzi eċċezzjonali li jeħtieġu analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet għal kull segment tas-suq.

99

Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkontesta l-punti 60 u 67 tas‑sentenza appellata li fihom il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li l-metodu tan-NKP ma kienx adegwat sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-segmentazzjoni tas-suq tal-prodott ikkunsidrat fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

100

Dawn iż-żewġ aggravji għandhom jiġu ttrattati flimkien peress li fil-biċċa l-kbira jikkoinċidu sa fejn it-tnejn li huma jikkritikaw il-punt 67 tas-sentenza appellata.

101

F’dan ir-rigward, mill-punti 60, 66 u 67 tas-sentenza appellata jirriżulta li, skont il-Qorti Ġenerali, minkejja l-applikazzjoni tal-metodu tan-NKP, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-segmentazzjoni tas-suq tal-prodott ikkunsidrat fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-analiżi tagħha tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, filwaqt li l-fatti partikolari tal-każ, elenkati fil-punti 59, 61, 62 u 64 ta’ dik is-sentenza, kienu jeżiġu tali analiżi fil-livell ta’ kull segment tas-suq tal-prodott ikkunsidrat kollu u li, għaldaqstant, din l-istituzzjoni ma bbażatx l-analiżi tagħha fuq id-data kollha rilevanti tal-każ ineżami.

102

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 35 u 36 ta’ din is-sentenza, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Kummissjoni fil-kuntest ta’ proċedura antidumping minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi u politiċi li hija għandha teżamina u li tirrigwarda, b’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni għandha bħala korollarju li, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fatti minn din l-istituzzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-verifika tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

103

Issa, fir-rigward tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx li, meta applikat il-metodu tan-NKP, l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-segmentazzjoni tas-suq tal-prodott ikkunsidrat.

104

Fil-fatt, mill-premessi 24 u 108 tar-regolament kontenzjuż jirriżulta li, f’dak li jirrigwarda s-segmenti tas-suq, il-Kummissjoni indikat li d-differenzi rilevanti bejn it-tipi ta’ prodotti ttieħdu inkunsiderazzjoni fin-NKP, u dan ippermetta li jiġi ggarantit li prodotti paragunabbli biss jiġu pparagunati bejniethom u li l-karatteristiċi prinċipali tas-setturi tas-suq jiddistingwu ruħhom permezz tan-NKP.

105

B’mod partikolari, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 92 u 93 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-ewwel ċifra ta’ kull NKP kienet tirreferi għas-segment li fih kien jaqa’ t-tip ta’ prodott ikkunsidrat u l-Kummissjoni pparagunat, NKP b’NKP, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping u l-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni.

106

Għaldaqstant, meta applikat il-metodu tan-NKP, il-Kummissjoni tabilħaqq ħadet inkunsiderazzjoni s-segmenti tas-suq tal-prodott ikkunsidrat għall-finijiet, b’mod partikolari, tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u, konsegwentement, ma tistax tiġi kkritikata li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-implimentazzjoni ta’ din l-analiżi.

107

Minn dan isegwi, hekk kif issostni l-Kummissjoni fit-tielet parti tas-sitt aggravju tagħha, li, fuq dan il-punt, il-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju li jimponulha li, fir-rigward tad-determinazzjoni tad-dannu u, b’mod partikolari, tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, tosserva l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ rriżervat f’dan ir-rigward lill-Kummissjoni li, kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 167 tal-konklużjonijiet tiegħu, jestendi għal mill-inqas id-deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-metodu ta’ analiżi, għad-data u l-provi li għandhom jinġabru, għall-metodu ta’ kalkolu li għandu jintuża sabiex jiġi ddeterminat il-marġni ta’ twaqqigħ u kif ukoll għall-interpretazzjoni u l-evalwazzjoni tad-data miġbura.

108

Fir-rigward tal-argument ta’ Hubei, li diġà tqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali, li l-użu tal-metodu tan-NKP huwa insuffiċjenti peress li ma jippermettix li jiġi stabbilit l-effett tal-importazzjonijiet f’segment partikolari fuq il-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għal prodotti li jaqgħu taħt segmenti oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma laqgħetux.

109

Min-naħa l-oħra, fil-punt 67 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Kummissjoni talli, minn tal-inqas, ma vverifikatx li, fid-dawl tas-segmentazzjoni kkaratterizzata tal-prodott ikkunsidrat f’dan il-każ, it-tnaqqis fil-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni ma kienx ġej minn segment li fuqu l-importazzjonijiet Ċiniżi kellhom preżenza dgħajfa jew livell ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet li ma setax jitqies li huwa sinjifikattiv.

110

Issa, kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni bi tweġiba għat-talba tal-Qorti Ġenerali, imsemmija fil-punt 85 ta’ din is-sentenza, l-użu tal-metodu tan-NKP ippermetta li jiġi kkonstatat li l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping u l-prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni kienu għalkollox komparabbli mat-tliet segmenti tas-suq u li t-twaqqigħ tal-prezzijiet seħħ f’kull wieħed minn dawn it-tliet segmenti, b’tali mod li fil-kawża preżenti ma kinitx teżisti sitwazzjoni ta’ segmentazzjoni kkaratterizzata bħal dik inkwistjoni fir-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST” u l-kawża li wasslet għas-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2004, Shanghai Teraoka Electronic vs Il-Kunsill (T‑35/01, EU:T:2004:317).

111

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm, fid-dawl tal-prinċipji mfakkra fil-punti 77 sa 80 ta’ din is-sentenza, analiżi addizzjonali tat-twaqqigħ tal-prezzijiet bħal dik imsemmija fil-punt 67 tas-sentenza appellata li tikkonsisti f’li jiġu pparagunati l-prezzijiet f’kull segment minbarra l-analiżi mwettqa abbażi tal-metodu tan-NKP, jiġifieri paragun NKP b’NKP, tista’ tiġi imposta fuq il-Kummissjoni f’ċerti ċirkustanzi eċċezzjonali ta’ segmentazzjoni kkaratterizzata tal-prodott inkwistjoni li timplika varjazzjonijiet fil-prezz kbar bejn is-setturi tas-suq, anki jekk għandu jkun ir-riżervat marġni diskrezzjonali wiesa’ għal din l-istituzzjoni sabiex tiddefinixxi l-metodu preċiż għall-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, tali analiżi addizzjonali ma kinitx, fi kwalunkwe każ, meħtieġa f’dan il-każ fid-dawl tad-data pprovduta mill-Kummissjoni fuq talba espressa tal-Qorti Ġenerali wara s-seduta quddiemha.

112

Jista’ jingħad ukoll li, fir-rigward b’mod partikolari tal-eżistenza ta’ differenzi sinjifikattivi fil-prezz bejn it-tliet segmenti tas-suq, mill-premessi 24 u 108 tar-regolament kontenzjuż jirriżulta li, f’dan il-każ, dawn kienu fuq kollox marbuta mal-użu, għall-prodotti li jaqgħu fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-elettriku, ta’ azzar illigat ħafna filwaqt li, għall-manifattura tal-prodotti li jaqgħu taħt iż-żewġ setturi l-oħra, intuża azzar mhux illigat.

113

Barra minn hekk, mill-imsemmija premessi 24 u 108, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta li, bl-applikazzjoni tal-metodu tan-NKP, id-differenzi fl-ispejjeż u fil-prezz marbuta mal-azzar illigat ħafna ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-paraguni minħabba l-kostruzzjoni tan-NKP, b’mod partikolari l-ewwel karatteristika meħuda inkunsiderazzjoni fin-NKP, jiġifieri t-tip ta’ prodott, li tagħmel distinzjoni bejn azzar mhux illigat, azzar illigat u azzar illigat ħafna.

114

Għaldaqstant, f’dan il-każ, peress li dawn id-differenzi fil-prezz bejn id-diversi segmenti tas-suq tal-prodott ikkunsidrat kienu diġà ttieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet skont il-metodu tan-NKP, dawn ma kinux jimponu fuq il-Kummissjoni li twettaq l-analiżi addizzjonali msemmija fil-punt 67 tas-sentenza appellata.

115

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel u t-tieni aggravju huma fondati. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, konsegwentement, is-sitt aggravju, meħud fit-tielet parti tiegħu, huwa wkoll fondat sa fejn, permezz ta’ din il-parti, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli eċċediet il-limiti tal-istħarriġ ġudizzjarju li hija għandha billi, fil-punti 59 sa 66 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li din l-istituzzjoni, peress li ma wettqitx analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet għal kull segment tas-suq, ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data rilevanti kollha, mingħajr madankollu ma kkonstatat żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-imsemmija istituzzjoni.

Fuq ir-raba’ aggravju

116

Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni, sostnuta minn ArcelorMittal et, tikkontesta s-sentenza appellata sa fejn, fil-punti 68 sa 76 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali essenzjalment iddeċidiet li, bi ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tagħha dwar it-twaqqigħ tal-prezzijiet u, b’mod iktar ġenerali, dwar l-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili fis-suq tal-Unjoni, ta’ ċertu volum tal-prodott simili mmanifatturat mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, jiġifieri dak ta’ 17‑il tip ta’ prodotti fuq is-66 mibjugħa minn dawn il-produtturi, iżda mhux esportati mill-produtturi‑esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun, u, għaldaqstant, ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-data kollha rilevanti tal-każ ineżami f’din l-analiżi, kif jeħtieġu dawn id-dispożizzjonijiet.

L-argumenti tal-partijiet

117

Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli, fil-punti 68 sa 76 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li hija kienet kisret l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku peress li hija ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, 17‑il tip ta’ prodotti mis-66 mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, iżda mhux mibjugħa mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun.

118

Issa, billi ddeċidiet li t-tipi kollha ta’ prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Qorti Ġenerali żbaljat dwar in-natura ta’ din l-analiżi peress li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 3(3) tar-Regolament bażiku, din għandha titwettaq fil-livell tal-prodott simili u mhux fil-livell ta’ kull tip ta’ prodott jew NKP.

119

Il-Kummissjoni ssostni li huwa fil-fatt fil-livell tal-prodott simili li hija stabbilixxiet l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet. Qabel kollox, hija kkalkolat marġnijiet ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet fuq il-livell tan-NKP u, sussegwentement, iddeterminat il-medja peżata tat-twaqqigħ tal-prezzijiet għan-NKP kollha. Għalkemm, fir-rigward ta’ ċerti NKP, ma huwa kkonstatat ebda twaqqigħ tal-prezzijiet jew huwa kkonstatat twaqqigħ fil-prezzijiet negattiv, dan ma jfissirx li dazju antidumping ma jistax jiġi impost ukoll fuq dawn in-NKP. Fil-fatt, huwa biżżejjed li, bħala medja, fil-livell tal-prodott simili, jiġi kkonstatat twaqqigħ tal-prezzijiet.

120

Permezz tat-tieni parti tar-raba’ aggravju tagħha, il-Kummissjoni tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-analiżi tal-effetti fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping li kellhom isiru skont l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku kienet teħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni s‑17‑il NKP mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, iżda mhux esportati lejn l-Unjoni mill-produtturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun.

121

Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li l-effett potenzjali ta’ dawn in-NKP fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni ma jaqax taħt din l-analiżi iżda, jekk ikun il-każ, taħt l-analiżi distinta msejħa ta’ “nuqqas ta’ imputazzjoni” li għandha ssir mill-Kummissjoni fi stadju ulterjuri, skont l-Artikolu 3(7) tal-imsemmi regolament, dispożizzjoni li l-ksur tagħha madankollu ma ġiex allegat minn Hubei.

122

Huwa fil-kuntest ta’ tali analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni li taqa’ l-kwistjoni, imsemmija fil-punti 72 sa 74 tas-sentenza appellata, dwar jekk l-industrija tal-Unjoni setgħetx issofri tnaqqis fil-prezz bħala konsegwenza tal-bejgħ minn din l-industrija tas‑17‑il NKP mhux esportati mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi.

123

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni ssostni li, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet b’mod żbaljat għall-punt 5.180 tar-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST” sabiex issostni li ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-analiżi prevista fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku tista’ ma tiħux inkunsiderazzjoni ċertu volum tal-prodott simili li ma huwiex is-suġġett ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet.

124

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel parti tar-raba’ aggravju, Hubei ssostni, f’dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq il-fatt li t-twaqqigħ tal-prezzijiet għandu jiġi stabbilit fil-livell tal-prodott simili, li, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li, mingħajr ma tipprovdi motivazzjoni speċifika, il-Kummissjoni ma tistax, wara li tistabbilixxi twaqqigħ tal-prezzijiet għal ċerti tipi ta’ prodotti, testendi din il-konstatazzjoni għal tipi oħra ta’ prodotti li għalihom ebda twaqqigħ tal-prezzijiet ma ntwera u lanqas, għaldaqstant, għall-prodott simili fl-intier tiegħu.

125

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni d-dubji espressi mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 60 tas-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269), jiġifieri li, kieku kien possibbli għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jeskludu mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping it-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni relatati ma’ ċerti tipi tal-prodott inkwistjoni, dan ikun ifisser li dawn jingħataw il-possibbiltà li jinfluwenzaw ir-riżultat tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, billi titwettaq l-esklużjoni ta’ tip jew mudell wieħed, jew diversi tipi jew mudelli ta’ dan il-prodott.

126

Tali riskju ta’ manipulazzjoni jkun jeżisti wkoll jekk, fl-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ kollu tal-produtturi inklużi fil-kampjun tal-Unjoni. Fil-fatt, dan ikun jippermettilha tikkonstata twaqqigħ tal-prezz għal parti biss mill-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u li testendi din il-konstatazzjoni għal dan il-bejgħ kollu, mingħajr ma jkollha tispjega liema kienu l-effetti ta’ dan il-bejgħ tal-aħħar fuq il-prezzijiet.

127

Fir-rigward tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, Hubei ssostni li l-argument tal-Kummissjoni li l-analiżi tal-effetti fuq il-prezzijiet u d-determinazzjoni tar-rabta kawżali jikkostitwixxu stadji totalment indipendenti waħda mill-oħra huwa ineffettiv, peress li l-Kummissjoni ma kkontestatx il-punt 86 tas-sentenza appellata li fih il-Qorti Ġenerali kkonstatat li teżisti rabta bejn id-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u l-istabbiliment ta’ rabta kawżali.

128

Fi kwalunkwe każ, sa fejn jagħmel riferiment għall-impatt tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq l-industrija tal-Unjoni, l-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku jinkludi r-rekwiżiti relatati mar-rabta kawżali u man-nuqqas ta’ imputazzjoni li sussegwentement jiġu żviluppati fl-Artikolu 3(6) u (7) ta’ dan ir-regolament.

129

Barra minn hekk, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma imponietx analiżi ta’ nuqqas ta’ imputazzjoni, iżda ġustament irreferiet għall-punt 5.180 tar-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST” li jikkonferma, essenzjalment, li hemm lok li jiġu stabbiliti l-effetti fuq il-prezzijiet għall-prodott inkwistjoni kollu kemm hu mingħajr ma jiġu esklużi minnu t-tipi ta’ prodotti li għalihom ma ġie kkonstatat ebda twaqqigħ tal-prezzijiet.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

130

Preliminarjament, għandha tiġi ppreċiżata l-portata tal-kritika magħmula mill-Qorti Ġenerali, fil-punti 68 sa 74 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet kif imwettqa mill-Kummissjoni, jiġifieri, essenzjalment, li din l-istituzzjoni, bi ksur tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fil-kuntest ta’ din l-analiżi, 17‑il tip ta’ prodotti jew NKP fuq is-66 mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, li jirrappreżentaw 8 % tal-volum tal-bejgħ ta’ dawn il-produtturi.

131

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, mill-punti 69 sa 71 tas-sentenza appellata jirriżulta li, kif jikkonferma r-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST”, “ebda element ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-analiżi prevista fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku tista’ ma tiħux inkunsiderazzjoni ċertu volum tal-prodott simili li ma huwiex is-suġġett ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet”, f’dan il-każ il-volum tas‑17‑il tip ta’ prodotti mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni korrispondenti li għalihom ma kienx jeżisti tip ta’ prodott importat korrispondenti.

132

Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 126 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan isegwi li, skont il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni hija, f’kull ċirkustanza, marbuta, fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ kollu tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni.

133

Għaldaqstant, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali qieset li l-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, sabiex tibbaża l-analiżi tagħha fuq id-data rilevanti kollha, in-NKP kollha mibjugħa mill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, inklużi s‑17‑il NKP mhux esportat mill-produtturi-esportaturi Ċiniżi inklużi fil-kampjun.

134

It-tieni, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkritikat lill-Kummissjoni li bbażat ir-rabta li hija kkonstatat bejn l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fuq bażi fattwali żbaljata, peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni s‑17‑il NKP inkwistjoni, minkejja li, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni speċifika f’dan ir-rigward fir-regolament kontenzjuż, ma setax jiġi eskluż li dawn it-tipi ta’ prodotti kienu “ipparteċipaw, għal sehem mhux negliġibbli, fit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun”.

135

Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 128 tal-konklużjonijiet tiegħu, permezz ta’ din il-kritika l-Qorti Ġenerali essenzjalment ilmentat li l-Kummissjoni ma eżaminatx sa fejn il-prezzijiet ta’ dan is‑17‑il tip ta’ prodotti setgħu kkontribwixxew għall-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun, jiġifieri t-tnaqqis ta’ dawn il-prezzijiet.

– Fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn iddeċidiet li l‑Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-analiżi tal‑effetti tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal‑industrija tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, it‑tipi kollha tal-prodott inkwistjoni mibjugħa minn din l-industrija

136

Sabiex tiġi bbażata l-affermazzjoni ta’ prinċipju, ikkontestata mill-Kummissjoni, li tgħid li, fl-eżami tagħha tal-effetti tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari fl-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku jimponi li din l‑istituzzjoni tieħu inkunsiderazzjoni b’mod invarjabbli t-tipi kollha tal-prodott inkwistjoni mibjugħa minn din l-industrija, anki dawk mhux esportati mill‑produtturi-esportaturi lejn l-Unjoni u li għalhekk, mid-definizzjoni tagħhom stess, ma humiex is-suġġett ta’ dumping, il-Qorti Ġenerali għamlet riferiment, fil‑punt 71 tas-sentenza appellata, għall-punt 5.180 tar-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST” li fih dan l-organu qies li, fil-każ ineżami, l-awtoritajiet Ċiniżi inkwistjoni kienu obbligati “jevalwaw in-natura sinjifikattiva tat-twaqqigħ tal‑prezzijiet fl-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fuq il-prezzijiet meta mqabbel mal-proporzjon tal-produzzjoni nazzjonali li għaliha ma ġie kkonstatat ebda twaqqigħ tal-prezzijiet”.

137

Din is-sentenza għandha titqiegħed fil-kuntest tal-każ inkwistjoni f’dan ir-rapport. Fil-fatt, dik il-kawża kienet tikkonċerna sitwazzjoni partikolari li fiha l-awtoritajiet Ċiniżi ma kinux analizzaw u għalhekk ma kinux ikkonstataw twaqqigħ tal-prezzijiet għall-prodotti li jagħmlu parti mis-settur tas-suq A, li fih kien ikkonċentrat il-bejgħ nazzjonali, iżda kienu llimitaw ruħhom li jestendu għal dan is-segment il-konstatazzjonijiet li jirriżultaw mill-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet fir-rigward tas-segmenti tas-suq B u C, li fuqhom kienu kkonċentrati l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping.

138

F’sitwazzjoni partikolari bħal din, il-korp tal-appell stabbilit mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO kkunsidra li l-imsemmija awtoritajiet ma setgħux jeskludu mill-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet “proporzjon tal-produzzjoni nazzjonali li għalih ma ġie kkonstatat l-ebda twaqqigħ tal-prezzijiet”.

139

Madankollu, dan il-każ ma jikkonċernax sitwazzjoni partikolari bħal din, iżda sitwazzjoni li hija fundamentalment differenti.

140

Fil-fatt, kif diġà ġie kkonstatat matul l-eżami tat-tielet motiv, mill-proċess jirriżulta li, f’dan il-każ, ma hijiex sitwazzjoni ta’ segmentazzjoni kkaratterizzata tas-suq tal-prodott ikkunsidrat li fiha l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni jkun ikkonċentrat f’segment tas-suq tal-prodott ikkunsidrat differenti minn dak li fuqu jikkonċentraw l-importazzjonijiet suġġetti għal dumping, iżda sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni kkonstatat li effettivament seħħ twaqqigħ tal-prezzijiet fit-tliet segmenti inkwistjoni.

141

Barra minn hekk, huwa paċifiku li, hekk kif il-Qorti Ġenerali rrilevat fil-punt 38 tas-sentenza appellata, l-importazzjonijiet Ċiniżi kollha setgħu kienu s-suġġett ta’ analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u li, kif ġie indikat fil-punti 68 u 74 ta’ dik is-sentenza, 92 % tal-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ttieħed inkunsiderazzjoni f’din l-analiżi.

142

Barra minn hekk, għalkemm, f’dan il-każ, fl-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċertu volum tal-produzzjoni nazzjonali, jiġifieri dak tas‑17‑il NKP inkwistjoni, ir-raġuni għal dan hija, kif barra minn hekk indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 69 tas-sentenza appellata, li, għal dawn it-tipi tal-prodott ikkunsidrat, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tikkalkola marġni ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet peress li ma kienx jeżisti tip ta’ prodott importat korrispondenti.

143

Għaldaqstant, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 152 tal-konklużjonijiet tiegħu, għalkemm, fil-punt 70 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indikat li l-prezzijiet tas‑17‑il NKP inkwistjoni ma kinux, “mid-definizzjoni tagħhom, imwaqqgħin”, u, fil-punt 71 ta’ dik is-sentenza, li f’dan il-każ kienet sitwazzjoni li fiha ċertu volum tal-bejgħ domestiku ma huwiex is-suġġett ta’ twaqqigħ tal-prezzijiet, tali preżentazzjoni tal-fatti hija ineżatta.

144

Fil-fatt, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni, fl-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, tas‑17‑il NKP ikkonċernat huwa biss il-konsegwenza tal-għażla tal-Kummissjoni, li taqa’ taħt il-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li hija għandha f’dan ir-rigward, li twettaq din l-analiżi bl-użu tal-metodu tan-NKP, metodu li barra minn hekk, bħala tali, ma ġiex ikkontestat, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 37 tas-sentenza appellata.

145

Minn dan isegwi li, fil-punt 71 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq il-punt 5.180 tar-rapport tal-korp tal-appell “HP‑SSST” sabiex issostni li jeżisti prinċipju li skontu l-Kummissjoni, fl-eżami tagħha tal-effetti tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u, b’mod partikolari, fl-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, għandha dejjem tieħu inkunsiderazzjoni t-tipi kollha tal-prodott inkwistjoni mibjugħa minn din l-industrija.

146

Hubei ssostni madankollu li dan il-prinċipju jista’ jkun ibbażat fuq applikazzjoni b’analoġija tal-insenjamenti li jirriżultaw mis-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269).

147

Issa, dan l-argument li, kif jirriżulta mill-punt 24 tas-sentenza appellata, diġà tqajjem minn Hubei quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda li dwaru din ma tatx deċiżjoni, ma jistax jintlaqa’.

148

Fil-fatt, fil-punt 61 tas-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fid-dawl tal-formulazzjoni tiegħu, tal-għan tiegħu u tal-kuntest tiegħu, l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat bħala li jippermetti l-esklużjoni, mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, tat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni lejn l-Unjoni relatati ma’ ċerti tipi tal-prodott inkwistjoni u li għall-kuntrarju, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma obbligati jieħdu inkunsiderazzjoni dawn it-tranżazzjonijiet kollha għall-finijiet ta’ dan il-kalkolu.

149

Fil-punt 60 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kwalunkwe interpretazzjoni oħra twassal sabiex tagħti lil dawn l-istituzzjonijiet il-possibbiltà li jinfluwenzaw ir-riżultat tal-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, billi jipproċedu bl-esklużjoni ta’ tip jew ta’ diversi tipi jew mudelli tal-prodott inkwistjoni.

150

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-insenjamenti li jirriżultaw mill-imsemmija sentenza, sa fejn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, ma jistax jiġi traspost għall-analiżi tal-effett fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping li jimponi l-Artikolu 3(2) u (3) ta’ dan ir-regolament.

151

Fil-fatt, fir-rigward tal-formulazzjoni ta’ dan l-Artikolu 2(11), fil-punt 53 tas-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Changshu City Standard Parts Factory u Ningbo Jinding Fastener vs Il-Kunsill (C‑376/15 P u C‑377/15 P, EU:C:2017:269), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, peress li din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod espress li waqt il-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, u jkun liema jkun il-metodu ta’ paragun tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni użat, “il-prezz tal-esportazzjonijiet kollha” għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jeskludu mill-kalkolu tal-marġni ta’ dumping it-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni relatati ma’ ċerti tipi tal-prodott inkwistjoni.

152

Issa, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku hija għalkollox differenti peress li dan la jindika u lanqas jissuġġerixxi li l-analiżi tal-effett tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għandha, f’kull ċirkustanza, tieħu inkunsiderazzjoni l-bejgħ kollu ta’ din l-industrija.

153

Għall-kuntrarju, il-formulazzjoni tal-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku tindika li dawn id-dispożizzjonijiet ma jimponux fuq il-Kummissjoni li, fl-analiżi tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni il-bejgħ kollu tal-prodott simili mill-industrija tal-Unjoni.

154

Kif issostni wkoll il-Kummissjoni, dan huwa kkorroborat minn differenza fundamentali bejn id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping u l-analiżi, għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ dannu, tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni marbuta mal-fatt li din l-analiżi timplika paragun ta’ bejgħ mhux tal-istess impriża, bħalma huwa l-każ tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping li huwa kkalkolat abbażi tad-data tal-produttur-esportatur ikkonċernat, iżda ta’ diversi impriżi, jiġifieri l-produtturi‑esportaturi inklużi fil-kampjun u l-impriżi li jagħmlu parti mill-industrija tal-Unjoni inklużi fil-kampjun.

155

Issa, paragun tal-bejgħ ta’ dawn l-impriżi jkun ħafna drabi iktar diffiċli fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ eċċessiv fil-prezzijiet milli f’dak tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping peress li l-firxa tat-tipi ta’ prodotti mibjugħa minn dawn l-impriżi differenti jkollha tendenza li tikkoinċidi biss parzjalment.

156

Kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 145 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan ir-riskju, li jirriżulta mill-fatt li ċerti tipi ta’ prodotti ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet minħabba d-differenza tal-firxa ta’ prodotti mibjugħa minn dawn l-impriżi differenti, ikun ulterjorment ogħla meta n-NKP ikunu iktar iddettaljati.

157

Fil-fatt, għalkemm il-granularità tan-NCP għandha l-vantaġġ li jiġu pparagunati tipi ta’ prodotti li għandhom iktar karatteristiċi fiżiċi u tekniki komuni, min-naħa l-oħra din għandha l-iżvantaġġ li żżid il-possibbiltà li ċerti tipi ta’ prodotti mibjugħa minn xi wħud mill-kumpanniji kkonċernati ma jkollhomx ekwivalenti u għaldaqstant ma jkunux jistgħu jiġu pparagunati u lanqas jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din l-analiżi.

158

Fl-aħħar nett, għalkemm il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ sabiex tiddeċiedi l-metodu preċiż sabiex tanalizza t-twaqqigħ tal-prezzijiet, li jista’ jkollu bħala konsegwenza inevitabbli, bħalma huwa l-każ tal-metodu tan-NKP, li ċerti tipi ta’ prodotti ma jistgħux jiġu pparagunati u, għaldaqstant, ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din l-analiżi, dan huwa limitat mill-obbligu, impost fuqha mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, li twettaq eżami oġġettiv tal-effetti tal-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

159

Minn dan għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza appellata bi żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, u, b’mod partikolari, fil-kuntest tal-analiżi tat-twaqqigħ eċċessiv tal-prezzijiet, il-Kummissjoni hija, f’kull ċirkustanza, marbuta li tieħu inkunsiderazzjoni l-prodotti kollha mibjugħa minn din l-industrija, inklużi t-tipi tal-prodott inkwistjoni mhux esportati mill-produtturi-esportaturi fil-kampjun.

– Fuq l-iżball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali sa fejn iddeċidiet li l‑Kummissjoni kienet obbligata teżamina, fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti tal‑importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku, il-punt sa fejn il‑prezzijiet tas‑17‑il tip tal-prodott ikkunsidrat setgħu kkontribwixxew għat‑tnaqqis tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun

160

Kif diġà ġie indikat fil-punt 134 ta’ din is-sentenza, fil-punti 73 u 74 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkritikat lill-Kummissjoni li bbażat ir-rabta li hija kkonstatat bejn l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet u l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fuq bażi fattwali żbaljata, peress li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni 17 mis‑66 NKP, filwaqt li ma setax jiġi eskluż, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni speċifika f’dan ir-rigward fir-regolament kontenzjuż, li dawn it-tipi ta’ prodotti “ipparteċipaw, għal sehem mhux negliġibbli, fit-tnaqqis tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun”.

161

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi li jimponi l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku tikkonsisti fl-eżami tal-“importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping” fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni.

162

Issa, ma jaqax taħt tali analiżi eżami, bħal dak imsemmi fil-punt 74 tas-sentenza appellata, tal-effetti fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni mhux tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, iżda ta’ 17‑il tip tal-prodott ikkunsidrat mibjugħa minn din l-industrija li, mid-definizzjoni stess, ma jagħmlux parti minn dawn l-importazzjonijiet.

163

Barra minn hekk, kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 151 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk l-eżami msemmi fil-punt 74 tas-sentenza appellata kellu jwassal sabiex jiġi effettivament ikkonstatat effett “mhux negliġibbli” tas‑17‑il NKP ikkonċernati fuq it-tnaqqis tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, tali konklużjoni tista’ tiġi spjegata biss minn żewġ raġunijiet.

164

Fil-fatt, tali konklużjoni tista’ tiġi spjegata, l-ewwel nett, mill-fatt li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping ipproduċew fuq il-prezzijiet ta’ dawn is‑17‑il tip ta’ prodotti effetti saħansitra iktar sinjifikattivi minn dawk iddeterminati mill-Kummissjoni għat-tipi l-oħra ta’ prodotti, li fir-rigward tagħhom kien ġie kkonstatat twaqqigħ tal-prezzijiet.

165

F’dan il-każ, madankollu, il-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ effetti dannużi fuq il-prezzijiet tal-prodott simili minħabba l-importazzjonijiet fis-suq tal-Unjoni ma tista’ fl-ebda każ tiġi kkontestata bħala żbaljata. L-iktar l-iktar, tali konstatazzjoni tista’ tindika li twaqqigħ tal-prezzijiet saħansitra iktar sinjifikattiv kien seħħ u b’hekk issaħħet id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu.

166

It-tieni nett, sa fejn l-imsemmija konklużjoni hija dovuta għall-effett ta’ fatturi oħra minbarra l-importazzjonijiet, li kkontribwixxew għad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 3(7) tar-Regolament bażiku, l-eżami tal-effett ta’ dawn il-fatturi l-oħra jaqa’ taħt l-analiżi msejħa tan-“nuqqas ta’ imputazzjoni” prevista minn din id-dispożizzjoni, li l-ksur tagħha ma ġiex invokat minn Hubei fil-kuntest tal-motivi eżaminati u milqugħa mill-Qorti Ġenerali u li għalhekk ma jistax jiġġustifika li r-rikors tagħha jintlaqa’.

167

Barra minn hekk, kif issostni l-Kummissjoni fil-kuntest tat-tielet parti tas-sitt aggravju tagħha u kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali, essenzjalment, fil-punti 169 sa 171 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-punt 74 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi minn lat ieħor.

168

Fil-fatt, fl-imsemmi punt 74, il-Qorti Ġenerali kkritikat lill-Kummissjoni li ma eżaminatx l-influwenza li l-prezzijiet tas‑17‑il tip tal-prodott ikkunsidrat li għalihom ma setax jiġi kkonstatat twaqqigħ tal-prezzijiet seta’ kellhom fuq l-evoluzzjoni tal-prezzijiet tal-produtturi tal-Unjoni, mingħajr ma kkonstatat f’dan ir-rigward żball manifest ta’ evalwazzjoni imputabbli lill-Kummissjoni.

169

Issa, meta ddeċidiet hekk, il-Qorti Ġenerali qabżet il-limiti li, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 35 sa 37 ta’ din is-sentenza, huma imposti fuq l-istħarriġ ġudizzjarju mill-qorti tal-Unjoni tal-legalità ta’ att bħar-regolament kontenzjuż minħabba s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha tiġi rriżervata lill-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, skont l-obbligi imposti fuqha f’dan ir-rigward taħt l-Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament bażiku.

170

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-punti 68 sa 76 tas‑sentenza appellata huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi u li, għaldaqstant, ir-raba’ aggravju bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 3(2) u (3) tar‑Regolament bażiku għandu jintlaqa’ mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat il-ħames aggravju li jikkritika dawn l-istess punti fir-rigward ta’ allegat ksur tal‑Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament li, anki jekk fondat, ma jżid xejn ma’ din il‑konklużjoni.

171

Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sitt aggravju, ibbażat fuq żball ta’ liġi, sa fejn il-Qorti Ġenerali eżerċitat stħarriġ ġudizzjarju wisq intensiv fl-eżami tagħha tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz magħmul mill-Kummissjoni, it-tielet parti tiegħu hija fondata sa fejn indikat fil-punti 167 sa 169 ta’ din is-sentenza. Għall-bqija, ma hemmx bżonn li dan l-aggravju jiġi eżaminat peress li jirrigwarda punti tas-sentenza appellata li fir-rigward tagħhom diġà ġie kkonstatat żball ta’ liġi fil-kuntest tal-eżami tar-raba’ aggravju.

172

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, peress li l-ewwel sar-raba’ aggravju kif ukoll it-tielet parti tas-sitt aggravju huma fondati, hemm lok li s-sentenza appellata tiġi annullata, mingħajr ma hemm bżonn li jiġi eżaminat il-ħames aggravju jew l‑ewwel u t-tieni partijiet tas-sitt aggravju.

Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

173

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja tal‑Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

174

F’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel u tat-tieni motiv tar-rikors imqajma minn Hubei, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fid-dawl, b’mod partikolari, tal‑kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 103 sa 115 ta’ din is-sentenza kif ukoll fil‑punti 159 u 162 tagħha, ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni ma affettwa l‑analiżi tal-Kummissjoni, imwettqa fir-regolament kontenzjuż, fir-rigward tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, tal-effetti tal-importazzjonijiet suġġetti għal dumping fuq il-prezzijiet tal-prodotti simili fis-suq tal-Unjoni u tal-eżistenza ta’ rabta kawżali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 3(2), (3) u (6). Issa, dawn il-motivi għaldaqstant għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

175

Min-naħa l-oħra, it-tilwima ma hijiex fi stat li tiġi deċiża f’dak li jirrigwarda t-tielet u r-raba’ motiv, imressqa minn Hubei insostenn tar-rikors għal annullament tagħha, li ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali. Konsegwentement, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Dwar l-ispejjeż

176

Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Settembru 2019, Hubei Xinyegang Special Tube vs Il-Kummissjoni (T‑500/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:691), hija annullata.

 

2)

Il-kawża hija mibgħuta lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.