|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2885 |
13.11.2024 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/2885
tal-5 ta’ Novembru 2024
li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura li tidderoga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
L-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jirregolaw id-dritt li l-persuni taxxabbli jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvista ta’ merkanzija u ta’ servizzi użati minnhom għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. Il-Ġermanja kienet awtorizzata tintroduċi miżura speċjali maħsuba biex teskludi mid-dritt għal tnaqqis ta’ VAT imposta fuq il-merkanzija u s-servizzi meta aktar minn 90 % tad-drabi, dawk il-merkanzija u servizzi jintużaw għal finijiet privati tal-persuni taxxabbli jew tal-impjegati tagħhom, jew b’mod ġenerali għal finijiet mhux kummerċjali jew għal attivitajiet mhux ekonomiċi (il-“miżura speċjali”). |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/186/KE (2) awtorizzat lill-Ġermanja tintroduċi u tapplika miżuri speċjali li jidderogaw mill-Artikoli 6 u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE (3) sal-31 ta’ Diċembru 2002. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/354/KE (4) awtorizzat lill-Ġermanja biex tapplika l-miżura speċjali, li tidderoga mill-Artikolu 17 tad-Direttiva 77/388/KEE, sat-30 ta’ Ġunju 2004. Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE (5) estendiet l-awtorizzazzjoni sal-31 ta’ Diċembru 2009. |
|
(3) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE (6) awtorizzat lill-Ġermanja tkompli tapplika l-miżura speċjali, li tidderoga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, sal-31 ta’ Diċembru 2012. |
|
(4) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/705/UE (7) emendat id-Deċiżjoni 2009/791/KE, li tawtorizza lill-Ġermanja biex tappllika l-miżura speċjali, li tidderoga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE, sal-31 ta’ Diċembru 2015. Dik l-awtorizzazzjoni ġiet estiża sussegwentement mid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2428 (8), (UE) 2018/2060 (9) u (UE) 2021/1776 (10). |
|
(5) |
Id-Deċiżjoni 2009/791/KE ser tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024. |
|
(6) |
Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fid-19 ta’ Frar 2024, il-Ġermanja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali. Dik it-talba kienet akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali, inkluż rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata għad-dritt għal tnaqqis tal-VAT kif meħtieġ mill-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE. Il-Kummissjoni talbet aktar spjegazzjonijiet mingħand il-Ġermanja fis-26 ta’ Marzu 2024 u waslet tweġiba fis-27 ta’ Marzu 2024. |
|
(7) |
F’konformità mal-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba magħmula mill-Ġermanja lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta’ ittri bid-data tas-27 ta’ Mejju 2024. Permezz tal-ittra bid-data tat-28 ta’ Mejju 2024, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li kellha l-informazzjoni kollha neċessarja biex tqis dik it-talba. |
|
(8) |
Skont il-Ġermanja, il-miżura speċjali kienet effettiva ħafna biex tissimplifika l-ġbir tal-VAT u tipprevjeni l-evażjoni jew l-evitar tat-taxxa. Il-miżura speċjali tnaqqas il-piż amministrattiv għan-negozji u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa, billi ma jkun hemm bżonn l-ebda monitoraġġ tal-użu sussegwenti tal-merkanzija u tas-servizzi li għalihom kienet tapplika l-esklużjoni mit-tnaqqis meta jkunu ġew akkwistati. Għalhekk jenħtieġ li l-Ġermanja tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2027. |
|
(9) |
Fil-każ li l-Ġermanja jidhrilha li tkun neċessarja estensjoni tal-miżura speċjali lil hinn mill-2027, hija jenħtieġ li titlob estensjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027. Dik it-talba għandha tiġi akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura, inkluż rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata. |
|
(10) |
Il-miżura speċjali mhix ser ikollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT. |
|
(11) |
Għalhekk jenħtieġ li d-Deċiżjoni 2009/791/KE tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2009/791/KE huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2027.
Kwalunkwe talba għal estensjoni tal-miżura speċjali prevista f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2027.
It-talba msemmija fit-tieni paragrafu għandha tiġi akkumpanjata minn rapport dwar l-applikazzjoni tal-miżura speċjali prevista f’din id-Deċiżjoni, inkluż rieżami tar-rata ta’ tqassim applikata għad-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Novembru 2024.
Għall-Kunsill
Il-President
VARGA M.
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/186/KE tat-28 ta’ Frar 2000 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tapplika miżuri li jidderogaw mill-Artikoli 6 u 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 59, 4.3.2000, p. 12).
(3) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/EEC tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/354/KE tat-13 ta’ Mejju 2003 li tawtorizza lill-Ġermanja sabiex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ĠU L 123, 17.5.2003, p. 47).
(5) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/817/KE tad-19 ta’ Novembru 2004 li tawtorizza lill-Ġermanja tapplika miżura derogatorja mill-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri fir-rigward ta’ taxxi fuq il-valur tal-bejgħ (ĠU L 357, 2.12.2004, p. 33).
(6) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/791/KE tal-20 ta’ Ottubru 2009 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 283, 30.10.2009, p. 55).
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/705/UE tat-13 ta’ Novembru 2012 li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2009/1013/UE li jawtorizzaw lill-Ġermanja u lill-Awstrija rispettivament li jkomplu japplikaw miżura ta’ deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 319, 16.11.2012, p. 8).
(8) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2428 tal-10 ta’ Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE u d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2009/1013/UE li jawtorizzaw lill-Ġermanja u lill-Awstrija rispettivament ikomplu japplikaw miżura ta' deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 334, 22.12.2015, p. 12).
(9) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2060 tal-20 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE li tawtorizza lill-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta' deroga mill-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 329, 27.12.2018, p. 20).
(10) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1776 tal-5 ta’ Ottubru 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2009/791/KE li tawtorizza lir-Repubblika Federali tall-Ġermanja biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 360, 11.10.2021, p. 112).
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/2885/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)