13.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 74/19


Il-Ħamis 11 ta' Novembru 2010
L-Isfida Demografika u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet

P7_TA(2010)0400

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar l-isfida demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (2010/2027(INI))

2012/C 74 E/05

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta’ Marzu 1997 dwar ir-rapport tal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni demografika fl-Unjoni Ewropea (1995) (1),

—

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 1998 dwar ir-rapport demografiku tal-Kummissjoni tal-1997 (2),

—

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2000 dwar il-Komunikazjoni tal-Kummisjoni “Lejn Ewropa għall-etajiet kollha – tkattir tal-prosperità u tas-solidarjetà interġenerazzjonali” (3),

—

wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni “Quddiem it-tibdiliet demografiċi: solidarjetà ġdida bejn il-ġenerazzjonijiet” (COM(2005)0094),

—

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar l-isfidi demografiċi u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (4),

—

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Settembru 2006 dwar Mudell Soċjali Ewropew għall-Futur (5),

—

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Mejju 2008 dwar il-progress li sar lejn opportunitajiet indaqs u fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fl-UE (it-traspożizzjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE) (6),

—

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Frar 2008 dwar il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa (7),

—

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE (8),

—

wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-2 ta’ April 2009 dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (9),

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-ġejjieni demografiku tal-Ewropa, il-bidla ta’ sfida f'opportunità” (COM(2006)0571),

—

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-promozzjoni tas-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet” (COM(2007)0244),

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-14 ta’ Marzu 2007“Il-familja u l-bidla demografika” (10), u l-proposta ewlenija tagħha, li l-Istati Membri għandhom jiffirmaw patt Ewropew għall-familja,

—

wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni “Europe’s demographic future: facts and figures” (SEC(2007)0638),

—

wara li kkunsidra l-pubblikazzjonijiet ta’ Cedefop: “Innovative learning measures for older workers” (11), “Working and ageing. Emerging theories and empirical perspectives” (12), “Modernising vocational education and training. Fourth report on vocational education and training research in Europe: Synthesis report” (13), u “Skills supply and demand in Europe. Medium-term forecast up to 2020” (12),

—

wara li kkunsidra r-Rapport Demografiku tal-Kummissjoni tal-2008: Meeting Social Needs in an Ageing Society (SEC (2008) 2911),

—

wara li kkunsidra r-rapport konġunt ippreparat mill-Kummissjoni u l-Kumitat għall-Politika Ekonomika (Grupp ta’ Ħidma dwar it-Tixjiħ) dwar “Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ 2009): projezzjonijiet ekonomiċi u baġitarji għas-27 Stat Membru tal-UE” (2008-2060),

—

wara li kkunsidra l-Artikoli 25 u 34 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li espliċitament jiddefinixxu d-drittijiet tal-anzjani li jgħixu ħajja indipendenti u jieħdu sehem fil-ħajja soċjali u kulturali u jkollhom aċċess għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali u s-servizzi soċjali li jipprovdu protezzjoni fix-xjuħija,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li espliċitament tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età,

—

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426) u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

—

wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (14),

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 48 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A7-0268/2010),

A.

billi huwa konvint li soċjetà umana hija neċessarjament ibbażata fuq il-priċipju tal-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet,

B.

billi d-dimensjoni speċifika għall-ġeneru li tirrigwarda r-relazzjonijiet bejn il-ġenerazzjonijiet għandha tiġi kkunsidrata,

C.

billi għad fadal ħafna xi jsir biex tintemm id-diskriminazzjoni inġusta u mifruxa ħafna li spiss jesperjenzaw l-anzjani sempliċiment minħabba l-età tagħhom, kemm fis-suq tax-xogħol u kif ukoll fl-aċċess għall-merkanzija, il-faċilitajiet u s-servizzi,

D.

billi hemm rabtiet qawwija bejn id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kontra l-anzjani u l-esklużjoni soċjali u l-faqar fost il-persuni aktar avvanzati fl-età,

E.

billi ħafna anzjani jsofru wkoll minn diżabilità u għalhekk jistgħu jkunu suġġetti għal diskriminazzjoni multipla,

F.

billi l-bidla demografika kellha impatt qawwi fuq il-ħajja personali u tax-xogħol, speċjalment fil-każ tan-nisa, filwaqt li servizzi insuffiċjenti, pagamenti inadegwati ta’ benesseri soċjali, in-natura diffiċli tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol proprju u li tieħu ż-żmien, il-perjodi twal f'impjieg inċert u temporanju u n-nuqqas ta’ appoġġ għall-koppji żgħażagħ huma fost ir-raġunijiet li għalihom iż-żgħażagħ iħallu tard biex jiffurmaw familja u jkollhom it-tfal,

G.

billi, jekk l-ekonomija u s-soċjetà għandhom jilħqu l-iskopijiet tagħhom, jeħtieġu l-esperjenza tal-ħajja, l-integrazzjoni u r-rikkezza ta’ ideat mill-ġenerazzjonijiet kollha,

H.

billi, skont l-estimi tal-Kummissjoni, il-bidliet demografiċi jistgħu jwasslu għal bidliet fundamentali fil-istruttura tal-popolazzjoni u l-piramida tal-età; billi, pereżempju, l-għadd ta’ żgħażagħ bejn 0 u 14-il sena minn 100 miljun (indiċi tal-1975) jinżel għal 66 miljun fl-2050, il-popolazzjoni li għandha l-età tax-xogħol tilħaq il-quċċata ta’ madwar 331 miljun lejn l-2010, u mbagħad tonqos b'mod kostanti (għal madwar 268 miljun fl-2050), filwaqt li t-tul tal-ħajja mistenni jiżdied b'6 snin għall-irġiel u b'5 snin għan-nisa bejn l-2004 u l-2050, u l-għadd ta’ persuni 'l fuq minn 80 sena minn 4.1 % fl-2005 jitla' għal 11.4 % fl-2050,

I.

billi, skont il-miri ambizzjużi tar-rata ta’ imjiegi fl-Istrateġija UE 2020, ir-rata ta’ impjieg għan-nisa u l-irġiel bejn 20 u 64 sena għandha tiżdied għal 75 % sal-2020, filwaqt li simultanjament tiġi ffaċċjata sfida demografika,

J.

billi t-tibdil demografiku jista' jiġi mmaniġġat u jkun sostenibbli jekk ikun antiċipat b'mod xieraq u jekk jittieħed bis-serjetà minn kulħadd; billi l-kwistjoni demografika għandha tiġi indirizzata b'sens ta’ skop strateġiku mifrux fuq żmien twil, u azzjoni meħuda biex tiġi trattata d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età,

K.

billi fi żminijiet ta’ tibdil demografiku r-rwol tal-ġenituri huwa partikolarment sinifikattiv, peress li huma meħtieġa kemm bħala ħaddiema u biex ikopru r-rwol ta’ ommijiet u missirijiet, filwaqt li r-riskju li dan il-piż doppju jaqa' fuq in-nisa għandu jiġi evitat,

L.

billi bħalissa qed niffaċċaw kriżi doppja, li tinkludi rata għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ, kif ukoll dubji kbar dwar l-iffinanzjar ta’ skemi ta’ pensjoni, u billi dawn iż-żewġ fenomeni għandhom jiġu ttrattati flimkien, billi naħdmu lejn it-tisħiħ tad-drittijiet soċjali, u aktar parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħolqien tal-ġid u fl-irkupru ekonomiku; billi, kif fakkar il-Kumitat tar-Reġjuni (KtR 97/2009), fis-soċjetà tagħna li qed tixjieħ iż-żgħażagħ għandhom jitqiesu bħala riżorsa prezzjuża u essenzjali għas-soċjetà, li tista' u għandha tiġi użata biex jintlaħqu l-għanijiet soċjali u ekonomiċi,

M.

billi l-Istati Membri għandhom l-istrumenti ewlenin għall-promozzjoni tal-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet (is-sistemi tal-pensjonijiet, il-baġit, il-gratitudini u l-provvista tas-servizz tas-saħħa u r-riabilitazzjoni komplessa) u li jtemmu d-diskriminazzjoni inġusta, iżda l-UE tista' tieħu inizjattivi importanti bbażati fuq il-monitoraġġ, l-iskambju tal-aħjar prattika u l-programmi ta’ azzjoni, ukoll permezz tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u bl-adozzjoni ta’ proposti leġiżlattivi antidiskriminatorji ġodda importanti, li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fl-aċċess għall-merkanzija, il-faċilitajiet u s-servizzi,

N.

billi l-proporzjon ta’ persuni li għandhom aktar minn 60 sena fl-Unjoni Ewropea se jiżdied bħal qatt qabel, u l-akbar żieda tiġi rreġistrata bejn l-2015 u l-2035, meta 2 miljun persuna kull sena se jiżdiedu ma’ dan il grupp tal-popolazzjoni,

O.

billi d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ddgħajjef is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; billi din id-diskriminazzjoni hija pprojbita mit-Trattat, iżda għadha mifruxa, u trażżan bil-qawwi l-aċċess tal-aktar ħaddiema anzjani u dawk l-aktar żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, għas-sigurtà soċjali u għal ċerti servizzi,

Prinċipji u għanijiet

1.

Iqis il-ġustizzja u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet bħala sinonimi u jiddefinixxi l-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet bħala t-tqassim ugwali u raġunevoli tal-ġid u l-piżijiet bejn il-ġenerazzjonijiet u jikkunsidra s-solidarjetà b'mod ġenerali bħala wieħed mill-valuri fundamentali tal-kooperazzjoni Ewropea;

2.

Huwa tal-fehma li kooperazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet li tiffunzjona hija bbażata fuq il-valuri fundamentali tal-libertà, id-drittijiet, is-solidarjetà, il-ġustizzja u l-appoġġ mingħajr interess ta’ gwadann tal-ġenerazzjonijiet ta’ wara, u għandha tkun ikkaratterizzata minn rispett reċiproku, responsabilità maqsuma u dispożizzjoni tajba li wieħed jaċċetta d-drittijiet fundamentali li l-persuni ħaqqhom bħala bnedmin u bħala ċittadini tal-UE u li jieħdu ħsieb xulxin, kif ukoll permezz ta’ ppjanar individwali għall-ġejjieni, inkluż impenn akbar lejn mġiba bbażata fuq il-prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa;

3.

Iqis li l-prospett ta’ tnaqqis demografiku, sal-2050, jista' jġib miegħu inqas pressjoni fuq l-ambjent u jipprovdi opportunità għall-iżvilupp sostenibbli li, min-naħa tiegħu, jeħtieġ politiki proattivi sabiex bħala konsegwenza jadatta l-ġestjoni tal-art, id-djar, it-trasport u kull tip ieħor ta’ infrastruttura;

4.

Jirrikonoxxi li l-bniedem fortunatament dejjem qed jgħix aktar fit-tul u għalhekk jibqa' iżjed attiv u jieħu sehem fil-ħajja soċjali b'mod aktar determinat u impenjat; jemmen li ż-żieda fil-għomor huwa pass pożittiv li ma għandux jirriżulta fi tnaqqis tad-drittijiet tal-ħaddiema; jirrikonoxxi wkoll li r-rati tat-twelid fl-Istati Membri għal għexieren ta’ snin baqgħu baxxi u jekk dan ma jiġix indirizzat fil-ħin jista' jwassal għal piżijiet kbar għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin u għal kunflitti fid-distribuzzjoni tal-piżijiet; jinnota li dawn l-isfidi jistgħu jkunu l-forza li tagħti spinta favur il-qsim tal-piżijiet u favur sistemi ta’ sigurtà soċjali aktar inklussivi u ta’ kwalità ogħla;

5.

Huwa tal-fehma li politika għall-ġustizzja bejn il-ġenerazzjoniet għandha timmira lejn il-ħolqien tal-bażijiet meħtieġa, id-drittijiet u l-għodda biex jitmexxa djalogu miftuħ u sinċier bejn il-ġenerazzjonijiet, bil-ħsieb li jwassal għal sitwazzjonijiet ta’ benefiċċju għal kulħadd u għaldaqstant għal miżuri li jwasslu għal qsim ġust bejn il-ġenerazzjonijiet;

6.

Iqis importanti li jiġi ċċarat li l-anzjani b'diżabilità jew mingħajr diżabilità u l-ħaddiema li javviċinaw l-età tal-irtirar mix-xogħol ma jkunux piż fuq l-ekonomija u s-soċjetà u ma jikkostitwixxux ostaklu għall-modernizzazzjoni fil-proċessi tax-xogħol, iżda pjuttost, permezz tal-esperjenza tagħhom, is-suċċessi tagħhom, l-għarfien tagħhom u l-lealtà akbar tagħhom lejn il-post tax-xogħol, ikunu vantaġġ affidabbli u valur miżhud sinifikattiv; iqis importanti l-ġlieda kontra l-preġudizzju u d-diskriminazzjoni fil-forom kollha tagħha u fil-gruppi kollha tas-soċjetà, u l-ħidma favur soċjetà fejn persuni aktar avvanzati fl-età jiġu trattati ndaqs bħala bnedmin bi drittijiet fundamentali; jinnota li l-politika tal-UE rigward l-anzjani hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ “soċjetà għal kulħadd” u li l-miżuri kollha tal-politika previsti għandhom isaħħu din l-idea b'kull mod; huwa konvint li persuni ta’ etajiet differenti fl-Istati Membri kollha għandu jkollhom kull opportunità biex jipparteċipaw b'mod attiv fis-soċjetà, irrispettivament mill-età tagħhom; jinnota li ż-żgħażagħ huma l-ġejjieni, li jfisser li dawk li jfasslu l-politika għandhom iqisu l-modernizzazzjoni tas-soċjetà u l-parteċipazzjoni minn kulħadd;

7.

Jitlob li tingħata attenzjoni speċjali lill-perspettiva tal-ġeneru meta jitqiesu l-isfida u s-solidarjetà demografika, għax ir-relazzjonijiet bejn il-ġeneri jsawru ċ-ċiklu kollu tal-ħajja mit-twelid sa età avvanzata, filwaqt li jinfluwenzaw l-aċċess għar-riżorsi u l-opportunitajiet u l-bini ta’ strateġiji f'kull stadju;

8.

Jenfasizza li l-ekonomiji Ewropej li qed jiffaċċaw l-isfidi demografiċi jeħtieġu kumpaniji kompetittivi li huma l-frott ta’ piżijiet fiskali u burokratiċi baxxi u settur pubbliku riformat; iqis li settur privat kompetittiv u innovattiv huwa element ewlieni fil-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ xogħol għall-ġenerazzjonijiet kollha;

9.

Iqis li, peress li s-soċjetà ċivili, il-knejjes, u l-għaqdiet tal-karità għandhom tradizzjoni twila u kontinwa ta’ impenn soċjali u azzjoni għall-iżvilupp, kemm għall-familji u kemm għal kull kategorija ta’ ċittadini fil-bżonn, l-involviment tagħhom fl-ippjanar u t-twettiq ta’ miżuri ta’ dan it-tip se jgħin biex jissaħħu l-politiki li jiffokaw fuq is-solidarjetà soċjali u interġenerazzjonali, u b'hekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ngħixuh fil-prattika;

10.

Jinnota li bħala riżultat tal-bidla demografika hemm għadd sinifikanti ta’ voluntiera anzjani potenzjali li huwa riżorsa kbira li għadha mhix sfruttata fil-komunitajiet tagħna; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi opportunitajiet għall-voluntiera anzjani u biex tħejji “Programm ta’ Azzjoni għall-Anzjani” għall-għadd dejjem jiżdied ta’ ċittadini anzjani b'esperjenza kbira li huma lesti jaġixxu bħala voluntiera, programm li għandu jiġi implimentat b'mod parallel mal-Programm ta’ Azzjoni għaż-Żgħażagħ u li jikkumplimentah, u barra minn hekk biex tippromwovi programmi speċifiċi għall-volontarjat interġenerazzjonali u għall-mentoring;

Inizjattiva trasparenza

11.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jintroduċu baġits għall-ġenerazzjonijiet bħala strumenti ta’ informazzjoni u żvilupp ulterjuri tal-Indikaturi tal-Iżvilupp Sostenibbli (SDIs) tal-Eurostat fl-Istati Membri kollha u fil-livell tal-UE, biex jitfasslu mudelli u previżjonijiet affidabbli tal-kurrenti tal-ispejjeż, u l-punt sa fejn kull ġenerazzjoni se tibbenefika jew titgħabba bil-piż;

12.

Jiffavorixxi valutazzjoni tal-impatt (eżami tal-ġenerazzjonijiet), li b'mod obbligatorju tagħti stampa ċara fil-livell Ewropew u nazzjonali tal-effetti tal-liġijiet fuq il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, u tagħmel possibbli evalwazzjoni tal-ispejjeż fil-konfront tal-profitt miksub fuq medda ta’ żmien;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni biex, b'mod separat, tippreżenta x-xejriet attwali fir-rata ta’ dipendenza, it-tnaqqis drammatiku tal-fertilità u d-diffikultà ta’ aċċess għal inseminazzjoni artifiċjali għaċ-ċittadini tal-Istati Membri minħabba l-prezz għoli tagħha (kif ukoll il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar is-suq tax-xogħol), u l-konsegwenzi finanzjarji ta’ dawn il-proċeduri, sabiex tgħin lill-ġenerazzjonijiet eżistenti jippjanaw l-istrateġija tal-ħajja tagħhom;

14.

Jitlob lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) jimmonitorja u janalizza r-relazzjonijiet fost il-ġenerazzjonijiet, ibbażati fuq indikaturi skont il-ġeneru u l-faxxa ta’ età.

Politika tal-edukazzjoni u x-xogħol

15.

Huwa konvint li aċċess miftuħ u ġust għat-taħriġ u x-xogħol għall-gruppi kollha tal-etajiet għandu jkun fattur ewlieni għat-tfassil-tal-politika favur il-ġustizzja interġenerazzjonali, u li dan jikkostitwixxi l-bażi għall-prosperità, l-indipendenza u s-sostenibilità;

16.

Jemmen, filwaqt li jqis li s-soċjetà qed tixjieħ fl-Ewropa, li għandhom isiru sforzi attivi biex in-nies jiġu integrati fis-suq tax-xogħol u jinżammu hemm, bla distinzjoni rigward il-kategroija tal-età, inkluż għall-iktar anzjani; iqis li huwa essenzjali li jinstab bilanċ bejn il-ħtieġa li n-nies jingħataw sens ta’ sigurtà suffiċjenti u li tinżamm il-motivazzjoni biex jaħdmu biex jaqilgħu paga; jemmen li, biex jogħlew il-livelli tal-ħiliet, il-gruppi kollha tas-soċjetà għandhom ikunu ggarantiti edukazzjoni bażika tal-ogħla kwalità possibbli u opportunitajiet aħjar għat-tagħlim tul il-ħajja milli qatt kellhom qabel;

17.

Iqis li politika tal-impjiegi li tqis is-sitwazzjoni ta’ ħaddiema anzjani timplika riflessjoni fuq modi ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol fil-kumpaniji, l-iffaċilitar ta’ żvilupp li progressivament iwassal għall-irtirar permezz ta’ formoli flessibbli, it-tnaqqis tat-tensjoni, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-promozzjoni ta’ prattiki antidiskriminatorji fir-rigward tar-reklutaġġ u t-taħriġ vokazzjonali;

18.

Jenfasizza li l-bidla demografika twassal biex l-Unjoni Ewropea tiffaċċja l-isfida tal-ġestjoni tar-riżorsi umani, li jeħtieġ politika proattiva li timmira għal impjieg sħiħ;

19.

Jirrikonoxxi li x-xogħol m'huwiex biss għal skop ta’ gwadan u li kemm iż-żgħażagħ u l-anzjani jikkontribwixxu sostanzjalment biex isawru soċjetà umana u jtejbu l-istabilità tas-servizzi u l-impjiegi permezz ta’ ħidma fil-familji u fis-soċjetà, u jħeġġeġ lill-gvernijiet biex jissimplifkaw u jirrikonoxxu l-ħidma volontarja, il-bini ta’ komunitajiet lokali u l-assistenza fil-komunità u fil-familji kif ukoll jirrisolvu l-kwistjonijiet ta’ responsabilità legali f'dan ir-rigward mingħajr dewmien;

20.

Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri li jirrikonoxxu l-ħidma inviżibbli u informali fil-qasam tas-solidarjetà interġenerazzjonali mwettqa mill-membri tal-familja (b'mod predominanti min-nisa) ta’ kull età biex jieħdu ħsieb membri anzjani u żgħażagħ li għandhom bżonn assistenza fil-livell legali, soċjali u ekonomiku (partikolarment fir-rigward tas-sigurtà soċjali, l-istatus professjonali, il-qligħ u l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa) kif deskritt fir-Rapport adottat mill-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fit-8 ta’ Diċembru 2008;

21.

Jemmen bis-sħiħ li d-diskriminazzjoni inġusta fuq il-bażi tal-età fil-post tax-xogħol hija mifruxa sew u li għandu jsir sforz akbar biex din tiġi miġġielda, b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva 2000/78/KE (id-Direttiva Ewropea dwar l-Ugwaljanza fl-Impjiegi) fl-Istati Membri kollha u permezz ta’ miżuri oħra mhux leġiżlattivi li jiżguraw li l-anzjani jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom u jkollhom aċċess għal appoġġ u parir legali jekk meħtieġ;

22.

Jirrikonoxxi li n-nisa ikbar fl-età fis-suq tax-xogħol spiss isofru diskriminazzjoni diretta jew indiretta u diskriminazzjoni multipla: sitwazzjoni li għandha tiġi indirizzata b'mod adegwat;

23.

Jinnota li sabiex ikun jista' jkollhom aċċess għall-impjieg, l-anzjani għandhom l-ewwelnett ikunu kapaċi jaslu sal-post tax-xogħol tagħhom u għalhekk jemmen li huwa importanti li tiġi adottata u implimentata malajr kemm jista' jkun il-proposta ta’ direttiva kontra d-diskriminazzjoni bil-għan li d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età rigward l-aċċess għall-prodotti, il-faċilitajiet u servizzi ssir illegali;

24.

Jemmen li huwa ħażin li ħaddiema anzjani jiġu mġiegħla jieqfu mix-xogħol kontra qalbhom minħabba deċiżjoni arbitrarja dwar l-età tal-irtirar obbligatorja; għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex iħarsu mill-ġdid lejn il-possibilità li jneħħu l-età tal-irtirar obbligatorju li twaqqaf lin-nies li jixtiequ li jkomplu jaħdmu milli jagħmlu dan, filwaqt li tinżamm l-età tal-irtirar sabiex dawk in-nies li jixtiequ jirtiraw ikunu jistgħu jagħmlu dan u jirċievu l-pensjoni u l-allowances tagħhom;

25.

Jinnota li interventi unilaterali biex tonqos l-età medja ta’ gruppi ta’ persunal ma jwasslux għal iżjed innovazzjonijiet, kif spiss jingħad, iżda fir-realtà huma mod kif jitnaqqsu l-ispejjeż billi jitkeċċew il-ħaddiema bl-esperjenza u għalhekk li jitħallsu ħafna, u jfissru telf ta’ esperjenza, għerf u ħiliet, b'mod partikolari fejn it-tħarriġ tal-anzjani huwa kkumpensat aħjar billi dawn jibqgħu għal-żmien itwal fl-istess impjieg;

26.

Iqis li kwalunkwe miżura li tikkonċerna l-età tal-irtirar għandha tkun ibbażata fuq il-ħtiġijiet tal-persuni kkonċernati; jikkunsidra l-ħtieġa ta’ miżuri aktar flessibbli rigward l-irtirar, li jirrispettaw il-ħtiġijiet tal-individwi fil-forza tax-xogħol li qed tixjieħ u jwieġbu għad-domanda tas-suq tax-xogħol. jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-iżvilupp u t-titjib tas-sistemi tas-sigurtà soċjali biex iwieġbu għal dawn il-ħtiġijiet;

27.

Jiddispjaċih li l-perkorsi tal-karriera ta’ xi persuni qed isiru dejjem aktar inkoerenti u insikuri bħala riżultat ta’ xogħol temporanju u ż-żieda fil-kuntratti fuq żmien qasir, f'uħud mill-Istati Membri, mingħajr salarji deċenti u drittijiet tas-sigurtà soċjali, kif ukoll ix-xogħol mhux dikjarat, prekarju, l-impjieg marġinali u l-qgħad, u li l-persuni anzjani ma tantx għandhom aċċess għall-parti l-kbira tal-impjiegi; jirrikonoxxi li perjodi ta’ xogħol, ta’ taħriġ, ta’ kura jew ta’ volontarjat huma komplementari u jipprovdu esperjenza siewja f'kull età; jinnota li din iż-żieda fl-impjiegi prekarji għandha wkoll impatt fuq is-sigurtà finanzjarja tal-ġenerazzjoni attwali u għalhekk se timponi piż akbar fuq il-ġenerazzjonijiet sussegwenti; jinnota, madankollu, li ħafna forom ta’ xogħol indipendenti, dawk impjegati għal rashom, xogħol flessibbli, xogħol part-time u tipi differenti ta’ xogħol temporanju jista' jkollhom rwol assolutament kruċjali biex jgħinu lil ħafna nies anzjani biex iżidu d-dħul tagħhom jew biex jiżguraw dħul, per eżempju jekk dawn ikollhom ir-responsabilità li jieħdu ħsieb qraba jew ħbieb tagħhom;

28.

Huwa konvint li l-Flexicurity jista' jikkontribwixxi għal swieq tax-xogħol aktar miftuħa, reattivi u inklussivi u jista' jissimplifika t-tranżizzjoni bejn l-istadji differenti tal-ħajja tax-xogħol, partikolarment jekk ikun ibbażat fuq is-solidarjetà u l-qsim tar-responsabilità bejn il-ġenerazzjonijiet u jekk iqis il-preokkupazzjonijiet u l-bżonnijiet tal-gruppi kollha tal-etajiet varji u tad-dħul; jinnota li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li mekkaniżmi regolati tajjeb jipprovdu taħriġ xieraq, monitoraġġ tad-drittijiet tal-ħaddiema u r-rispett għall-ħajja tal-familja; jinnota li l-Flexisecurity tinvolvi wkoll strateġiji komprensivi ta’ tagħlim tul il-ħajja u sistemi ta’ sigurtà soċjali aġġornati, xierqa u sostenibbli;

29.

Jenfasizza li s-sigurtà rigward il-karriera u t-taħriġ għandha tkun kompletament garantita; kulħadd għandu jkun jista' jkollu ħajja attiva sħiħa, mingħajr interruzzjoni ta’ ħidma, matul il-ħajja, li tagħti d-dritt għal pensjoni bir-rata sħiħa;

30.

Jenfasizza li t-tagħlim tul il-ħajja għandu jkun fiċ-ċentru ta’ kull miżura dwar l-edukazzjoni u jirrappreżenta għan li għandu jintlaħaq mill-ġenerazzjonijiet kollha, l-awtoritajiet pubbliċi u l-kumpaniji; jistieden lill-Istati Membri bħala konsegwenza biex japprovaw skemi ta’ taħriġ vokazzjonali, speċjalment jekk dawn jinkludu perjodu ta’ taħriġ prattiku, kultant fil-forma ta’ apprendistat;

31.

Jistieden lill-UE biex issegwi politika effettiva biex tiżgura li ħaddiema anzjani jkunu jistgħu jibqgħu disponibbli għax-xogħol u ma jkunux suġġetti għad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età;

32.

Jitlob għall-promozzjoni ta’ kultura li tipprovdi għall-ġestjoni tat-tixjiħ fil-kumpaniji, kemm rigward l-impjieg ta’ żgħażagħ u t-tluq ta’ ħaddiema anzjani, u li jitfasslu d-dettalji tagħha, notevolment permezz ta’ possibilitajiet għall-irtirar f'fażijiet, filwaqt li jitqiesu d-diffikultà tal-impjiegi okkupati u tal-kundizzjonijiet f'termini ta’ xogħol, saħħa u sigurtà;

33.

Huwa konvint li l-ġestjoni ottimali tar-riżorsi umani permezz ta’ taħriġ inizjali u tul il-ħajja hija r-responsabilità tal-partijiet ekonomiċi interessati, inklużi l-oqsma professjonali, li għandhom jantiċipaw il-ħtiġijiet tagħhom rigward l-impjieg u t-taħriġ;

34.

Jinnota li, sabiex ikun tal-ikbar benefiċċju possibbli lill-impjegati, it-tagħlim tul il-ħajja għandu jkun jista' jiġi attestat permezz ta’ diplomi u ċertifikati; ifakkar fil-ħtieġa li l-validazzjoni tal-kisbiet ta’ qabel issir il-prattika normali;

35.

Jipproponi l-monitoraġġ sistematiku u r-rappreżentanza statistika tal-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema anzjani fl-istrutturi ta’ tagħlim matul il-ħajja;

36.

Jipproponi li jiġu pprovduti inċentivi addizzjonali għall-ħaddiema u persuni qiegħda aktar anzjani sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fi programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja sabiex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom jew biex jiżguraw ir-ritorn tagħhom b'suċċess fis-suq tax-xogħol;

37.

Jitlob li jkun hemm involviment akbar tan-nisa minn kull grupp ta’ età fil-programmi ta’ tagħlim tul il-ħajja;

38.

Jinnota li, bħala riżultat tat-tibdil demografiku, huwa stmat li sal-2030 il-proporzjon bejn il-persuni attivi u inattivi se jkun 2:1; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw ir-rwol futur ta’ dawk li jieħdu ħsieb il-familja billi jiżviluppaw inizjattivi tal-politika li jgħinu sabiex in-nisa u l-irġiel jiksbu bilanċ bejn ir-responsabilitajiet professjonali u dawk tal-kura tal-familja;

39.

Jenfasizza li t-tibdil demografiku ma għandux jintuża bħala ġustifikazzjoni biex jiżżarmaw id-drittijiet u s-servizzi soċjali b'mod ġenerali, iżda li dan huwa, għall-kuntrarju, sfida għas-soċjetà tal-lum, u li dawn id-drittijiet u s-servizzi għandhom jiġu bbilanċjati fir-rigward tal-ġenerazzjonijiet kemm attivi u kemm mhux attivi; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni soċjali bil-ħsieb li jagħmluha aktar flessibbli, aktar aċċessibbli u aktar komprensibbli għal min iħaddem kif ukoll għall-impjegati;

40.

Iqis li l-Kummissjoni Ewropea għandha tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ġodda li jippromwovu tixjiħ attiv, fis-saħħa u fid-dinjità permezz ta’ strumenti u programmi eżistenti tal-UE;

Inizjattiva Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ

41.

Jenfasizza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jirrappreżenta wieħed mill-problemi l-aktar urġenti għaliex iwassal għat-tiċħid ta’ opportunità, l-esklużjoni soċjali, żieda fl-ispiża soċjali u t-telf ta’ riżorsi umani prezzjużi, fatturi li jikkostitwixxu kollha kemm huma raġuni soċjali importanti għat-tnaqqis fir-rata tat-twelid u li jżidu t-tendenza spirali ta’ nuqqas ta’ ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet; jenfasizza l-bżonn li jitnaqqsu d-distakki fiż-żmien li jirriżultaw meta żgħażagħ imorru minn istituzzjoni edukattiva għal oħra jew qabel ma jiġu impjegati wara l-lawrja; u jinnota li huwa importanti ħafna li tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ, li jiġu pprovduti bil-possibilità li jiksbu impjieg xieraq u li tiġi appoġġata l-kapaċità imprenditorjali taż-żgħażagħ;

42.

Jenfasizza l-ħtieġa għaż-żgħażagħ li jkollhom prospetti fit-tul, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu passi biex jippromwovu l-mobilità taż-żgħażagħ waqt l-edukazzjoni u waqt li jkunu qed jagħmlu apprendistati ta’ kwalità; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jinħolqu aktar opportunitajiet tax-xogħol għaż-żgħażagħ u li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni sħiħa tagħhom fis-soċjetà, li jsiru investimenti favur iż-żgħażagħ u biex jitħeġġu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ b'mod li l-ġenerazzjoni li jmiss tgawdi mid-drittijiet sħaħ tagħha u żżomm id-dinjità tagħha;

43.

Jenfasizza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ, u b'mod speċjali d-disparità fl-iżvilupp bejn ir-reġjuni, huma ostakolu għall-kisba tal-koeżjoni territorjali;

44.

Jenfasizza li l-tendenza demografika se twassal għal nuqqas ta’ ħaddiema kwalifikati, li fil-biċċa l-kbira tista' tiġi kkumpensata permezz ta’ ħaddiema nisa kkwalifikati; għal dan il-għan, il-gvernijiet u min iħaddem għandhom ibiddlu l-attitudni tagħhom u jieħdu miżuri biex jadattaw il-kundizzjonijiet ġenerali u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg għall-bżonnijiet tan-nisa;

45.

Jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-bidu tal-karriera taż-żgħażagħ u għall-isforzi kollha possibbli biex jitħeġġeġ id-dħul tagħhom b'suċċess fis-suq tax-xogħol, għaliex bidu bla suċċess fil-ħajja tax-xogħol ta’ persuna żagħżugħa jista' jkollu impatt fuq il-bqija tal-ħajja u tal-attivitajiet tagħha fis-suq tax-xogħol;

46.

Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jimpenjaw ruħhom b'mod speċjali u jfasslu miżuri konkreti, inkluża Garanzija Ewropea għaż-Żgħażagħ, li tagħti liż-żgħażagħ, wara perjodu bla xogħol ta’ erba' xhur, impjieg, apprendistat, taħriġ addizzjonali jew kombinazzjoni ta’ xogħol u taħriġ, bil-kundizzjoni li dawk ikkonċernati jagħmlu l-almu tagħhom biex isaħħu l-proċess ta’ integrazzjoni tagħhom;

47.

Jemmen li ż-żgħażagħ qiegħda għandhom jingħataw il-pariri, l-orjentazzjoni u l-għajnuna li jeħtieġu sabiex jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol (jew biex isibu xogħol għall-ewwel darba), u l-istess għal studenti jew studenti futuri, sabiex ikunu jistgħu jagħżlu karriera fl-għarfien sħiħ tal-opportunitajiet ta’ xogħol potenzjali;

Inizjattiva Patt Ewropew Fifty-plus

48.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw li jilħqu l-għanijiet li ġejjin, bħala estensjoni tal-Istrateġija UE 2020:

(i)

il-kisba tal-impjieg sħiħ fost dawk 'il fuq mill-50 sena, sal-età legali tal-irtirar u l-kisba ta’ minimu ta’ 55 % tal-qgħad;

(ii)

tneħħija ta’ inċentivi, b'mod partikulari għal pensjoni antiċipata, li jagħmlu l-ħsara lis-sistemi tas-sigurtà soċjali, jikkontribwixxu għal tqassim inugwali tal-piż u għalhekk mhumiex sostenibbli;

(iii)

il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età,

(iv)

l-iffissar ta’ miri speċifiċi għall-pajjiż għall-aċċess għat-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema anzjani, imqassma skont l-età u s-sess, biex b'hekk jogħla l-proporzjon ta’ persuni tal-ġenerazzjonijiet kollha f'taħriġ inizjali u avvanzat; u l-faċilitazzjoni tal-aċċess għat-taħriġ għall-ħaddiema anzjani bil-ħolqien ta’ inċentivi/bonuses minn min iħaddem għall-ħaddiema akbar fl-età li jiddeċiedu li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom wara li jagħlqu l-50 sena;

(v)

il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ età fuq il-post tax-xogħol u tat-taħriġ, u l-iżvilupp ta’ inċentivi għall-ħaddiema ta’ 'l fuq minn 60 sena li jibqgħu disponibbli għax-xogħol, sabiex ikunu jistgħu jgħaddu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajhom; ħaġa li titlob mill-Istati Membri li jadottaw leġiżlazzjoni xierqa mfassla biex tippromwovi r-reklutaġġ ta’ tali persuni mill-kumpaniji;

(vi)

l-appoġġ għall-integrazzjoni (mill-ġdid), fuq il-bażi tar-riabilitazzjoni kumplessa u li tqis b'mod ugwali l-kunċett ġdid tal-ambjent fiżiku u bijoloġiku ta’ persuni anzjani b'diżabilità, minflok ma tikklassifikahom bħala “invalidi”;

Inizjattiva AGE-Management

49.

Huwa tal-fehma li l-kapaċità ta’ impjieg f'età avvanzata tiddependi minn inizjattivi fis-setturi tas-saħħa, il-livell tad-dħul u l-kontribuzzjonijiet fi flus u f'materja fil-konfront tal-pensjoni u benefiċċji oħra tal-irtirar, it-taħriġ ulterjuri, l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, l-awtonomija u l-għażliet individwali tal-ħaddiema, titjib fil-bilanċ bejn il-ħajja familjari u dik professjonali, is-soddisfazzjon tax-xogħol u l-imġiba maniġerjali, kif ukoll garanzija ta’ akkomodazzjoni raġonevoli, - f'konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/78/KE - u li tali inizjattivi għandhom jiġu mfassla b'kooperazzjoni bejn is-sħab soċjali, fejn applikabbli, għall-impjegati kollha u mħeġġa mill-Kummissjoni u l-Istati Membri;

50.

Iqis li l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu lill-kumpaniji biex jintroduċu strateġiji ta’ ġestjoni li jinkorporaw il-kwistjoni tal-età biex iżidu l-kompetittività tagħhom billi jibbenefikaw mill-esperjenza u l-kwalitajiet partikulari ta’ ħaddiema anzjani.

51.

Jissuġġerixxi lis-sħab soċjali, lil min iħaddem u lill-Istati Membri biex jiżguraw li ħaddiema li għandhom aktar minn 50 sena jkollhom l-opportunità li jirċievu promozzjonijiet sat-tmiem tal-karriera tagħhom;

Inizjattiva tandem bejn il-ġenerazzjonijiet

52.

Jitlob għal inizjattivi konkreti biex fid-dinja tax-xogħol jiġu inkuraġġiti gruppi magħmula minn etajiet varji, iħeġġeġ biex dawn l-impriżi jkunu appoġġati u biex l-aħjar proġetti jiġu ppremjati filwaqt li juri kif it-taħlit tal-ġenerazzjonijiet iżid il-kompetittività u jippermetti tkabbir iktar armonjuż;

53.

Jipproponi li tittieħed azzjoni konkreta sabiex tinħoloq kultura imprenditorjali ġdida dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani, sabiex ikun hemm tendenza favur l-impjieg ta’ ħaddiema anzjani u tiġi stabbilita rabta bejn dan l-approċċ u r-Responsabilità Soċjali tal-Kumpaniji;

54.

Huwa konvint li l-Istati Membri jistgħu jtejbu l-effiċjenza tal-aġenziji pubbliċi għall-impjieg għall-anzjani qiegħda, inklużi għażliet ta’ xogħol soċjali u ta’ karità;

Inizjattiva “Garanzija għal pensjoni deċenti”

55.

Huwa konvint li l-irtirar huwa dritt li kull impjegat jista' jitlob mill-età ta’ rtirar legali stabbilita minn kull Stat Membru, b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u b'konformità mal-prattiki nazzjonali, iqis li, jekk jiddeċiedu li ma jestendux il-ħajja tax-xogħol tagħhom 'il fuq mill-età tal-irtirar nazzjonali, dan ma għandux jeffettwa d-drittijiet tagħhom tal-pensjoni jew drittijiet soċjali oħra;

56.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jeżaminaw mill-ġdid mingħajr preġudizzji l-limitazzjonijiet ta’ età għal ċerti impjiegi u għall-eliġibilità għall-fondi u l-konklużjoni ta’ kuntratti tal-assikurazzjoni, sa mhux aktar tard mill-2012, u biex jeliminaw tali limitazzjonijiet; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jikkunsidraw id-diffikultajiet ta’ aċċess għall-kreditu għall-anzjani;

Inizjattiva “Tixjiħ attiv”

57.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrieżamina l-attivitajiet relatati mat-tixjiħ fis-saħħa u biex tippreżenta pjan ta’ azzjoni fl-2011 biex:

—

issaħħaħ id-dinjità, is-saħħa, il-kwalità tal-ħajja u l-awtonomija tal-anzjani,

—

tippermettilhom aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa indipendentement mid-dħul,

—

tenfasizza b'mod partikolari r-riskji għas-saħħa għall-persuni li jieqfu jaħdmu f'daqqa waħda, u

—

tenfasizza l-prevenzjoni ta’ problemi tas-saħħa, li titlob mill-Istati Membri li jappoġġaw stili ta’ ħajja favur is-saħħa u li jieħdu miżuri xierqa biex inaqqsu t-tipjip, l-abbuż mill-alkoħol u riskji oħra ewlenin għas-saħħa;

58.

Jilqa' l-fatt li numru kbir ta’ organizzazzjonijiet voluntiera ddikjaraw id-29 ta’ April jum ta’ “Solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet” u jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal proposta li tiddikjara l-2012 is-“Sena Ewropea tat-Tixiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet”, li jenfasizza l-kontribut li l-persuni anzjani jagħtu lis-soċjetà u joffri opportunitajiet biex iż-żgħażagħ u l-anzjani jaħdmu flimkien;

59.

Iqis li l-Istati Membri għandhom jagħmlu t-tixjiħ attiv waħda mill-prijoritajiet tagħhom għas-snin li ġejjin; jinnota li dan jinkludi partikolarment il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ta’ qafas adegwati biex jiġi mobilizzat il-potenzjal tal-persuni anzjani u l-iżvilupp ta’ approċċi innovativi għall-azzjonijiet, kif ukoll taħriġ xieraq għall-istaff tas-servizzi tal-għajnuna;

60.

Iqis li t-tixjiħ attiv għandu jitqies fil-kuntest usa' tal-kapaċità tal-impjieg sostenibbli tal-irġiel u n-nisa matul il-ħajja attiva kollha u, biex ħaddiema anzjani jitħeġġu biex jibqgħu jaħdmu, jeħtieġ li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol sabiex titħares is-saħħa u s-sigurtà tagħhom jew li l-postijiet tax-xogħol jiġu adattati għas-saħħa u l-ħtiġijiet tagħhom, jiġu miġġielda d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u s-sess, jiġu aġġornati l-ħiliet tagħhom permezz tal-provvista ta’ opportunitajiet xierqa għall-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja u, fejn applikabbli, għandha terġa' tiġi eżaminata s-sistema tat-taxxa u l-benefiċċji soċjali sabiex l-anzjani verament ikollhom inċentiv biex jibqgħu jaħdmu għal perjodi itwal;

61.

iqis li l-Istati Membri u l-KE għandhom jużaw il-possibilitajiet kollha offruti mill-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni, l-Istrateġija għall-Impjiegi u strumenti u programmi Komunitarji oħra, inkluż l-appoġġ finanzjarju mill-Fondi Strutturali, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, biex jippromwovu t-tixjiħ attiv;

62.

Iqis li l-Istati Membri u l-KE għandhom jużaw il-kumitati ta’ konsulenza u tal-politika eżistenti, inkluż il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali, il-Kumitat tal-Impjiegi, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika u l-Grupp ta’ Esperti dwar Kwistjonijiet Demografiċi, b'mod li l-kwistjoni tat-tixjiħ attiv tibqa' fost il-prijoritajiet tal-aġenda tal-politika tal-UE u tal-Istati Membri.

63.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri fil-pront biex jiżguraw pensjonijiet deċenti għal kulħadd, u li fl-ebda ċirkostanza ma jistgħu jkunu taħt il-linja tal-faqar;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprepara studju dwar l-effettività u l-benefiċċji tal-parteċipazzjoni attiva tal-ħaddiema anzjani fis-suq tax-xogħol, fir-rigward tas-sostenibilità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali, il-promozzjoni tal-produttività u t-tkabbir u l-miżuri biex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali;

Politiki ta’ rikonċiljazzjoni

65.

Jenfasizza li sabiex jiġi evitat piż sproporzjonat fuq in-nisa minħabba ż-żieda fid-domanda għall-kura f'soċjetà li qed tixjieħ, irridu inkunu kapaċi nirrikonċiljaw ix-xogħol u l-kura kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa fl-Istati Membri kollha u niżguraw li jitqassmu b'mod bilanċjat bejn in-nisa u l-irġiel; jenfasizza li dan jimplika wkoll il-provvista ta’ kura ta’ kwalità għolja u bi prezzijiet aċċessibbli, titjib tal-offerti rigward il-kura tat-tfal u l-edukazzjoni, il-liv tal-ġenituri u l-promozzjoni ta’ xogħol part-time għall-irġiel;

66.

Jenfasizza l-fatt li l-anzjani spiss ikollhom rwol importanti fil-familja billi jieħdu ħsieb it-tfal, iżommuhom matul il-vaganzi tal-iskola u wara l-ħin tal-iskola, u dan huwa prezzjuż ħafna fih innifsu u jirrappreżenta valur ekonomiku sinifikanti.

67.

Jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ azzjoni għat-titjib tal-arranġamenti li jirregolaw mhux biss il-liv tal-maternità imma wkoll il-liv tal-paternità u l-liv tal-ġenituri għall-missirijiet li jaħdmu;

68.

Jinnota l-ħtieġa li jkunu stabbiliti madwar l-UE miżuri għaż-żieda fir-rati tat-twelid, li mingħajrhom ma tkunx tista' tiġi indirizzata l-problema tat-tixjiħ fl-Ewropa;

69.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jidħlu għal impenji permanenti favur il-familja, inkluż id-dritt għal allowances addizzjonali għall-ġenituri, speċjalment miżuri addizzjonali għall-appoġġ ta’ ommijiet singoli, u konċessjonijiet fiskali u soċjali għall-creches u għall-organizzazzjonijiert volontarji, kooperattivi u tal-karità; barra minn hekk, jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qafas tal-Alleanza Ewropea għall-familji u pjattaformi u organizzazzjonijiet relevanti oħra; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw sistemi ta’ inċentivi li jgħinu lill-ħaddiema jieħdu liv full-time jew part-time għat-tfal tagħhom u jsibu d-drittijiet miksuba tagħhom intatti meta jirritornaw lura fil-kumpanija;

70.

Jistieden lill-Istati Membri jnaqqsu l-piż fuq dawk li jieħdu ħsieb l-anzjani jew il-persuni b'diżabilità u biex jistabbilixxu sistemi integrati ta’ kura, sabiex dawk li jikkuraw l-anzjani jkunu jistgħu joħorġu jaħdmu;

71.

Huwa favur id-dritt ta’ xogħol part-time, postijiet tax-xogħol b'ħinijiet flessibbli, ħinijiet tax-xogħol adattati għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema, u arranġamenti xierqa rigward il-maternità, it-tqala, il-liv tal-ġenituri, il-benefiċċji tat-tfal, il-qsim tal-impjiegi u x-xogħol mid-dar, filwaqt li jinżammu livelli għolja tas-sigurtà soċjali bħala miżuri li jikkontribwixxu għall-kompatibilità bejn ir-responsabilitajiet ta’ kura u x-xogħol;

72.

Iqis li hu essenzjali li tkun inkoraġġita s-solidarjetà interġenerazzjonali, speċjalment fil-kuntest tad-dimensjoni tas-sessi, permezz ta’ politiki fiskali mmirati, miżuri biex jinkoraġġixxu l-attività fix-xjuħija, politika ta’ akkomodazzjoni, u l-ħolqien ta’ netwerks integrati ta’ servizzi għat-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità u dipendenti, bil-ħsieb li jħallu impatt favorevoli fuq l-ekwilibriju bejn ix-xogħol u l-ħajja;

73.

Jenfasizza l-fatt li r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-familja hija possibbli biss jekk xogħol ta’ kura mingħajr ħlas jinqasam b'mod aktar ugwali bejn in-nisa u l-irġiel u jekk jiġu pprovduti servizzi li jieħdu ħsieb il-familja, li jkunu ta’ kwalità tajba, aċċessibbli u bi prezzijiet raġonevoli; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw servizzi aċċessibbli, bi prezzijiet raġonevoli, flessibbli u ta’ kwalità għolja, u b'mod partikolari, aċċess għall-faċilitajiet tal-kura tat-tfal billi jiżguraw l-għoti ta’ 50 % ta’ kura meħtieġa għat-tfal bejn 0 u 3 snin u 100 % tal-kura għal tfal bejn 3 u 6 snin, u aċċess aħjar għall-kura għal dipendenti oħra, u arranġamenti adegwati ta’ liv kemm għall-ommijiet u għall-missirijiet;

74.

Jinnota li bosta anzjani jista' jkollhom familja żgħira jew ma jkollhom l-ebda familja biex jistrieħu fuqha u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu iżjed biex jippruvaw jaqsmu bejniethom l-aħjar prattika f'termini ta’ politiki, biex jiżguraw li l-anzjani jistgħu jkunu indipendenti l-aktar żmien possibbli u li jekk ikunu meħtieġa servizzi ta’ appoġġ dawn ikunu disponibbli u personalizzati għall-individwu;

75.

Jinnota li jekk il-kundizzjonijiet għar-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali, familjari u privata jkunu nieqsa mis-suq tax-xogħol, ma jkun hemm l-ebda inkoraġġiment biex is-servizzi varji jiġu mwessgħin, u r-rata ta’ twelid tinżel, bil-konsegwenza li l-problema tat-tixjiħ tas-soċjetà Ewropea tkompli tiggrava;

76.

Jistieden lill-intrapriżi u l-gvernijiet biex jistabbilixxu faċilitajiet ta’ konsulenza u ta’ appoġġ ta’ kwalità għolja għall-membri tal-familja li jipprovdu jew jikkuraw qraba aktar anzjani, u biex jagħmluha possibbli għalihom li l-kura li jipprovdu tiġi kkalkolata bħala kontribuzzjoni għad-drittijiet tagħhom għall-pensjoni u biex jirċievu kumpens finanzjarju adegwat; iqis li l-kura pprovduta mill-membri tal-familja ma għandhiex tiġi abbużata bħala mod kif jiġġemmgħu l-flus;

Politika ekonomika u politika tat-tkabbir

77.

Huwa tal-fehma li l-penetrazzjoni fi swieq ġodda fl-ekonomija relatata mal-anzjani toffri opportunità kbira biex titjieb il-kompetittività u l-kapaċità tal-innovazzjoni u għal iżjed tkabbir u impjiegi u biex jiżdied il-volontarjat; jemmen li bl-oppożizzjoni tagħhom għall-leġiżlazzjoni antidiskriminatorja proposta fuq il-bażi tal-età, ħafna organizzazzjonijiet kummerċjali komprensivi ma ntebħux b'din l-opportunità;

78.

Iqis li wieħed mill-mezzi għat-trattament tad-distakk diġitali – fenomenu li jolqot b'mod partikolari lin-nisa, l-aktar dawk anzjani, u li jwassal għall-esklużjoni professjonali u soċjali – jista' jkun li l-iskejjel jorganizzaw inizjattivi sperimentali ta’ litteriżmu fl-IT.

79.

Jemmen li ftehim dwar leġiżlazzjoni antidiskriminatorja ġdida fl-aċċess għall-merkanzija u s-servizzi joffri opportunità kbira għat-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, peress li l-ostakli li jiffaċċaw l-anzjani għal ċerti servizzi u prodotti jiżżarmaw; jitlob għat-tmiem ta’ kull projbizzjoni ġenerali bla raġuni u inġusta dwar merkanzija u servizzi bbażata fuq l-età, li bosta anzjani jiffaċċaw meta pereżempju jippruvaw jixtru assigurazzjoni jew btala jew jikru karozzi;

80.

Jistieden lill-Istati Membri biex joħolqu l-kundizzjonijiet ta’ qafas, b'mod partikolari biex jieħdu miżuri innovattivi u mingħajr ostakli, li jikkunsidraw il-kundizzjoniet reġjonali differenti;

81.

Jitlob għal azzjoni aktar viċin ir-realtà, pereżempju bil-ħolqien ta’ kunsilli tal-impjieg “reġjonali” jew “territorjali” jew “lokali”, li jġibu flimkien dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u s-sħab soċjali;

82.

Iqis li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri drastiċi biex jiskuraġġixxu l-ekonomija moħbija u klandestina mħaddma minn forza tax-xogħol “irregolata”, li qed jeffettwaw ħażin is-suq tax-xogħol tal-UE, pjuttost milli jippromwovu miżuri li jimmiraw lejn il-protezzjoni tal-forza tax-xogħol interna tagħhom; jinnota li r-reazzjoni kontra x-xogħol mhux dikjarat permezz ta’ miżuri/sanzjonijiet fil-konfront ta’ min iħaddem u/jew intermedjarji fil-verità ma servix ta’ deterrent;

83.

Jilob biex isiru sforzi biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra x-xogħol illegali, partikolarment billi jiżdiedu r-riżorsi umani u oħrajn disponibbli għall-entitajiet ta’ kontroll (servizzi ta’ ispettorat tal-fabbriki, qrati tax-xogħol, eċċ.);

Politika tal-pensjonijiet u l-baġits

84.

Jitlob li tingħata attenzjoni għall-fatt li s-sistemi tas-sigurtà soċjali jiffaċċaw sfidi kbar u li l-Istati Membri għandhom iwettqu riformi strurtturali ambizzjużi u jfittxu metodi ġodda ta’ ffinanzjar sostenibbli tal-kura tas-saħħa u l-pensjonijiet;

85.

Iqis li, minħabba l-fatt li l-popolazzjoni qed tixjieħ b'pass mgħaġġel qed issir problema mad-dinja kollha, u dan ifisser sfidi għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-benesseri tal-Istati Membri li irridu nilqgħu għalihom fis-snin li ġejjin, il-Kummissjoni għandha tassumi rwol ta’ koordinatriċi biex tfassal soluzzjonijiet rigward is-servizzi tas-saħħa u u tal-kura għall-anzjani u biex ixxerred l-aħjar prattika fl-Istati Membri;

86.

Jitlob li jsir iżjed biex jiġi żgurat li l-anzjani jkunu jafu x'inhuma d-drittijiet u l-obbligi tagħhom rigward is-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet u li din l-informazzjoni tiġi pprovduta f'format sempliċi u aċċessibbli;

87.

Jenfasizza li huwa dritt tal-bniedem li jgawdi għajxien deċenti u li persuni li ħadmu tul ħajjithom kollha m'għandhomx isiru vittmi tal-kriżi ekonomika;

88.

Jenfasizza li l-differenza fil-pagi bejn l-irġiel u n-nisa – bħalissa 17 % fis-27 Stat tal-UE – trid tiġi indirizzata, peress li għandha konsegwenzi fil-forma ta’ dħul inqas mit-twelid tal-ewwel tarbija u, finalment, ta’ pensjonijiet aktar baxxi u rata ogħla tal-faqar fost in-nisa ta’ età akbar;

89.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw mill-ġdid is-sistemi ta’ benesseri soċjali fejn dawn għadhom jinkludu inugwaljanzi konsiderevoli bejn il-livelli tal-pensjoni tal-irġiel u n-nisa, u jintroduċu fatturi korrettivi li jikkunsidraw id-distakki fil-kontribuzzjonijiet li jirriżultaw minn impjieg temporanju jew responsabilitajiet tal-omm;

90.

Jenfasizza l-bżonn li tiġi kkunsidrata l-prattika fl-Istati Membri kollha f'dan il-qasam tal-politika soċjali għaliex is-sistemi tal-pensjoni nazzjonali jvarjaw bejn Stat Membru u ieħor;

91.

Jenfasizza li li t-tnaqqis mill-piż mistenni u li dejjem qed jiżdied fuq il-ġenerazzjonijiet futuri huwa prijorità fundamentali, meta titqies iż-żieda drammatika fil-proporzjon ta’ persuni 'l fuq minn 80 sena (persuni anzjani ħafna);

92.

Jinnota l-impatt tar-reċessjoni globali fuq il-finanzi pubbliċi u l-ekonomija aktar wiesgħa; barra minn hekk, iqis li l-fatt li l-popolazzjoni qiegħda tixjieħ u li r-rata tat-twelid qiegħda tonqos fl-Ewropa jirrappreżenta bidla demografika fundamentali li tkun teħtieġ riforma tas-sistema tal-għajnuna soċjali u ta’ dik fiskali tal-Ewropa, fosthom is-sistemi tal-pensjoni, biex tingħata kura xierqa lill-ġenerazzjonijiet il-kbar filwaqt li ma jiżdiedx il-piż tad-dejn fuq il-ġenerazzjonijiet iż-żgħar; jinkoraġġixxi riforma fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jissodisfaw l-obbligu tagħhom li jagħmlu s-sistemi tal-pensjoni aktar sostenibbli;

93.

Jinnota li l-kwistjonijiet diversi relatati mal-bidla demografika fis-soċjetà jidħlu esklużivament fil-kompetenza tal-Istati Membri u li ma hemm l-ebda kompetenza ġenerali tal-Komunità biex jiġu stabbiliti regoli Ewropej li jindirizzaw il-bidla demografika; jagħraf il-ħtieġa li kull Stat Membru jieħu azzjoni biex jiżgura li l-finanzi pubbliċi tiegħu jkunu sostenibbli u jkunu jistgħu jindirizzaw b'mod adegwat il-bidla demografika;

94.

Jinnota li fis-snin reċenti ntużaw diversi modi ta’ kontabilità interġenerazzjonali, li pproġettaw l-iżvilupp tad-dejn pubbliku fid-deċennji li ġejjin u l-ispejjeż impliċiti għall-ġenerazzjonijiet futuri, li jenfasizzaw l-indikaturi tad-distakk fis-sostenibilità, pereżempju l-bilanċ primarju meħtieġ, li jirrappreżenta l-bilanċ baġitarju strutturali meħtieġ sabiex tkun żgurata s-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi;

95.

Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi kontabilità interġenerazzjonali kontinwa li tinkludi estimi dwar il-piżijiet futuri tad-dejn u d-distakki fis-sostenibilità fil-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, u tippubblika r-riżultati biex ikunu disponibbli b'mod li jkunu faċilment aċċessibbli u komprensibbli;

96.

Jinnota li l-projezzjonijiet attwali tad-dejn huma allarmanti u se jakkumulaw piżijiet enormi ta’ dejn fuq il-ġenerazzjonijiet futuri, u jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jnaqqsu l-iżbilanċi strutturali primarji tagħhom u jersqu lejn proporzjon sostenibbli tad-dejn;

97.

Jirrakkomanda li l-Istati Membri jippreżentaw miżuri biex iżidu l-produttività ġenerali u speċjalment il-produttività fil-provvista tas-servizzi tal-għajnuna soċjali, inklużi s-servizzi tas-saħħa u l-kura għall-anzjani;

98.

Jinnota li jekk is-snin tal-għomor miżjuda mistennija jkunu snin ta’ saħħa u mhux ta’ mard, id-distakk fis-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi ikun anqas b'1.5 % tal-PGD, skont ċerti kalkoli, u għalhekk, iqis li huwa tal-ikbar importanza li l-problemi tas-saħħa jiġu evitati u li jiġu trattati f'età aktar bikrija;

99.

Hu mħasseb dwar il-fatt li ħafna Stati Membri ma rnexxilhomx jirriformaw is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha, li tenfasizza r-riskji fit-tul għal kull Stat Membru;

100.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jżidu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol permezz ta’ ħinijiet flessibbli tax-xogħol, promozzjoni tax-xogħol part-time u xogħol mid-dar;

101.

Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jgħinu lill-familji kollha fis-sistemi fiskali u ta’ benefiċċji tagħhom u jippromwovu l-provvista tas-servizzi tal-kura tat-tfal għall-familji bi tfal żgħar;

102.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jneħħu d-diżinċentivi, partikolarment fir-rigward tat-taxxa u l-pensjonijiet, għall-anzjani biex ikomplu jaħdmu wara l-età tal-irtirar, u jinkoraġġixxi mekkaniżmi u inċentivi effikaċi ta’ għajnuna, billi l-impatt tat-tixjiħ jiddependi mir-rata tal-impjiegi u mill-ammont medju ta’ sigħat ta’ xogħol;

103.

Hu tal-fehma li, kif juru x-xejriet demografiċi, hemm potenzjal kbir għall-iżvilupp ta’ impjiegi sostenibbli u deċenti fil-qasam tas-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa.

Politiki tal-migrazzjoni

104.

Huwa tal-fehma li l-migrazzjoni flimkien mal-integrazzjoni b'suċċess, inkluża l-integrazzjoni ekonomika, tista' tkun wieħed mill-modi biex inlaħħqu mat-tibdil demografiku u li għad hemm wisq nies bi sfond ta’ immigrazzjoni li għadhom iħossuhom li ma jappartjenux għall-Istati Membri fejn jgħixu, parzjalment minħabba d-diskriminazzjoni li jiffaċċaw;

105.

Huwa konvint li huwa essenzjali li jsir dibattu miftuħ u sinċier sabiex jiġu diskussi l-politiki differenti tal-immigrazzjoni, il-kundizzjonijiet ta’ dħul tal-immigrati u l-perspettivi ekonomiċi tagħhom, il-problemi tal-immigrazzjoni illegali, ir-rata tikber ta’ persuni qiegħda fost l-immigrati minħabba l-kriżi ekomomika attwali, il-miżuri effettivi biex tiġi evitata l-iżolazzjoni soċjali u kulturali tal-personi ġodda li jaslu fil-pajjiż;

106.

Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-anzjani għandhom mobilità soċjali u adattabilità għall-ambjenti ġodda aktar baxxi, għalkemm għandhom ħiliet ta’ integrazzjoni aħjar;

107.

Huwa konvint li s-sens ta’ identifikazzjoni bi qbil ma’ tradizzjonijiet demokratiċi u valuri kostituzzjonali fundamentali, il-parteċipazzjoni bbażata fuq opportunitajiet ugwali u r-responsabilità huma prerekwiżiti biex l-integrazzjoni tkun suċċess, li din tista' tirnexxi biss meta l-immigranti jkunu disposti li jadattaw ruħhom u l-popolazzjoni lokali tkun lesta tilqagħhom, u li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet tkun ikkompletata minn solidarjetà bejn il-kulturi, li jimplika t-tneħħija tal-preġudizzji dwar kulturi differenti;

108.

Jemmen li l-ħolqien ta’ ambjent fost il-popolazzjoni tal-pajjiż ospitanti fejn jaċċettaw l-immigranti jiddependi direttament minn informazzjoni xierqa u komprensiva u l-ħolqien ta’ kultura kontra l-ksenofobija;

109.

Huwa konvint li t-tixjiħ attiv għandu jimplika parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u l-inklużjoni fil-proċessi demokratiċi parteċipatorji tad-teħid ta’ deċiżjonijiet;

Politiki tas-saħħa u l-kura

110.

Ifakkar li t-tibdil demografiku jippreżenta disparitajiet reġjonali qawwija u jiddetermina proċessi ta’ emigrazzjoni minn reġjuni rurali u periferiċi, u għalhekk għandhom jiġu żviluppati kunċetti għal trasformazzjoni tal-istrutturi ta’ assistenza soċjali u medika, għandhom ikunu disponibbli fondi ta’ għajnuna, u għandhom jiġu skambjati b'mod intensiv l-aħjar prattiki u dawk li jappoġġaw l-iżvilupp u s-servizzi bbażati fuq informazzjoni moderna u teknoloġiji tal-komunikazzjoni;

111.

Jikkunsidra li s-servizzi domiċiljari għall-anzjani jistgħu jiġu promossi u organizzati billi jiġu inkoraġġiti forom awtonomi u kooperattivi ta’ attività, fuq il-bażi ta’ ftehimiet mal-awtoritajiet lokali u l-introduzzjoni ta’ vouchers dedikati għall-familji;

112.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, peress li l-popolazzjoni qed tixjieħ b'mod estensiv, biex jirsistu fuq kwalunkwe forma ta’ kooperazzjoni bil-ħsieb li jfasslu sistemi ta’ ffinanzjar sostenibbli sabiex jiżguraw li s-servizzi ta’ kura neċessarji jkunu disponibbli;

113.

Jinnota li teżisti evidenza kunsiderevoli ta’ diskriminazzjoni kontra l-anzjani fil-kura tas-saħħa; jinnota li l-pazjenti anzjani aktarx li inqas għandhom ċans mill-pazjenti iżgħar fl-età biex jirċievu t-trattament li jeħtieġu minħabba diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età biss; iqis li tali trattatment mediku u kura medika differenzjati jista' jkollhom effetti sinifikattivi fuq ir-riżultati tas-saħħa fost l-anzjani;

114.

Jinnota li t-tibdil demografiku u l-konsegwenzi tiegħu għandhom effett differenti fuq il-partijiet tal-punent u l-lvant tal-UE u li hija meħtieġa politika komuni li tiżgura tkabbir ibbilanċjat u żvilupp reġjonali sostenibbli;

115.

Jistieden lill-Istati Membri jgħinu r-reġjuni ta’ emigrazzjoni netta billi jiggarantixxu livell għoli ta’ servizzi ta’ interess ġenerali (p.e. l-edukazzjoni, inkluża dik qabel l-iskola formali u l-kura tat-tfal, is-servizzi ta’ appoġġ u tas-saħħa, is-servizzi postali) u l-aċċessibilità (p.e. tat-trasport pubbliku, l-infrastruttura tat-trasport u n-netwerks tat-telekomunikazzjoni) u biex jissalvagwardaw il-parteċipazzjoni ekonomika u l-ħiliet (p.e. permezz ta’ taħriġ, inklużi metodi ta’ tagħlim tul il-ħajja u l-użu ta’ u l-investiment fit-teknoloġiji); jitlob li l-qafas prattiku biex dawn il-kompiti jiġu mwettqa jiġi adattat għall-ħtiġijiet lokali u l-atturi lokali u biex titjieb l-adattabilità tagħhom; jiġbed attenzjoni partikolari lejn is-sitwazzjoni tal-gżejjer, iż-żoni tal-fruntiera, ir-reġjuni muntanjużi u żoni oħra mbiegħda miċ-ċentri popolati;

116.

Jistieden lill-Istati Membri jagħtu kas tal-migrazzjoni tax-xogħol regolata (immigrazzjoni minn pajjiżi terzi fl-UE);

117.

Jenfasizza li, irrispettivament mil-livell tad-dħul, l-età jew l-istatus soċjali jew il-grad tar-riskju għas-saħħa li jiffaċċaw, il-persuni għandhom jirċievu trattament mediku u kura bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità għolja, u jekk dan għandu jinkiseb, għandha tiġi adottata leġiżlazzjoni antidiskriminatorja ġdida fl-UE kemm jista' jkun malajr, li tinkludi aċċess għas-servizzi tas-saħħa;

118.

Jilqa' l-proġett Predict iffinanzjat mill-UE (“Increasing the participation of the elderly in clinical trials”), li għandu l-għan li jiskopri għaliex id-diskriminazzjoni kontra l-anzjani fit-testijiet kliniċi tippersisti. huwa tal-fehma li l-anzjani għandhom ikunu pprovduti b'pinnoli li jkunu ġew ittestjati għall-effikaċja u s-sigurtà għall-grupp ta’ età tagħhom;

119.

Jirrikonoxxi dak li nkiseb mill-Istati Membri fil-qasam tal-kura tal-anzjani, iżda jistedinhom jagħtu attenzjoni akbar milli taw sa issa għall-infurzar ta’ u l-konformità ma’ kriterji ta’ kwalità fil-provvista ta’ servizzi; jemmen li l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom itejbu l-kooperazzjoni fir-rigward tas-sorveljanza u li, għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-ħolqien ta’ netwerk ta’ punti ta’ kuntatt għall-kura nazzjonali, li jistgħu jintużaw kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fi ħdan l-UE biex tinkiseb informazzjoni dwar is-servizzi tal-kura disponibbli u l-kwalità tagħhom u biex isiru lmenti dwar il-kwalità tas-servizz;

120.

Jitlob għal Green Paper li għandha tinħareġ mill-Kummissjoni dwar l-abbuż kontra l-anzjani u dwar is-salvagwardja tal-anzjani fil-komunità u fid-djar tal-kura;

121.

Jitlob, permezz tal-metodu miftuħ ta’ komunikazzjoni, għal skambju ta’ informazzjoni u l-aħjar prattika bejn l-Istati Membri dwar il-provvista ta’ kura għall-anzjani fuq żmien twil u, b'mod partikolari, miżuri għas-salvagwardja tagħhom fil-komunità u fid-djar tal-kura u biex jiġu indirizzati l-abbużi fuq l-anzjani;

122.

Jirrikonoxxi li numru kbir ta’ nisa migranti huma impenjati fil-kura tal-anzjani u jipproponi, fuq naħa waħda, li l-Istati Membri jintensifikaw il-kontrolli biex irażżnu l-fenomenu tax-xogħol mhux dikjarat f'dan is-settur partikolari u, fuq in-naħa l-oħra, miżuri biex jiġi ffaċilitat l-aċċess ta’ dawn il-ħaddiema għall-korsijiet ta’ taħriġ rilevanti, bħala parti mit-tagħlim tul il-ħajja, sabiex jiżguraw kura ta’ kwalità għolja;

123.

Jistieden l-Istati Membri jindirizzaw il-kwistjonijiet li jiffaċċaw dawk li jieħdu ħsieb il-familji, inkluż id-dritt li jagħżlu huma jekk iridux jagħmlu dan ix-xogħol, l-għażla li jikkombinaw il-kura ma’ impjieg bi ħlas, u l-aċċess għall-iskemi tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet tal-anzjani, sabiex jiġi evitat il-faqar minħabba riżultat dirett ta’ karriera fil-kura ta’ persuni oħra;

124.

Jenfasizza l-importanza ta’ sigurtà soċjali u drittijiet tal-pensjoni bbażati fuq l-individwu u li jirrikonoxxu xogħol ta’ kura mingħajr ħlas;

125.

Huwa tal-opinjoni li teżisti l-ħtieġa li jiġi żviluppat kodiċi ta’ kondotta fil-livell tal-UE li jiddefinixxi l-linji gwida u l-prestazzjonijiet minimi għall-provvista ta’ assistenza fit-tul u li dan għandu jiġi adottat mill-PE u mill-Kunsill;

Involviment fis-soċjetà

126.

Huwa tal-fehma li kull individwu għandu jkollu l-opportunità li jkun impenjat fis-soċjetà; jenfasizza, madankollu, li l-impenn soċjali għandu dejjem jibqa' impenn volontarju;

127.

Jenfasizza li, fid-dawl tax-xejriet demografiċi, il-prinċipju ta’ gwida ta’ soċjetà ċivili attiva dejjem qed isir aktar rilevanti, u dan jitlob li r-relazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-istat fl-eżerċizzju tad-dmirijiet fis-soċjetà jiġi vvalutat mill-ġdid;

128.

Huwa tal-opinjoni li l-provvista tal-kura teħtieġ livell għoli ta’ ħila u grad eċċezzjonali ta’ responsabilità min-naħa ta’ min jikkura, li għandu jiġi rikonoxxut b'mod xieraq f'termini soċjali u finanzjarji; u jqis li dan huwa l-uniku mod biex jiġi żgurat li standars ta’ kwalità jistgħu jinżammu fuq żmien twil u li numru suffiċjenti ta’ carers imħarrġa tajjeb u mmotivati jkunu jistgħu jiġu reklutati;

*

* *

129.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


(1)  ĠU C 115, 14.4.1997, p. 238.

(2)  ĠU C 104, 6.4.1998, p. 222.

(3)  ĠU C 232, 17.8.2001, p. 381.

(4)  ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 131.

(5)  ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 141.

(6)  ĠU C 279 E, 19.11.2009, p. 23.

(7)  ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 75.

(8)  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 11.

(9)  ĠU C 137 E, 27.5.2010, p. 68.

(10)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 66.

(11)  Cedefop, serje Panorama, 159. Il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2008.

(12)  Il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2010.

(13)  Cedefop, serje Reference. Il-Lussemburgu, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2009.

(14)  ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.