Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta’ riforma nazzjonali 2012 tal-Finlandja u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà tal-Finlandja għall-2012-2015 /* COM/2012/0312 final */
Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-programm ta’ riforma nazzjonali 2012
tal-Finlandja
u li twassal l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-programm ta’ stabbiltà
tal-Finlandja għall-2012-2015 IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4)
tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar
it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza
u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika[1],
u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu, Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011
tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar
il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi[2], u b'mod partikolari l-Artikolu
6(1) tiegħu, Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni
tal-Kummissjoni Ewropea[3], Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet
tal-Parlament Ewropew[4],
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet
tal-Kunsill Ewropew, Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat
tal-Impjiegi, Wara li kkonsulta mal-Kumitat Ekonomiku u
Finanzjarju, Billi: (1) Fis-26 ta’ Marzu 2010,
il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tiġi
mnedija strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, bl-isem ta'
Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki
ekonomiċi u li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn tenħtieġ azzjoni
li tagħti spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u
l-kompetittività sostenibbli. (2) Fit-13 ta’ Lulju 2010,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali
għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014)
u fil-21 ta’ Ottubru 2010, huwa adotta deċiżjoni dwar
il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri [5], li flimkien jagħmlu
l-"linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu
l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali
tagħhom. (3) Fit-12 ta' Lulju 2011,
il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta' riforma
tal-Finlandja għall-2011 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta'
stabbiltà aġġornat tal-Finlandja għall-perjodu 2011-2014. (4) Fit-23 ta' Novembru 2011,
il-Kummissjoni adottat it-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li
kien il-bidu tat-tieni Semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex
ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-14 ta’ Frar 2012,
abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat
ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija[6],
li fih hija identifikat lill-Finlanjda bħala wieħed mill-Istati
Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. (5) Fit-2 ta' Marzu 2012,
il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet għall-iżgurar ta'
stabbiltà finanzjarja, konsolidazzjoni fiskali u azzjoni biex jitrawwem
it-tkabbir. Huwa enfasizza l-ħtieġa li titkompla konsolidazzjoni
fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir, biex l-ekonomija jerġa'
jkollha kundizzjonijiet normali għas-self, biex jiġu promossi
t-tkabbir u l-kompetittività, biex jiġu indirizzati l-qgħad u
l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi, u biex tiġi mmodernizzata
l-amministrazzjoni pubblika. (6) Fit-2 ta’ Marzu 2012,
il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt
Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin
għall-inklużjoni fil-programmi ta’ stabbiltà jew ta’ konverġenza
tagħhom u fil-programmi nazzjonali ta’ riforma tagħhom. (7) Fid-19 ta’ April 2012,
il-Finlandja ssottomettiet il-programm ta’ stabbiltà tagħha li jkopri
l-perjodu 2012-2015 u l-programm ta’ riforma nazzjonali 2012. Sabiex jitqiesu
l-konnessjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew
ivvalutati fl-istess waqt. Il-Kummissjoni vvalutat ukoll, f’analiżi
fid-dettal f'konformità mal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, jekk
il-Finlandja hijiex affettwata mill-iżbilanċji makroekonomiċi.
Il-Kummissjoni kkonkludiet fl-analiżi dettaljata tagħha[7] li l-Finlandja għaddejja
minn żbilanċ, għalkemm dan mhuwiex eċċessiv. (8) Abbażi tal-valutazzjoni
tal-programm ta' stabbiltà skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill
(KE) Nru 1466/97, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-ambjent makroekonomiku li
jirfed il-proġezzjonijiet baġitarji fil-programm huwa plawżibbli
għall-perjodu 2012-13, it-tkabbir tal-PDG mistenni fil-programm huwa
konformi mat-tbassir tar-rebbiegħa 2012 tal-Kummissjoni.
Il-proġezzjonijiet huma wkoll realistiċi għas-snin 2014 u 2015
minħabba li jipprevedu li t-tkabbir tal-PDG se jkun sostanzjalment iktar
baxx minn dak ta' qabel il-kriżi u inqas minn dak tas-snin ta' rkupru 2010-11.
L-għan baġitarju ewlieni tal-programm ta’ stabbiltà tal-Finlandja 2012
huwa li jitnaqqas id-defiċit tal-gvern ċentrali billi jiġu
limitati n-nefqiet u jiżdied id-dħul. Minħabba li l-baġit
tal-gvern ċentrali huwa s-sors ewlieni tad-defiċit
tal-amministrazzjoni pubblika, it-titjib tal-pożizzjoni tiegħu
għandha tikkontribwixxi għall-bilanċ tal-baġit
tal-amministrazzjoni pubblika. L-għan baġitarju fuq terminu medju
(MTO) ta' surplus ta' 0.5% tal-PDG f'termini strutturali jirrifletti b'mod
adegwat il-ħtiġijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Abbażi
tal-bilanċ tal-baġit strutturali (rikalkolat)[8], il-Finlandja laħqet l-MTO
fl-2011 iżda se tiddevja marġinalment minnu tul l-2012-15. Ir-rata
ta’ tkabbir tan-nefqa tal-gvern, li tieħu kont tal-miżuri
diskrezzjonali ta' dħul, hija konformi mal-punt ta' riferiment tal-Patt
ta' Stabbiltà u Tkabbir fis-snin kollha ħlief l-2015. Il-programm
għandu l-għan li jibbilanċja l-baġit tal-amministrazzjoni
pubblika sal-2015 u jilħaq surpluses mill-2016. Il-proporzjoni tad-dejn
huwa sew inqas minn 60% tal-PDG u skont il-programm, il-livell tad-dejn se
jilħaq l-ogħla punt tiegħu fl-2014 viċin il-52% tal-PDG
imbagħad jibda jonqos. Lakuna ta’ sostenibbiltà notevoli għadha
teżisti fil-finanzi pubbliċi tal-Finlandja, li tirriżulta
l-iktar minn proporzjoni ta' dipendenza li qed jiddeterjora malajr
minħabba tixjieħ demografiku. Il-lakuna fis-sostenibbiltà fil-finanzi
pubbliċi teħtieġ tiġi monitorjata kontinwament u
l-miżuri għandhom jiġu adattati skont il-bżonn. Il-qafas
fiskali tal-Finlandja huwa marbut mal-limiti ta’ nefqa multiannwali, iżda
dawn bħalissa ma japplikawx għas-settur muniċipali. (9) Il-produttività tas-servizzi
pubbliċi ilha tonqos matul dan l-aħħar deċennju.
L-awtoritajiet Finlandiżi diġà implimentaw bosta riformi biex
jindirizzaw din il-kwistjoni, iżda l-implimentazzjoni tagħhom kienet
bil-mod, speċjalment fil-livell tal-gvern lokali. Barra minn hekk,
għaddejja riforma muniċipali madwar il-pajjiż kollu kif ukoll
programm ta’ produttività għall-gvern ċentrali. Aktar gwadanji fil-produttività
u ffrankar fuq l-ispejjeż jistgħu jinkisbu billi tiġi
inkoraġġita aktar kompetizzjoni f'setturi ta’ servizzi privati u
pubbliċi protetti, permezz ta’ deregulazzjoni ta’ prodotti u tas-suq
tax-xogħol. (10) Matul l-aħħar sena,
il-gvern Finlandiż introduċa miżuri ġodda biex inaqqas
il-qgħad fost iż-żgħażagħ u għal dawk li
ilhom qegħda fit-tul. Dawn jinkludu programm pilota biex inaqqas
il-qgħad fit-tul u l-introduzzjoni ta' garanzija soċjali
għaż-żgħażagħ. Il-miżuri introdotti huma
ambizzjużi u relevanti, iżda issa jeħtieġu jiġu
implimentati b'attenzjoni ċara fuq it-titjieb tal-livelli tal-ħiliet
u l-pożizzjoni tas-suq tax-xogħol ta' gruppi mmirati. Fid-dawl ta’
tibdil demografiku, żieda fir-rata tal-impjieg tal-ħaddiema ikbar
fl-età huwa importanti biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi
sostenibbli u biex tintlaħaq id-domanda għall-impjieg
fil-ġejjieni. Iż-żieda fl-istennija tal-ħajja kienet iktar
mgħaġġla milli kien previst matul ir-riforma tal-pensjonijiet
fl-2005, u għalhekk, aktar ma jgħaddi żmien, il-firxa tal-età
statutorja ta’ rtirar tista’ tirriżulta baxxa wisq. Fil-programm
tiegħu, il-gvern impenja ruħu li jżid l-eta ta’ rtirar effettiva
minn 62.4 sena sal-2025. F’Marzu 2012, l-imsieħba soċjali qablu dwar
bosta miżuri għal żieda fit-tul ta’ żmien tal-karrieri ta’
ħidma. Il-gvern impenja ruħhu biex iwettaq riforma tal-pensjoni mhux
iktar tard minn l-1 ta’ Jannar 2017. Issa jeħtieġ li l-attenzjoni
tiġi ffokata fuq l-implimentazzjoni tal-linja ta’ azzjoni miftiehma fuq
it-terminu qasir. (11) Ostakli regolatorji fis-settur
tas-servizzi fil-Finlandja għadhom restrittivi u l-konċentrazzjoni
fis-suq hija għolja mhux biss fil-kummerċ bl-imnut, iżda anke
f'oqsma ta’ produzzjoni. Fis-suq bl-imnut tal-ikel, il-Finlandja għandha
l-ogħla grad ta’ konċentrazzjoni fis-suq u l-prezzijiet tal-ikel huma
fost l-ogħla fl-Ewropa. Il-multi tal-liġi tal-kompetizzjoni
fil-Finlandja kienu tradizzjonalment baxxi, li jqajjem mistoqsijiet dwar
x’effett deterrenti għandhom. Kien hemm xi żviluppi ta' politika dwar
il-kompetizzjoni, bħal-liġi ġdida tal-kompetizzjoni nazzjonali u
liġi ġdida dwar l-użu tal-art fir-rigward tal-ippjanar u
l-kostruzzjoni. Il-gvern huwa impenjat ukoll li jniedi programm ġdid dwar
il-promozzjoni tal-kompetizzjoni. Dan għandu jitressaq mingħajr
dewmien bil-għan li jissaħħaħ iktar il-qafas
tal-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi. (12) It-tkabbir tal-produttività
fil-Finlandja qed tistaġna u l-kumpaniji ta’ esportazzjoni Finlandiżi
tilfu ishma tas-suq fis-swieq barranin tul is-snin reċenti. Il-kosti
għal kull unità lavorattiva żdiedu, għalkemm mhux fis-settur
tal-manifattura. Xi industriji li bħalissa huma dominanti, b’mod
speċjali fil-qasam tal-elettronika u dak tal-karti, jidhru li laħqu
l-quċċata tagħhom fit-tkabbir u b’mod ġenerali is-sehem
tal-manifattura fil-PDG qed jonqos. Il-Finlandja qed tesporta oġġetti
intermedji u ta’ investiment l-aktar lil ekonomiji maturi, li bil-mod il-mod
qed jikbru u l-prodotti tagħha għandhom preżenza limitat
fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw. L-ekonomija Finlandiża
teħtieġ issir aktar diversifikata kemm fir-rigward ta’ kumpaniji kif
ukoll fir-rigward ta’ swieq ta’ esportazzjoni sabiex tiżviluppa
esportaturi multipli b’saħħithom fil-ġejjieni. Minkejja
r-R&D Finlandiż qawwi tal-imgħoddi u l-prestazzjoni innovattiva,
mingħajr żieda sinifikanti fl-għadd ta’ ditti innovattivi bi
tkabbir għoli, il-klassifika tal-Finlandja bħala innovatur mexxej
tal-UE tinsab f’riskju li tonqos. Dan jeħtieġ l-iffaċilitar
tal-innovazzjoni, li jippermetti t-trasformazzjoni minn R&D għal
prodotti li jistgħu jinbiegħu fis-swieq, u
t-tħeġġiġ għall-penetrazzjoni ta’ swieq ta’
esportazzjoni li jikbru malajr. Fit-terminu qasir, se jkun importanti
ħafna wkoll li jiġi sfruttat u mxerred l-għarfien wiesa’ tal-ICT
anke f’industriji oħra fil-Finlandja, inkluż is-settur pubbliku.
Fir-rigward tat-tkabbir fil-pagi, il-ftehim tripartitiku dwar il-pagi tal-2011
iwitti t-triq għal żidiet modesti fil-pagi fl-2012 u l-2013, li
għandhom itejbu l-pożizzjoni relativa tal-Finlandja fir-rigward
tal-imsieħba kummerċjali ewlenin. (13) Il-Finlandja daħlet
għal għadd ta’ impenji bħala parti mill-Patt Euro Plus. Dawn
l-impenji, ippreżentati fl-2011, huma relatati mat-titjib
fil-kompetittività, ir-rata tal-impjieg u s-sostenibbiltà tal-finanzi
pubbliċi, it-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja u l-iżgurar
tal-koordinazzjoni fit-taxxa. Il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni
tal-impenji tal-Patt Euro Plus. Fir-rakkomandazzjonijiet ġew ikkunsidrati
r-riżultati ta' din il-valutazzjoni. (14) Fil-kuntest tas-Semestru
Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika
tal-Finlandja. Hija vvalutat li l-programm ta' stabbiltà u l-programm
nazzjonali ta' riforma, u ppreżentat analiżi fid-dettall. Mhux biss
qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u
soċjoekonomika sostenibbli fil-Finlandja imma qieset ukoll il-konformità
tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li
tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea
billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE
għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet
tagħha skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-Rakkomandazzjonijiet (1)
sa (5) hawn taħt. (15) Fid-dawl ta' din
l-evalwazzjoni, il-Kunsill eżamina l-programm ta' stabbiltà tal-Finlandja,
u l-opinjoni tiegħu[9]
hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt. (16) Fid-dawl tar-riżultati
tal-analiżi fid-dettall tal-Kummissjoni u ta' din il-valutazzjoni,
il-Kunsill eżamina l-programm ta' riforma nazzjonali tal-2012 u l-programm
ta' konverġenza tal-Finlandja. Ir-rakkomandazzjoni tagħha skont
l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 hija riflessa
fir-rakkomandazzjoni (5) aktar 'l isfel, B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Finlandja
għandha tieħu azzjoni fil-perjodu 2012-2013 biex: 1. Tippreserva pożizzjoni
fiskali soda fl-2012 u lil hinn billi tikkoreġi kwalunkwe tluq
mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju (MTO) li jiżgura
s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fit-terminu twil. B’dan il-għan,
issaħħaħ u timplimenta rigorużament l-istrateġija
baġitarja, mirfuda minn miżuri suffiċjentement speċifikati,
għas-sena 2013 u lil’himm inkluż l-ilqigħ tal-punt ta’
riferiment tan-nefqa. Tkompli twettaq valutazzjonijiet annwali tad-daqs tal-lakuna
tas-sostenibbiltà relatata mat-tixjieħ tal-popolazzjoni u taġusta
d-dħul u l-infiq pubbliku skont l-għanijiet u l-ħtiġijiet
fuq terminu twil. Tintegra aħjar is-settur tal-gvern lokali fis-sistema
tal-limiti ta’ nfiq multiannwali. 2. Tieħu aktar miżuri
biex tikseb żidiet fil-produttività u tnaqqis fl-ispejjeż
fil-proviżjoni tas-settur pubbliku, inkluż bidliet strutturali u
riformi amministrattivi territorjali li jtejjbu l-effiċjenza, ukoll
bil-għan li jwieġbu għall-isfidi emerġenti mit-tixjieħ
tal-popolazzjoni. 3. Timplimenta l-miżuri li
għaddejjin biex ittejjeb il-pożizzjoni fis-suq tax-xogħol ta’
żgħażagħ u dawk li huma qiegħda fit-tul, b'attenzjoni
partikolari fuq l-iżvilupp tal-ħiliet. Tieħu aktar passi biex
tħeġġeġ ir-rata ta’ impjieg ta’ ħaddiem ikbar fl-età,
inkluż billi tnaqqas il-mogħdijiet ta’ ħruġ kmien.
Tieħu miżuri biex iżżid l-éta statutorja ta’ rtirar skont
it-titjib fl-istennija tal-għomor. 4. Tkompli
ssaħħaħ il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi,
speċjalment fis-settur tal-imnut, billi tiżgura l-implimentazzjoni
effettiva tal-Att dwar il-Kompetizzjoni l-ġdid u l-programm il-ġdid
dwar il-promozzjoni ta’ kompetizzjoni b’saħħitha. Tkompli tiftaħ
iktar l-akkwist miniċipali ta' servizzi għal irkantar kompetittivi u
billi tiżgura newtralità fil-kompetizzjoni bejn l-impriżi privati u
pubbliċi. Tieħu iktar passi biex tiżgura li l-multi
fil-liġi tal-kompetizzjoni jkollhom effett suffiċjenti ta’ deterrent. 5. Sabiex
issaħħaħ it-tkabbir fil-produttività u l-kompetittività esterna,
tkompli l-isforzi għad-diversifikazzjoni tal-istruttura tan-negozju, b’mod
partikolari billi tħaffef l-introduzzjoni ta’ miżuri ppjanati biex
iwessgħu l-bażi ta’ innovazzjoni filwaqt li jkomplu jallinjaw
l-iżvilupp fil-pagi u l-produttività. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 209, 02.08.1997, p. 1 [2] ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25. [3] COM (2012) 312 finali. [4] P7_TA (2012) 0048 u P7_TA (2012) 0047 [5] Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/238/KE tas-26 ta'
April 2012 [6] COM (2012) 68 finali. [7] SWD(2012)154 finali [8] Bilanċ nett aġġustat ċiklikament
minn miżuri ta’ darba u temporanji, ikkalkulati mill-ġdid
mis-servizzi tal-Kummissjoni fuq il-bażi tat-tagħrif provdut f’dan
il-programm, permezz tal-użu tal-metodoloġija komunament maqbula. [9] Skont l-Artikolu 5(2)
tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.