31.3.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 93/103


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2023/718

tat-28 ta’ Marzu 2023

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi sottokumitat dwar il-kooperazzjoni marittima u li tadotta it-termini ta’ referenza tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) u l-Artikoli 207 u 209 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim Qafas dwar is-Sħubija u l-Kooperazzjon bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (1) (“il-Ftehim”), ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2414 (2) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2018.

(2)

Skont l-Artikolu 48 tal-Ftehim, ġie stabbilit Kumitat Konġunt u huwa inkarigat, inter alia, bl-implimentazzjoni tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 48(3) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt irid jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati li jistgħu jassistuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Il-Kumitat Konġunt jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ tali sottokumitati u kif jiffunzjonaw. Kemm l-Unjoni kif ukoll il-Filippini esprimew interess fit-twaqqif ta’ sottokumitat dwar il-kooperazzjoni marittima sabiex jiġi ffaċilitat djalogu ddedikat dwar l-aspetti kollha tal-kooperazzjoni marittima bejn l-Unjoni u l-Filippini.

(3)

Il-Kumitat Konġunt irid jadotta permezz ta’ proċedura bil-miktub, f’konformoità mal-Artikolu 8(2) tar-regoli ta’ proċedura tiegħu, deċiżjoni li tistabbilixxi sottokumitat dwar il-kooperazzjoni marittima u li tadotta t-termini ta’ referenza tiegħu.

(4)

Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi sottokumitat dwar il-kooperazzjoni marittima u li tadotta t-termini ta’ referenza tiegħu, peress li dik id-Deċiżjoni ser tkun vinkolanti għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-proċedura bil-miktub tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont l-Artikolu 48 tal-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi sottokumitat dwar il-kooperazzjoni marittima bejn l-UE u l-Filippini u li tadotta it-termini ta’ referenza tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

2.   Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet żgħar fl-abbozz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mir-rappreżentanti tal-Unjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha..

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Marzu 2023.

Għall-Kunsill

Il-President

E. BUSCH


(1)   ĠU L 343, 22.12.2017, p. 3.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2414 tal-25 ta’ Settembru 2017 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (ĠU L 343, 22.12.2017, p. 1).


ABBOZZ

ID-DEĊIŻJONI Nru .../2023 TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-FILIPPINI

ta’...

li tistabbilixxi s-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Marittima u li tadotta t-termini ta’ referenza tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT UE-FILIPPINI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (minn hawn ‘il quddiem il-“Ftehim”), u b'mod partikolari l-Artikolu 48(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 48(3) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt irid jistabbilixxi sottokumitati speċjalizzati li jistgħu jgħinuh fit-twettiq tal-kompiti tiegħu. Il-Kumitat Konġunt jista’ jiddetermina l-kompożizzjoni u d-dmirijiet ta’ tali sottokumitati u kif jiffunzjonaw.

(2)

Il-Kumitat Konġunt stabbilixxa lista ta’ sottokumitati u adotta t-termini ta’ referenza tagħhom permezz tad-Deċiżjoni tiegħu Nru 2/2020 tat-28 ta’ Jannar 2020.

(3)

Bi qbil ulterjuri tal-Partijiet, kemm il-lista tas-sottokumitati kif ukoll l-ambitu ta’ kull sottokumitat jistgħu jiġu emendati.

(4)

L-istabbiliment ta’ sottokumitat speċjalizzat ġdid dwar il-kooperazzjoni marittima jiffaċilita djalogu ddedikat dwar l-aspetti kollha tal-kooperazzjoni marittima bejn l-UE u l-Filippini u jippromwovi l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi ta’ kooperazzjoni marittima bejn il-Filippini u l-UE.

(5)

Jenħtieġ li t-termini ta’ referenza stabbiliti fl-Anness B tad-Deċiżjoni Nru 2/2020 tal-Kumitat Konġunt tat-28 ta’ Jannar 2020 japplikaw ukoll għas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Marittima mal-istabbiliment tiegħu.

(6)

F’konformità mal-Artikolu8(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt, il-Kumitat Konġunt jista’ jieħu deċiżjonijiet permezz ta’ proċedura bil-miktub jekk iż-żewġ Partijiet jaqblu li jsir hekk.

(7)

Sabiex is-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Marittima isir operattiv fil-ħin, jeħtieġ li din id-Deċiżjoni tiġi adottata permezz ta’ proċedura bil-miktub,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment tas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Marittima u adozzjoni tat-termini ta’ referenza tiegħu

1.   Is-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Marittima huwa b’dan stabbilit bħala sottokumitat speċjalizzat tal-Kumitat Konġunt.

2.   It-termini ta’ referenza stabbiliti fl-Anness B tad-Deċiżjoni Nru 2/2020 tat-28 ta’ Jannar 2020 tal-Kumitat Konġunt għandhom japplikaw ukoll għas-Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Marittima.

Artikolu 2

Emenda tal-lista tas-sottokumitati

Il-lista ta’ sottokumitati kifstabbilita fl-Anness A tad-Deċiżjoni Nru 2 2/2020tal-Kumitat Konġunt tat-28 ta’ Jannar 2020 hija sostitwita bil-lista stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Magħmul fi ...,

Għall-Kumitat Konġunt UE-Filippini

Il-President


ANNESS

Il-Kumitat Konġunt UE-Filippini

Sottokumitati Speċjalizzati

Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp

Sottokumitat dwar il-Kummerċ, l-Investiment u l-Kooperazzjoni Ekonomika

Sottokumitat dwar il-Governanza Tajba, l-Istat tad-Dritt u d-Drittijiet tal-Bniedem

Sottokumitat dwar il-Kooperazzjoni Marittima