European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2380

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2380 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew għas-sena finanzjarja 2022

IL-PARLAMENT EWROPEW,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew għas-sena finanzjarja 2022,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0095/2024),

A.

billi l-Impriża Konġunta (l-“Impriża Konġunta”) għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (EuroHPC) li tinsab fil-Lussemburgu, ġiet stabbilita f’Ottubru 2018 għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2026 (1);

B.

billi f’Lulju 2021, il-Kunsill adotta Regolament fundatur ġdid li jestendi l-ħajja u l-mandati tal-Impriża Konġunta taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2021-2027, għall-perjodu li jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2033 (2);

C.

billi l-programm ta’ ħidma l-ġdid għall-2021 u l-2022 inklużi attivitajiet u finanzjament ġodda kif stabbilit fir-Regolament fundatur il-ġdid ġew adottati biss mill-bord ta’ tmexxija tal-Impriża Konġunta f’Diċembru 2021 u li dan dewwem l-implimentazzjoni tal-attivitajiet, l-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ kontroll intern u r-reklutaġġ;

D.

billi l-Impriża Konġunta hija sħubija pubblika-privata, li tippermetti l-ġbir flimkien tar-riżorsi mill-Unjoni, l-istati parteċipanti, u l-membri privati għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ computing ta’ prestazzjoni għolja fl-Ewropa;

E.

billi l-membri tagħha huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-istati parteċipanti, u tliet membri privati, irrappreżentati mill-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, l-assoċjazzjoni tal-Valur tal-Big Data, u l-Konsorzju Ewropew tal-Industrija Quantum;

F.

billi, skont ir-Regolament (UE) 2018/1488, l-istati parteċipanti u l-membri privati kienu meħtieġa biss li jikkontribwixxu għall-ispejjeż amministrattivi mill-2024 ’il quddiem; billi dan tħassar skont ir-regolament il-ġdid (UE) 2021/1173 u, minn Awwissu 2021 l-ispejjeż amministrattivi huma koperti mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Kummissjoni, f’isem l-Unjoni (skont il-programm Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 1);

G.

billi skont il-QFP 2021-2027, l-Impriża Konġunta tirċievi b’mod sinifikanti aktar fondi mill-programmi Orizzont Ewropa, Ewropa Diġitali u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, biex tappoġġja l-akkwiżizzjoni u l-iżvilupp ta’ computing ta’ prestazzjoni għolja u kompjuters kwantistiċi, kif ukoll it-titjib u l-operat tal-infrastrutturi għas-supercomputers;

H.

billi, biex tiżdied it-trasparenza, l-Impriża Konġunta għandha tiddivulga, fil-kontijiet annwali tagħha, informazzjoni rilevanti rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-livell tal-programm; billi, għal kull programm li fil-qafas tiegħu jkunu joperaw, l-Impriża Konġunta għandha tippreżenta għal kull kategorija ta’ membri sa tmiem is-sena, l-informazzjoni rilevanti kollha li l-membri jkunu għamlu disponibbli inklużi l-miri tal-kontribuzzjonijiet legali stabbiliti għall-programm rispettiv, il-volum ta’ kontribuzzjonijiet riċevuti, u l-volum ta’ impenji legali; billi l-Impriża Konġunta għandha tkompli ttejjeb it-trasparenza;

Ġenerali

1.

Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (ir-“rapport tal-Qorti”) isib li l-kontijiet tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2022 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2022, ir-riżultati tal-operat tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li tkun intemmet, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota, barra minn hekk, li skont ir-rapport tal-Qorti t-tranżazzjonijiet ta’ bażi għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

2.

Jilqa’ l-objettiv u r-rwol tal-Impriża Konġunta li tiżviluppa ekosistema tas-supercomputing fl-Ewropa;

3.

Jinnota, madankollu, li l-Qorti vvalutat ir-riskju għal-legalità u r-regolarità tal-proċeduri ta’ reklutaġġ bħala medju għall-Impriża Konġunta, minħabba l-ħtieġa li tirrekluta għadd kbir ta’ persunal malajr, biex timplimenta l-mandati u l-attivitajiet imsaħħa tagħha skont il-QFP 2021-2027;

4.

Jinnota, barra minn hekk, li r-riskju relatat man-nefqa operattiva tal-kuntratt tal-Impriża Konġunta ġie vvalutat mill-Qorti bħala medju minħabba l-proċeduri kumplessi ta’ akkwist tagħha għal kuntratti ta’ valur għoli;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

5.

Jinnota li, għall-2022 (3), il-baġit għall-pagament disponibbli ammonta għal EUR 629,9 miljun (EUR 348,2 miljun fl-2021) u l-baġit impenjat disponibbli ammonta għal EUR 1 374,5 biljun (EUR 753,4 miljun fl-2021); jinnota li l-baġit disponibbli jinkludi approprjazzjonijiet mhux użati tas-snin preċedenti, li l-Impriża Konġunta reġgħet daħħlet fil-baġit tas-sena attwali, dħul assenjat u riallokazzjonijiet għas-sena ta’ wara;

6.

Jinnota li l-Qorti tikkategorizza r-riskju għall-ġestjoni baġitarja bħala medju minħabba l-proċess ta’ akkwiżizzjoni kumpless u twil għas-supercomputers;

7.

Jinnota li minħabba t-tul ta’ żmien li jieħu l-akkwist tas-supercomputers, l-implimentazzjoni baxxa kemm tal-baġit operattiv tal-2022 - l-approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament kienu ta’ 79 % u 24 % rispettivament (2 % u 47 % fl-2021) (4) - kif ukoll tal-baġits amministrattivi - 45 % għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn amministrattivi u 37 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagamenti amministrattivi tagħha;

8.

Jinnota r-riskji fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programm minħabba l-possibbiltà li l-Impriża Konġunta ma tilħaqx il-miri tal-kontribuzzjonijiet minimi għall-membri privati tagħha sa tmiem il-programm Orizzont 2020; jifhem li skont l-Impriża Konġunta, ir-rati aktar baxxi ta’ kisba huma spjegati mill-involviment tal-istati parteċipanti;

9.

Jinnota li, fl-2022, l-Impriża Konġunta implimentat biss 45 % tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn amministrattivi tagħha u 37 % tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament amministrattivi tagħha, parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ kisba tal-pjan ta’ reklutaġġ tagħha għall-2022 u l-ebda riallokazzjoni ta’ ammonti sinifikanti ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament mhux użati tas-snin preċedenti fl-ippjanar tal-baġit 2022 tagħha; jifhem li l-adozzjoni tardiva tar-regolament fundatur il-ġdid tal-Impriża Konġunta għamlet il-kisba tal-pjan ta’ reklutaġġ ambizzjuż tagħha impossibbli;

10.

Jaqbel mal-Qorti li l-Impriża Konġunta għandha tistabbilixxi pjan ta’ azzjoni skedat biż-żmien biex tiffinalizza l-implimentazzjoni tal-proġetti approvati fl-ambitu ta’ QFPs preċedenti;

11.

Huwa mħasseb li l-Qorti vvalutat l-informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-livell tal-programm bħala insuffiċjenti;

12.

Jinnota li fil-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-2022, l-ammonti ta’ kontribuzzjonijiet rikonoxxuti għal kull kategorija ta’ membri (l-Unjoni u l-membri privati) ivarjaw b’mod sinifikanti minn xulxin, minħabba li l-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti tal-Unjoni huma vvalidati u rikonoxxuti meta jitħallsu lill-Impriża Konġunta fil-bidu tal-implimentazzjoni tal-proġett, iżda l-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri huma rikonoxxuti biss wara l-validazzjoni tal-ispejjeż imġarrba u ddikjarati għall-implimentazzjoni tal-proġett; huwa mħasseb li d-differenza bejn l-ammont rikonoxxut ta’ kontribuzzjonijiet fi flus kontanti min-naħa waħda u l-kontribuzzjonijiet in natura min-naħa l-oħra, ma ġietx indirizzata b’mod suffiċjenti fil-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-2022 u fil-futur tista’ tittejjeb billi tingħata informazzjoni dwar l-impenji legali tal-membri tal-Impriża Konġunta fi tmiem is-sena, f’termini ta’ ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati; jilqa’ l-impenn tal-Impriża Konġunta li tindirizza bis-sħiħ il-kwistjoni fil-kontijiet annwali tas-sena d-dieħla;

13.

Jappella lill-Impriża Konġunta biex tiddivulga informazzjoni importanti rigward il-kontribuzzjonijiet tal-membri fil-livell tal-programm, rilevanti għall-komunikazzjoni kompleta tal-kisbiet tal-Impriża Konġunta fi tmiem is-sena; jinnota, b’mod partikolari, li l-Impriża Konġunta ma kkumparatx il-kontribuzzjonijiet riċevuti minn kull kategorija ta’ membri sa tmiem is-sena fl-ambitu ta’ kull programm mal-miri tal-kontribuzzjonijiet legali stabbiliti għall-programm rispettiv;

14.

Huwa mħasseb dwar is-sejba tal-Qorti li l-membri privati mhux se jilħqu l-mira ta’ kontribuzzjoni minima tagħhom fi tmiem l-implimentazzjoni tal-programm (5);

15.

Jilqa’ l-fatt li, fi tmiem l-2022, l-Impriża Konġunta impenjat bis-sħiħ il-kontribuzzjoni operattiva massima tal-Unjoni ta’ EUR 526 miljun għal ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati fil-qafas tal-programmi Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE 1); jinnota bi tħassib li, minn dawn, madwar EUR 266,3 miljun (jew 50,6 %) għad iridu jitħallsu fis-snin li ġejjin għal proġetti li għad iridu jitlestew;

16.

Jinnota li, fi tmiem l-2022, l-istati parteċipanti ffirmaw impenji kuntrattwali li ammontaw għal EUR 447,3 miljun għall-attivitajiet Orizzont 2020 u FNE 1 tal-Impriża Konġunta; jinnota li, fir-rigward ta’ dawn l-impenji, huma ddikjaraw kontribuzzjonijiet finanzjarji ta’ EUR 124,8 miljun lill-Impriża Konġunta għal supercomputers fuq skala preeksa (6) akkwistati mill-Impriża Konġunta stess, u EUR 38 miljun f’kontribuzzjonijiet in natura relatati mal-kostijiet operatorji tal-entitajiet ospitanti; jinnota, barra minn hekk, li l-istati parteċipanti ħallsu EUR 48,2 miljun direttament lill-kuntratturi tas-supercomputers fuq skala peta li huma akkwistati b’mod konġunt mill-Impriża Konġunta u mill-istati parteċipanti; jinnota li d-differenza li jifdal bejn l-impenji u l-kontribuzzjonijiet iddikjarati tirriżulta mill-fatt li l-istati parteċipanti jirrikonoxxu u jirrapportaw biss l-ispejjeż tagħhom lill-Impriża Konġunta meta l-proġetti fil-qafas ta’ Orizzont 2020 li huma jappoġġjaw ikunu ġew ikkompletati;

17.

Jinnota, madankollu, li fi tmiem l-2022, il-membri privati tal-Impriża Konġunta kienu impenjaw u rrapportaw biss EUR 11-il miljun (jew 2,6 %) f’kontribuzzjonijiet in natura għall-proġetti fil-qafas ta’ Orizzont 2020, ċifra li hija konsiderevolment taħt il-mira minima tal-membri privati ta’ EUR 420 miljun (7) li għandha tintlaħaq sa tmiem il-programm Orizzont 2020; jinnota li l-Qorti sabet li l-arranġamenti ta’ finanzjament attwali tal-Impriża Konġunta għall-azzjonijiet ta’ għotja fil-qafas ta’ Orizzont 2020 jippermettu biss lill-membri privati jipprovdu kontribuzzjonijiet in natura għal tip wieħed ta’ proġett (proġetti ta’ innovazzjoni, b’limitu ta’ 30 % tal-ispejjeż tal-proġett); jinnota li, konsegwentement, l-arranġamenti ta’ finanzjament tal-Impriża Konġunta ma setgħux iservu ta’ ingranaġġ għall-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri privati fil-livell tal-mira stabbilita fir-regolament fundatur tagħha għall-programm Orizzont 2020;

18.

Jibża’ li t-tnaqqis sinifikanti fil-kontribuzzjonijiet in natura tal-membri privati għall-attivitajiet operazzjonali tal-Impriża Konġunta jippreżenta riskju għall-kisba ġenerali tal-partijiet tagħha tal-programm ta’ riċerka u innovazzjoni fil-qafas ta’ Orizzont 2020;

19.

Jaqbel mal-Qorti li biex jiġi żgurat li jintlaħqu l-miri tal-kontribuzzjonijiet tal-membri privati tagħhom għall-QFP 2021-2027, l-Impriża Konġunta għandha, abbażi ta’ pjan strateġiku ta’ implimentazzjoni tal-programmi, timmonitorja l-kisbiet individwali tal-membri privati relatati mal-kontribuzzjonijiet fuq bażi annwali;

20.

Jinnota li, skont ir-Regolament (UE) 2021/1173 (8) , l-Impriża Konġunta se jkollha timplimenta proġetti li jammontaw għal EUR 7 biljun, li minnhom EUR 3 biljun għandhom jiġu ingranati mill-istati parteċipanti u EUR 900 miljun minn membri privati, fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet fi flus u in natura; jilqa’ din iż-żieda sinifikanti, meta mqabbla mal-QFP preċedenti ta’ madwar EUR 1,4 biljun; jiddispjaċih, madankollu, li billi l-arranġamenti ta’ finanzjament tal-Impriża Konġunta jibqgħu l-istess għall-QFP 2021-2027, hemm riskju għoli li l-Impriża Konġunta ma tilħaqx il-miri tal-kontribuzzjonijiet tal-membri privati skont ir-Regolament fundatur il-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid il-fattibbiltà tal-miri ta’ kontribuzzjoni attwali mill-membri privati fir-Regolament fundatur il-ġdid;

Akkwist u persunal

21.

Huwa mħasseb li l-proċess twil tal-Impriża Konġunta, li jrid ikun f’konformità mar-Regolament Finanzjarju tal-UE, għall-akkwiżizzjoni ta’ supercomputers affettwa b’mod sinifikanti l-implimentazzjoni tal-baġit operattiv 2022; jifhem li d-dewmien mill-Entitajiet Ospitanti u l-problemi ta’ provvista għal komponenti ewlenin ikkontribwew ukoll għar-rata baxxa ta’ implimentazzjoni;

22.

Jinnota li r-rata ta’ implimentazzjoni aktar baxxa għall-baġit operattiv għall-impenji rriżultat mill-fatt li l-Impriża Konġunta ma setgħetx tagħmel impenn globali importanti relatat ma’ ftehim ta’ hosting tal-kompjuter fuq skala eksa minħabba dewmien fil-proċess tan-negozjati mal-istat parteċipanti u mal-konsorzju ospitanti;

23.

Jinnota, barra minn hekk, li r-raġunijiet ewlenin għar-rata baxxa ta’ implimentazzjoni tal-baġit operattiv għall-pagamenti kienu (i) dewmien fit-tlestija tas-supercomputers fuq skala preeksa li xekkel pagamenti interim relatati mal-għotjiet operattivi tal-Impriża Konġunta; (ii) dewmien fl-akkwist għas-supercomputers li xekkel il-pagamenti ta’ prefinanzjament relatati; (iii) il-posponiment tas-sejħa tal-FNE 2 għall-Iperkonnettività għall-2023 minħabba l-ħtieġa ta’ studju minn qabel; u (iv) dewmien fid-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż tal-benefiċjarji għal attivitajiet ta’ riċerka li għaddejja;

24.

Jinnota, skont ir-rapport tal-Qorti, li fl-2022 is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq rieżami limitat dwar il-ġestjoni tar-riżorsi umani tal-Impriża Konġunta; jinnota li, fir-rigward tal-ippjanar tar-reklutaġġ, ir-rieżami rrapporta li l-Impriża Konġunta ma kellhiex analiżi dokumentata tal-ħtiġijiet tar-riżorsi, ibbażata fuq valutazzjoni ex ante robusta tal-ammont ta’ xogħol biex tipprijoritizza aħjar lir-reklutaġġi ppjanati;

25.

Jinnota li, b’reazzjoni għal dan, f’Diċembru 2022, l-Impriża Konġunta żviluppat pjan ta’ azzjoni, li l-IAS qies bħala adegwat;

26.

Jinnota li l-livell tal-persunal għall-Impriża Konġunta fil-QFP 2021-2027 ġie stabbilit fir-rapporti finanzjarji legali li huma inklużi fil-proposta tal-Kummissjoni għal regolament fundatur ġdid (9); jinnota, barra minn hekk, li biex timplimenta madwar EUR 7 biljun tal-fondi fil-QFP 2021-2027, l-Impriża Konġunta rċeviet 39 pożizzjoni addizzjonali tal-persunal biex jiġu reklutati sal-2023;

27.

Jinnota bi tħassib li, sa tmiem l-2022, l-Impriża Konġunta kienet irreklutat biss tmien membri tal-persunal u 20 sa nofs l-2023, u għalhekk ma laħqitx il-mira ta’ reklutaġġ (10) tagħha għall-2022; jinnota li l-Qorti tqis li din is-sitwazzjoni kellha impatt negattiv fuq l-implimentazzjoni tal-baġit amministrattiv tal-2022; jilqa’ madankollu d-distribuzzjoni tal-ġeneri tal-persunal fl-Impriża Konġunta fl-2022;

28.

Josserva li l-proporzjon tal-persunal kuntrattwali baqa’ għoli b’rata ta’ 70 % fi tmiem l-2022;

29.

Jisħaq li l-nuqqas ta’ persunal ewlieni jista’ jaffettwa b’mod ħażin il-kontinwità tal-operat u l-ilħuq tal-objettivi tal-Impriża Konġunta, b’mod partikolari minħabba n-natura teknika ħafna tal-proġetti tagħha u r-rekwiżit għal persunal bi kwalifiki għolja u b’għarfien speċifiku ħafna;

Sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

30.

Jinnota li għan-nefqa kofinanzjata fl-ambitu ta’ Orizzont 2020 u Orizzont Ewropa, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tad-DĠ RTD tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditi ex post; jinnota li għan-nefqa kofinanzjata fl-ambitu ta’ Orizzont 2020 (approvazzjonijiet u pagamenti finali), l-Impriża Konġunta rrapportat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 2,3 % u rata tal-iżball residwu ta’ 1,9 % (11);

31.

Jappella lill-Impriża Konġunta biex tinkludi awditi ex post speċifiċi għan-nefqa kofinanzjata tal-FNE għall-akkwiżizzjoni ta’ supercomputers fis-sistema ta’ kontroll interna tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li għall-programm Orizzont Ewropa, għad iridu jitwettqu awditi ex post, billi l-ewwel pagamenti interim mhumiex mistennija qabel l-2024;

32.

Jinnota li skont ir-rapport tal-Qorti, dik l-Impriża Konġunta wettqet, fuq bażi ad hoc, kontrolli ex ante bbażati fuq ir-riskju fuq proġetti riskjużi, u li kienet għadha ma implimentatx approċċ strutturat ibbażat fuq ir-riskju għall-kontrolli ex ante sa tmiem l-2022, jinnota b’mod partikolari li l-Impriża Konġunta ma kinitx allinjat il-kontrolli ex ante mal-fatturi ta’ riskju għoli identifikati minn valutazzjonijiet tar-riskju mmirati; jinnota, barra minn hekk, li ma kinux żviluppaw gwida prattika interna dwar kif għandu jiġi implimentat monitoraġġ ibbażat fuq ir-riskju, inklużi struzzjonijiet dwar kif il-persunal għandu juża l-modulu tal-ġestjoni tar-riskju disponibbli fil-COMPASS (12);

33.

Jaqbel mal-Qorti li l-Impriża Konġunta għandha timplimenta approċċ strutturat ibbażat fuq ir-riskju għall-kontrolli ex ante li jkopri riskji rilevanti relatati mal-proġetti u mal-benefiċjarji; jaqbel, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta għandha tiżviluppa gwida interna u prattika dwar kif għandu jiġi implimentat monitoraġġ ibbażat fuq ir-riskju fil-livell tal-proġetti u tal-benefiċjarji, u kif il-persunal għandu juża l-modulu tal-ġestjoni tar-riskju disponibbli fil-COMPASS;

34.

Jinnota bi tħassib li analiżi dettaljata tal-Qorti ta’ kampjun tal-każijiet ta’ monitoraġġ imsaħħaħ tal-Impriża Konġunta żvelat diversi dgħufijiet, li xekklu l-monitoraġġ effettiv u effiċjenti tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li fl-Impriża Konġunta, azzjonijiet ta’ kontroll speċifiċi relatati mar-riskji identifikati ma kinux definiti, jew id-data ta’ skadenza għall-implimentazzjoni tagħhom ma ġietx stabbilita;

35.

Jappoġġja l-valutazzjoni tal-Qorti li l-Impriża Konġunta għandha tiżgura li l-azzjonijiet ta’ monitoraġġ imsaħħaħ kollha jkunu akkumpanjati minn azzjonijiet ta’ kontroll speċifiċi mmirati lejn ir-riskji identifikati, u li jiġu segwiti f’data ta’ skadenza predefinita;

36.

Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-istruttura tal-benefiċjarju u/jew tal-proġett tal-Impriża Konġunta qed tinbidel b’mod sinifikanti fl-ambitu tal-programm Orizzont Ewropa, bħaż-żieda fin-numru ta’ SMEs, parteċipanti ġodda u konsorzji akbar, kif ukoll ir-rekwiżit li jintużaw biss proċeduri ta’ sejħiet miftuħa għall-attivitajiet fil-qafas ta’ Orizzont Ewropa; jissottolinja, għalhekk, li b’riżultat ta’ dan, il-fatturi ta’ riskju identifikati fi programmi preċedenti ma jistgħux jibqgħu rilevanti u jistgħu jitfaċċaw fatturi ta’ riskju ġodda;

Segwitu għall-osservazzjonijiet mis-snin preċedenti

37.

Jinnota li “osservazzjonijiet” fir-rapporti annwali speċifiċi tal-Impriżi Konġunti huma fil-fatt “rakkomandazzjonijiet mhux marbuta biż-żmien” mill-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”); jinnota li l-Qorti ssegwi kull sena dawk l-osservazzjonijiet billi tivvaluta l-istatus tagħhom bħala “miftuħa” jew “magħluqa”;

38.

Jinnota li mid-disa’ osservazzjonijiet maħruġa mill-Qorti fl-2020 u l-2021, tnejn biss (mill-2021) huma magħluqa;

39.

Jinnota li l-osservazzjonijiet li jifdal huma relatati ma’ (i) validazzjoni u ċertifikazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet in natura, (ii) reklutaġġ tal-persunal, (iii) kontribuzzjonijiet baxxi minn membri privati, (iv) rati baxxi ta’ implimentazzjoni, fost l-oħrajn;

40.

Jinnota li l-Impriża Konġunta fit-tweġiba tagħha tirrikonoxxi l-osservazzjonijiet tal-Qorti u se tindirizza l-kwistjonijiet fil-kontijiet annwali 2023 tagħha.

(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 tat-28 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1173 tat-13 ta’ Lulju 2021 dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1488 (ĠU L 256, 19.7.2021, p. 3).

(3)  Il-baġit totali jinkludi l-baġit operattiv (użat għall-finanzjament ta’ proġetti magħżula) u l-baġit amministrattiv (użat għall-finanzjament tal-attivitajiet tal-Uffiċċju tal-Programm) - Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat 2022.

(4)  Ir-rata baxxa ħafna ta’ implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn tal-baġit operattiv tal-2021 kienet l-aktar minħabba d-dewmien biex bdiet l-Impriża Konġunta fil-QFP 2021-2027 u t-trasferiment mill-Kummissjoni u mill-istati parteċipanti ta’ EUR 700 miljun f’fondi lill-Impriża Konġunta f’Diċembru 2021.

(5)  Biex tingħata stampa sħiħa tal-kisbiet tal-Impriża Konġunta għall-programmi Orizzont 2020 u FNE 1, huwa meħtieġ li jitqies ukoll il-livell attwali tal-obbligi operattivi tal-membri tal-Impriża Konġunta f’termini ta’ ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ffirmati.

(6)  Il-computing fuq skala eksa jirreferi għal sistemi tal-computing li kapaċi jikkalkulaw mill-inqas operazzjonijiet “1018 IEEE 754 bi Preċiżjoni Doppja (64-bit) (multiplikazzjonijiet u/jew żidiet) kull sekonda; dan huwa kejl tal-prestazzjoni ta’ supercomputer.

(7)  Il-mira minima stabbilita fir-Regolament (UE) 2021/1173.

(8)  Ir-regolament ta’ twaqqif il-ġdid ħassar l-obbligu għall-Istati Parteċipanti u għall-membri privati li jikkontribwixxu għall-ispejjeż amministrattivi.

(9)  COM(2020)0569.

(10)  Skont ir-Rapport Annwali tal-Attività Konsolidat 2022 - 24 impjegat full-time inkluż id-Direttur Eżekuttiv mill-31 ta’ Diċembru 2022.

(11)  Minħabba n-nuqqas ta’ nefqa rilevanti, in-natura b’riskju baxx tat-tranżazzjonijiet implimentati u n-nuqqas ta’ riżultati tal-awditjar ex post għall-għotjiet, fl-2021 ma ġiet irrapportata l-ebda rata ta’ żball identifikata għall-Programm Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali.

(12)  Sistema ta’ għotjiet elettroniċi tal-Kummissjoni.


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2380/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)