European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/3246

30.12.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2024/3246

tal-5 ta’ Diċembru 2024

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit mill-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq, fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ takografi intelliġenti għall-infurzar tal-Ftehim u l-forniment ta’ servizzi taċ-ċertifikazzjoni ta’ takografi intelliġenti mill-Kummissjoni Ewropea lill-Ukrajna

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat mill-Unjoni fid-29 ta’ Ġunju 2022 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 (2) u daħal fis-seħħ b’mod proviżorju f’dik id-data. Ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2435 (3) u daħal fis-seħħ fil-5 ta’ Diċembru 2022.

(2)

Il-Ftehim ġie emendat bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tad-29 ta’ Ġunju 2022 (4), li ġie ffirmat mill-Unjoni fl-20 ta’ Ġunju 2024 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1876 (5) u li daħal fis-seħħ b’mod proviżorju f’dik id-data.

(3)

Skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt stabbilit mill-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu għandu jirrieżamina perjodikament il-funzjonament tal-Ftehim fid-dawl tal-objettivi tiegħu, u jista’ jadotta deċiżjonijiet għal dak l-għan.

(4)

Il-Kumitat Konġunt, fit-tielet laqgħa tiegħu, għandu jadotta deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tat-takografi intelliġenti użati mill-operaturi tat-trasport miż-żewġ Partijiet għall-Ftehim li joperaw fl-ambitu tal-Ftehim kemm fl-Unjoni kif ukoll fl-Ukrajna, u dwar il-forniment ta’ servizzi taċ-ċertifikazzjoni ta’ takografi intelliġenti mill-Kummissjoni Ewropea lill-Ukrajna.

(5)

Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, peress li d-deċiżjoni prevista tal-Kumitat Konġunt se tkun vinkolanti għall-Unjoni.

(6)

Mill-2019 ’l hawn, il-vetturi rreġistrati fl-Unjoni għandhom jiġu mgħammra b’takografu intelliġenti konformi mal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), filwaqt li mill-2010 ’l hawn, il-vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq irreġistrati fl-Ukrajna, għandhom jiġu mgħammra b’takografi diġitali f’konformità mal-Ftehim Ewropew dwar il-Ħidma ta’ Ekwipaġġi ta’ Vetturi involuti fit-Trasport Internazzjonali (7) (l-“AETR”, European Agreement concerning the work of crews of vehicles engaged in international transport).

(7)

Meta mqabbel mat-takografu diġitali, it-takografu intelliġenti fih funzjonalitajiet addizzjonali ewlenin kif stabbilit fl-Artikoli 8, 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014, li jippermettu infurzar aħjar tal-Ftehim. Ir-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni tal-vettura tippermetti infurzar aħjar tal-Artikolu 4 tal-Ftehim, filwaqt li l-kapaċità ta’ identifikazzjoni remota bikrija tippermetti infurzar aħjar tal-Artikolu 5D(2), il-punt (c)(ii), tal-Ftehim.

(8)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-Ftehim fid-dawl tal-objettivi tiegħu, jenħtieġ li dan jippermetti lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jużaw apparati ta’ kontroll aktar effettivi mit-takografi diġitali pprovduti skont l-AETR, għax inkella r-riżultat jista’ jkun infurzar inqas effettiv mill-awtoritajiet kompetenti.

(9)

Għalhekk, rekords aktar dettaljati tat-takografu, kif previsti mit-takografu intelliġenti, jtejbu l-implimentazzjoni tal-Ftehim b’mod sinifikanti, permezz tal-użu awtorizzat ta’ tali rekords skont l-Artikolu 5B(4) tiegħu.

(10)

Għalhekk, biex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-Ftehim fid-dawl tal-objettivi tiegħu, il-vetturi li joperaw skont il-Ftehim jenħtieġ li jitħallew jinstallaw u jużaw, fl-Unjoni u fl-Ukrajna, takografi intelliġenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 (8). Madankollu, dan ma jipprevjenix lill-vetturi li joperaw skont il-Ftehim milli jkomplu jużaw takografi diġitali f’konformità mal-AETR.

(11)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tkun responsabbli milli tipprovdi ċ-ċertifikati u l-kjavi meħtieġa biex l-Ukrajna tiżviluppa l-infrastruttura tat-takografu intelliġenti tagħha. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ukrajna tirrikonoxxi r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea fil-funzjonament tas-sistema tat-takografu intelliġenti.

(12)

Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt għalhekk jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tielet laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 7(1) tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq, fir-rigward tar-rikonoxximent tat-takografi intelliġenti għall-infurzar ta’ dak il-Ftehim u l-forniment ta’ servizzi taċ-ċertifikazzjoni ta’ takografi intelliġenti mill-Kummissjoni Ewropea lill-Ukrajna, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu dwar tibdil minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

NAGY B.


(1)   ĠU L 179, 6.7.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/1158/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/1158 tas-27 ta’ Ġunju 2022 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 179, 6.7.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/1158/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2435 tal-5 ta’ Diċembru 2022 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (ĠU L 319, 13.12.2022, p. 5, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/2435/oj).

(4)   ĠU L, 2024/1878, 2.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/1878/oj.

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1876 tal-20 ta’ Ġunju 2024 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna li jemenda l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tad-29 ta’ Ġunju 2022 (ĠU L, 2024/1876, 2.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1876/oj).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/165/oj).

(7)   ĠU L 95, 8.4.1978, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1977/2829/oj.

(8)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 tat-18 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-istallazzjoni, l-operazzjoni u t-tiswija ta’ takografi u l-komponenti tagħhom (ĠU L 139, 26.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/799/oj).


ABBOZZ

DEĊIŻJONI Nru …/2024 TAL-KUMITAT KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-UKRAJNA DWAR IT-TRASPORT TAL-MERKANZIJA BIT-TRIQ

ta’ …

fir-rigward tar-rikonoxximent ta’ takografi intelliġenti għall-infurzar tal-Ftehim u l-forniment ta’ servizzi taċ-ċertifikazzjoni ta’ takografi intelliġenti mill-Kummissjoni Ewropea lill-Ukrajna

IL-KUMITAT KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-Kumitat Konġunt adotta r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu bid-Deċiżjoni Nru 1/2023 tiegħu (2).

(2)

Skont l-Artikolu 7 tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq (il-“Ftehim”), il-Kumitat Konġunt stabbilit bil-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu għandu jirrieżamina perjodikament il-funzjonament tal-Ftehim fid-dawl tal-objettivi tiegħu, u jista’ jadotta deċiżjonijiet għal dak l-għan.

(3)

Mill-2019, il-vetturi rreġistrati fl-Unjoni għandhom jiġu mgħammra b’takografu intelliġenti konformi mal-Kapitolu II tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), filwaqt li mill-2010, il-vetturi involuti fit-trasport internazzjonali bit-triq irreġistrati fl-Ukrajna, għandhom jiġu mgħammra b’takografi diġitali f’konformità mal-Ftehim Ewropew dwar il-Ħidma ta’ Ekwipaġġi ta’ Vetturi involuti fit-Trasport Internazzjonali (4) (l-“AETR”, European Agreement concerning the work of crews of vehicles engaged in international transport).

(4)

Meta mqabbel mat-takografu diġitali, it-takografu intelliġenti fih funzjonalitajiet addizzjonali ewlenin, kif stabbilit fl-Artikoli 8, 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014, li jippermettu infurzar aħjar tal-Ftehim. Ir-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni tal-vettura tippermetti infurzar aħjar tal-Artikolu 4 tal-Ftehim, filwaqt li l-kapaċità ta’ identifikazzjoni remota bikrija tippermetti infurzar aħjar tal-Artikolu 5D(2), il-punt (c)(ii), tal-Ftehim.

(5)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-Ftehim fid-dawl tal-għanijiet tiegħu, jenħtieġ li dan jippermetti lill-operaturi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq jużaw apparati ta’ kontroll aktar effettivi mit-takografi diġitali pprovduti skont l-AETR, għax inkella r-riżultat jista’ jkun infurzar inqas effettiv mill-awtoritajiet kompetenti.

(6)

Għalhekk, rekords aktar dettaljati tat-takografu, kif previsti mit-takografu intelliġenti, itejbu l-implimentazzjoni tal-Ftehim b’mod sinifikanti, permezz tal-użu awtorizzat ta’ tali rekords skont l-Artikolu 5B(4) tiegħu.

(7)

Għalhekk, biex jiġi żgurat il-funzjonament korrett tal-Ftehim fid-dawl tal-objettivi tiegħu, il-vetturi li joperaw skont il-Ftehim jenħtieġ li jitħallew jinstallaw u jużaw, fl-Unjoni u fl-Ukrajna, takografi intelliġenti li jikkonformaw mar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 (5). Madankollu, dak ma jipprevjenix lill-vetturi li joperaw skont il-Ftehim milli jkomplu jużaw takografi diġitali f’konformità mal-AETR.

(8)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni Ewropea tkun responsabbli milli tipprovdi ċ-ċertifikati u l-kjavi meħtieġa biex l-Ukrajna tiżviluppa l-infrastruttura tat-takografu intelliġenti tagħha. Għalhekk, jenħtieġ li l-Ukrajna tirrikonoxxi r-rwol tal-Kummissjoni Ewropea fil-funzjonament tas-sistema tat-takografu intelliġenti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“takografu” tfisser it-tagħmir maħsub għall-installazzjoni f’vetturi tat-triq sabiex juri, jirreġistra, jistampa, jaħżen u joħroġ awtomatikament jew semiawtomatikament, id-dettalji tal-moviment, inkluż il-veloċità, ta’ dawk il-vetturi, u d-dettalji ta’ ċerti perjodi ta’ attività tas-sewwieqa tagħhom;

(2)

“takografu intelliġenti” tfisser takografu diġitali li jikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

ir-reġistrazzjoni awtomatika tal-pożizzjoni tal-vettura f’ċerti punti matul il-perjodu tax-xogħol ta’ kuljum tas-sewwieq, kif previst fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014;

(b)

l-identifikazzjoni remota bikrija ta’ manipulazzjoni jew użu ħażin possibbli, kif previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014;

(c)

mgħammar b’interfaċċa ma’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti, kif previst fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014; u

(d)

f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/799, mal-adattamenti li ġejjin:

(i)

“Stat Membru” għandu jinftiehem bħala “Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna”;

(ii)

għall-finijiet tas-subtaqsima 4.1, il-paragrafu (229), tal-Anness IC: is-sinjal distintiv għall-Ukrajna għandu jkun “UA”.

Artikolu 2

Użu ta’ takografi intelliġenti

Il-vetturi rreġistrati fl-Unjoni u fl-Ukrajna mgħammra b’takografi intelliġenti jistgħu jintużaw biex jitwettqu l-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Approvazzjoni tat-tip ta’ tagħmir tat-takografu intelliġenti u ċertifikazzjoni tal-għerq

1.   L-approvazzjoni tat-tip ta’ tagħmir tat-takografu intelliġenti għandha ssegwi l-proċedura stabbilita fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 165/2014, bl-adattament li ġej:

 

“Stat Membru” għandu jinftiehem bħala “Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna”.

2.   L-Ukrajna tirrikonoxxi li ċ-ċertifikat tal-interoperabbiltà mogħti skont l-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 għandu jinħareġ minn laboratorju wieħed taħt l-awtorità u r-responsabbiltà tal-Kummissjoni Ewropea.

3.   L-Ukrajna tirrikonoxxi li l-Kummissjoni Ewropea taġixxi bħala l-Awtorità Ewropea unika għaċ-Ċertifikazzjoni tal-Għerq (ERCA, European Root Certification Authority) fil-qafas stabbilit fir-Regolament (UE) 2016/799.

4.   Il-Kummissjoni Ewropea għandha tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Ukrajna l-materjal kriptografiku għall-ħruġ ta’ kards tat-takografu għas-sewwieqa, għall-workshops, għall-kumpaniji u għall-awtoritajiet ta’ kontroll, f’konformità mal-politika taċ-ċertifikati tal-ERCA u mal-politika dwar iċ-ċertifikati tal-Ukrajna.

Artikolu 4

Installazzjoni, spezzjoni, użu ta’ tagħmir u infurzar

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitoli IV sa VI u l-Artikolu 38 tar-Regolament (UE) Nru 165/2014 għandhom japplikaw bl-adattament li ġej:

 

“Stat Membru” għandu jinftiehem bħala “Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna”.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …, …

Għall-Kumitat Konġunt

Il-Kopresidenti


(1)   ĠU UE L 179, 6.7.2022, p. 4, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2022/1158/oj.

(2)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2023 tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ukrajna dwar it-trasport tal-merkanzija bit-triq tas-16 ta’ Marzu 2023 fir-rigward tal-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU EU L 123, 8.5.2023, p. 32, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2023/928/oj).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x’taqsam mat-trasport bit-triq (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/165/oj).

(4)   ĠU KE L 95, 8.4.1978, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1977/2829/oj.

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/799 tat-18 ta’ Marzu 2016 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostruzzjoni, l-ittestjar, l-istallazzjoni, l-operazzjoni u t-tiswija ta’ takografi u l-komponenti tagħhom (ĠU UE L 139, 26.5.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2016/799/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/3246/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)