|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/2573 |
6.5.2026 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2026/2573)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Pancetta Piacentina”
Numru ta’ Ref tal-UE: PDO-IT-1497-AM01 — 26.3.2026
1. Isem il-prodott
“Pancetta Piacentina”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
DOP |
|
☐ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Settur
|
☑ |
Prodotti agrikoli |
|
☐ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
L-Italja
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Isem
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, għas-Sovranità tal-Ikel u għall-Forestrija - id-Dipartiment għas-Sovranità tal-Ikel u għall-Isport Ekwestru
6. Kwalifika bħala emenda standard
L-emendi tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għad-DOP “Pancetta Piacentina” ma humiex emendi tal-Unjoni peress li ma jissodisfawx il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143, jiġifieri:
|
— |
ma jinkludux bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem; |
|
— |
ma jirriskjawx li jxejnu r-rabta maż-żona ġeografika msemmija fid-dokument uniku; u |
|
— |
ma jinvolvux restrizzjonijiet ulterjuri fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 1
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott iżda ma tikkonċernax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tispeċifika li l-ħnieżer iridu jitqattgħu wkoll fir-reġjuni tal-Lombardia u tal-Emilia-Romagna.
Raġuni: L-emenda tiċċara li l-operazzjonijiet tat-tqattigħ iridu jseħħu wkoll fiż-żona tat-trobbija tal-ħnieżer, f’konformità mal-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) 2024/1143.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 2
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tieni u t-tielet paragrafi, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott iżda ma tikkonċernax id-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal taqsima speċifika dwar “Karatteristiċi ġenetiċi”. L-oriġini ġenetika tal-ħnieżer li minnhom toriġina l-materja prima ġiet iċċarata fir-rigward tat-tip ġenetiku tal-annimali għat-tnissil, kemm maskili kif ukoll femminili, billi ġew inklużi l-kombinazzjonijiet ġenetiċi permessi. Għalhekk, ir-referenza fit-test għad-dispożizzjonijiet dwar ir-razez fl-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għad-DOP “Prosciutto di Parma” u għad-DOP “Prosciutto di San Daniele” ġiet sostitwita.
Raġuni: L-emenda tiċċara l-kombinazzjonijiet permessi ta’ inkroċjar tar-razez. Il-valutazzjoni tar-razza u tat-tip ġenetiku taż-żewġ annimali għat-tnissil hija importanti għaż-żamma tal-karatteristiċi tal-ħnieżer ta’ piż tqil, b’mod partikolari fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kompatibbiltà mat-tliet razez ta’ referenza fil-Ktieb tal-Merħla Taljana maħsuba għall-produzzjoni tal-ħnieżer ta’ piż tqil.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 3
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tieni u t-tielet paragrafi, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal tabella li tispjega r-rekwiżiti ġenetiċi għall-ħnieżer, li turi l-kombinazzjonijiet permessi u dawk mhux permessi.
Raġuni: L-inklużjoni tat-tabella tipprovdi ċarezza akbar fid-definizzjoni tal-uniċi kombinazzjonijiet possibbli ta’ inkroċjar ġenetiku.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 4
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tieni u t-tielet paragrafi, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal referenza għal-lista tat-tipi ġenetiċi approvati mill-Ministeru għall-Agrikoltura, għas-Sovranità tal-Ikel u għall-Forestrija.
Raġuni: Ir-referenza għal-lista u l-aġġornament tagħha jagħmluha possibbli li l-katina tal-produzzjoni tiġi mmonitorjata aħjar.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 5
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tieni u t-tielet paragrafi, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tipprevjeni l-użu tal-laħam mill-ifħula u mill-majjali nisa u mill-ħnieżer b’karatteristiċi mhux favorevoli (PSS, Porcine Stress Syndrome).
Raġuni: L-emenda hija xierqa sabiex tiċċara li l-laħam mill-ifħula u mill-majjali nisa u mill-ħnieżer b’karatteristiċi mhux favorevoli ma huwiex xieraq biex jintuża fil-produzzjoni tal-“Pancetta Piacentina”. Dan huwa f’konformità mal-prattika kurrenti, sa issa bbażata fuq referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għad-DOP “Prosciutto di Parma” u għad-DOP “Prosciutto di San Daniele”.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 6
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tielet paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda żżid taqsima speċifika dwar “Trobbija u għalf”. Żdiedu l-istadji kronoloġiċi tradizzjonali tat-trobbija tal-ħnieżer: it-treddigħ, il-ftam, it-tkabbir u l-finitura, u b’hekk tiġi sostitwita r-referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott għad-DOP “Prosciutto di Parma” u għad-DOP “Prosciutto di San Daniele”.
Raġuni: L-emenda tiċċara l-istadji tat-trobbija tal-ħnieżer ta’ piż tqil.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 7
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tielet paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal dispożizzjonijiet dwar l-istadju tat-treddigħ tad-driefeġ, li d-durata tiegħu, sa mill-inqas 28 jum, hija f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Taqsima C tal-Kapitolu II tal-Anness I tad-Direttiva 2008/120/KE. Iddaħħlu wkoll referenzi għat-treddigħ naturali tad-driefeġ mill-majjala jew għal dak artifiċjali, għall-amministrazzjoni ta’ materja prima permessa u għall-użu ta’ supplimenti tal-minerali, tal-vitamini u tal-amminoaċidi u għall-użu tal-addittivi.
Raġuni: L-emenda tiddefinixxi preċiżament il-karatteristiċi tal-istadju tal-ħalib f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropa. L-użu ta’ supplimenti tal-vitamini, tal-minerali u tal-amminoaċidi, u tal-addittivi, jiżgura tkabbir muskolari xieraq u jgħin id-diġestjoni u l-assorbiment tan-nutrijenti.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 8
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tielet paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tistabbilixxi l-metodi u t-twaqqit tal-applikazzjoni tal-marka tal-oriġini bil-linka maż-żewġ riġlejn ta’ kull ħanżir, flimkien mal-mudelli tal-marka bil-linka u tal-pjanċi għall-applikazzjoni tagħha.
Raġuni: L-emenda tirregola preċiżament l-għodod u l-passi meħtieġa biex jiġu żgurati t-trekkjar u t-traċċabilità tal-materja prima għall-“Pancetta Piacentina” mill-ewwel stadju tat-trobbija, bl-użu tal-għodda li diġà jintużaw, li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet introdotti.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 9
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tielet paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal tabella ta’ referenza li turi liema ittra għandha tintuża biex tirrappreżenta x-xahar tat-twelid tad-derfuġ, li għandha tiġi inkluża fil-marka tal-oriġini bil-linka.
Raġuni: L-emenda tipprovdi ċarezza u trasparenza massimi fit-trekkjar u fit-traċċabilità tal-ħnieżer użati għall-produzzjoni tal-“Pancetta Piacentina” sabiex tiġi vverifikata l-età tal-ħnieżer fl-istadji tat-trobbija u tal-iskarnar.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 10
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tielet paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda żżid il-possibbiltà li jintuża apparat ta’ identifikazzjoni minflok il-marka tal-oriġini bil-linka applikata mill-bidwi, jew flimkien magħha.
Raġuni: L-użu ta’ apparati ta’ identifikazzjoni minflok il-marka tal-oriġini bil-linka jew flimkien magħha jippermetti li jintużaw għodod oħrajn trekkjar u ta’ traċċar f’konformità mal-iżviluppi teknoloġiċi.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 11
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tielet paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal regola għad-determinazzjoni tal-età tal-ħnieżer f’xhur.
Raġuni: L-emenda tagħmilha possibbli biex b’mod inekwoviku u mhux ambigwu tiġi vverifikata l-età tal-ħnieżer fl-istadji tat-trobbija u tal-iskarnar.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 12
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tielet paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal dispożizzjonijiet dwar l-istadju tal-ftam tal-ħnieżer. Ġew introdotti regoli li jirregolaw id-durata ta’ dan l-istadju, il-piż massimu tad-driefeġ u l-għalf. Żdiedet referenza għall-amministrazzjoni tal-għalf niexef, għall-użu tas-supplimenti tal-vitamini, tal-minerali u tal-amminoaċidi u għall-użu tal-addittivi. Il-perjodu tal-ftam żdied minn 80 jum għal 3 xhur u l-limitu tal-piż massimu għad-driefeġ ġie stabbilit għal 40 kg.
Raġuni: L-emenda tistabbilixxi żewġ parametri – id-durata u l-piż massimu – li jiżguraw it-tkabbir gradwali u bilanċjat tal-ħnieżer waqt l-istadju tal-ftam. Matul dan l-istadju, il-ħnieżer jistgħu jintemgħu l-materja prima kollha permessa mir-regoli fis-seħħ sabiex jiġi żgurat li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet nutrizzjonali, tal-benesseri tal-annimali u tas-saħħa tagħhom. Il-provvediment għall-amministrazzjoni tal-għalf niexef tippermetti lill-bidwi jagħżel liema metodu juża. L-użu ta’ supplimenti tal-vitamini, tal-minerali u tal-amminoaċidi, u tal-addittivi, jiżgura tkabbir muskolari xieraq u jgħin id-diġestjoni u l-assorbiment tan-nutrijenti.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 13
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tielet paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal dispożizzjonijiet dwar l-istadju tat-tkabbir, tistabbilixxi durata massima ta’ 5 xhur u żżid il-piż li jista’ jinkiseb fi tmiem l-istadju minn 80 kg għal 85 kg.
Ġiet speċifikata referenza għat-tolleranzi fuq materja prima individwali f’konformità mal-Artikolu 17(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 767/2009, u tħassret ir-referenza għall-perċentwal ta’ 10 %. Żdiedet b’mod espliċitu l-possibbiltà li l-bidwi jamministra wkoll l-għalf f’forma niexfa.
Iddaħħlet it-“Tabella ta’ materja prima permessa” u din għandha tintuża wkoll għall-istadju li jmiss, jiġifieri l-finitura, li għalih ġew inklużi regoli speċifiċi. L-ismijiet tal-materja prima li ġejja ġew emendati, filwaqt li titqies in-nomenklatura prevista fir-regoli tal-Unjoni Ewropea stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 68/2013, kif aġġornat bir-Regolament (UE) 2017/1017:
|
— |
“qamħirrum” ma għadux jissejjaħ bit-Taljan bħala “mais” iżda minflok bħala “granturco”; |
|
— |
“semolina” issa tissejjaħ “grixa”; |
|
— |
“grixa tan-nifel deidratata” issa tissejjaħ “nifel (imnixxef f’temperatura għolja)”; |
|
— |
“espellent taż-żerriegħa tal-kittien” ma għadux jissejjaħ bit-Taljan bħala “expeller di lino” iżda minflok bħala “panello di lino”, u miegħu żdiedu dawn li ġejjin: “għalf tal-espellent taż-żerriegħa tal-kittien”, “grixa taż-żerriegħa tal-kittien” u “għalf tal-grixa taż-żerriegħa tal-kittien”; |
|
— |
“residwi tat-tuffieħ u tal-lanġas, qoxra tal-għeneb jew tat-tadam bħala trasportaturi għal supplimenti nutrizzjonali” issa jissejħu “polpa tal-frott u polpa tat-tadam (residwi tat-tadam) bħala trasportaturi tal-premixxiela”; |
|
— |
“ħmira tal-birriera u/jew ħmira tat-torula” issa tissejjaħ “ħmejjer”; |
|
— |
“grixa tal-estrazzjoni min-nebbieta tal-qamħirrum” (bl-użu tal-kelma “mais” bit-Taljan) issa tissejjaħ “grixa min-nebbieta tal-qamħirrum” (bl-użu tal-kelma “granturco” bit-Taljan); |
|
— |
“qmuħ tad-distillaturi” issa jissejjaħ “qmuħ u partikuli mnixxfa li jinħallu tad-distillaturi”. |
Tneħħiet il-materja prima li ġejja:
|
— |
“ħarrub mingħajr għadma”; |
|
— |
“liżati tal-proteina”; |
|
— |
“patata deidratata”; |
|
— |
“manjoka”; |
|
— |
“polpa tal-pitravi pressata u insilata”; |
|
— |
“grixa tal-ġunġlien”; |
|
— |
“grixa tal-estrazzjoni ġewż tal-Indi”; |
|
— |
“grixa tal-laħam”. |
Tħassret il-kelma “ħafur” mill-kategorija taċ-“ċereali minuri”.
Inbidlet il-kwantità tal-materja prima li ġejja:
|
— |
“xorrox tal-butir” għall-istadju tat-tkabbir biss (li jinbidel għal massimu ta’ 250 g għal kull ras kull jum ta’ materja niexfa), mingħajr preġudizzju għall-fatt li x-“xorrox” u x-“xorrox tal-butir” meħuda flimkien ma jridux jaqbżu l-15-il litru għal kull ras kull jum; |
|
— |
“grixa tal-glutina tal-qamħirrum u/jew għalf tal-glutina tal-qamħirrum (minn massimu ta’ 5 % għal massimu ta’ 10 %); |
|
— |
‘qamħirrum’ (minn massimu ta’ 55 % għal massimu ta’ 65 %); |
|
— |
‘sorgu’ (minn massimu ta’ 40 % għal massimu ta’ 55 %); |
|
— |
‘xgħir’ (minn massimu ta’ 40 % għal massimu ta’ 55 %); |
|
— |
‘qamħ’ (minn massimu ta’ 25 % għal massimu ta’ 55 %); |
|
— |
‘tritikal’ (minn massimu ta’ 25 % għal massimu ta’ 55 %); |
|
— |
‘polpa tal-pitravi deidratata’ (minn massimu ta’ 4 % għal massimu ta’ 10 %); |
|
— |
‘nifel, imnixxef f’temperatura għolja’ (minn massimu ta’ 2 % għal massimu ta’ 4 %). |
Żdiedet il-materja prima li ġejja:
|
— |
‘grixa tal-glutina tal-qamħirrum u/jew għalf tal-glutina tal-qamħirrum’, anke matul l-istadju tal-finitura; |
|
— |
‘silaġġ tal-qamħirrum’, anke matul l-istadju tal-finitura; |
|
— |
‘grixa tal-qamħirrum tas-sbula sħiħa’; |
|
— |
‘qmuħ u partikuli mnixxfa li jinħallu tad-distillaturi’, anke matul l-istadju tal-finitura; |
|
— |
‘għalf tal-espellent taż-żerriegħa tal-kittien, grixa taż-żerriegħa tal-kittien’ u għalf tal-grixa taż-żerriegħa tal-kittien”; |
|
— |
“lipidi b’punt tat-tidwib ta’ aktar minn 36°oC”, anke matul l-istadju tal-finitura; |
|
— |
“prodotti miksuba waqt l-estrazzjoni tal-lift”; |
|
— |
“fażola tas-sojja sħiħa mixwija u/jew espellent tas-sojja”, għall-istadju tat-tkabbir biss. |
Il-materja prima “piżelli u/jew żrieragħ leguminużi oħrajn” inqasmet f’żewġ entrati: “piżelli” u “żrieragħ leguminużi oħrajn”, u żdiedu l-kwantitajiet (“piżelli” għal massimu ta’ 25 % u “żrieragħ leguminużi oħrajn” għal massimu ta’ 10 %).
Fir-rigward tal-“grixa minn qmuħ u/jew sbula”, ġie speċifikat li dan jikkonċerna “qmuħ tal-qamħirrum u/jew sbula tal-qamħirrum”.
Il-“grixa minn estrazzjoni tas-sojja” saret “prodotti miksuba matul l-estrazzjoni tal-fażola tas-sojja”, u l-perċentwal tal-użu kemm matul l-istadju tat-tkabbir kif ukoll l-istadju tal-finitura ġie standardizzat għal massimu ta’ 20 %.
Il-“grixa tal-ġirasol” inbidlet għal “prodotti miksuba matul l-estrazzjoni taż-żerriegħa tal-ġirasol”, li l-użu tagħhom żdied għal massimu ta’ 10 %.
In-nota 4 tat-tabella tistabbilixxi kontenut ta’ xaħam mhux raffinat massimu li ma jaqbiżx it-2,5 % tal-materja niexfa għall-prodotti miksuba matul l-estrazzjoni tal-fażola tas-sojja, taż-żerriegħa tal-ġirasol u tal-lift.
Żdiedet l-għażla li jintużaw minerali, vitamini u addittivi.
Fin-nota 2 ġiet iċċarata aktar id-definizzjoni ta’ “qmuħ u partikuli mnixxfa li jinħallu tad-distillaturi”.
Minbarra l-limitu massimu ta’ 2 % għall-aċidu linolejku, l-emenda tintroduċi limitu massimu ta’ xaħam ta’ 5 % tal-materja niexfa tad-dieta.
Raġuni: Il-piż massimu ġie stabbilit għal 85 kg – minflok 80 kg – minħabba l-iżviluppi fil-ġenetika, fin-nutrizzjoni u fl-istandards tal-benesseri tal-annimali, li wasslu għal titjib fil-ħila tal-ħnieżer li jikbru. Id-durata massima – 5 xhur – żdiedet biex jiġi żgurat li t-tkabbir ikun bilanċjat qabel l-istadju tal-finitura.
Ir-referenza għat-tolleranzi dwar il-materja prima individwali tagħmilha possibbli li jinġiebu f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar l-għalf, jiġifieri l-Artikolu 17(2)(b) tar-Regolament (KE) Nru 767/2009.
Il-provvediment għall-amministrazzjoni tal-għalf niexef tippermetti lill-bidwi jagħżel liema metodu juża.
L-inklużjoni ta’ “Tabella ta’ materja prima permessa” waħda kemm għall-istadju tat-tkabbir kif ukoll għall-istadju tal-finitura tagħmel l-ispeċifikazzjoni tal-prodott aktar faċli biex tinqara.
L-ismijiet tal-materja prima nbidlu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 68/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/1017. L-aġġornament tat-terminoloġija huwa neċessarju biex tingħata indikazzjoni aktar ċara tat-tip ta’ materja prima li qed issir referenza għalih.
Tħassret ir-referenza għall-“ħafur” peress li jaqa’ taħt il-kategorija ta’ “ċereali minuri”.
Il-“grixa minn laħam” tneħħiet peress li ma għadhiex tintuża minħabba r-restrizzjonijiet regolatorji introdotti dan l-aħħar.
Il-materja prima “ħarrub mingħajr għadma”, “liżati tal-proteina”, “patata deidratata”, “manjoka”, “pitravi, ippressati u polpa mxarrba insilata”, “grixa minn ġunġlien”, u “grixa minn estrazzjoni tal-ġewż tal-Indi” tneħħiet, peress li din il-materja prima bilkemm tikber fiż-żona ġeografika fejn jitrabbew il-ħnieżer, jew ma għadhiex titkabbar affattu, jew diffiċli biex tinkiseb, għandha valur nutrizzjonali baxx jew ma tintużax minħabba raġunijiet tekniċi u relatati mal-kwalità. Għalhekk, l-emenda tneħħi l-possibbiltà li tintuża materja prima minn barra ż-żona tat-trobbija tal-ħnieżer li diġà kienet qed tintuża fi kwantitajiet negliġibbli, jekk kienet tintuża affattu. Minflok, qed tintuża materja prima oħra lokali, u hekk tissaħħaħ ir-rabta bejn il-“Pancetta Piacentina” u ż-żona ġeografika.
B’mod partikolari, inxteħtet enfasi akbar fuq l-importanza ta’ dieta bbażata fuq iċ-ċereali, b’żieda fil-perċentwali ta’ “qamħirrum”, “xgħir”, “sorgu”, “qamħ” u “tritikal”, peress li dan l-għalf dejjem kien il-bażi għad-dieta tradizzjonali tal-ħnieżer. Barra minn hekk, dan l-għalf tipikament jitkabbar, ħafna drabi mill-bdiewa nfushom, fiż-żona ġeografika, u hekk tissaħħaħ ir-rabta maż-żona; dawn jiżguraw ukoll li l-ħnieżer ikollhom kopertura ta’ xaħam xierqa għall-produzzjoni tal-“Pancetta Piacentina”.
“Silaġġ tal-qamħirrum” u “qmuħ u partikuli mnixxfa li jinħallu tad-distillaturi”, b’dawn tal-aħħar rikki fil-vitamina B, issa żdiedu għall-istadju tal-finitura wkoll, u huma materja prima ideali li tiżgura livell adegwat ta’ kopertura tax-xaħam fil-ħnieżer u, minħabba l-kontenut ta’ fibra tagħhom, jiġu ddiġestiti ħafna aħjar mill-ħnieżer adulti milli mill-ħnieżer żgħar fl-età.
“Grixa tal-qamħirrum tas-sbula sħiħa”, li hija rikka fil-fibra, tintuża bħala alternattiva għan-nuħħala għall-għalf tal-fibra lill-annimali.
Ir-raġuni għaż-żieda fil-“polpa tal-pitravi deidratata” hija li hija prodott tajjeb ħafna u b’kontenut għoli ta’ fibra; il-kontenut ta’ fibra huwa diġestibbli ħafna fl-intestin il-kbir u, għalhekk, huwa prodott sostenibbli għall-annimali adulti.
L-użu tal-materja prima “xorrox tal-butir” (fl-istadju tat-tkabbir), “nefel (imnixxef f’temperatura għolja)” u “prodotti miksuba matul l-estrazzjoni taż-żerriegħa tal-ġirasol” żdied minħabba d-disponibbiltà tagħhom fiż-żona ta’ produzzjoni tradizzjonali u sejbiet xjentifiċi li saru mill-industrija tal-għalf matul l-aħħar deċennju.
L-użu miżjud ta’ “grixa tal-glutina tal-qamħirrum u/jew għalf tal-glutina tal-qamħirrum” huwa marbut mal-kontenut ta’ proteina għoli tagħha, li huwa utli fid-dieta (proteina mhux raffinata) u diġestibbli ħafna.
L-użu ta’ “lipidi b’punt tat-tidwib ogħla minn 36°oC” ġie introdott kemm għall-istadju tat-tkabbir kif ukoll għall-istadju tal-finitura, peress li l-fatt li l-limitu ta’ 5 % il-ġdid fuq ix-xaħam fil-materja niexfa fid-dieta żdied għal-limitu ta’ 2 % fuq l-aċidu linolejku jiżgura li, jekk jintuża x-xaħam matul l-istadju tal-finitura, il-ħnieżer ikollhom livell adegwat ta’ kopertura tax-xaħam.
Ġie speċifikat li “grixa minn qmuħ u/jew sbula” tirreferi għal “qmuħ tal-qamħirrum u/jew sbula tal-qamħirrum”, peress li t-terminu “sbula” jista’ jirreferi wkoll għal ċereali oħrajn.
Żdiedu “għalf tal-espellent taż-żerriegħa tal-kittien”, “grixa taż-żerriegħa tal-kittien” u “għalf tal-grixa taż-żerriegħa tal-kittien” minbarra “espellent taż-żerriegħa tal-kittien” peress li huma materja prima simili u huma inklużi fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1017.
Żdiedet “fażola tas-sojja sħiħa mixwija u/jew espellent tas-sojja” peress li, matul l-istadju tat-tkabbir, is-sojja tipprovdi enerġija li hija essenzjali biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-enerġija tal-ħnieżer.
L-użu ta’ “piżelli” u “żrieragħ leguminużi oħrajn” żdied minħabba li dawn huma materja prima li jikbru fiż-żona ta’ produzzjoni; il-“piżelli” jiżguraw ukoll il-kwalità tal-kopertura tax-xaħam tal-ħnieżer u, għall-kuntrarju ta’ legumi oħrajn, fihom konċentrazzjoni baxxi ta’ fatturi antinutrizzjonali.
Fir-rigward ta’ “prodotti miksuba matul l-estrazzjoni tal-fażola tas-sojja”, il-perċentwal ġie standardizzat għal 20 % kemm waqt l-istadju tat-tkabbir kif ukoll waqt l-istadju tal-finitura, sabiex jiġi żgurat li l-ħnieżer ikollhom kopertura tax-xaħam xierqa. Il-prodotti li qabel kienu koperti minn entrata waħda, eż. “grixa (tal-fażola) tas-sojja” fir-Regolament (UE) Nru 575/2011, u mbagħad maqsuma f’żewġ entrati, “grixa (tal-fażola) tas-sojja” u “għalf tal-grixa (tal-fażola) tas-sojja”, fl-2013 fir-Regolament (UE) Nru 68/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/1017. Ir-Regolament (UE) 2017/1017 jelenka ħafna prodotti differenti miksuba matul l-estrazzjoni tal-fażola tas-sojja; ma huwiex fattibbli li jiġu elenkati kollha u dawn jistgħu jinbidlu jekk isiru aġġornamenti/emendi tar-Regolament (UE) Nru 2017/1017. Ġie stabbilit kontenut ta’ xaħam mhux raffinat massimu ta’ 2,5 % tal-materja niexfa fin-noti tat-tabella tal-materja prima permessa sabiex tiġi żgurata kopertura tax-xaħam xierqa.
Fir-rigward ta’ “prodotti miksuba matul l-estrazzjoni taż-żrieragħ tal-ġirasol”, issa huma stabbiliti għal 10 %: il-kontenut ta’ xaħam mhux raffinat tal-materja prima huwa importanti sabiex jiġi żgurat li l-ħnieżer ikollhom kopertura tax-xaħam xierqa; għalhekk, fin-noti tat-tabella tal-materja prima permessa, ġie inkluż kontenut ta’ xaħam mhux raffinat massimu ta’ 2,5 % tal-materja niexfa. Il-prodotti li qabel kienu koperti minn entrata waħda, eż. “grixa taż-żerriegħa tal-ġirasol” fir-Regolament (UE) Nru 575/2011, u mbagħad maqsuma f’żewġ entrati, “grixa taż-żerriegħa tal-ġirasol” u “għalf tal-grixa taż-żerriegħa tal-ġirasol”, fl-2013 fir-Regolament (UE) Nru 68/2013, kif emendat bir-Regolament (UE) 2017/1017. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1017 jelenka ħafna prodotti differenti miksuba waqt l-estrazzjoni taż-żrieragħ tal-ġirasol; ma huwiex fattibbli li jiġu elenkati kollha u dawn jistgħu jinbidlu jekk isiru aġġornamenti/emendi tar-Regolament (UE) Nru 2017/1017.
Fir-rigward ta’ “prodotti miksuba matul l-estrazzjoni tal-lift”, il-“lift” ġie introdott għall-ewwel darba fil-lista ta’ materja prima minħabba li l-progress fil-ġenetika ppermetta l-għażla ta’ varjetajiet ġodda li huma ħielsa mill-glukosinolati u mill-aċidu eruċiku (fatturi antinutrizzjonali); l-entrata ġiet ifformulata biex taqbel mal-istruttura użata għal prodotti tas-sojja u tal-ġirasol. Il-prodotti li qabel kienu koperti minn entrata waħda, eż. “grixa tal-lift” fir-Regolament (UE) Nru 575/2011, u mbagħad maqsuma f’żewġ entrati, “grixa tal-lift” u “għalf tal-grixa tal-lift”, fl-2013 fir-Regolament (UE) Nru 68/2013, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1017. Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1017 jelenka ħafna prodotti differenti miksuba matul l-estrazzjoni tal-lift; ma huwiex fattibbli li tiġi elenkata l-materja prima kollha u din tista’ tinbidel jekk isiru aġġornamenti fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1017. Ġie stabbilit kontenut ta’ xaħam mhux raffinat massimu ta’ 2,5 % tal-materja niexfa fin-noti tat-tabella tal-materja prima permessa sabiex tiġi żgurata kopertura tax-xaħam xierqa tal-“Pancetta Piacentina”.
L-użu tal-vitamini, tal-minerali u tal-addittivi jiżgura tkabbir muskolari xieraq u jgħin id-diġestjoni u l-assorbiment tan-nutrijenti.
Id-definizzjoni ta’ “qmuħ u partikuli mnixxfa li jinħallu tad-distillaturi” ġiet iċċarata billi ntużat il-formulazzjoni fil-punt 1.12.9 tar-Regolament (UE) 2017/1017.
Il-limitu massimu ta’ xaħam, miżjud mal-limitu tal-aċidu linolejku, jiżgura livell xieraq ta’ kopertura tax-xaħam għall-produzzjoni tal-“Pancetta Piacentina”. Dawn iż-żewġ kriterji huma essenzjali, peress li l-materja prima li hija sors potenzjali ta’ xaħmijiet li kapaċi jkollhom impatt negattiv fuq il-kwalità tal-kopertura tax-xaħam tal-ħnieżer jew żdiedet (il-qamħirrum) jew ġiet introdotta (il-lipidi b’punt tat-tidwib ogħla minn 36°oC).
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 14
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tieni u t-tielet paragrafi, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, u l-punt 4.3 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal dispożizzjoni li mill-inqas 50 % tal-materja niexfa tal-għalf tal-ħnieżer, fuq bażi annwali, trid tiġi miż-żona ġeografika li fiha jitrabbew il-ħnieżer.
Raġuni: Il-materja prima li minnha jingħalfu l-ħnieżer tiġi miż-żona ġeografika fejn jitrabbew l-annimali. Madankollu, minħabba raġunijiet relatati mal-klima jew kummerċjali, jista’ ma jkunx teknikament possibbli li 100 % tal-materja prima tiġi akkwistata lokalment. Fi kwalunkwe każ, il-kwalitajiet tal-“Pancetta Piacentina” u r-rabta tiegħu maż-żona dejjem jiġu ggarantiti mill-fatt li mill-inqas 50 % tal-materja niexfa fil-porzjon tal-għalf, fuq bażi annwali, tiġi akkwistata miż-żona ġeografika tat-trobbija, f’konformità mal-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2024/1143.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 15
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, it-tielet paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda, fir-regoli dwar l-għalf tal-ħnieżer relatati mal-istadju tal-finitura, tirreferi lura għat-“Tabella tal-materja prima permessa” inkluża fl-istadju tat-tkabbir, b’ċerti speċifikazzjonijiet neċessarji għall-istadju tal-finitura.
Raġuni: L-emenda tipprovdi stampa ċara tal-għalf permess matul l-istadju tal-finitura wkoll.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 16
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, ir-raba’ paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tintroduċi l-paragrafu “Skarnar u tqattigħ” u tifformula mill-ġdid id-dispożizzjoni dwar l-età minima tal-ħnieżer fl-iskarnar, mingħajr ma temendaha, billi torbotha mal-verifika permezz tal-marka tal-oriġini bil-linka u/jew l-apparat ta’ identifikazzjoni li jissostitwixxi, jew flimkien mal-marka tal-oriġini bil-linka, huwa deskritt fil-parti dwar l-għalf u t-trobbija tal-ħnieżer. [Ara l-emendi 8 u 10]
Raġuni: Din l-emenda tagħmel l-ispeċifikazzjoni tal-prodott aktar ċara fir-rigward tal-istadju tal-iskarnar, inkluż b’referenza għall-iżviluppi teknoloġiċi. L-indikazzjoni tal-metodu għall-kalkolu tal-età tal-ħnieżer tagħmilha possibbli biex l-operaturi u l-korp ta’ kontroll jikkalkulawha b’mod korrett u inekwoviku.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 17
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, ir-raba’ paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal il-kriterju għall-kalkolu tal-età tal-ħnieżer għall-iskop tal-iskarnar.
Raġuni: L-emenda tiċċara l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-operaturi u għall-iskopijiet ta’ kontroll.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 18
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, ir-raba’ paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tiċċara r-referenza għall-“Pancetta Piacentina” prodott bl-użu ta’ laħam minn karkassi ta’ ħnieżer ta’ piż tqil - H Heavy.
Raġuni: L-emenda tiċċara l-ispeċifikazzjoni tal-prodott u taġġorna r-referenzi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fis-seħħ.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 19
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, ir-raba’ paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tissostitwixxi l-kriterju ta’ piż ħaj tal-ħanżir ta’ 160 kg +/- 10 % b’piż tal-karkassa individwali ta’ bejn 110,1 kg u 180,0 kg.
Raġuni: L-eliminazzjoni tal-piż ħaj u l-inklużjoni tal-kriterju tal-piż tal-karkassa individwali jippermettu verifika aktar preċiża tar-rekwiżiti ta’ eliġibbiltà għal kull ħanżir skarnat, peress li huwa metodu aktar trasparenti, akkurat, immirat u ġeneralment aħjar. Iż-żieda fil-piż tal-ħanżir hija marbuta max-xejra kurrenti fit-trobbija tal-ħnieżer fl-Ewropa li tirriżulta minn titjib fil-ġenetika, fil-benesseri tal-annimali u fin-nutrizzjoni.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 20
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, ir-raba’ paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tispeċifika li d-data dwar il-piż u l-klassifikazzjoni trid tiġi vverifikata fil-ħin tal-iskarnar.
Raġuni: L-emenda tiċċara b’mod preċiż il-mument li fih il-piż u l-klassifikazzjoni jridu jiġu żgurati sabiex jiġu ffaċilitati l-verifiki assoċjati.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 21
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, ir-raba’ paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tispeċifika li l-operazzjonijiet tat-tqattigħ jistgħu jitwettqu wkoll f’impjanti tat-tqattigħ minbarra l-biċċerija li tkun skarnat l-annimali.
Raġuni: Id-dispożizzjoni tidentifika arranġament ġdid għat-tqattigħ ta’ karkassi li huwa f’konformità mal-Anness III, it-Taqsima I, il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 853/2004.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 2
Deskrizzjoni
Emenda 22
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, il-ħames u s-sitt paragrafi, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2, il-ħames u s-sitt paragrafi, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
Raġuni: It-tħassir huwa neċessarju minħabba li jikkonċerna dispożizzjonijiet relatati mas-sistema ta’ kontroll.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 4
Deskrizzjoni
Emenda 23
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4, it-tieni paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tispeċifika z-zokkor li jista’ jintuża, jiġifieri d-destrożju, il-glukożju, il-fruttożju u s-sukrożju.
Raġuni: Ir-raġuni għall-emenda hija l-ħtieġa li jiġu ddikjarati b’mod ċar it-tipi ta’ zokkor li jintużaw.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 4
Deskrizzjoni
Emenda 24
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 4, it-tieni paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda żżid l-għażla li jintuża l-aċidu L-askorbiku (E300) minflok l-askorbat L tas-sodju (E301) jew flimkien miegħu, u l-ammont massimu li jista’ jintuża ma jinbidilx.
Raġuni: L-użu tal-aċidu askorbiku, flimkien mal-askorbat tas-sodju jew minfloku, il-melħ tas-sodju tiegħu, jiffaċilita l-aċidifikazzjoni inizjali u jnaqqas il-kontenut tas-sodju tal-“Pancetta Piacentina”. L-azzjoni antiossidanti tiegħu tgħin ukoll biex jinżammu l-karatteristiċi organolettiċi msemmija fl-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, u hekk jiġi evitat ir-riskju ta’ ossidazzjoni tal-lipidi jew tal-proteini u b’hekk jiġi protett il-“Pancetta Piacentina”.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 6
Deskrizzjoni
Emenda 25
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 6, ir-raba’ paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tneħħi l-kliem “imsemmija fl-Artikolu 8”.
Raġuni: L-emenda hija neċessarja minħabba li l-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott il-ġdida fih dispożizzjoni differenti.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 8
Deskrizzjoni
Emenda 26
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 8 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tneħħi d-dispożizzjoni dwar il-korp ta’ kontroll.
Raġuni: Dan huwa aġġornament neċessarju biex l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tinġieb f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ tal-Unjoni Ewropea.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 8
Deskrizzjoni
Emenda 27
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 9 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tbiddel in-numru tal-Artikolu 9 li jsir l-Artikolu 8.
Raġuni: L-emenda hija neċessarja minħabba l-istruttura tal-artikolu l-ġdid tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 9
Deskrizzjoni
Emenda 28
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 4.6 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda tintroduċi l-possibbiltà li tintuża “DOP”, l-abbrevjazzjoni ta’ “denominazzjoni ta’ oriġini protetta”.
Raġuni: L-emenda ġġib l-ispeċifikazzjoni tal-prodott f’konformità mal-Artikolu 37(6) tar-Regolament (UE) 2024/1143.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Emenda tal-Artikolu 9
Deskrizzjoni
Emenda 29
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u l-punt 4.6 tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: L-emenda ddaħħal dispożizzjoni dwar l-obbligu li jintuża s-simbolu tad-DOP tal-Unjoni Ewropea.
Raġuni: L-emenda ġġib l-ispeċifikazzjoni tal-prodott f’konformità mal-Artikolu 37(3) tar-Regolament (UE) 2024/1143.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Dħul ta’ Artikolu 9 ġdid
Deskrizzjoni
Emenda 30
L-emenda ddaħħal Artikolu 9 ġdid fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott; ma tinvolvix emenda tad-dokument uniku.
Deskrizzjoni: Iddaħħal l-Artikolu 9 “Prova tal-oriġini” fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u dan jiddikjara li huwa neċessarju li l-partijiet kollha fil-katina tal-produzzjoni tad-DOP jiġu mmonitorjati u jitqiegħdu taħt il-kontroll tal-korp ta’ kontroll.
Raġuni: Id-dħul ta’ dan l-artikolu huwa neċessarju biex l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tinġieb f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ tal-Unjoni Ewropea.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli
“Pancetta Piacentina”
Numru ta’ Ref tal-UE: PDO-IT-1497-AM01 — 26.3.2026
1. Isem/Ismijiet
“Pancetta Piacentina”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
DOP |
|
☐ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
L-Italja
4. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
4.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
16 – PREPARATI TA’ LAĦAM, TA’ ĦUT JEW TA’ KRUSTAĊJI, MOLLUSKI JEW INVERTEBRATI AKKWATIĊI OĦRAJN, JEW TA’ INSETTI
4.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
Il-“Pancetta Piacentina” huwa prodott immellaħ, immaturat b’mod naturali li jiġi ppreżervat nej. Dan jiġi prodott mis-saff xaħmi li jgħatti l-parti tal-istonku tan-nofs karkassa miż-żona retrosternali sa dik ingwinali, u t-tessut tal-muskolu tal-addome.
Il-prodott lest għandu forma ċilindrika, jiżen bejn 4 kg u 8 kg u għandu kulur aħmar jgħajjat b’abjad ċar mill-partijiet xaħmin. Il-laħam għandu riħa ħafifa pjaċevoli u togħma mielħa.
4.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali deżinjati b’Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati b’Indikazzjoni Ġeografika Protetta biss)
Il-materja prima għall-ħnieżer ġejja miż-żona ġeografika tat-trobbija u għandha karatteristiċi ta’ kwalità tajbin għall-għalf san u korrett tal-annimali. Madankollu, minħabba raġunijiet relatati mal-klima jew kummerċjali, f’xi snin jista’ ma jkunx teknikament possibbli li tinkiseb 100 % tal-materja prima għall-ħnieżer lokalment. F’dawn il-każijiet, f’konformità mal-Artikolu 47(2) tar-Regolament (UE) 2024/1143, sabiex jiġu ggarantiti r-rabta mat-territorju u l-kwalità tal-“Pancetta Piacentina”, dejjem jiġi żgurat li mill-inqas 50 % tal-materja niexfa tal-materja prima għall-ħnieżer, fuq bażi annwali, tiġi miż-żona ġeografika tat-trobbija.
4.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-passi kollha fil-produzzjoni, it-tirqim, it-tmelliħ niexef, l-irbit, it-tnixxif u l-maturazzjoni tal-“Pancetta Piacentina” jsiru fiż-żona indikata fil-punt 5 hawn taħt.
4.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
L-imballaġġ, it-tfettit u t-tqattigħ f’porzjonijiet iridu jsiru taħt is-superviżjoni tal-korp ta’ kontroll maħtur, esklussivament fiż-żona tal-produzzjoni indikata fil-punt 5. Sabiex jiġi żgurat li jinżammu l-karatteristiċi oriġinali u speċifiċi tal-prodott, l-imballaġġ, it-tfettit u t-tqattigħ f’porzjonijiet iridu jitwettqu fiż-żona tal-produzzjoni minn persuni b’għarfien speċjali tal-prodott. Il-qoxra għandha titneħħa għalkollox qabel it-tfettit. Il-kuntatt mal-arja u l-esponiment tal-prodott mingħajr il-qoxra naturali tiegħu għal kundizzjonijiet ambjentali mhux xierqa jistgħu jwasslu għal ossidazzjoni u b’hekk il-qatgħat jew l-uċuħ maqtugħa jsiru kannella, u dan jirriżulta fit-telf tal-kulur aħmar jgħajjat karatteristiku tal-laħam dgħif, fit-tranġit tax-xaħam u fid-deterjorament tal-aroma.
4.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Meta jiġi rrilaxxat għall-konsum, il-prodott irid ikollu l-kliem “Pancetta Piacentina”.
Id-denominazzjoni “Pancetta Piacentina” trid tidher fuq it-tikketta b’ittri ċari u li ma jistgħux jitħassru li jingħarfu kompletament minn kwalunkwe formulazzjoni oħra u trid tiġi segwita immedjatament bit-terminu “Denominazione di Origine Protetta” [denominazzjoni ta’ oriġini protetta] jew l-abbrevjazzjoni “DOP”, flimkien mas-simbou tad-DOP tal-Unjoni Ewropea.
Kull deskrizzjoni oħra mhux permessa espliċitament hija pprojbita.
Madankollu, l-użu ta’ indikazzjonijiet li jagħmlu referenza għal ismijiet, għal ismijiet ta’ kumpanija u għal marki privati huwa awtorizzat, dment li ma jkunx hemm skop ta’ tifħir u mhux b’mod li jqarraq bil-konsumatur, bħalma huma l-ismijiet tal-farms tal-ħnieżer minn fejn jiġi l-prodott.
5. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Iż-żona ta’ produzzjoni tal-“Pancetta Piacentina” tinkludi t-territorju kollu tal-provinċja ta’ Piacenza, iżda dawk il-partijiet taħt 900 m ’il fuq mil-livell tal-baħar biss.
6. Rabta maż-żona ġeografika
Sommarju tar-rabta
Il-produzzjoni tal-“Pancetta Piacentina” bdiet matul il-perjodu Ruman u għaddiet maż-żmien, ikkonċentrata fiż-żona ġeografika tal-provinċja ta’ Piacenza.
L-importanza taż-żona tal-produzzjoni tal-“Pancetta Piacentina” hija marbuta mal-iżvilupp ta’ tradizzjoni rurali tipika komuni għall-wied kollu tal-Po, minn fejn tiġi l-materja prima (l-Emilia Romagna u l-Lombardija). Fiż-żona li hija s-sors tal-materja prima, l-iżvilupp tat-trobbija tal-bhejjem huwa marbut mal-kultivazzjoni mifruxa tal-għelejjel taċ-ċereali u mal-metodi ta’ ħidma fis-settur tal-ħalib speċjalizzat ħafna li ħeġġeġ it-trobbija tal-ħnieżer lokalment.
Il-produtturi fil-provinċja ta’ Piacenza żviluppaw u il-kapaċitajiet speċifiċi tagħhom fl-għażla u l-ipproċessar tal-qatgħat tal-laħam u għaddew minn żmien għal ieħor. L-irrumblar u l-irbit tal-Pancetta jeħtieġ għarfien espert partikolari. Il-preżenza ta’ widien friski u rikki fl-ilma u għoljiet imsaġġra għandha influwenza pożittiva fuq il-kundizzjonijiet għall-maturazzjoni.
Il-“Pancetta Piacentina” għandha forma ċilindrika. Il-qatgħat għandhom partijiet ta’ dgħif aħmar jgħajjat alternati ma’ partijiet bojod xaħmin. Il-laħam għandu riħa ħafifa pjaċevoli u togħma mielħa.
Il-qatgħat tal-massa tal-muskoli użati fil-produzzjoni tal-“Pancetta Piacentina” jiġu minn ħnieżer tqal Taljani.
Il-karatteristiċi tad-DOP “Pancetta Piacentina” jiddependu mill-kundizzjonijiet ambjentali u mill-fatturi naturali u umani. B’mod partikolari, il-karatterizzazzjoni tal-materja prima hija marbuta mill-qrib maż-żona ġeografika definita fejn tiġi akkwistata; hemmhekk, ġew żviluppati tekniki għat-trobbija tal-ħnieżer tqal Taljani li jiddeterminaw il-kwalità tal-qatgħat tal-laħam użat għall-produzzjoni tal-“Pancetta Piacentina”.
Barra minn hekk, il-fatt li l-produzzjoni tal-“Pancetta Piacentina” hija bbażata fil-provinċja ta’ Piacenza huwa marbut mal-produtturi lokali li, maż-żmien, ipperfezzjonaw il-ħiliet tagħhom fit-tmelliħ, l-irrumblar u l-irbit tal-pancetta.
L-irrumblar u l-irbit jagħtu lill-“Pancetta Piacentina” l-forma ċilindrika karatteristika tagħha u jiżguraw li, meta titqatta’, il-partijiet tad-dgħif u tax-xaħam jalternaw ma’ xulxin.
Il-ħiliet tekniċi tal-produtturi fl-operazzjonijiet tat-tmelliħ, flimkien mal-ħakma tagħhom tad-diversi stadji tal-maturazzjoni huma xhieda ulterjuri tar-rabta bejn il-“Pancetta Piacentina” u ż-żona tal-produzzjoni tagħha.
Il-fatturi ambjentali huma marbuta mill-qrib mal-karatteristiċi taż-żona ta’ produzzjoni u b’mod partikolari mal-klima tagħha, li għandha impatt vitali fuq il-karatteristiċi tal-prodott lest, u tikkontribwixxi għall-maturazzjoni b’suċċess tiegħu.
Din il-kombinazzjoni ta’ “materja prima – prodott – denominazzjoni” għalhekk hija minsuġa fl-iżvilupp soċjoekonomiku taż-żona u għandha partikolaritajiet li ma jistgħux jiġu riprodotti xi mkien ieħor.
Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2573/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)