|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2024/2552 |
1.10.2024 |
TRADUZZJONI
FTEHIM BEJN L-UNJONI EWROPEA U R-REPUBBLIKA TAL-MOZAMBIQUE DWAR L-ISTATUS TAL-MISSJONI TA’ TAĦRIĠ MILITARI TAL-UNJONI EWROPEA FIL-MOZAMBIQUE (EUTM Mozambique)
L-UNJONI EWROPEA, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-UE”,
minn naħa waħda, u
R-REPUBBLIKA TAL-MOZAMBIQUE, minn hawn ’il quddiem imsejħa “l-Istat Ospitanti”,
min-naħa l-oħra,
minn hawn ’il quddiem imsejħa flimkien bħala “il-Partijiet”,
B’KONT MEĦUD TA’:
l-ittra mill-President tar-Repubblika tal-Mozambique lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tat-3 ta’ Ġunju 2021 li tilqa’ l-iskjerament fil-Mozambique ta’ Missjoni mhux eżekuttiva tal-Unjoni Ewropea għall-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni,
l-ittra mill-President tar-Repubblika tal-Mozambique lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà tas-27 ta’ Awwissu 2021 li tagħti lil EUTM Mozambique u lill-persunal tagħha privileġġi u immunitajiet, sakemm jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus tal-missjoni fil-Mozambique,
id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1143 dwar Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mozambique (1),
il-fatt li dan il-Ftehim ma jaffettwax id-drittijiet u l-obbligi tal-Partijiet taħt ftehimiet internazzjonali u strumenti oħrajn li jistabbilixxu qrati u tribunali internazzjonali,
FTIEHMU KIF ĠEJ:
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet
1. Dan il-Ftehim għandu japplika għall-Missjoni ta’ Taħriġ Militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mozambique (EUTM Mozambique) u għall-persunal tagħha.
2. Dan il-Ftehim għandu japplika biss fit-territorju tal-Istat Ospitanti.
3. Għall-fini ta’ dan il-Ftehim:
|
(a) |
“EUTM Mozambique” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali tal-missjoni tal-UE u l-kontinġenti nazzjonali li jikkontribwixxu għall-missjoni, it-tagħmir tagħhom u l-mezzi ta’ trasport tagħhom; |
|
(b) |
“missjoni” għandha tfisser it-tħejjija, l-istabbiliment, it-twettiq u l-appoġġ ta’ EUTM Mozambique; |
|
(c) |
“Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE” għandha tfisser il-Kmandant ta’ EUTM Mozambique fis-sit tal-missjoni; |
|
(d) |
“kwartieri ġenerali militari tal-UE” għandha tfisser il-kwartieri ġenerali militari u l-elementi tagħhom, irrispettivament minn fejn jinsabu, taħt l-awtorità tal-kmandanti militari tal-UE li jeżerċitaw il-kmand jew il-kontroll militari ta’ EUTM Mozambique; |
|
(e) |
“kontinġenti nazzjonali” għandha tfisser l-unitajiet u l-elementi li jappartjenu għall-Istati Membri tal-UE u għall-Istati l-oħrajn li jipparteċipaw f’EUTM Mozambique; |
|
(f) |
“persunal ta’ EUTM Mozambique” għandha tfisser il-persunal ċivili u militari assenjat lil EUTM Mozambique kif ukoll il-persunal skjerat għat-tħejjija tal-missjoni u l-persunal li jivvjaġġa għal Stat Kontributur jew istituzzjoni tal-UE fil-qafas tal-missjoni, li jkunu jinsabu, ħlief kif previst mod ieħor f’dan il-Ftehim, fit-territorju tal-Istat Ospitanti, bl-eċċezzjoni tal-persunal impjegat lokalment u l-persunal impjegat minn kuntratturi kummerċjali internazzjonali; |
|
(g) |
“persunal impjegat lokalment” għandha tfisser membri tal-persunal li jkunu ċittadini tal-Istat Ospitanti jew residenti b’mod permanenti fih; |
|
(h) |
“faċilitajiet ta’ EUTM Mozambique” għandha tfisser il-bini, l-akkomodazzjoni u l-art kollha meħtieġa għal EUTM Mozambique u l-persunal ta’ EUTM Mozambique; |
|
(i) |
“Stat Kontributur” għandha tfisser Stat li jipprovdi kontinġent nazzjonali għal EUTM Mozambique. |
Artikolu 2
Dispożizzjonijiet ġenerali
1. EUTM Mozambique u l-persunal ta’ EUTM Mozambique għandhom jirrispettaw il-liġijiet u r-regolamenti tal-Istat Ospitanti u ma għandhom iwettqu l-ebda azzjoni jew attività inkompatibbli mal-objettivi tal-missjoni.
2. EUTM Mozambique għandha tinforma regolarment lill-Istat Ospitanti bin-numru ta’ membri tal-persunal ta’ EUTM Mozambique stazzjonati fit-territorju tal-Istat Ospitanti.
Artikolu 3
Identifikazzjoni
1. Meta jimxi minn post għal ieħor fl-Istat Ospitanti, il-persunal ta’ EUTM Mozambique għandu jġorr il-Karti tal-Identità rispettivi tiegħu, bħal passaporti jew dokumenti oħra ta’ identifikazzjoni pprovduti mill-Istat Ospitanti, u għandu jippreżentahom lill-awtoritajiet kull meta jintalab jagħmel dan.
2. Il-vetturi, l-inġenji tal-ajru, il-bastimenti u l-mezzi l-oħrajn ta’ trasport ta’ EUTM Mozambique għandu jkollhom fuqhom marki ta’ identifikazzjoni u/jew pjanċi tar-reġistrazzjoni distintivi ta’ EUTM Mozambique, li dwarhom l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Ospitanti għandhom ikunu notifikati.
3. EUTM Mozambique għandu jkollha d-dritt li turi l-bandiera tal-Unjoni Ewropea u marki bħal insinji militari, titli u simboli uffiċjali, fuq il-faċilitajiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn ta’ trasport tagħha. L-uniformijiet tal-persunal ta’ EUTM Mozambique għandu jkollhom emblema distintiva ta’ EUTM Mozambique. Il-bnadar jew l-insinji nazzjonali tal-kontinġenti nazzjonali li jikkostitwixxu l-missjoni jistgħu jkunu murija fuq il-faċilitajiet, il-vetturi u l-mezzi l-oħrajn ta’ trasport u l-uniformijiet ta’ EUTM Mozambique, skont id-deċiżjoni tal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE.
Artikolu 4
Qsim tal-fruntieri u moviment fit-territorju tal-Istat Ospitanti
1. Il-persunal ta’ EUTM Mozambique għandu jidħol fit-territorju tal-Istat Ospitanti biss billi jippreżenta passaport. Huwa għandu jkun eżenti mit-tariffi tal-viża, u l-ispezzjonijiet tal-immigrazzjoni, mingħajr preġudizzju għar-reġistrazzjoni tad-dħul u l-ħruġ u l-kontroll doganali mad-dħul, it-tluq jew fit-territorju tal-Istat Ospitanti.
2. Il-persunal ta’ EUTM Mozambique għandu jkun eżenti mir-regolamenti tal-Istat Ospitanti dwar ir-reġistrazzjoni u l-kontroll tal-barranin, iżda ma għandu jikseb l-ebda dritt għal residenza jew domiċilju permanenti fit-territorju tal-Istat Ospitanti.
3. L-assi u l-mezzi ta’ trasport ta’ EUTM Mozambique li jidħlu fit-territorju tal-Istat Ospitanti jew jgħaddu jew joħorġu minnu b’appoġġ għall-missjoni għandhom ikunu eżenti minn kwalunkwe rekwiżit li jipproduċu inventarji jew dokumentazzjoni oħra doganali, u minn kwalunkwe spezzjoni.
4. Il-persunal ta’ EUTM Mozambique jista’ jsuq vetturi bil-mutur u jħaddem inġenji tal-ajru fit-territorju tal-Istat Ospitanti bil-kundizzjoni li jkollu liċenzji tas-sewqan jew liċenzji ta’ bdot nazzjonali, internazzjonali jew militari validi, kif meħtieġ. L-Istat Ospitanti għandu jaċċetta bħala validi, mingħajr taxxa jew ħlas, liċenzji jew permessi tas-sewqan li jkun qed iġorr il-persunal ta’ EUTM Mozambique.
5. Għall-fini tal-missjoni, l-Istat Ospitanti għandu jagħti lil EUTM Mozambique u lill-persunal ta’ EUTM Mozambique l-libertà tal-moviment u tal-ivvjaġġar fit-territorju tiegħu, inkluż fl-ispazju tal-ajru tiegħu.
6. Għall-fini tal-missjoni, EUTM Mozambique tista’ twettaq fit-territorju tal-Istat Ospitanti, inkluż fl-ispazju tal-ajru tagħha, kwalunkwe eżerċizzju jew prattika bl-armi.
7. Għall-fini tal-missjoni, EUTM Mozambique tista’ tuża toroq pubbliċi, pontijiet, vapuri u ajruporti mingħajr il-ħlas ta’ dazji, tariffi, pedaġġi, taxxi u ħlasijiet simili. EUTM Mozambique ma għandhiex tkun eżenti minn ħlasijiet raġonevoli għas-servizzi mitluba u mwettqa, bil-kundizzjonijiet li japplikaw għal dawk mogħtija għall-forzi armati tal-Istat Ospitanti.
Artikolu 5
Privileġġi u immunitajiet ta’ EUTM Mozambique mogħtija mill-Istat Ospitanti
1. Il-faċilitajiet ta’ EUTM Mozambique għandhom ikunu invjolabbli. L-aġenti tal-Istat Ospitanti għandhom jidħlu fil-bini biss bil-kunsens tal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE.
2. Il-faċilitajiet ta’ EUTM Mozambique, it-tagħmir tagħhom u l-assi l-oħra fihom kif ukoll il-mezzi ta’ trasport tagħha għandu jkollhom immunità minn kull tfittxija, rekwiżizzjoni, sekwestru jew eżekuzzjoni.
3. EUTM Mozambique, il-proprjetà u l-assi tagħha, kull fejn jinsabu u fil-pussess ta’ kull minn ikun, għandhom igawdu l-immunità minn kull forma ta’ proċess legali.
4. L-arkivji u d-dokumenti ta’ EUTM Mozambique għandhom ikunu dejjem invjolabbli, kull fejn ikunu.
5. Il-korrispondenza uffiċjali ta’ EUTM Mozambique għandha tkun invjolabbli. Korrispondenza uffiċjali tfisser kull korrispondenza relatata mal-missjoni u l-funzjonijiet tagħha.
6. Fir-rigward tal-merkanzija mixtrija u importata, is-servizzi pprovduti u l-faċilitajiet użati minn EUTM Mozambique għall-finijiet tal-missjoni, EUTM Mozambique, kif ukoll dawk tal-fornituri jew il-kuntratturi tagħha li mhumiex ċittadini tal-Istat Ospitanti, għandhom ikunu eżentati mill-imposti, it-taxxi u l-ħlasijiet simili kollha nazzjonali, reġjonali u komunali. EUTM Mozambique ma għandhiex tkun eżentata mill-imposti, it-taxxi jew il-ħlasijiet li jirrappreżentaw ħlas għal servizzi mogħtija.
7. L-Istat Ospitanti għandu jawtorizza d-dħul ta’ oġġetti, vetturi militari, tagħmir militari u prodotti għall-missjoni u jagħtihom eżenzjoni mid-dazji doganali, it-tariffi, il-pedaġġi, it-taxxi u l-ħlasijiet simili kollha, ħlief għall-ħlasijiet għal ħżin, trasport u servizzi mogħtija oħrajn.
Artikolu 6
Privileġġi u immunitajiet tal-persunal ta’ EUTM Mozambique mogħtija mill-Istat Ospitanti
1. Il-persunal ta’ EUTM Mozambique ma għandu jkun soġġett għal ebda forma ta’ arrest jew detenzjoni.
2. Id-dokumenti, il-korrispondenza u l-proprjetà tal-persunal ta’ EUTM Mozambique għandhom ikunu invjolabbli, ħlief fil-każ ta’ miżuri ta’ eżekuzzjoni li huma permessi skont il-paragrafu 6.
3. Il-persunal ta’ EUTM Mozambique għandu jgawdi immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-Istat Ospitanti f’kull ċirkostanza.
4. L-immunità mill-ġuriżdizzjoni kriminali tal-persunal ta’ EUTM Mozambique tista’ titneħħa mill-Istat Kontributur jew l-istituzzjoni tal-UE kkonċernata, skont il-każ. Din it-tneħħija trid dejjem tkun espliċita.
5. Il-persunal ta’ EUTM Mozambique għandu jgawdi immunità mill-ġuriżdizzjoni ċivili u amministrattiva tal-Istat Ospitanti fir-rigward tal-kliem li jgħid jew jikteb u l-atti kollha li jwettaq fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Jekk jitressaq xi proċediment ċivili kontra membru tal-persunal ta’ EUTM Mozambique quddiem kwalunkwe qorti tal-Istat Ospitanti, il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE u l-awtorità kompetenti tal-Istat Kontributur jew tal-istituzzjoni tal-UE għandhom jiġu notifikati minnufih. Qabel il-bidu tal-proċediment quddiem il-qorti, il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE u l-awtorità kompetenti tal-Istat Kontributur jew tal-istituzzjoni tal-UE għandhom jiċċertifikaw lill-qorti jekk l-att inkwistjoni kienx twettaq mill-membru tal-persunal ta’ EUTM Mozambique fil-qadi tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu.
6. Jekk l-att ikun twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment ma għandux jinbeda u għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15. Jekk l-att ma jkunx twettaq fil-qadi ta’ funzjonijiet uffiċjali, il-proċediment jista’ jitkompla. Iċ-ċertifikazzjoni mill-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE u l-awtorità kompetenti tal-Istat Kontributur jew l-istituzzjoni tal-UE hija vinkolanti fuq il-ġuriżdizzjoni tal-Istat Ospitanti, li ma jistax jikkontestaha.
7. Il-bidu ta’ proċedimenti mill-persunal ta’ EUTM Mozambique għandu jipprekludih milli jinvoka l-immunità mill-ġuriżdizzjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe kontrotalba relatata direttament mat-talba prinċipali.
8. Il-persunal ta’ EUTM Mozambique mhuwiex obbligat li jagħti evidenza bħala xhieda.
9. L-ebda miżura ta’ eżekuzzjoni ma tista’ tittieħed fir-rigward tal-persunal ta’ EUTM Mozambique, ħlief fil-każ li jinfetaħ kontrih proċediment ċivili mhux relatat mal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu. Il-proprjetà tal-persunal ta’ EUTM Mozambique, li tkun iċċertifikata mill-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE bħala meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet uffiċjali tiegħu, għandha tkun ħielsa mis-sekwestru għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza, deċiżjoni jew ordni. Fi proċedimenti ċivili, il-persunal ta’ EUTM Mozambique ma għandu jkun soġġett għal ebda restrizzjoni fuq il-libertà personali tiegħu u għal ebda miżura oħra ta’ kostrinġiment.
10. L-immunità tal-persunal ta’ EUTM Mozambique mill-ġuriżdizzjoni tal-Istat Ospitanti ma teżentahx mill-ġuriżdizzjonijiet tal-Istati Kontributuri rispettivi.
11. Il-persunal ta’ EUTM Mozambique għandu fir-rigward tas-servizzi mwettqa għal EUTM Mozambique jkun eżentat mid-dispożizzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jistgħu jkunu fis-seħħ fl-Istat Ospitanti.
12. Il-persunal ta’ EUTM Mozambique għandu jkun eżentat minn kwalunkwe forma ta’ tassazzjoni fl-Istat Ospitanti fuq is-salarju u l-emolumenti mħallsa lilu minn EUTM Mozambique jew mill-Istati Kontributuri, kif ukoll fuq kwalunkwe introjtu li jirċievi minn barra l-Istat Ospitanti.
13. Il-membri tal-persunal ta’ EUTM Mozambique għandhom ikunu soġġetti għall-ħlas ta’ dazji doganali, taxxi, u ħlasijiet relatati fuq oġġetti għall-użu personali tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ oġġetti diġà fil-pussess tagħhom mad-dħul fit-territorju tal-Istat Ospitanti u provvisti essenzjali. Mhumiex eżentati mill-ħlas ta’ tariffi għal ħżin, trasport u servizzi simili għall-użu personali tagħhom.
14. Il-bagalji personali tal-persunal ta’ EUTM Mozambique għandhom ikunu eżentati mill-ispezzjoni, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet serji li għalihom wieħed jemmen li jkun fihom oġġetti u affarijiet li mhumiex għall-użu personali tal-persunal ta’ EUTM Mozambique, jew oġġetti li l-importazzjoni jew l-esportazzjoni tagħhom hi pprojbita mil-liġi jew ikkontrollata mir-regolamenti ta’ kwarantina tal-Istat Ospitanti. Tali spezzjoni għandha ssir biss fil-preżenza tal-membru tal-persunal ta’ EUTM Mozambique kkonċernat jew ta’ rappreżentant awtorizzat ta’ EUTM Mozambique.
Artikolu 7
Persunal impjegat lokalment
Il-persunal impjegat lokalment għandu jgawdi privileġġi u immunitajiet biss sa fejn dan ikun permess mill-Istat Ospitanti. Madankollu, l-Istat Ospitanti għandu jeżerċita l-ġuriżdizzjoni tiegħu fuq dak il-persunal b’tali mod li ma jfixkilx eċċessivament it-twettiq tal-funzjonijiet ta’ EUTM Mozambique.
Artikolu 8
Ġuriżdizzjoni kriminali
L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Kontributur għandu jkollhom id-dritt jeżerċitaw fit-territorju tal-Istat Ospitanti s-setgħat kollha ta’ ġuriżdizzjoni kriminali u dixxiplinarji mogħtija lilhom mil-liġi tal-Istat Kontributur fir-rigward tal-persunal kollu ta’ EUTM Mozambique.
Artikolu 9
Uniformi u armi
1. L-ilbies tal-uniformi għandu jkun soġġett għal regoli adottati mill-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE.
2. Għall-finijiet tal-missjoni, soġġett għall-awtorizzazzjoni mill-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE, il-persunal ta’ EUTM Mozambique għandu jkollu d-dritt li jġorr armi u munizzjon.
3. Il-lista tal-persunal ta’ EUTM Mozambique maħtur u awtorizzat mill-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE li jġorr armi tan-nar u munizzjon, inkluż it-trasport tagħhom, għandha tiġi kkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Mozambique.
Artikolu 10
Appoġġ mill-Istat Ospitanti u kuntratti
1. L-Istat Ospitanti jaqbel, jekk mitlub, li jgħin lil EUTM Mozambique biex jinstabu faċilitajiet adatti.
2. L-Istat Ospitanti għandu jipprovdi, mingħajr ħlas, faċilitajiet li tagħhom ikun is-sid, sa fejn dawn il-faċilitajiet ikunu meħtieġa għat-twettiq tal-attivitajiet amministrattivi u operazzjonali ta’ EUTM Mozambique.
3. Fil-limiti tal-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, l-Istat Ospitanti għandu jgħin fit-tħejjija, l-istabbiliment u t-twettiq tal-missjoni u l-appoġġ għaliha.
4. L-għajnuna u l-appoġġ għall-missjoni mill-Istat Ospitanti għandhom jingħataw bl-istess kundizzjonijiet bħall-għajnuna u l-appoġġ mogħtijin lill-forzi armati tal-Istat Ospitanti.
5. Il-liġi applikabbli għall-kuntratti konklużi minn EUTM Mozambique fl-Istat Ospitanti għandha tiġi determinata mill-kuntratt.
6. Il-kuntratt jista’ jistipula li l-proċedura tar-riżoluzzjoni tat-tilwim imsemmija fl-Artikolu 15(3) u (4) għandha tkun applikabbli għat-tilwim li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-kuntratt.
7. L-Istat Ospitanti għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-kuntratti konklużi minn EUTM Mozambique ma’ entitajiet kummerċjali għall-finijiet ta’ EUTM Mozambique.
Artikolu 11
Bidla għall-faċilitajiet
1. L-Istat Ospitanti jista’ jawtorizza lil EUTM Mozambique biex tibni, tibdel jew b’mod ieħor timmodifika l-faċilitajiet kif mitlub għall-ħtiġijiet operattivi tagħha.
2. L-Istat Ospitanti ma għandu jitlob lil EUTM Mozambique ebda kumpens għal dan il-bini, tibdil jew modifiki.
Artikolu 12
Persunal deċedut ta’ EUTM Mozambique
1. Il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għandu jkollu d-dritt li jieħu f’idejh, u li jagħmel l-arranġamenti adatti, għar-ripatrijazzjoni ta’ kwalunkwe membru tal-persunal ta’ EUTM Mozambique deċedut, kif ukoll tal-proprjetà personali tiegħu.
2. Ma għandha ssir l-ebda awtopsja fuq ebda membru deċedut ta’ EUTM Mozambique mingħajr il-qbil tal-Istat ikkonċernat u l-preżenza ta’ rappreżentant ta’ EUTM Mozambique u/jew tal-Istat ikkonċernat, kif ukoll il-persunal mediku tal-Istat Ospitanti.
3. L-Istat Ospitanti u EUTM Mozambique għandhom jikkooperaw kemm jista’ jkun possibbli bil-ħsieb tar-ripatrijazzjoni bikrija tal-membru tal-persunal deċedut ta’ EUTM Mozambique.
Artikolu 13
Sigurtà ta’ EUTM Mozambique u pulizija militari
1. L-Istat Ospitanti għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura s-sikurezza u s-sigurtà ta’ EUTM Mozambique u l-persunal ta’ EUTM Mozambique. Kwalunkwe dispożizzjoni proposta mill-Istat Ospitanti għandha tiġi maqbula mal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE qabel ma tiġi implimentata. L-Istat Ospitanti jista’ jipprovdi sigurtà addizzjonali għall-protezzjoni tal-persunal ta’ EUTM Mozambique, kull meta s-sitwazzjoni titlob dan, u fuq talba mill-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE.
2. EUTM Mozambique hija awtorizzata li tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-faċilitajiet tagħha, inkluż dawk użati għat-taħriġ, minn kwalunkwe attakk jew intrużjoni esterna.
3. EUTM Mozambique għandha tkun awtorizzata tieħu l-miżuri meħtieġa fit-territorju tal-Istat Ospitanti f’dan il-kuntest, inkluż l-użu tal-forza neċessarja u proporzjonata, biex tipproteġi lill-persunal ta’ EUTM Mozambique, biex tipproteġi l-bini, il-vetturi u l-assi tagħha kontra atti li jistgħu jipperikolaw il-ħajja tal-persunal ta’ EUTM Mozambique jew li jistgħu jikkawżawlhom ħsara fiżika, u, fejn meħtieġ, biex tipproteġi fl-istess ħin lil persuni oħra li jiffaċċaw l-istess theddida fil-viċinanza immedjata tal-missjoni minn atti li jipperikolaw ħajjet dawn il-persuni jew li x’aktarx jikkaġunawlhom ħsara fiżika serja.
4. Il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE jista’ jistabbilixxi unità ta’ pulizija militari sabiex tinżamm l-ordni fil-faċilitajiet ta’ EUTM Mozambique.
5. L-unità tal-pulizija militari tista’ wkoll, f’konsultazzjoni u kooperazzjoni mal-pulizija militari jew il-pulizija tal-Istat Ospitanti, taġixxi barra minn dawk il-faċilitajiet biex tiżgura li jinżammu l-ordni u d-dixxiplina fost il-persunal ta’ EUTM Mozambique.
Artikolu 14
Komunikazzjoni
1. EUTM Mozambique tista’ tinstalla u topera stazzjonijiet tar-radju emittenti u riċeventi, kif ukoll sistemi satellitari. Hija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti bil-ħsieb li jiġu evitati l-konflitti fl-użu tal-frekwenzi adatti. L-Istat Ospitanti għandu jagħti aċċess mingħajr ħlas għall-ispettru tal-frekwenzi.
2. EUTM Mozambique għandha tgawdi d-dritt għal komunikazzjoni bir-radju (inkluż radju satellitari, mobbli jew tal-idejn), bit-telefon, bit-telegrafu, bil-fax u b’mezzi oħrajn, kif ukoll id-dritt li tistalla t-tagħmir meħtieġ għaż-żamma ta’ tali komunikazzjoni fi u bejn il-Faċilitajiet ta’ EUTM Mozambique, inkluż it-tqegħid ta’ cables u linji fissi, għall-fini tal-missjoni.
3. Fil-faċilitajiet tagħha stess EUTM Mozambique tista’ tagħmel l-arranġamenti meħtieġa sabiex titwassal il-posta indirizzata lil jew minn EUTM Mozambique u/jew il-persunal ta’ EUTM Mozambique.
Artikolu 15
Talbiet ta’ indennizz f’każ ta’ mewt, korriment, dannu u telf
1. EUTM Mozambique u l-persunal ta’ EUTM Mozambique ma għandhomx ikunu responsabbli għal kwalunkwe dannu jew telf ta’ proprjetà ċivili jew tal-gvern li jkunu relatati mal-ħtiġijiet operattivi jew ikkawżati minn attivitajiet marbutin ma’ disturbi ċivili jew il-protezzjoni ta’ EUTM Mozambique.
2. Bil-ħsieb li tintlaħaq soluzzjoni bonarja, talbiet għal indennizz għal dannu fi, jew telf ta’, proprjetà ċivili jew tal-gvern mhux koperti mill-paragrafu 1, kif ukoll talbiet għal indennizz għal mewt jew korriment ta’ persuni u għal dannu jew telf ta’ proprjetà ta’ EUTM Mozambique, għandhom jintbagħtu lil EUTM Mozambique permezz tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti, sa fejn ikunu kkonċernati talbiet għal indennizz imressqa minn persuni ġuridiċi jew fiżiċi mill-Istat Ospitanti, jew lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti, sa fejn ikunu kkonċernati talbiet għal indennizz imressqa minn EUTM Mozambique.
3. Fejn ma tistax tinstab soluzzjoni bonarja, it-talba għandha tintbagħat lil kummissjoni għat-talbiet ta’ indennizz magħmula fuq bażi ugwali minn rappreżentanti ta’ EUTM Mozambique u rappreżentanti tal-Istat Ospitanti. Is-soluzzjonijiet tat-talbiet għandhom jintlaħqu bi qbil komuni.
4. Meta ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni fil-kummissjoni ta’ indennizz, it-tilwima għandha:
|
(a) |
għal talbiet ta’ EUR 40 000 jew inqas, tiġi riżolta b’mezzi diplomatiċi bejn l-Istat Ospitanti u rappreżentanti tal-UE; |
|
(b) |
għal talbiet ’il fuq mill-ammont imsemmi fil-punt (a), titressaq quddiem tribunal ta’ arbitraġġ, li d-deċiżjonijiet tagħha għandhom ikunu vinkolanti. |
5. It-tribunal ta’ arbitraġġ għandu jkun kompost minn tliet arbitri, fejn wieħed minnhom ikun maħtur mill-Istat Ospitanti, ieħor ikun maħtur minn EUTM Mozambique u t-tielet wieħed ikun maħtur mill-Istat Ospitanti u EUTM Mozambique flimkien. Jekk waħda mill-partijiet ma taħtarx arbitru fi żmien xahrejn jew jekk ma jistax jintlaħaq qbil bejn l-Istat Ospitanti u EUTM Mozambique dwar il-ħatra tat-tielet arbitru, l-arbitru inkwistjoni għandu jinħatar mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
6. Għandu jiġi konkluż arranġament amministrattiv bejn EUTM Mozambique u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Ospitanti sabiex jiġu determinati t-termini ta’ referenza tal-kummissjoni għal talbiet ta’ indennizz u tat-tribunal, il-proċedura applikabbli fi ħdan dawn l-organi u l-kundizzjonijiet li bihom għandhom jiġu ppreżentati t-talbiet.
Artikolu 16
Kuntatt, ftehimiet bonarji u tilwim
1. Il-kwistjonijiet kollha b’rabta mal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandhom jiġu eżaminati b’mod konġunt mir-rappreżentanti ta’ EUTM Mozambique u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Ospitanti.
2. Jekk ma jkunx hemm soluzzjoni minn qabel, it-tilwim rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim għandu jiġi solvut esklużivament b’mezzi diplomatiċi bejn l-Istat Ospitanti u r-rappreżentanti tal-UE.
Artikolu 17
Dispożizzjonijiet oħrajn
1. Kull meta dan il-Ftehim jirreferi għall-privileġġi, l-immunitajiet u d-drittijiet ta’ EUTM Mozambique u tal-persunal ta’ EUTM Mozambique, l-Istat Ospitanti għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom u għall-konformità magħhom min-naħa tal-awtoritajiet lokali rilevanti tal-Istat Ospitanti.
2. L-ebda parti minn dan il-Ftehim ma hi maħsuba jew ma għandha tinftiehem li tidderoga minn xi drittijiet li jistgħu jkunu marbuta ma’ Stat Membru tal-UE jew kwalunkwe Stat ieħor li jikkontribwixxi għal EUTM Mozambique permezz ta’ xi ftehimiet oħrajn.
Artikolu 18
Arranġamenti ta’ implimentazzjoni
Għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim, il-kwistjonijiet operattivi, amministrattivi u tekniċi jistgħu jkunu s-suġġett ta’ arranġamenti separati li jiġu konklużi bejn il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE u l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istat Ospitanti.
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ u terminazzjoni
1. Dan il-Ftehim għandu jidħol fis-seħħ fil-jum meta jiġi ffirmat u għandu jibqa’ fis-seħħ sad-data tat-tluq tal-aħħar element ta’ EUTM Mozambique u tal-aħħar membru tal-persunal ta’ EUTM Mozambique, kif innotifikat minn EUTM Mozambique, li għandu jseħħ f’perjodu raġonevoli miftiehem bejn il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE u l-Istat Ospitanti.
2. Minkejja l-paragrafu 1, dan il-Ftehim għandu jitqies li jkun applika mid-data li fiha jkun ġie skjerat l-ewwel persunal ta’ EUTM Mozambique.
3. Dan il-Ftehim jista’ jiġi emendat permezz ta’ ftehim bil-miktub bejn il-Partijiet.
4. It-terminazzjoni ta’ dan il-Ftehim ma għandhiex taffettwa d-drittijiet jew l-obbligi li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ dan il-Ftehim qabel tali terminazzjoni.
Dan il-Ftehim huwa magħmul f’żewġ kopji bl-Ingliż u bil-Portugiż, biż-żewġ testi ugwalment awtentiċi. F'każ ta’ kwalunkwe tilwima jew diskrepanza bejn iż-żewġ verżjonijiet, għandha tipprevali l-verżjoni Ingliża.
ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2024/2552/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)