DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

9 ta’ Jannar 2024 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Acte éclairé – Deċiżjoni 2006/928/KE – Mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verifika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni – Natura u effetti ġuridiċi – Natura obbligatorja għar-Rumanija – Effett dirett tal-punti ta’ riferiment – Obbligu li tiġi miġġielda l-korruzzjoni b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, il-korruzzjoni f’livell għoli – Obbligu li jiġu previsti sanzjonijiet kriminali dissważivi u effettivi – Terminu ta’ preskrizzjoni għal responsabbiltà kriminali – Sentenza ta’ qorti kostituzzjonali li invalidat dispożizzjoni nazzjonali li tirregola r-raġunijiet għall-interruzzjoni ta’ dan it-terminu – Riskju sistematiku ta’ impunità – Prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege – Rekwiżiti ta’ prevedibbiltà u ta’ preċiżjoni tal-liġi kriminali – Applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitior) – Prinċipju ta’ ċertezza legali – Standard nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali – Obbligu għall-qrati ta’ Stat Membru li jħallu mhux applikati deċiżjonijiet tal-Qorti Kostituzzjonali u/jew tal-qorti suprema ta’ dak l-Istat Membru f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mad-dritt tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑131/23,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Marzu 2023, fil-proċedura kriminali kontra

C.A.A.,

C.V.,

fil-preżenza ta’:

Parchetul de pe lângă Înalta Curte de Casaţie şi Justiţie – Direcţia Naţională Anticorupţie – Serviciul Teritorial Braşov,

Unitatea Administrativ Teritorială Judeţul Braşov,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn O. Spineanu-Matei, Presidenta tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tad-Disa’ Awla, u L. S. Rossi, Imħallef,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 325(1) TFUE, tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni li saret fuq il-bażi ta’ l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata fi Brussell fis‑26 ta’ Lulju 1995 u annessa mal-Att tal-Kunsill tas‑26 ta’ Lulju 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 8, p. 57, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni PIF”), tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni (ĠU 2007, L 142M, p. 825), kif ukoll tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ appelli straordinarji ppreżentati minn C.A.A. u C.V., intiżi għall-annullament tal-kundanna definittiva tagħhom għal reati ta’ eżerċitar ta’ influwenza, ta’ korruzzjoni passiva u ta’ abbuż tal-kariga, fir-rigward ta’ C.A.A., u ta’ abbuż tal-kariga, fir-rigward ta’ C.V.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

3

Id-Deċiżjoni 2006/928 ġiet adottata, fil-kuntest tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea prevista għall‑1 ta’ Jannar 2007, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikoli 37 u 38 tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u l-aġġustamenti lit-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 203), li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2007.

4

Il-premessi 1 sa 6 u 9 ta’ din id-deċiżjoni huma fformulati kif ġej:

“1.

L-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq l-istat ta’ dritt, prinċipju komuni għall-Istati Membri kollha.

2.

Il-qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja u s-suq intern, maħluq mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, huma bbażati fuq il-fiduċja reċiproka li d-deċiżjonijiet amministrattivi u ġudizzjarji u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri kollha jirrispettaw b’mod sħiħ l-istat ta’ dritt.

3.

Dan jimplika għall-Istati Membri kollha l-eżistenza ta’ sistema ġudizzjarja u amministrattiva imparzjali, indipendenti w effettiva mgħammra b’mod xieraq, inter alia, sabiex tiġġieled il-korruzzjoni.

4.

Fl-1 ta’ Jannar 2007, ir-Rumanija se ssir membru ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni [Ewropea], filwaqt li tinnota l-isforzi konsiderevoli sabiex jitlestu l-preparazzjonijiet tar-Rumanija għas-sħubija, identifikat kwistjonijiet pendenti fir-Rapport tagħha tas-26 ta’ Settembru 2006, b’mod partikolari l-kontabilità u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u l-entitajiet ta’ l-infurzar tal-liġi, fejn hemm bżonn ta’ aktar progress sabiex tiġi assigurata l-kapaċità tagħhom sabiex jimplimentaw u japplikaw il-miżuri adottati sabiex jiġu mwaqqafa s-suq intern u l-qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja.

5.

L-Artikolu 37 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni jagħti setgħa lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri xierqa f’każ ta’ riskju imminenti li r-Rumanija tikkawża ksur fil-funzjoni tas-suq intern b’nuqqas li jiġu implimentati l-impenji li ntrabtet bihom. L-Artikolu 38 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni jagħti setgħa lill-Kummissjoni sabiex tieħu miżuri xierqa f’każ imminenti ta’ nuqqasijiet serji mir-Rumanija fit-traspożizzjoni, l-istat ta’ implimentazzjoni, jew l-applikazzjoni ta’ atti adottati taħt it-Titolu VI tat-Trattat ta’ l-UE u ta’ l-atti adottati taħt it-Titolu IV tat-Trattat tal-KE.

6.

Il-kwistjonijiet li għad fadal fil-kontabilità u l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u l-entitajiet ta’ l-infurzar jiġġustifikaw it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għal kooperazzjoni u verifika tal-progress tar-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

[…]

9.

Id-Deċiżjoni preżenti għandha tiġi emendata jekk il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tkun indika bżonn ta’ aġġustament fil-punti ta’ riferiment. Id-Deċiżjoni preżenti għandha titħassar meta il-punti ta’ riferiment kollha jiġu mwettqa b’mod sodisfaċenti.”

5

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2006/928 jipprevedi:

“Ir-Rumanija għandha, sal‑31 ta’ Marzu ta’ kull sena, u għall-ewwel darba mhux aktar tard mill‑31 ta’ Marzu 2007, tirraporta lill-Kummissjoni dwar il-progress magħmul fl-indirizzar tal-punti ta’ riferiment kollha pprovduti fl-Anness.

Il-Kummisjoni tistà, f’kull ħin, tipprovdi assistenza teknika permezz ta’ attivitajiet differenti jew tiġbor u tpartat informazzjoni dwar il-punti ta’ riferiment. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tistà, f’kull ħin, torganizza missjonijiet ta’ l-esperti lejn ir-Rumanija għal dan l-iskop. L-awtoritajiet Rumeni għandhom jagħtu l-appoġġ neċessarju f’dan il-kuntest.”

6

L-anness tal-istess deċiżjoni huwa fformulat kif ġej:

“Punti ta’ riferiment li għandhom jiġu indirizzati mir-Rumanija, imsemmija f’Artikolu 1:

1.

Tassigura proċess ġudizzjarju aktar trasparenti u effiċjenti partikolarment billi jiġu mtejba l-kapaċità u l-kontabilità tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura. Tirraporta u tissorvelja l-impatt tal-kodiċi ġodda tal-proċeduri ċivili u penali.

2.

Tistabbilixxi, kif previst, aġenzija ta’ integrità b’responsabbiltajiet ta’ verifikar ta’ assi, inkompatibbiltajiet u kunflitti potenzjali ta’ interess, u sabiex tagħti deċiżjonijiet mandatorji abbażi ta’ liema jistgħu jingħataw sanzjonijiet ta’ deterrent.

3.

Tibni fuq il-progress li diġà sar, tkompli tagħmel investigazzjonijiet professjonali u mhux partiġjani dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli.

4.

Tieħu aktar miżuri sabiex timpedixxi u tiġġieled il-korruzzjoni, b’mod partikolari fi ħdan il-gvern lokali.”

Id‑dritt Rumen

Il‑Kostituzzjoni Rumena

7

Il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli (lex mitior) huwa stabbilit fl-Artikolu 15(2) tal-Constituția României (il-Kostituzzjoni Rumena), li jipprovdi “l-liġi għandha tapplika biss għall-futur, bl-eċċezzjoni tal-liġi kriminali jew penali l-iktar favorevoli”.

8

L-Artikolu 147(1) u (4) tal-Kostituzzjoni Rumena jgħid:

“1.   Id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet u tad-digrieti fis-seħħ, kif ukoll dawk tar-regolamenti, li jitqiesu antikostituzzjonali ma jibqgħux jipproduċu l-effetti legali tagħhom ħamsa u erbgħin jum wara l-pubblikazzjoni tas-sentenza tal-Curtea Constituțională [(il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija)], sakemm, matul dan il-perijodu, il-Parlament jew il-Gvern, skont il-każ, ma jarmonizzax id-dispożizzjonijiet antikostituzzjonali ma’ dawk tal-Kostituzzjoni. Matul dan il-perijodu, id-dispożizzjonijiet meqjusa bħala antikostituzzjonali huma awtomatikament sospiżi.

[…]

4.   Id-deċiżjonijiet tal-Curtea Constituțională [(il-Qorti Kostituzzjonali)] għandhom jiġu ppubblikati fil-Monitorul Oficial al României. Ġeneralment ikunu obbligatorji b’mod ġenerali mid-data tal-pubblikazzjoni tagħhom u jkollhom biss effetti għall-futur.”

Il‑Leġiżlazzjoni Kriminali

9

Fl‑1 ta’ Frar 2014, il-Legea nr. 286/2009, privind Codul penal (il-Liġi Nru 286/2009 dwar il-Kodiċi Kriminali), tas‑17 ta’ Lulju 2009 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 510 tal‑24 ta’ Lulju 2009, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Kriminali”), daħlet fis-seħħ.

10

Il-portata tal-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli (lex mitior), li huwa stabbilit fl-Artikolu 15(2) tal-Kostituzzjoni Rumena, hija speċifikata fl-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi Kriminali, li jipprovdi:

“F’każ li mit-twettiq tal-att kriminali sakemm tingħata s-sentenza finali tkun ġiet ippromulgata liġi kriminali waħda jew iktar, għandha tapplika l-iktar liġi favorevoli.”

11

L-Artikolu 154(1) tal-Kodiċi Ċivili jipprevedi:

“It-termini ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali huma ta’:

a)

15-il sena, fejn ir-reat imwettaq huwa punibbli bil-liġi bi priġunerija għall-għomor jew b’terminu ta’ priġunerija ta’ iktar minn 20 sena;

b)

10 snin, fejn ir-reat imwettaq huwa punibbli bil-liġi b’terminu ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn 10 snin u mhux iktar minn 20 sena;

c)

8 snin, fejn ir-reat imwettaq huwa punibbli bil-liġi b’terminu ta’ priġunerija ta’ mhux inqas minn 5 snin u mhux iktar minn 10 snin;

d)

5 snin, fejn ir-reat imwettaq huwa punibbli bil-liġi b’terminu ta’ priġunerija ta’ iktar minn sena iżda mhux iktar minn 5 snin;

e)

3 snin, fejn ir-reat imwettaq huwa punibbli bil-liġi b’terminu ta’ priġunerija ta’ inqas minn sena jew b’multa.”

12

Qabel id-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Kriminali, id-dispożizzjoni li tirregola l-interruzzjoni tat-termini ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali kienet tipprevedi dan li ġej:

“Kwalunkwe att imwettaq f’kawża li, konformement mal-liġi, għandu jiġi kkomunikat lill-persuna ssuspettata jew akkużata matul il-proċedura kriminali jinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni previst fl-Artikolu 122.”

13

Fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mil-Liġi Nru 286/2009, l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali kien jipprovdi:

“Kwalunkwe att ta’ proċedura mwettaq f’kawża jinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.”

14

Dan l-Artikolu 155(1) ġie emendat kif ġej mill-Ordonanța de urgență a Guvernului nr. 71/2022 pentru modificarea articolului 155 alineatul (1) din Legea nr. 286/2009 privind Codul penal (id-Digriet b’Urġenza tal-Gvern Nru 71/2022 li jemenda l-Artikolu 155(1) tal-Liġi Nru 286/2009 dwar il-Kodiċi Kriminali) tat‑30 ta’ Mejju 2022 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 531 tat‑30 ta’ Mejju 2022, iktar ’il quddiem l-“OUG Nru 71/2022”):

“Kwalunkwe att ta’ proċedura mwettaq f’kawża li, konformement mal-liġi, għandu jiġi kkomunikat lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata jinterrompi t-terminu tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.”

15

L-Artikolu 426 tal-Legea nr. 135/2010 privind Codul de procedură penală (il-Liġi Nru 135/2010 dwar il-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali) tal‑1 ta’ Lulju 2010 (Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 486 tal‑15 ta’ Lulju 2010), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għat-tilwima fil-kawżi prinċipali, intitolat “Każijiet li fihom jista’ jiġi ppreżentat appell straordinarju għal annullament”, jipprevedi, fil-punt (b) tiegħu:

“Jista’ jiġi ppreżentat appell straordinarju għal annullament kontra s-sentenzi finali fi proċeduri kriminali fil-każijiet li ġejjin:

[…]

b)

meta l-akkużat ġie kkundannat, minkejja li kienu jeżistu provi dwar l-eżistenza ta’ raġuni għall-għeluq tal-proċedura kriminali.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

Permezz ta’ sentenza kriminali tat‑30 ta’ April 2020 tat-Tribunalul Brașov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Brașov, ir-Rumanija), li saret definittiva wara sentenza kriminali tal-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov, ir-Rumanija) tal‑1 ta’ Frar 2022, C.A.A. u C.V. instabu ħatja, rispettivament, C.A.A. ta’ korruzzjoni passiva, ta’ eżerċitar ta’ influwenza u ta’ abbuż tal-kariga, filwaqt li C.V. instab ħati ta’ abbuż tal-kariga, b’rabta mal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fir-Rumanija. C.A.A. ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ seba’ snin u għaxar xhur flimkien ma’ piena addizzjonali ta’ projbizzjoni li jeżerċita ċerti drittijiet għal perijodu ta’ 5 snin. C.V. ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ sentejn sospiża għal perijodu ta’ tliet snin.

17

Fl‑1 ta’ Frar 2022, abbażi tad-deċiżjoni ta’ kundanna, it-Tribunalul Brașov (il-Qorti tal-Kontea ta’ Brașov) ħarġet mandat ta’ eżekuzzjoni tal-piena ta’ priġunerija mogħtija kontra C.A.A.

18

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju ssemmi ġurisprudenza nazzjonali dwar l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-Liġi Nru 286/2009, li jista’ jkollha effett determinanti fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

19

Din il-qorti tindika, l-ewwel, li l-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), permezz tas-sentenza tagħha Nru 297 tas‑26 ta’ April 2018, ippubblikata fil‑25 ta’ Ġunju 2018 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali)”) laqgħet eċċezzjoni ta’ inkostituzzjonalità li tirrigwarda din id-dispożizzjoni sa fejn din kienet tipprevedi l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali bit-twettiq ta’ “kwalunkwe att ta’ proċedura”.

20

Il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) irrilevat b’mod partikolari li l-imsemmija dispożizzjoni kienet nieqsa minn prevedibbiltà u li din kienet tikser il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li l-espressjoni “kwalunkwe att ta’ proċedura” kienet tkopri wkoll l-atti li ma kinux ikkomunikati lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata, u b’dan il-mod tkun prekluża milli jkollha għarfien taċ-ċirkustanza li kien beda jiddekorri terminu ġdid ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tagħha.

21

Hija kkonstatat ukoll li l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali, fil-verżjoni tiegħu preċedenti għad-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 286/2009, kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ prevedibbiltà imposti mid-dispożizzjonijiet Kostituzzjonali rilevanti, għaliex dan kien jipprevedi li huwa biss it-twettiq ta’ att li, konformement mal-liġi, kellu jiġi kkomunikat lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata li seta’ jinterrompi t-terminu ta’ preskrizzjoni.

22

It-tieni, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jsegwi li, għal diversi snin, il-leġiżlatur nazzjonali ma aġixxiex wara s-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), sabiex jissostitwixxi d-dispożizzjoni, meqjusa bħala inkostituzzjonali, tal-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali.

23

It-tielet, il-qorti tar-rinviju tispeċifika li l-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), permezz tas-sentenza Nru 358 tagħha tas‑26 ta’ Mejju 2022, ippubblikata fid‑9 ta’ Ġunju 2022 (iktar ’il quddiem is-“sentenza Nru 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali)”), laqgħet eċċezzjoni ġdida ta’ inkostituzzjonalità li tirrigwarda l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali. F’dik is-sentenza, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) iċċarat li s-sentenza tagħha Nru 297/2018 kellha n-natura ġuridika ta’ sentenza ta’ inkostituzzjonalità “sempliċi”. Filwaqt li enfasizzat l-assenza ta’ intervent tal-leġiżlatur sa minn dik is-sentenza Nru 297/2018 kif ukoll il-fatt li l-effett ikkombinat ta’ din is-sentenza tal-aħħar u ta’ din l-assenza ta’ intervent kien ta lok għal sitwazzjoni ġdida nieqsa minn ċarezza u prevedibbiltà dwar ir-regoli applikabbli għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, liema sitwazzjoni hija tradotta fi prassi ġuridika mhux uniformi, il-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) speċifikat li, bejn id-data ta’ pubblikazzjoni tal-imsemmija sentenza Nru 297/2018 u d-dħul fis-seħħ ta’ att normattiv li jiddetermina r-regola applikabbli, “id-dritt pożittiv [Rumen] ma [kien jinkludi] ebda każ li jippermetti l-interruzzjoni tat-terminu tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali”.

24

Ir-raba’, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li, fit‑30 ta’ Mejju 2022, jiġifieri wara li ngħatat is-sentenza Nru 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) iżda qabel ġiet ippubblikata, il-Gvern Rumen, li aġixxa bħala leġiżlatur delegat, adotta l-OUG Nru 71/2022, li daħal fis-seħħ fl-istess jum, li permezz tiegħu l-Artikolu 155(1) tal-Kodiċi Kriminali ġie emendat fis-sens li t-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali huwa interrott bi kwalunkwe att ta’ proċedura li għandu jiġi kkomunikat lill-persuna ssuspettata jew lill-persuna akkużata.

25

Il-ħames, il-qorti tar-rinviju tindika li, permezz tas-sentenza Nru 67/2022 tagħha tal‑25 ta’ Ottubru 2022, ippubblikata fit‑28 ta’ Novembru 2022, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) speċifikat li, fid-dritt Rumen, ir-regoli dwar l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali jaqgħu taħt id-dritt kriminali sostantiv u li, konsegwentement, dawn huma suġġetti għall-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi kriminali, bla ħsara għall-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli (lex mitior), kif iggarantit, b’mod partikolari, fl-Artikolu 15(2) tal-Kostituzzjoni Rumena.

26

Konsegwentement, l-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) iddeċidiet li kundanna finali tista’, bħala prinċipju, tkun is-suġġett ta’ appell straordinarju għal annullament ibbażat fuq l-effetti tas-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) bħala liġi kriminali l-iktar favorevoli (lex mitior). Tali possibbiltà tkun madankollu eskluża meta l-qorti tal-appell tkun diġà eżaminat il-kwistjoni tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali matul il-proċedura li tat lok għal din il-kundanna finali.

27

C.A.A. u C.V. ippreżentaw, kull wieħed minnhom, quddiem il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov), li hija l-qorti tar-rinviju, abbażi tal-Artikolu 426(b) tal-Liġi 135/2010 li tirregola l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, fil-verżjoni applikabbli għat-tilwima fil-kawżi prinċipali appell straordinarju għall-finijiet tal-annullament tas-sentenza kriminali tat‑30 ta’ April 2020, imsemmija fil-punt 16 ta’ dan id-digriet, filwaqt li spjegaw li huma kienu ġew ikkundannati meta kienu jeżistu provi tal-eżistenza ta’ raġuni għall-għeluq tal-proċeduri kriminali, jiġifieri l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tagħhom. Fid-data tal-preżentata tal-appell straordinarju għal annullament tiegħu, fil‑21 ta’ Ġunju 2022, C.A.A. kien fil-ħabs.

28

Insostenn tar-rikors tagħhom, dawn ir-rikorrenti jinvokaw, abbażi tal-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli (lex mitior), il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tagħhom wara s-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali).

29

L-imsemmija rikorrenti jargumentaw, essenzjalment, li, bejn id-data ta’ pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), jiġifieri l‑25 ta’ Ġunju 2018, u dik tal-pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 358/2022 ta’ din tal-aħħar, jiġifieri d‑9 ta’ Ġunju 2022, id-dritt Rumen ma kien jipprevedi ebda raġuni għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.

30

Issa, il-fatt li, fil-perijodu ta’ bejn dawn iż-żewġ dati, id-dritt pożittiv ma kien jipprevedi ebda raġuni għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali jikkostitwixxi, fih innifsu, liġi kriminali l-iktar favorevoli li għandha tiġi applikata għalihom konformement mal-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli (lex mitior), li huwa b’mod partikolari stabbilit fil-Kostituzzjoni Rumena.

31

Li kieku kellha tiġi adottata tali interpretazzjoni, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li, fid-dawl tad-data tat-twettiq tar-reati li wasslu għall-kundanna tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, t-terminu ta’ preskrizzjoni previst għal dawn ir-reati, kien ikun skada qabel id-deċiżjoni ta’ kundanna ta’ dawn ir-rikorrenti ma tkun saret finali, li jkun iwassal għall-għeluq tal-proċedura kriminali u għall-impossibbiltà li dawn tal-aħħar jiġu kkundannati.

32

Huwa f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-interpretazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Din il-qorti tirrileva, qabelxejn, li din l-interpretazzjoni jkollha l-effett li teżentahom mir-responsabbiltà kriminali tagħhom għal reati ta’ korruzzjoni filwaqt li d-Deċiżjoni 2006/928 tobbliga lir-Rumanija tiġġieled b’mod effikaċi u dissważiv kontra tali reati.

33

Hija tenfasizza wkoll li l-kawża prinċipali tirrigwarda kemm reati ta’ korruzzjoni fis-sens strett tal-kelma, jiġifieri reati ta’ korruzzjoni passiva u ta’ eżerċitar ta’ influwenza, b’rabta ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, kif ukoll reati assimilati ma’ reati ta’ korruzzjoni, jiġifieri reati ta’ abbuż tal-kariga mwettqa wkoll fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi minn uffiċjali, fejn wieħed minnhom kellu funzjoni partikolarment importanti fi ħdan unità amministrattiva territorjali.

34

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tesponi li l-interpretazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li għandha l-effett li teżentahom mir-responsabbiltà kriminali tagħhom, għandha wkoll tiġi eżaminata fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF. Dawn id-dispożizzjonijiet, li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, huma applikabbli f’dan il-każ minħabba li l-ksur inkwistjoni fil-kawża prinċipali twettaq b’rabta ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li ġew iffinanzjati permezz ta’ fondi pubbliċi u li wasslu għall-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT).

35

Din il-qorti żżid, f’dan ir-rigward, li l-baġit tal-Unjoni huwa ffinanzjat, fost l-oħrajn, mill-ammonti mħallsa mill-Istati Membri, li jikkorrispondu għal perċentwali tad-dħul nazzjonali gross. Għaldaqstant, l-atti li jippreġudikaw il-baġit nazzjonali għandhom effett fuq l-ammont tal-kontribuzzjoni tal-Istat Membru għall-baġit tal-Unjoni, u għalhekk jaffettwaw indirettament l-interessi finanzjarji ta’ din tal-aħħar.

36

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju ssostni li t-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari għandha wkoll tiġi eżaminata fid-dawl tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) u tal-Artikolu 53 tal-Karta, peress li, skont ir-risposta mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali jista’ jkollha tapplika l-prinċipju tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli kif ukoll tivverifika jekk l-istandards nazzjonali ta’ protezzjoni li jirriżultaw mill-effetti attribwiti għas-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) josservawx is-supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

37

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-effetti tas-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) fuq il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali wasslu għall-għeluq tal-proċeduri kriminali f’numru partikolarment kbir ta’ kawżi, li wassal għal dannu sinjifikattiv, kif ukoll għall-ftuħ mill-ġdid ta’ kawżi li kienu ġew definittivament deċiżi matul il-perijodu mill‑25 ta’ Ġunju 2018, data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), sat‑30 ta’ Mejju 2022, data tad-dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 71/2022, li tippreġudika l-effettività tas-sistema ġudizzjarja kollha, li kienet nieqsa minn element essenzjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

38

Barra minn hekk, il-Kummissjoni semmiet, fir-rapport tagħha tat‑22 ta’ Novembru 2022 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-Progress fir-Rumanija skont il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (COM(2022) 664 final), it-tħassib tagħha dwar l-effett kbir ta’ din il-ġurisprudenza fuq il-kawżi kriminali pendenti, b’mod partikolari, l-kawżi ta’ korruzzjoni.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Brașov (il-Qorti tal-Appell ta’ Brașov) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, l-Artikolu 325(1) TFUE, l-Artikolu 2(1) tal-[Konvenzjoni PIF] u d-[Deċiżjoni 2006/928] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni ta’ sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali, ir-Rumanija) li stabbilixxiet retroattivament l-assenza ta’ każ ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni, bil-kundizzjoni li teżisti ġurisprudenza mifruxa u stabbilita tal-qrati nazzjonali, inkluża l-[Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja, ir-Rumanija)], u bil-kundizzjoni li l-applikazzjoni ta’ dik is-sentenza twassal għal riskju sistemiku ta’ impunità billi jerġgħu jinfetħu numru sinjifikattiv ta’ kawżi kriminali li ġa kienu nqatgħu definittivament u l-adozzjoni, f’appell straordinarju, ta’ deċiżjoni li ttemm il-proċedura kriminali minħabba l-konstatazzjoni li seħħet il-preskrizzjoni?

2.

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tad-Deċiżjoni 2006/928 u tat-tielet sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-[Karta] (il-prinċipju ta’ retroattività tal-iktar liġi kriminali favorevoli), jipprekludi l-eżami mill-ġdid, fil-fażi tal-eżekuzzjoni tal-piena, permezz ta’ appell straordinarju, tat-terminu tal-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali sa fejn il-preżentazzjoni ta’ tali appell tkun konsegwenza ta’ sentenza tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), mogħtija wara li l-kundanna tkun saret definittiva, li permezz tagħha tinqaleb ġurisprudenza mifruxa u stabbilita tal-qrati nazzjonali, u jekk b’dan il-mod jiġi affettwat il-karattru dissważiv u effettiv tal-piena, kif ukoll is-sigurtà u l-istabbiltà tar-relazzjonijiet ġuridiċi?

3.

Il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni b’riferiment għall-Artikolu 53 tal-[Karta] jippermetti l-applikazzjoni ta’ standards nazzjonali ta’ protezzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma ggarantiti mid-dritt nazzjonali tal-Istat Membru, li jirriżultaw mill-effetti attribwiti lis-sentenzi tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), sa fejn tkun affettwata l-applikazzjoni effettiva tad-dritt tal-Unjoni fit-territorju tal-Istat Membru?”

Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja

40

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Marzu 2023, il-proċedura f’din il-kawża ġiet sospiża sakemm tingħata s-sentenza fil-kawża Lin (C‑107/23 PPU).

41

Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja tat, fl‑24 ta’ Lulju 2023, is-sentenza tagħha fil-kawża Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna, fl-istess jum, it-tkomplija tal-proċedura.

42

Il-qorti tar-rinviju, li lilha r-Reġistru kien ikkomunika din is-sentenza, informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li hija kienet ser iżżomm it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

43

Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju talbet l-applikazzjoni għal din il-kawża tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

44

Fid-dawl tad-deċiżjoni li tingħata deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura, ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fir-rigward ta’ din it-talba.

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

45

Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tiddeċiedi (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2023, Mercedes-Benz Group (Responsabbiltà tal-manifatturi ta’ vetturi li għandhom apparat ta’ manipulazzjoni), C‑100/21, EU:C:2023:229, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

F’dan il-każ, l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda, b’mod partikolari, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, li għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

48

Għandu jiġi rrilevat li l-kawża prinċipali tikkonċerna, kif jirriżulta mill-punt 16 ta’ dan id-digriet, reati ta’ korruzzjoni passiva, ta’ eżerċitar ta’ influwenza u ta’ abbuż tal-kariga mwettqa b’rabta ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fir-Rumanija.

49

Issa, b’differenza mir-reati ta’ korruzzjoni inkwistjoni f’ċerti tilwimiet inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034), li kienu twettqu b’rabta ma’ proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi parzjalment iffinanzjati minn fondi Ewropej, ebda element fl-atti tal-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jindika li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kienu ġew affettwati mir-reati li huma s-suġġett tal-kawża prinċipali.

50

B’mod partikolari, il-fatt li l-VAT ġiet applikata fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ma huwiex biżżejjed sabiex jitqies li l-interessi finanzjarji tal-Unjoni ġew affettwati. Bl-istess mod, ma jistax ikun suffiċjenti l-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li r-reati mwettqa setgħu jippreġudikaw il-baġit nazzjonali, li jista’ jkollu effett fuq l-ammont tal-kontribuzzjoni tar-Rumanija għall-baġit tal-Unjoni.

51

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ewwel domanda, sa fejn tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 325(1) TFUE u tal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni PIF, ma għandha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali. Għaldaqstant, f’dan ir-rigward, din hija manifestament inammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

52

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza.

53

Għandu jitfakkar ukoll li l-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex is-setgħa li tapplika r-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea għal każ partikolari, iżda biss li tagħti deċiżjoni dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati u tal-atti mwettqa mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2021, Asociația Forumul Judecătorilor din RomâniaetC‑83/19, C‑127/19, C‑195/19, C‑291/19, C‑355/19 u C‑397/19, EU:C:2021:393, punt 201 u l-ġurisprudenza ċċitata). Min-naħa l-oħra, konformement mal-punt 11 tar-Rakkomandazzjonijiet mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2019, C 380, p. 1), huma l-qrati nazzjonali li għandhom jisiltu, fil-kawżi pendenti quddiemhom, il-konsegwenzi konkreti tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Roche Lietuva, C‑413/17, EU:C:2018:865, punt 43).

54

F’dan il-każ, minkejja d-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba mill-qorti tar-rinviju tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mis-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et (C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034), u tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606). Għaldaqstant hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura f’din il-kawża.

55

Kif jirriżulta mill-punt 53 ta’ dan id-digriet, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi konkreti, fil-kawża prinċipali, tal-elementi ta’ interpretazzjoni li jirriżultaw minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

56

Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, jirrigwardaw, sa fejn huma ammissibbli, l-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 49(1) u tal-Artikolu 53 tal-Karta, kif ukoll tad-Deċiżjoni 2006/928.

57

Madankollu, mill-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju jsegwi li d-dubji tal-qorti tar-rinviju li wasslu għal dawn id-domandi jirrigwardaw, essenzjalment, l-interpretazzjoni, minn naħa, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jimponu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiġġieldu l-korruzzjoni b’mod effikaċi u, min-naħa l-oħra, tal-garanziji li joħorġu mill-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li l-imsemmija domandi jiġu eżaminati biss fid-dawl tad-Deċiżjoni 2006/928, kif ukoll tal-Artikolu 49(1) u tal-Artikolu 53 tal-Karta.

59

Minn dan isegwi li, permezz ta’ dawn id-domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni msemmija fil-punt preċedenti għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-qrati ta’ Stat Membru huma obbligati li jħallu mhux applikati, minn naħa, sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru li jinvalidaw id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tirregola r-raġunijiet għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege, fir-rekwiżiti tagħhom dwar il-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tal-liġi kriminali, kif ukoll, min-naħa l-oħra, sentenza tal-qorti suprema tal-imsemmi Stat Membru, li minnha jirriżulta li r-regoli li jirregolaw dawn ir-raġunijiet għal interruzzjoni, bħal dawk li joħorġu minn din il-ġurisprudenza kostituzzjonali, jistgħu jiġu applikati retroattivament bħala liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitior) sabiex jiġu kkontestati kundanni finali, fid-dawl tal-fatt li dawk is-sentenzi għandhom bħala konsegwenza li numru kunsiderevoli ta’ kawżi kriminali, inklużi kawżi dwar reati ta’ korruzzjoni, ser jingħalqu minħabba l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.

Fuq il‑ksur tal‑obbligu tar-Rumanija li tiġġieled il‑korruzzjoni b’mod effettiv

60

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tiddeċiedi li d-Deċiżjoni 2006/928 hija, sakemm ma titħassarx, obbligatorja għar-Rumanija fl-elementi kollha tagħha u li l-punti ta’ riferiment stabbiliti fl-anness tagħha, li huma intiżi li jiżguraw ir-rispett minn dan l-Istat Membru tal-valur tal-Istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE, għandhom natura vinkolanti għall-imsemmi Stat Membru, fis-sens li dan tal-aħħar huwa meħtieġ li jieħu l-miżuri xierqa biex jintlaħqu dawn il-punti ta’ riferiment, b’teħid debitament inkunsiderazzjoni, abbażi tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, tar-rapporti stabbiliti mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-deċiżjoni msemmija, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapporti msemmija (sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 175).

61

Fost il-punti ta’ riferiment stabbiliti fl-anness tad-Deċiżjoni 2006/928 hemm dak li“[t]ibni fuq il-progress li diġà sar, tkompli tagħmel investigazzjonijiet professjonali u mhux partiġjani dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli” (it-tielet punt ta’ riferiment) kif ukoll dak li “[t]ieħu aktar miżuri sabiex timpedixxi u tiġġieled il-korruzzjoni, b’mod partikolari fi ħdan il-gvern lokali” (ir-raba’ punt ta’ riferiment).

62

Minn dawn il-punti ta’ riferiment, li huma ta’ natura vinkolanti għar-Rumanija, jirriżulta li d-Deċiżjoni 2006/928 tistabbilixxi l-obbligu, għar-Rumanija, li tiġġieled b’mod effettiv kontra l-korruzzjoni b’mod ġenerali u, b’mod partikolari, il-korruzzjoni f’livell għoli, b’mod partikolari fi ħdan l-amministrazzjoni lokali. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li C.A.A. kellu kariga ta’ tmexxija importanti fi ħdan amministrazzjoni pubblika lokali fir-Rumanija.

63

Sabiex tikkonforma ruħha mal-preskrizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni, li jeżiġu l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif imsemmija fil-punt preċedenti, ir-Rumanija hija obbligata tipprevedi sanzjonijiet kriminali ta’ natura effettiva u dissważiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punti 190 u 191).

64

Hija wkoll ir-Rumanija li għandha tiżgura li r-regoli tagħha ta’ dritt kriminali u ta’ proċedura kriminali jippermettu repressjoni effettiva tar-reati ta’ korruzzjoni. Għalhekk, għalkemm is-sanzjonijiet previsti u l-proċeduri kriminali istitwiti biex jiġu miġġielda dawn ir-reati jaqgħu taħt il-kompetenza ta’ dan l-Istat Membru, din il-kompetenza hija limitata mhux biss mill-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ekwivalenza, imma wkoll mill-prinċipju ta’ effettività, li jimponi li l-imsemmija sanzjonijiet ikunu ta’ natura effettiva u dissważiva. Dan ir-rekwiżit ta’ effettività jestendi neċessarjament kemm għall-prosekuzzjoni u għas-sanzjonijiet tar-reati ta’ korruzzjoni kif ukoll għall-applikazzjoni tal-pieni imposti, sa fejn, minħabba l-assenza ta’ eżekuzzjoni effettiva tas-sanzjonijiet, dawn ma jistgħux ikunu ta’ natura effettiva u dissważiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 192).

65

F’dan il-każ, mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, kif miġbura fil-punti 18 sa 26 ta’ dan id-digriet, isegwi li, minn naħa, skont is-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), fil-perijodu bejn il‑25 ta’ Ġunju 2018, data tal-pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza Nru 297/2018, u t‑30 ta’ Mejju 2022, data tad-dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 71/2022, id-dritt Rumen ma kien jipprevedi ebda każ li jippermetti l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, u li, min-naħa l-oħra, skont is-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), ir-regola li tirriżulta minn din il-ġurisprudenza tista’ tiġi invokata bħala liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitior), u dan, inkluż sabiex jiġu kkontestati kundanni finali.

66

F’dak li jirrigwarda l-effetti konkreti li jistgħu jkunu marbuta mal-imsemmija ġurisprudenza, il-qorti tar-rinviju tindika li, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni, bħala liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitior), tar-regola li tirriżulta mis-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), li tipprovdi, fil-perijodu msemmi fil-punt preċedenti, id-dritt Rumen ma kienx jipprevedi raġuni għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, ikollha bħala konsegwenza li t-terminu ta’ preskrizzjoni previst għar-reati inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun skada qabel il-kundanna tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali tkun saret finali, li jkun iwassal għall-għeluq tal-proċedura kriminali u l-impossibbiltà li dawn tal-aħħar jiġu kkundannati.

67

Il-qorti tar-rinviju enfasizzat ukoll li s-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) jistgħu jaffettwaw “numru partikolarment kbir ta’ kawżi”, inklużi kawżi magħluqa bl-għoti ta’ kundanni finali, li jkunu jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ appelli straordinarji bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

68

Barra minn hekk, l-informazzjoni ppreżentata mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha msemmi fil-punt 38 ta’ dan id-digriet, stabbilit b’eżekuzzjoni tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 2006/928, tikkonferma l-eżistenza tar-riskju li diversi każijiet ta’ korruzzjoni ma jkunux jistgħu jiġu ssanzjonati iktar minħabba l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali marbuta magħha. Fil-fatt, minn dan ir-rapport, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, jirriżulta li s-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) ikunu jistgħu jwasslu “għall-għeluq tal-proċedura kriminali u għat-tneħħija tar-responsabbiltà kriminali f’numru kbir ta’ kawżi” u li “l-waqfien tal-proċedura kriminali f’numru daqshekk kbir ta’ kawżi ta’ korruzzjoni jista’ jkollu impatt sinjifikattiv fuq l-isforzi mwettqa fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’livell għoli”.

69

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jista’ jiġi dedott li s-sitwazzjoni ġuridika li tirriżulta mill-applikazzjoni tas-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) kif ukoll mis-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) twassal għal riskju sistemiku ta’ impunità għar-reati ta’ korruzzjoni, b’mod partikolari fil-kawżi li l-kumplessità tagħhom titlob investigazzjoni itwal min-naħa tal-awtoritajiet kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 91).

70

Issa, l-eżistenza ta’ tali riskju sistemiku ta’ impunità hija inkompatibbli mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2006/928, kif imfakkra fil-punti 59 sa 61 ta’ dan id-digriet.

71

F’dan ir-rigward, hija primarjament ir-responsabbiltà tal-leġiżlatur nazzjonali li jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jissodisfa dawn ir-rekwiżiti, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet neċessarji u bl-emenda tad-dispożizzjonijiet eżistenti sabiex jiżgura li s-sistema applikabbli għall-prosekuzzjoni u għas-sanzjoni tar-reati ta’ korruzzjoni, inklużi r-regoli li jirregolaw il-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2006/928. Din is-sistema għandha tiġi kkonċepita b’tali mod li ma tippreżentax, għal raġunijiet inerenti għaliha, riskju sistematiku ta’ impunità tal-fatti li jikkostitwixxu tali reati, filwaqt li tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-persuni akkużati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 93).

72

Issa, sitwazzjoni ġuridika li fiha l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tirregola l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali tkun ġiet invalidata, u, għaldaqstant, imċaħħda minn effett mill-Qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru, mingħajr il-leġiżlatur nazzjonali ma jkun irrimedja din is-sitwazzjoni għal perijodu ta’ kważi erba’ snin, hija inkompatibbli mal-obbligu, imfakkar fil-punti 59 sa 61 ta’ dan id-digriet, li jiżgura li r-reati ta’ korruzzjoni, mwettqa fit-territorju nazzjonali, ikunu punibbli b’sanzjonijiet kriminali ta’ natura effettiva u dissważiva. Fil-fatt, tali sitwazzjoni, li taffettwa dispożizzjoni ta’ portata ġenerali li kienet applikabbli għal kull proċedura kriminali u li n-nuqqas ta’ sostituzzjoni tagħha wara d-dikjarazzjoni ta’ inkostituzzjonalità tagħha la kienet prevedibbli mill-awtoritajiet inkarigati mill-akkużi u lanqas mill-qrati kriminali, tinkludi r-riskju intrinsiku li diversi każijiet ta’ korruzzjoni ma jkunux jistgħu jiġu ssanzjonati minħabba l-iskadenza ta’ dan it-terminu, b’mod partikolari fil-kawżi li l-kumplessità tagħhom titlob investigazzjoni itwal min-naħa tal-awtoritajiet kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 94).

Fuq l‑obbligi imposti fuq il‑qrati nazzjonali

73

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni jimponi fuq il-qorti nazzjonali responsabbli sabiex tapplika, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni l-obbligu, jekk ma tkunx tista’ tipproċedi għal interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni, li tiżgura l-effett sħiħ tar-rekwiżiti ta’ dan id-dritt fil-kawża li tkun adita biha billi, jekk ikun hemm bżonn, tħalli mhux applikata, ex officio, kull leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali, anki jekk sussegwenti, li tkun kuntrarja għal dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li għandha effett dirett, mingħajr ma jkollha titlob jew tistenna t-tneħħija minn qabel ta’ din il-leġiżlazzjoni jew prassi nazzjonali b’mezzi leġiżlattivi jew bi kwalunkwe proċess kostituzzjonali ieħor (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 95).

74

F’dan il-każ, il-punti ta’ riferiment imsemmija fl-anness tad-Deċiżjoni 2006/928 huma fformulati f’termini ċari u preċiżi u ma huma suġġetti għal ebda kundizzjoni, b’tali mod li għandhom effett dirett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 253).

75

Għaldaqstant, bħala prinċipju, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jagħtu effett sħiħ lill-obbligi li jirriżultaw minn din id-deċiżjoni kif ukoll li jħallu mhux applikati dispożizzjonijiet interni li, fil-kuntest ta’ proċedura li tikkonċerna reati ta’ korruzzjoni, jostakolaw l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet effettivi u dissważivi għall-ġlieda kontra tali reati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 194).

76

Għalhekk jidher li, bħala prinċipju, il-qrati nazzjonali huma obbligati, konformement mad-Deċiżjoni 2006/928 li jħallu mhux applikati s-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), li minnhom jirriżulta li, fil-perijodu bejn il‑25 ta’ Ġunju 2018, data tal-pubblikazzjoni ta’ din is-sentenza Nru 297/2018, u t‑30 ta’ Mejju 2022, data tad-dħul fis-seħħ tal-OUG Nru 71/2022, id-dritt Rumen ma kien jipprevedi ebda raġuni għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, sa fejn dawn is-sentenzi għandhom bħala effett li jwasslu għall-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali f’numru kbir ta’ każijiet ta’ korruzzjoni u, għaldaqstant, bħalma ġie kkonstatat fil-punt 66 ta’ dan id-digriet, li joħolqu riskju sistemiku ta’ impunità għal tali reati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 98).

77

Bl-istess mod, il-qrati nazzjonali huma obbligati, bħala prinċipju, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, li jħallu mhux applikata s-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), sa fejn dik is-sentenza tippermetti li tiġi invokata l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali, abbażi tal-effetti tas-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) bħala liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitior), f’każijiet ta’ korruzzjoni u, għaldaqstant, iżżid ir-riskju sistemiku ta’ impunità għal tali reati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C-107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 99).

78

Madankollu, għandu jiġi vverifikat ukoll jekk l-obbligu li jħallu mhux applikati tali sentenzi jippreġudikax, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 100).

79

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li l-proċeduri kriminali li għandhom bħala suġġett reati ta’ korruzzjoni jikkostitwixxu implimentazzjoni tal-obbligi tar-Rumanija skont id-Deċiżjoni 2006/928 u, għalhekk, tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta. Id-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta lill-persuni kkonċernati fil-kawża prinċipali għandhom għalhekk jiġu rrispettati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2021, Euro Box Promotion et, C‑357/19, C‑379/19, C‑547/19, C‑811/19 u C‑840/19, EU:C:2021:1034, punt 204).

80

Issa, għandu jiġi rrilevat li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 109 tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606) l-obbligu, għall-qrati nazzjonali, li jħallu mhux applikati s-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) kif ukoll is-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja), ma huwa ta’ natura li jippreġudika la l-prinċipju ta’ prevedibbiltà, ta’ preċiżjoni u ta’ nuqqas ta’ retroattività tar-reati u tal-pieni, u lanqas il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitior), kif huma ggarantiti fl-Artikolu 49(1) tal-Karta.

81

Fit-tieni lok, huwa importanti li jitfakkar li, meta, bħal f’dan il-każ, qorti ta’ Stat Membru tkun imsejħa tivverifika l-konformità mad-drittijiet fundamentali ta’ dispożizzjoni jew ta’ miżura nazzjonali li, f’sitwazzjoni li fiha l-azzjoni tal-Istati Membri ma tkunx iddeterminata kompletament mid-dritt tal-Unjoni, timplimenta dan id-dritt fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, jibqa’ possibbli għall-awtoritajiet u għall-qrati nazzjonali li japplikaw standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, sakemm din l-applikazzjoni ma tikkompromettix il-livell ta’ protezzjoni previst mill-Karta, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas is-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 110).

82

Fil-punt 111 tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-soluzzjonijiet adottati fis-sentenzi Nri 297/2018 u 358/2022 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) kif ukoll fis-sentenza Nru 67/2022 tal-Înalta Curte de Casație și Justiție (il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u tal-Ġustizzja) huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kif ukoll fuq il-prinċipju tal-applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali l-iktar favorevoli (lex mitior) kif iggarantiti mill-kostituzzjoni Rumena, peress li dawn il-prinċipji għandhom jitqiesu bħala standards nazzjonali ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

83

Mill-punt 118 tas-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin (C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606) jirriżulta, essenzjalment, li l-qrati Rumeni ma humiex obbligati li jħallu mhux applikata l-ġurisprudenza nazzjonali msemmija fil-punt preċedenti, konformement mad-Deċiżjoni 2006/928, minkejja l-eżistenza ta’ riskju sistemiku ta’ impunità tar-reati ta’ korruzzjoni, sa fejn din il-ġurisprudenza nazzjonali hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kif protett fid-dritt nazzjonali, fir-rekwiżiti tagħha dwar il-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tal-liġi kriminali, inkluż ir-regoli ta’ preskrizzjoni dwar ir-reati kriminali.

84

Għall-kuntrarju, fid-dawl tal-ibbilanċjar neċessarju ta’ dan l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitior) mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni 2006/928, l-applikazzjoni, minn qorti nazzjonali, tal-imsemmi standard, sabiex tiġi kkontestata l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali permezz ta’ atti ta’ proċedura li seħħew qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018, data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali), għandha titqies li hija ta’ natura li tikkomprometti s-supremazija, l-unità u l-effettività tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 76 ta’ dan id-digriet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 123).

85

Konsegwentement, għandu jitqies li l-qrati nazzjonali ma jistgħux, fil-kuntest ta’ proċeduri ġudizzjarji intiżi sabiex jiġu ssanzjonati fuq il-livell kriminali reati ta’ korruzzjoni, japplikaw l-istandard nazzjonali ta’ protezzjoni relatat mal-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitior) kif imsemmi fil-punt 62 ta’ dan id-digriet, sabiex jikkontestaw l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali permezz ta’atti ta’ proċedura li seħħew qabel il‑25 ta’ Ġunju 2018, data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza Nru 297/2018 tal-Curtea Constituțională (il-Qorti Kostituzzjonali) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Lulju 2023, Lin, C‑107/23 PPU, EU:C:2023:606, punt 124).

86

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-Deċiżjoni 2006/928 għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qrati ta’ Stat Membru ma humiex obbligati li jħallu mhux applikati s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru li jinvalidaw id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tirregola r-raġunijiet għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali minħabba ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kif protett fid-dritt nazzjonali, fir-rekwiżiti tiegħu dwar il-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tal-liġi kriminali, anki jekk dawn is-sentenzi għandhom bħala konsegwenza li numru kunsiderevoli ta’ kawżi kriminali, inklużi kawżi relatati ma’ reati ta’ korruzzjoni, ser jingħalqu minħabba l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali. Għall-kuntrarju, din id-deċiżjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru huma obbligati jħallu mhux applikat standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitior) li jippermetti li tiġi kkontestata, inkluż fil-kuntest ta’ appelli ppreżentati kontra sentenzi finali, l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali f’tali kawżi permezz ta’ atti ta’ proċedura li seħħew qabel tali konstatazzjoni ta’ invalidità.

Fuq l‑ispejjeż

87

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/928/KE tat-13 ta’ Diċembru 2006 dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu għall-kooperazzjoni u l-verfika tal-progress fir-Rumanija sabiex jiġu indirizzati punti ta’ riferiment speċifiċi fl-oqsma tar-riforma ġudizzjarja u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

 

għandha tiġi interpretata fis-sens li:

 

il-qrati ta’ Stat Membru ma humiex obbligati li jħallu mhux applikati s-sentenzi tal-Qorti Kostituzzjonali ta’ dan l-Istat Membru li jinvalidaw id-dispożizzjoni leġiżlattiva nazzjonali li tirregola r-raġunijiet għall-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni fil-qasam kriminali minħabba ksur tal-prinċipju ta’ nullum crimen, nulla poena sine lege kif protett fid-dritt nazzjonali, fir-rekwiżiti tiegħu dwar il-prevedibbiltà u l-preċiżjoni tal-liġi kriminali, anki jekk dawn is-sentenzi għandhom bħala konsegwenza li numru kunsiderevoli ta’ kawżi kriminali, inklużi kawżi relatati ma’ reati ta’ korruzzjoni, ser jingħalqu minħabba l-preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali.

 

Għall-kuntrarju, din id-deċiżjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li:

 

il-qrati ta’ dan l-Istat Membru huma obbligati jħallu mhux applikat standard nazzjonali ta’ protezzjoni dwar il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-liġi kriminali iktar favorevoli (lex mitior) li jippermetti li tiġi kkontestata, inkluż fil-kuntest ta’ appelli ppreżentati kontra sentenzi finali, l-interruzzjoni tat-terminu ta’ preskrizzjoni tar-responsabbiltà kriminali f’tali kawżi permezz ta’ atti ta’ proċedura li seħħew qabel tali konstatazzjoni ta’ invalidità.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.