52006DC0217

Rapport mill-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew - Rapport dwar il-promozzjoni mill-Istati Membri ta’ donazzjonijiet volontarji tad-demm bla ħlas /* KUMM/2006/0217 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 17.5.2006

KUMM(2006) 217 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport dwar il-promozzjoni mill-Istati Membri ta’ donazzjonijiet volontarji tad-demm bla ħlas

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport dwar il-promozzjoni mill-Istati Membri ta’ donazzjonijiet volontarji tad-demm bla ħlas

WERREJ

1. Introduzzjoni 3

2. donazzjonijiet volontarji u bla ħlas 3

2.1. Ebda ħlas 3

2.2. Kumpens għall-ispejjeż 3

2.3. Ħin liberu mix-xogħol 4

2.4. Ikel u xorb 5

2.5. Ringrazzjamenti 5

2.6. Konklużjoni 5

3. Il-promozzjoni ta’ l-għoti tad-demm volontarju u bla ħlas 5

3.1. Kampanji ta’ tagħrif 5

3.2. Jiem speċjali 7

3.3. Għarfien ta’ l-istudenti 7

3.4. Konklużjoni 7

4. Azzjoni mill-Kummissjoni 7

INTRODUZZJONI

Skond id-Direttiva 2002/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Jannar 2003 li tistabbilixxi livelli stabbiliti ta’ kwalità u sigurtà għall-ġbir, l-ittestjar, l-ipproċessar, il-ħażna u t-tqassim ta’ demm tal-bniedem u komponenti tad-demm u li temenda d-Direttiva 2001/83/KE[1], dan ir-rapport jiġbor fil-qosor il-miżuri li ttieħdu mill-Istati Membri biex iħeġġu d-donazzjonijiet volontarji tad-demm bla ħlas u jidentifika l-miżuri li l-Kummissjoni biħsiebha tieħu sabiex tippromwovi l-awtosuffiċjenza fil-Komunità Ewropea permezz ta' donazzjonijiet volontarji bla ħlas.

donazzjonijiet volontarji u bla ħlas

L-għoti tad-demm fuq bażi volontarja u bla ħlas ilu tradizzjoni għal bosta snin f’ħafna mill-Istati Membri ta’ l-UE. Huwa rrapurtat li ilu prassi aċċettata għal iktar minn 50 sena fi Franza, il-Lussemburgu, l-Irlanda ta' Fuq, is-Slovenja, u l-ex-Ċekoslovakkja, u għandu wkoll storja twila fil-Belġju, id-Danimarka, l-Ingilterra, il-Finlandja u l-Olanda. Il-prassi ġiet introdotta f’Ċipru fl-1977, fi Spanja u f’Malta fit-Tmeninijat, u fl-Italja, l-Portugall, il-Greċja u l-Estonja fid-Disgħinijat.

Ebda ħlas

Fi Franza, l-għoti tad-demm ma jista’ qatt iwassal għal xi tip ta’ ħlas, kemm dirett sew indirett. Minbarra kwalunkwe tip ta' ħlas fi flus, kull għotja ta' vawċers għal xiri jew tnaqqis fil-prezz jew dokumenti oħra li jagħtu vantaġġ mogħti minn parti terza, kif ukoll kwalunkwe għoti ta' oġġetti ta' valur, kwalunkwe benefiċċju jew għoti ta' privileġġi huma pprojbiti.

Kull donazzjoni tad-demm fir-Renju Unit tinġabar fuq bażi volontarja mingħajr ħlas. Fl-Awstrija, id-donaturi tad-demm sħiħ ma jitħallsux, filwaqt li emenda li saret lill-Att dwar it-Trasfużjonijiet fil-Ġermanja fi Frar 2005 tistipula li d-donazzjonijiet ma għandhomx jitħallsu.

Fis-Slovakkja, id-donazzjonijiet kollha organizzati mis-servizz ta’ trasfużjoni nazzjonali huma volontarji u bla ħlas. Madwar 4% tad-donazzjonijiet mogħtija mid-Dipartimenti ta’ Trasfużjoni jitħallsu. Dawn huma fil-biċċa l-kbira donazzjonijiet thrombocytopheresis jew każijiet rari.

Kumpens għall-ispejjeż

Il-prinċipju tad-donazzjonijiet volontarji u bla ħlas ma jeskludix li d-donaturi jiġu kkumpensati, jekk dan ikun jinkludi biss ir-rimbors ta’ l-ispejjeż u l-inkonvenjenzi marbuta mad-donazzjoni. Bosta Stati Membri jirrimborsaw l-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar. Fir-Repubblika Ċeka, il-kumpens għall-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u d-dħul finanzjarju mitluf huwa legali iżda mhux ipprattikat ta’ spiss. Donatur tad-demm jista' jitlob ħelsien mit-taxxa jew id-dħul mitluf ma jintalabx matul id-donazzjoni (madwar €10 kull donazzjoni; massimu ta’ €50-70 kull sena skond ir-rata individwali tat-taxxa). Il-proporzjon tad-donaturi tad-demm li jitolbu ‘ħelsien mit-taxxa’ huwa stmat għal 60% minħabba li ħafna mid-donazzjonijiet ikunu mingħand nies li ma jħallsux taxxi (eż. studenti). Xi donaturi jitolbu kumpens tal-ħin mitluf dirett.

L-istabbilimenti Ungeriżi li jiġbru d-demm jirrimborsaw spejjeż ġustifikati u ċċertifikati ta’ l-ivvjaġġar skond rati fissi stabbiliti mid-Direttur-Ġenerali tas-servizz nazzjonali ta’ trasfużjoni tad-demm. L-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar jiġu rrimborsati anki jekk id-donatur jinstab li mhuwiex eliġibbli biex jagħti d-demm.

Fl-1999, il-Gvern Litwan ta l-opportunità lil dawk li taw id-demm 40 darba fuq bażi volontarja u bla ħlas u li ħadu sehem attiv fil-promozzjoni ta’ donazzjonijiet volontarji bla ħlas, biex japplikaw għal pensjoni ta’ l-Istat. Madankollu, f’Ġunju 2004, emenda ta’ l-Att dwar il-Kumpens lid-Donaturi tad-Demm naqset il-kumpens b’mod drastiku.

Fi Franza, huwa awtorizzat ir-rimbors lid-donaturi tad-demm għall-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar, ħlief ir-rimbors bir-rata fissa.

L-Att ta’ Trasfużjoni fil-Ġermanja jistipola li d-donaturi jistgħu jingħataw għotja ta’ flus għall-ispejjeż fuq il-bażi tan-nefqa mġarrba u t-tip partikolari ta’ donazzjoni. Din l-għotja ma għandhiex tiżboq il-€ 25 għal donazzjoni tad-demm sħiħ. Riżoluzzjoni ta’ l-2001 ta’ l- Arbeitskreis Blut tgħid li ‘ġie xjentifikament ippruvat li l-għoti ta’ flus għall-ispejjeż lid-donaturi tad-demm u l-plażma fil-Ġermanja huwa ta’ ħsara għas-sikurezza tal-prodotti tad-demm u l-plażma’. Ġie rrappurtat li l-għoti ta’ flus ma rriżultax f’indikazzjoni ta’ xi effett fuq id-dejta dwar il-prevalenza jew l-inċidenza marbuta mal-gruppi ta’ donaturi.

Fl-Iżvezja, xi ċentri tad-donazzjoni tad-demm qegħdin ineħħu gradwalment il-pagament tradizzjonali ta’ SEK 30 (madwar €3) iżda żammewh għal donaturi ta' aferesi ta’ tromboċiti u granuloċiti. Dan il-pagament ma jitqiesx inċentiv biex jingħata d-demm iżda kważi jkopri l-ispejjeż kollha tat-trasport pubbliku lejn u lura miċ-ċentru tad-donazzjoni. Fl-Awstrija, id-donaturi tal-plażma jirċievu sa massimu ta’ €25 u d-donaturi tat-tromboċiti sa €50 għal kull donazzjoni meta jagħtu d-demm f’ċentru ta’ plażmaferesi jew tromboċita - aferesi.

Fl-Olanda, il-leġiżlazzjoni attwali tipprojbixxi r-rimbors ta’ spejjeż għajr dawk raġonevolment aċċettabbli. Il-Lussemburgu waqqaf jirrimborsa l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar fi tmiem it-Tmenijiet.

Ħin liberu mix-xogħol

Fir-Repubblika Ċeka, impjegat jingħata ħin liberu għad-donazzjoni tad-demm u l-ħin ta’ l-irkupru biss. Fis-Slovenja, impjegat jista’ jkun nieqes mix-xogħol fil-jum tad-donazzjoni u jingħata kumpens mingħand min jimpjegah, li titħallas mill-assigurazzjoni tas-saħħa. Il-Latvja tippermetti lill-impjegati li jagħtu d-demm f’istituzzjoni ta’ trattament mediku biex jieħdu jum ta’ mistrieħ l-għada tal-jum tad-donazzjoni, u dan il-jum ta’ mistrieħ jista' jiżdied mal- leave annwali mħallas ta' l-impjegat filwaqt li jżomm id-dħul medju tiegħu. Fil-Lussemburgu, il-ħin liberu mix-xogħol jiddependi minn min jimpjega sa massimu ta’ erba’ siegħat. F’Malta, il-persuni li jimpjegaw huma mħeġġa jippermettu lill-ħaddiema jieħdu ħin liberu biex jagħtu d-demm. Il-prassi preċedenti li tippermetti lill-impjegati jieħdu jum liberu mix-xogħol biex jagħtu d-demm twaqqfet.

Fi Franza, il-paga li titħallas lid-donatur minn min jimpjega tista' tinżamm matul il-ħin meħtieġ għad-donazzjoni mingħajr ma jitqies bħala pagament sakemm it-tul ta’ ħin li l-impjegat ikun nieqes mix-xogħol ma jiżboqx il-ħin meħtieġ għall-iskarriġġar bejn il-post tax-xogħol u l-post fejn issir id-donazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, ir-ritorn, l-intervista u l-eżami mediku, il-ġbir tad-demm u l-perjodu ta’ mistrieħ u l-ikla ħafifa li jiqiesu meħtieġa mil-lat mediku.

Ikel u xorb

Fil-Latvja, id-donaturi volontarji jingħataw għotja ta’ flus għall-ikel, fis-Slovenja jingħataw xi ħaġa ta' l-ikel u x-xorb qabel u wara d-donazzjoni, filwaqt li fl-Ungerija jkunu intitolati għal xi ħaġa ta’ l-ikel u x-xorb biex ipattu għall-kaloriji u l-fluwidi li jkunu tilfu, anki jekk id-donazzjoni ma twassalx għal prodott tad-demm li jkun jista' jintuża.

Ringrazzjamenti

Aspett importanti ta’ l-għoti tad-demm volontarju u bla ħlas huwa r-rikonoxximent ta’ l-individwi li huma lesti jagħtu d-demm. Dan ir-rikonoxximent ivarja minn simboli żgħar fl-Awstrija għal donazzjonijiet tad-demm sħiħ, għal labar, lapsijiet, tazzi tat-tè, xugamani, flokkijiet, maggs, kartolini u basktijiet fil-Litwanja u l-Polonja, għal ċertifikati u medalji mogħtija lil individwi li laħqu ċerti livelli ta’ donazzjonijiet. Fir-Repubblika Ċeka, dawn għandhom l-għamla ta’ medalji tal-bronż, tal-fidda u tad-deheb, fil-Greċja, ċertifikati u beġġ tar-ramm u fil-Lussemburgu Ordni ta' l-Istat speċjali. F’ħafna Stati Membri, fosthom il-Greċja u l-Irlanda, isiru ċerimonji ta’ premijiet annwali għad-donaturi li ħafna drabi jattenduhom l-istampa, il-gvernijiet lokali u l-politiċi. Fil-Polonja, id-donaturi volontarji li taw għallinqas 5 (in-nisa) jew 6 litri (l-irġiel) ta’ demm jingħataw it-titlu ‘Donatur tad-Demm Volontarju Onorarju’ u jingħataw beġġ.

Konklużjoni

Minkejja li l-prinċipju ta’ l-għoti volontarju u bla ħlas huwa rikonoxxut mill-Istati Membri, l-interpretazzjoni konkreta ta’ dan il-prinċipju huwa differenti madwar l-Istati Membri. L-ammont tal-kontribut għall-ispejjeż jew l-ammont ta’ ħin liberu mix-xogħol, pereżempju, ivarjaw.

Il-promozzjoni ta’ l-għoti tad-demm volontarju u bla ħlas

L-għadd ta’ attivitajiet li saru madwar l-Unjoni Ewropea għall-promozzjoni ta’ l-għoti volontarju u bla ħlas, huwa importanti. Dawn ivarjaw mill-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet, bħal gwidi u materjali prattiċi, jew ir-reklamar lil gruppi fil-mira speċifiċi, għal programmi ta' għarfien għall-istudenti.

Kampanji ta’ tagħrif

Il-Litwanja qassmet fuljetti, posters, eċċ biex tirreklama l-għoti tad-demm volontarju, filwaqt li Spanja ħarġet bolla speċjali. Ir-Repubblika Ċeka, Spanja, Ċipru, il-Greċja u s-Slovenja rrappurtaw li l-Ministeri tas-Saħħa tagħhom taw l-appoġġ tagħhom lill-kampanji ta’ għarfien u edukazzjoni billi rreklamaw l-organizzazzjoni ta’ l-attivitajiet li jippromwovu l-għoti volontarju tad-demm, it-tqassim ta’ tagħrif għall-pubbliku u donaturi dwar l-għoti tad-demm permezz ta' fuljetti, posters, eċċ.

Fil-Polonja, is-Salib l-Aħmar ippubblika posters u fuljetti li jippromwovu l-għoti volontarju tad-demm u jispjegaw ir-rwol tiegħu fis-soċjetà. Intbagħtet dokumentazzjoni lill-iskejjel, l-isptarijiet u l-uffiċċji tal-gvernijiet lokali u tqassmet fiċ-ċentri tas-saħħa u matul kampanji tal-ġbir tad-demm. Isiru wkoll programmi tar-radju u t-televiżjoni, kunċerti għad-donaturi tad-demm u kunċerti minn gruppi mużikali.

Fil-Ġermanja, l-Att dwar ir-Reklamar tal-Mediċini ġie emendat sabiex ma jkunx iktar permess li l-ħlas ta’ kunsiderazzjoni monetarja jew kontribut lejn l-ispejjeż jiġi ppubbliċizzat f'rabta ma' l-għoti tad-demm jew tal-plażma. Dan wassal biex is-servizzi tad-demm u l-plażma jqisu mill-ġdid l-approċċ tagħhom lejn il-promozzjoni tad-donazzjonijiet.

Fil-Latvja, id-donazzjonijiet jiġu mħeġġa miċ-Ċentru Nazzjonali tad-Donaturi tad-Demm li jorganizza firxa ta’ kampanji ta’ tagħrif. It-tobba jħeġġu wkoll lin-nies biex jagħtu d-demm fil-każijiet fejn xi ħadd tal-familja kien ħtieġ trasfużjoni tad-demm.

Fl-Italja, l-ewwel kampanji bdew fid-Disgħinijiet u seħħew matul ix-xhur tas-Sajf sabiex jingħeleb in-nuqqas kroniku staġonali. Minn dakinhar, ġew adottati pjanijiet nazzjonali biex jippromwovu d-donazzjonijiet u l-awtosuffiċjenza nazzjonali.

Fl-2004, il-Ministru tas-Saħħa tar-Repubblika tal-Litwanja approva l-Programm dwar il-Promozzjoni ta’ Donazzjonijiet tad-Demm Volontarji u Bla ħlas. Flimkien ma’ seminar dwar il-prinċipji tiegħu, ittella' kunċert, u xxandru reklami fl-istampa u fil-midja.

Il-kwistjoni ta’ l-għoti tad-demm f’Malta tingħata importanza mis-Servizz Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm permezz tal-parteċipazzjoni f'għadd ta' programm tat-televiżjoni u tar-radju, u permezz ta' artikoli fl-istampa lokali.

Fi Spanja, madwar 60 assoċjazzjoni madwar il-Komunitajiet Awtonomi huma involuti f'attivitajiet ta' promozzjoni (taħditiet, posters/fuljetti, rikonoxximent uffiċjali, preparazzjonijiet ta’ ċentri tal-ġbir, kura tad-donaturi, konferenzi).

Fl-Ungerija, sar għadd kbir ta’ proġetti, kampanji ta’ reklutaġġ u kampanji ta’ reklamar biex jippromwovu l-għoti tad-demm, b’enfasi qawwija fuq il-valur soċjali tiegħu.

Saru għadd ta’ stħarriġiet fi Spanja, l-Irlanda, Malta, u r-Renju Unit sabiex ikunu determinati kwistjonijiet bħall-attitudnijiet lejn l-għoti volontarju u bla ħlas, ix-xkiel għad-donazzjonijiet, l-impatt ta' kampanji ta' reklamar, l-aċċessibbiltà tas-sessjonijiet tad-donazzjonijiet, il-kawżi tan-nuqqas tad-demm u l-istrateġiji biex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata.

Is-servizz nazzjonali tad-demm fl-Irlanda impjega uffiċjal eżekuttiv tal- marketing biex jippromwovi r-relazzjonijiet korporattivi, u biex jorganizza preżentazzjonijiet għall-gruppi komunitarji, organizzazzjonijiet tan-negozji u gruppi ta’ l-istudenti. Ġiet ikkuntratta aġenzija biex tmexxi l-kampanja ta’ reklamar Irlandiża dwar l-għoti tad-demm. L-użu ta’ metodi ta’ marketing , fosthom ir-reklamar imħallas, il- marketing dirett u r-relazzjonijiet pubbliċi, intużaw fir-Renju Unit u huma maħsuba li rriżultaw f’taħlita ta’ risponsi diretti u għarfien ikbar dwar id-ditti.

Fl-Italja, saret kampanja ta’ l-internet fl-2002 dwar portali maħluqa apposta biex jiġbdu l-attenzjoni lejn l-attivitajiet ta’ l-assoċjazzjonijiet tad-demm. Is-servizz tat-trasfużjoni tad-demm fl-Irlanda ddiżinja mill-ġdid il-websajt tiegħu f’Settembru 2003 sabiex iħajjar lid-donaturi permezz tat-twissijiet bil-posta elettronika, faċilitajiet ta’ tfittxija tal-kliniċi u kalendarji tal-kliniċi, kif ukoll iservi ta’ għajn ta’ tagħrif relatat. Fl-Iskozja, il-websajt tista’ tintuża għal reġistrazzjoni onlajn tad-donaturi, tagħrif dwar id-donaturi, tagħrif dwar is-sessjoni u mistoqsijiet ta’ natura medika. Proġett sperimentali fl-Irlanda jfakkar lid-donaturi permezz ta’ messaġġi fuq il-mobajl meta jkun hemm klinika tad-donazzjonijiet fiż-żona tagħhom.

Jiem speċjali

Il-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm wera li huwa opportunità għal ħafna Stati Membri biex jiġġeneraw pubbliċità dwar l-għoti tad-demm. Il-Greċja, Spanja, is-Slovenja u l-Polonja kollha rrappurtaw attivitajiet li twettqu biex iżidu l-għarfien fost il-midja u l-pubbliku ġenerali dwar ir-rwol li għandhom id-donaturi volontarji tad-demm.

Fl-Italja Digrieti Ministerjali ħabbru ‘Jiem Nazzjoni tad-Donaturi tad-Demm’ fl-2002-2005, u ġew organizzati attivitajiet kulturali. Fil-Polonja, jiġu organizzati ‘Jiem Miftuħa’ meta t-tobba u l-kapijiet tal-laboratorji jitkellmu dwar l-eliġibbiltà tad-donaturi, u l-metodi li jintużaw biex jiġi miġbur, ittestjat u pproċessat id-demm. Il- ' fl-Irlanda wkoll għandha l-għan li żżid l-għarfien u tinvolvi serje ta’ attivitajiet li jdumu ġimgħa sħiħa.

Għarfien ta’ l-istudenti

Saru programmi ta’ għarfien għall-istudenti fir-Renju Unit, u l-Iskozja fasslet programm ta' reklutaġġ estensiv għall-iskejjel u l-universitajiet. L-Irlanda pproduċiet vidjo edukattiv u l-Latvja tat spjegazzjonijiet dwar l-ipproċessar tad-demm u r-rekwiżiti għad-donaturi lil istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni ogħla permezz ta’ żjarat minn rappreżentanti taċ-Ċentru u l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tad-Donaturi tad-Demm. Fil-Polonja, ġew organizzati kampanji ta’ tagħrif fl-iskejjel u l-kulleġġi sabiex jipprovdu tagħrif dwar il-ġbir, l-ittestjar u t-tħejjija tad-demm. Kompetizzjoni nazzjonali bl-isem ta’ ‘Demm Żagħżugħ isalva l-ħajjiet’ ġiet immirata lejn adulti fil-kulleġġi u wasslet biex ir-rappreżentanti tal-kulleġġi li l-istudenti tagħhom taw l-iktar demm, ingħataw premji. Fis-Slovenja, is-Salib l-Aħmar organizza bosta taħditiet għall-istudenti ta' l-iskejjel sekondarji.

Konklużjoni

Jeżistu inizjattivi differenti għall-promozzjoni tal-prinċipju tad-donazzjonijiet volontarji u bla ħlas, bl-użu ta' metodi daqstant diversi daqs azzjonijiet ta' marketing , programm għall-istudenti u inizjattivi elettroniċi. Xi wħud mill-azzjonijiet huma marbuta mal-promozzjoni ta’ l-għoti tad-demm, filwaqt li oħrajn huma iktar marbuta mal-promozzjoni ta’ l-għoti mingħajr ħlas. Jinħtieġ li jinqassmu l-esperjenzi u li jiġu determinati eżempji ta' l-aħjar prassi.

Azzjoni mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu d-donazzjonijiet volontarji mingħajr ħlas. B'hekk, il-Kummissjoni ssegwi approċċ integrat, li jinkludi strateġiji differenti biex ikunu indirizzati n-nuqqasijiet tad-demm u jippromwovu l-awtosuffiċjenza. Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li jsiru l-azzjonijiet li ġejjin fl-isforzi tagħha biex tippromwovi l-awtosuffiċjenza fid-demm uman jew il-plażma umana permezz ta’ donazzjonijiet volontarji mingħajr ħlas.

Għandu jsir studju madwar l-Ewropa kollha taħt il-programm tas-Saħħa tal-Komunità sabiex jiddetermina l-aħjar prassi għall-promozzjoni tad-donazzjonijiet volontarji mingħajr ħlas, filwaqt li jitqies il-materjal ta’ studju eżistenti pereżempju dwar l-attitudnijiet taċ-ċittadini lejn l-għoti tad-demm. Dan l-istudju għandu jkun immirat lejn l-iżvilupp ta’ metodoloġija u sett bażiku ta’ prinċipji għall-kampanji ta’ għarfien u għandu jkun ibbażat fuq analiżi ta’ l-impatt ta’ inizjattivi ta’ marketing , programmi għall-istudenti u inizjattivi elettroniċi għar-reklutaġġ u ż-żamma tad-donaturi.

Id-diskussjoni dwar l-awtosuffiċjenza fil-Komunità għandha titkompla u għandha tikkomplementa l-promozzjoni tad-donazzjonijiet volontarji mingħajr ħlas b’riflessjoni dwar l-aħjar użu tad-demm, l-element determinanti l-ieħor ta’ l-awtosuffiċjenza.

[1] OJ L33, 8.2.2003. p.30