02015R0640 — MT — 18.02.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/640

tat-23 ta' April 2015

dwar l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà għal tip partikolari ta' operazzjonijiet u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012

(ĠU L 106 24.4.2015, p. 18)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/133 tat-28 ta' Jannar 2019

  L 25

14

29.1.2019




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/640

tat-23 ta' April 2015

dwar l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà għal tip partikolari ta' operazzjonijiet u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012



Artikolu 1

Kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet komuni addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà sabiex isostnu l-kontinwità tal-ajrunavigabbiltà u t-titjib fis-sikurezza ta':

(a) inġenji tal-ajru rreġistrati fi Stat Membru;

(b) inġenji tal-ajru rreġistrati f'pajiż terz u użati minn operatur li għalih Stat Membru jiżgura s-sorveljanza.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament,

(a) “il-konfigurazzjoni operazzjonali massima ta' sits tal-passiġġieri (MOPSC)” tfisser il-kapaċità massima ta' sits tal-passiġġieri ta' inġenju tal-ajru partikolari, minbarra s-sits tal-ekwipaġġ, stabbilita għal skopijiet operazzjonali u speċifikata fil-manwal tal-operat;

▼M1

(b) “ajruplan kbir” tfisser ajruplan li jkollu l-Ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni għal ajruplani kbar “CS-25” jew ekwivalenti fil-bażi taċ-ċertifikazzjoni tiegħu;

▼M1

(c) “ħelikopter kbir” tfisser ħelikopter li jkollu l-Ispeċifikazzjonijiet taċ-Ċertifikazzjoni għal rotorcraft kbar “CS-29” jew ekwivalenti fil-bażi taċ-ċertifikazzjoni tiegħu;

(d) “ajruplan ta” okkupanza limitata' tfisser ajruplan li fih il-konfigurazzjoni massima operattiva ta' sits tal-passiġġieri ta':

(1) sa u inkluż 19-il sit, jew;

(2) sa u inkluż terz tal-kapaċità massima ta' sits tal-passiġġieri tal-ajruplan iċċertifikat tat-tip, kif indikat fl-iskeda informattiva (TCDS), tal-ajruplan iċċertifikat tat-tip, diment li jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) l-għadd totali ta' sits tal-passiġġieri approvati għall-okkupanza matul it-taxiing, it-tlugħ jew l-inżul ma taqbiżx 100 għal kull kabina;

(b) il-konfigurazzjoni massima operattiva ta' sits tal-passiġġieri matul it-taxiing, it-tlugħ jew l-inżul fi kwalunkwe żona individwali bejn pari tal-ħruġ ta' emerġenza (jew kwalunkwe żona li ma jwasslu mkien), ma taqbix iktar minn terz tas-somma tas-sits tal-passiġġieri allokati għall-pari tal-ħruġ ta' emerġenza f'dik iż-żona (bl-użu tal-għadd tas-sits tal-passiġġieri allokati għal kull par ta' ħruġ ta' emerġenza kif definit mill-bażi taċ-ċertifikazzjoni applikabbli tal-ajruplan). Għall-fini li tiġi ddeterminata l-konformità ma' din il-limitazzjoni żonali, fil-każ ta' ajruplan li diżattiva l-ħruġ tal-emerġenza, wieħed għandu jassumi li kull ħruġ ta' emerġenza huwa funzjonali.

▼B

Artikolu 3

L-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà għal tip partikulari ta' operazzjoni

L-operaturi li għalihom Stat Membru jiżgura s-sorveljanzatagħhom, meta joperaw l-inġenji tal-ajru msemmija fl-Artikolu 1, għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tal-Anness I.

Artikolu 4

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 965/2012

L-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament, sabiex jinkludi referenza għal dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Inġenji tal-ajru li għalihom l-operaturi wrew lill-awtorità kompetenti tagħhom il-konformità mal-JAR-26 “Ir-Rekwiżiti Addizzjonali tal-Ajrunavigabbiltà għal Operazzjonijiet” (minn hawn' il quddiem “Rekwiżiti tal-JAR-26”), maħruġa mill-Awtoritajiet Konġunti tal-Avjazzjoni fit-13 ta' Lulju 1998, kif emendat bl-Emenda 3 tal-1 ta' Diċembru 2005, qabel id-dati ta' applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 6, għandhom jitqiesu li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjonijiet ekwivalenti stabbiliti fl-Anness I ta' dan ir-Regolament.

Inġenji tal-ajru li għalihom intweriet il-konformità mar-rekwiżiti tal-JAR-26 ekwivalenti għall-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fil-punti 26.50, 26.105, 26.110, 26.120, 26.150, 26.155, 26.160, 26.200, 26.250 tal-Anness I ta' dan ir-Regolament skont l-ewwel subparagrafu, sussegwentement ma għandhomx jiġu mmodifikati b'mod li jista' jaffettwa l-konformità tagħhom mar-rekwiżiti tal-JAR-26 konċernati.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-14 ta' Mejju 2015

Madankollu, il-punti 26.50, 26.105, 26.110, 26.120, 26.150, 26.155, 26.160, 26.200 u 26.250 tal-Anness I għandhom japplikaw mill-14 ta' Mejju 2017.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

PARTI-26

SPEĊIFIKAZZJONIJIET ADDIZZJONALI TAL-AJRUNAVIGABBILTÀ GĦALL-OPERAZZJONIJIET

▼M1

WERREJ

SUBPARTI A — DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

26.10 L-awtorità kompetenti

26.20 It-tagħmir temporanjament mhux operattiv

26.30 It-turija ta' konformità

SUBPARTI B — AJRUPLANI KBAR

26.50 Is-sits, il-kuċċetti, iċ-ċintorini tas-sikurezza, u ċ-ċineg

26.60 L-inżul ta' emerġenza — kundizzjonijiet dinamiċi

26.100 Il-postijiet tal-ћruġ tal-emerġenza

26.105 L-aċċess għall-ћruġ tal-emerġenza

26.110 Is-sinjali tal-ћruġ tal-emerġenza

26.120 It-tidwil interjuri tal-emerġenza u t-tħaddim tad-dwal tal-emerġenza

26.150 L-arredamenti interni tal-kompartiment

26.155 Il-fjammabbiltà tal-arredamenti tal-istiva tal-merkanzija

26.156 Il-materjali termali jew ta' iżolament akustiku

26.160 Il-protezzjoni kontra n-nar fit-tojlits

26.170 L-estinturi tan-nar

26.200 Il-ħoss ta' twissija fit-tagħmir tal-inżul

26.250 Is-sistemi tat-tħaddim tal-bibien tal-kompartiment tal-ekwipaġġ tat-titjira — inkapaċità singola

SUBPARTI C — ĦELIKOPTERS KBAR

26.400 L-estinturi tan-nar

▼B

SUBPARTI A

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

26.10    Awtorità kompetenti

Għall-fini tal-Parti stabbilita f'dan l-Anness, l-awtorità kompetenti, li lilha l-operaturi għandhom juru l-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet, għandha tkun l-awtorità maħtura mill-Istat Membru li fih l-operatur għandu l-post prinċipali tan-negozju tiegħu.

26.20    Tagħmir temporanjament mhux operattiv

L-ebda titjira ma għandha tinbeda jekk xi strumenti tal-inġenju tal-ajru, xi oġġetti tat-tagħmir jew xi funzjonijiet meħtieġa minn din il-Parti mhumiex operattivi jew huma nieqsa sakemm mhumiex eżentati mil-Lista ta' Tagħmir Minimu tal-operatur kif definit fil-Parti-ORO.MLR.105 u approvati mill-awtorità kompetenti.

26.30    Dimostrazzjoni ta' konformità

(a) L-Aġenzija għandha toħroġ, f'konformità mal-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni bħala mezz standard biex tintwera l-konformità tal-prodotti ma' din il-Parti. L-ispeċifikazzjonijiet taċ-ċertifikazzjoni għandhom ikunu dettaljati u speċifiċi biżżejjed li jindikaw lill-operaturi l-kundizzjonijiet li skonthom il-konformità mar-rekwiżiti ta' din il-Parti tista' tintwera.

(b) L-operaturi jistgħu juru l-konformità mar-rekwiżiti ta' din il-Parti billi jikkonformaw ma':

(i) l-ispeċifikazzjonijiet dettaljati maħruġa mill-Aġenzija skont il-paragrafu (a) jew l-ispeċifikazzjonijiet ekwivalenti maħruġa mill-Aġenzija skont il-Parti 21.A.16 A; jew

(ii) l-istandards tekniċi li joffru livell ekwivalenti ta' sikurezza bħal dawk inklużi f'dawk l-ispeċifikazzjonijiet.

SUBPARTI B

AJRUPLANI KBAR

26.50    Is-sitijiet, il-kuċċetti, iċ-ċintorini tas-sikurezza, u ċ-ċineg

L-operaturi tal-ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru, bit-tip ċertifikat fl-1 ta' Jannar 1958 jew wara, għandhom jiżguraw li kull sit tal-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira jew tal-kabina u s-sistema ta' trażżin huma konfigurati biex jipprovdi livell ottimu ta' protezzjoni f'inżul ta' emerġenza waqt li jippermettu l-funzjonijiet meħtieġa tal-okkupant u jiffaċilitaw il-ħruġ rapidu.

▼M1

26.60    L-inżul ta' emerġenza — kundizzjonijiet dinamiċi

L-operaturi tal-ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru tal-passiġġieri, bit-tip ċertifikat fl-1 ta' Jannar 1958 jew wara, u li għalihom inħareġ l-ewwel iċ-ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18 ta' Frar 2021 għandhom juru għal kull tip ta' disinn ta' sit approvat għall-okkupanza waqt it-taxiing, it-tlugħ jew l-inżul li l-okkupant huwa protett meta jkun espost għal tagħbijiet li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet ta' nżul. Il-prova għandha ssir permezz ta' wieħed minn dawn il-mezzi li ġejjin:

(a) testijiet dinamiċi li tlestew b'suċċess;

(b) analiżi razzjonali li tipprovdi sikurezza ekwivalenti, ibbażata fuq testijiet dinamiċi ta' tip ta' disinn simili ta' sits.

L-obbligu stabbilit fl-ewwel paragrafu ma għandux japplika għas-sits li ġejjin:

(a) sits tal-ekwipaġġ tal-kabina tal-ajruplan,

(b) sits f'ajruplani ta' okkupanza limitata involuti biss f'operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru on demand u mhux skedati.

▼B

26.100    Il-lok tal-ћruġ tal-emerġenza

Ħlief għall-ajruplani li jkollhom konfigurazzjoni ta' ħruġ ta' emerġenza installata u approvata qabel l-1 ta' April 1999, l-operaturi tal-ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru b'konfigurazzjoni massima operattiva tas-sits tal-passiġġieri ta' aktar minn 19 b'punt wieħed ta' ħruġ ta' emerġenza jew aktar diżattivat(i), għandhom jiżguraw li d-distanza(i) bejn il-bqija tal-punti ta' ħruġ jibqgħu kompatibbli ma' evakwazzjoni effettiva.

26.105    Aċċess għall-ћruġ tal-emerġenza

L-operaturi tal-ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru għandhom jipprovdu l-mezzi li jiffaċilitaw il-moviment rapidu u faċli ta' kull passiġġier mis-sit tiegħu għal kull ħruġ ta' emerġenza f'każ ta' evakwazzjoni ta' emerġenza.

26.110    Sinjali tal-ћruġ tal-emerġenza

L-operaturi tal-ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru għandhom jikkonformaw ma' dawn li ġejjin:

(a) għandhom jiġu pprovduti mezzi li jiffaċilitaw il-lok, l-aċċess, u l-operazzjoni tal-ħruġ tal-emerġenza mill-okkupanti tal-kabina tal-passiġġieri f'kundizzjonijiet prevedibbli fil-kabina f'każ ta' evakwazzjoni ta' emerġenza;

(b) għandhom jiġu pprovduti mezzi li jiffaċilitaw il-lok u t-tħaddim tal-ħruġ tal-emerġenza minn persunal fuq barra tal-ajruplan f'każ ta' evakwazzjoni ta' emerġenza.

26.120    Dawl tal-emerġenza intern u tħaddim tad-dawl tal-emerġenza

L-operaturi tal-ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru għandhom jipprovdi l-mezzi li jiżguraw li hemm sinjali ta' ħruġ imdawlin, li l-kabina ġenerali u l-erja tal-ħruġ imdawlin, u li l-kuritur tal-ħruġ tal-livell baxx imdawwal biex jiffaċilita l-lok tal-ħruġ u l-moviment tal-passiġġieri għall- ħruġ f'każ ta' evakwazzjoni ta' emerġenza.

26.150    L-arredamenti interni tal-kompartiment

L-operaturi tal-ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru għandhom jikkonformaw ma' dawn li ġejjin:

(a) il-materjali u t-tagħmir kollha użati fil-kompartimenti okkupati mill-ekwipaġġ jew mill-passiġġieri għandhom juru karatteristiċi ta' fjammabbiltà li huma kompatibbli ma' dawk li jimminimizzaw l-effetti ta' nirien waqt it-titjira u ż-żamma ta' kundizzjonijiet ta' sopravvivenza fil-kabina għal żmien suffiċjenti meħtieġ f'evakwazzjoni mill-inġenji tal-ajru;

(b) il-projbizzjoni tat-tipjip għandha tkun indikata b'plakards;

(c) ir-reċipjenti tal-iskart għandhom ikunu kapaċi jiżguraw it-tifi ta' nirien interni; fuq tali reċipjenti għandu jkun hemm immarkat il-projbizzjoni tar-rimi ta' materjali li jdaħħnu.

26.155    Il-fjammabbiltà tal-inforri tal-istiva tal-merkanzija

L-operaturi tal-ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru, bit-tip ċertifikat wara l-1 ta' Jannar 1958, għandhom jiżguraw li l-inforri tal-istivi tal-merkanzija tal-Klassi C jew tal-Klassi D inbnew minn materjali li jevitaw b'mod adegwat li l-effetti ta' nar fl-istiva jpoġġi fil-periklu l-ajruplan jew l-okkupanti tiegћu.

▼M1

26.156    Il-materjali termali jew ta' iżolament akustiku

L-operaturi tal-ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru, bit-tip ċertifikat wara l-1 ta' Jannar 1958, għandhom jiżguraw li:

(a) għall-ajruplani li għalihom inħareġ l-ewwel iċ-ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà qabel t-18ta' Frar 2021, meta jiġu installati materjali termali jew ta' iżolament akustiku ġodda bħala sostituti fi jew wara t-18ta' Frar 2021, dawk il-materjali ġodda għandhom karatteristiċi ta' reżistenza għat-tixrid tal-fjamma li jimpedixxu jew inaqqsu r-riskju tat-tidrid tal-fjamma fl-ajruplan;

(b) għall-ajruplani li għalihom inħareġ l-ewwel iċ-ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18ta' Frar 2021, il-materjali termali u ta' iżolament akustiku għandhom karatteristiċi ta' reżistenza għat-tixrid tal-fjamma li jimpedixxu jew inaqqsu r-riskju tat-tixrid tal-fjamma fl-ajruplan;

(c) għall-ajruplani li għalihom inħareġ l-ewwel ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18ta' Frar 2021 u b'kapaċità ta' 20 passiġġier jew aktar, ta' materjali termali u ta' iżolament akustiku (inkluż il-mezz ta' rbit tal-materjali mal-fuselage) installati fin-nofs t'isfel tal-ajruplan għandhom karatteristiċi ta' reżistenza għall-penetrazzjoni tal-fjamma li jimpedixxu jew inaqqsu r-riskju ta' penetrazzjoni tal-fjamma fl-ajruplan wara aċċident u li jiżguraw kundizzjonijiet ta' sopravivenza fil-kabina għal żmien meħtieġ biex l-ajruplan jiġi evakwat.

▼B

26.160    Protezzjoni kontra n-nar fit-tojlits

L-operaturi ta' ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru b'konfigurazzjoni massima operazzjonali tas-sits tal-passiġġieri ta' iktar minn 19 għandhom jikkonformaw ma' dawn li ġejjin:

It-tojlits għandhom ikunu mgħammra:

(a) b'mezzi ta' ditezzjoni tad-duħħan;

(b) b'mezzi li awtomatikament jitfu n-nar li jseħħ f'kull reċipjent tal-iskart.

▼M1

26.170    L-estinturi tan-nar

L-operaturi ta' ajruplani kbar għandhom jiżguraw li l-estinturi li ġejjin ma jużawx l-alonu bħala aġent li jitfi n-nar:

(a) estinturi tan-nar inkorporati għal kull reċipjent tal-iskart tat-tojlets għal xugamani, karta jew skart f'ajruplani kbar li għalihom ikun inħareġ l-ewwel ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18ta' Frar 2020;

(b) estinturi tan-nar li jistgħu jinġarru f'ajruplani kbar li għalihom ikun inħareġ l-ewwel ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18ta' Mejju 2019.

▼B

26.200    Ħoss ta' twissija fit-tagħmir għall-inżul

L-operaturi ta' ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru għandhom jiżguraw li jiġi installat apparat xieraq ta' ħoss ta' twissija fit-tagħmir tal-inżul biex titnaqqas b'mod sinifikanti l-probabbiltà ta' nżul jekk it-tagħmir tal-inżul jitreġġa lura bi żball.

26.250    Sistemi tat-tħaddim tal-bibien tal-kompartiment tal-ekwipaġġ tat-titjira — inkapaċità singola

L-operaturi ta' ajruplani kbar użati fit-trasport kummerċjali bl-ajru għandhom jiżguraw li s-sistemi tat-tħaddim tal-bibien tal-kompartiment tal-ekwipaġġ tat-titjira, fejn huma installati, jitwaħħluhom mezzi tal-ftuħ alternattiv sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess mill-membri tal-ekwipaġġ tal-kabina għall-kompartiment tal-ekwipaġġ tat-titjira f'każ ta' inkapaċità singola tal-membri tal-ekwipaġġ tat-titjira.

▼M1

SUBPARTI C — ĦELIKOPTERS KBAR

26.400    L-estinturi tan-nar

L-operaturi ta' ajruplani kbar għandhom jiżguraw li l-estinturi li ġejjin ma jużawx l-alonu bħala aġent li jitfi n-nar:

(a) estintutri tan-nar inkorporati għal kull reċipjent tal-iskart tal-lavatorji għal xugamani, karta jew skart f'ajruplani kbar li għalihom ikun inħareġ l-ewwel ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18ta' Frar 2020;

(b) estinturi tan-nar li jistgħu jinġarru f'ajruplani kbar li għalihom ikun inħareġ l-ewwel ċertifikat individwali tal-ajrunavigabbiltà fi jew wara t-18ta' Mejju 2019.

▼B




ANNESS II

Fl-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, il-punt ORO.AOC.100, is-subparagrafu (c)(1) jinbidel b'dan li ġej:

“(1) dawn jikkonformaw mar-rekwiżiti kollha tal-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, ta' dan l-Anness (il-Parti-ORO), tal-Anness IV (il-Parti-CAT) u tal-Anness V (il-Parti-SPA) ta' dan ir-Regolament u l-Anness I (il-Parti 26) tar-Regolament (UE) 2015/640 ( *1 );

.



( *1 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/640 tat-23 ta' April 2015 dwar l-ispeċifikazzjonijiet addizzjonali tal-ajrunavigabbiltà għal tip partikolari ta' operazzjonijiet u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 (ĠU L 106, 24.4.2015, p. 18)”