European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1263

30.4.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/1263 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-29 ta’ April 2024

dwar il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u dwar is-sorveljanza baġitarja multilaterali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(6) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri fl-Unjoni, kif previst mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), twassal għal konformità mal-prinċipji gwida ta’ prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kundizzjonijiet monetarji sodi u bilanċi tal-pagamenti sostenibbli.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, li inizjalment kien jikkonsisti mir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 (3) u (KE) Nru 1467/97 (4) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 1997 (5), huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi tal-gvern sodi u sostenibbli bħala mezz biex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli u inklużiv b’saħħtu sostnut minn stabbiltà finanzjarja, u b’hekk jappoġġa l-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni għal tkabbir u impjiegi sostenibbli.

(3)

Il-qafas ta’ governanza fiskali jifforma parti mis-Semestru Ewropew, li jinkludi wkoll il-koordinazzjoni u s-sorveljanza ta’ politiki ekonomiċi u tal-impjiegi usa’ tal-Istati Membri, f’konformità mal-Artikoli 121 u 148 TFUE, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u r-rakkomandazzjonijiet relatati speċifiċi għall-pajjiżi.

(4)

L-involviment tal-parlamenti nazzjonali, tas-sħab soċjali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fis-Semestru Ewropew huwa kruċjali biex jiġu żgurati s-sjieda nazzjonali tal-politiki ekonomiċi u fiskali kif ukoll it-tfassil ta’ politika trasparenti u inklużiv.

(5)

Jenħtieġ li l-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni jiġi adattat biex titqies aħjar l-eteroġeneità ikbar tal-pożizzjonijiet fiskali, id-dejn pubbliku u l-isfidi ekonomiċi, kif ukoll vulnerabbiltajiet oħra fl-Istati Membri. Ir-rispons politiku qawwi għall-pandemija tal-COVID-19 kien effettiv ħafna fil-mitigazzjoni tal-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-kriżi kkawżata minn dik il-pandemija, iżda rriżulta f’żieda sinifikanti fil-proporzjonijiet tad-dejn tas-settur pubbliku u privat, li jenfasizza l-importanza li l-proporzjonijiet tad-dejn u d-defiċits jitnaqqsu għal livelli prudenti b’mod gradwali, realistiku, sostnut u favorevoli għat-tkabbir li jiżgura l-flessibbiltà għal politiki kontroċikliċi u jindirizza l-iżbilanċi makroekonomiċi, filwaqt li tingħata attenzjoni xierqa lill-objettivi tal-impjiegi u dawk soċjali. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni jiġi adattat biex jgħin fl-indirizzar tal-isfidi fuq terminu medju u twil li għandha quddiemha l-Unjoni bħall-kisba ta’ tranżizzjoni diġitali u ekoloġika ġusta, inkluż l-objettivi dwar il-klima stipulati fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6), l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija, l-appoġġ għal awtonomija strateġika miftuħa, l-indirizzar tat-tibdil demografiku, it-tisħiħ tar-reżiljenza soċjali u ekonomika u l-konverġenza sostnuta, u l-implimentazzjoni tal-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, li kollha kemm huma jirrikjedu riformi u livelli għoljin sostnuti ta’ investiment fis-snin li ġejjin.

(6)

Jenħtieġ li l-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir sostenibbli u inklużiv u għalhekk jiddifferenzja bejn l-Istati Membri billi jqis l-isfidi tagħhom ta’ dejn pubbliku u l-isfidi ekonomiċi u billi jippermetti perkorsi fiskali pluriennali speċifiċi għall-pajjiżi, filwaqt li jiżgura sorveljanza multilaterali effettiva u jirrispetta l-prinċipju ta’ trattament ugwali.

(7)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat livell adatt ta’ investiment pubbliku sabiex jintlaħqu l-objettivi ewlenin tar-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika kif stabbiliti f’dan ir-Regolament kif ukoll biex jiġu indirizzati l-prijoritajiet attwali u futuri tal-Unjoni. L-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji bħall-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, li bħalissa jinkludu l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) stabbilit mir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), skont l-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 (10), jew skont l-Istrument Ewropew għal Appoġġ temporanju biex jittaffew ir-Riskji ta’ Qgħad f’Emerġenza stabbilit mir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 (11), tista’ sservi biex minnha jittieħdu tagħlimiet għal titjib fl-effikaċja u l-effiċjenza tal-investimenti u tal-politiki tal-impjieg, u għal kwalunkwe strument ta’ investiment tal-Unjoni li jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni.

(8)

Il-proċedura ta’ sorveljanza multilaterali stabbilita fl-Artikolu 121(2), (3) u (4) u fl-Artikolu 148(4) TFUE jenħtieġ li timmonitorja l-medda sħiħa ta’ żviluppi ekonomiċi u tal-impjiegi f’kull Stati Membru u fl-Unjoni kollha kemm hi. Dan jinkludi s-sejbien ta’ żbilanċi makroekonomiċi u l-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbilanċi eċċessivi stipulati fir-Regolamenti (UE) Nru 1174/2011 (12) u (UE) Nru 1176/2011 (13) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, rispettivament. Għall-monitoraġġ ta’ dawk l-iżviluppi ekonomiċi u tal-impjiegi, jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw informazzjoni fil-forma ta’ pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju li jkopru perjodu ta’ erba’ jew ħames snin, skont it-tul regolari tal-leġiżlatura tal-Istat Membru kkonċernat. Bħala parti mill-analiżi integrata tagħha tal-iżviluppi soċjali u tal-impjiegi fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni tivvaluta r-riskji għall-konverġenza soċjali ‘l fuq fl-Istati Membri u timmonitorja l-progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali abbażi tat-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali u tal-prinċipji tal-Qafas ta’ Konverġenza Soċjali.

(9)

Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli dettaljati dwar il-kontenut, il-preżentazzjoni, il-valutazzjoni, l-approvazzjoni u l-monitoraġġ ta’ pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, sabiex jiġu promossi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri, u r-reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, inkluż dawk li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet komuni tal-Unjoni, u tiġi evitata l-okkorrenza ta’ defiċits eċċessivi tal-gvern.

(10)

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li jiġbru flimkien il-politika fiskali, ir-riformi strutturali u l-investimenti ta’ kull Stat Membru. Dawk il-pjanijiet jenħtieġ li jkunu l-pedament tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni. Jenħtieġ li kull Stat Membru jippreżenta pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li jagħti l-perkors fiskali tiegħu kif ukoll r-riformi u l-investimenti pubbliċi prijoritarji li flimkien jiżguraw tnaqqis sostnut u gradwali tad-dejn u tkabbir sostenibbli u inklużiv, filwaqt li tiġi evitata politika fiskali proċiklika. Jenħtieġ li dawk il-pjanijiet jinkludu wkoll riformi u investimenti usa’, inkluż fir-rigward tal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni, jiġifieri t-tranżizzjoni ekoloġika, inkluż il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika sal-2050 f’konformità mar-Regolament (UE) 2021/1119 u permezz tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima ppreżentati f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14); it-tranżizzjoni diġitali, inkluż il-Programm ta’ Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali stabbilit bid-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15); ir-reżiljenza soċjali u ekonomika u l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, inkluż il-miri relatati dwar l-impjiegi, il-ħiliet u t-tnaqqis tal-faqar sal-2030; is-sigurtà tal-enerġija; u t-tisħiħ tal-mezzi ta’ difiża fejn applikabbli, inkluż il-Boxxla Strateġika għas-Sigurtà u d-Difiża, jew atti sussegwenti tal-Unjoni rilevanti għal dawk il-prijoritajiet. Matul il-perjodu ta’ operat tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita bir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16), jenħtieġ li jittieħed kont kif xieraq tal-impenji meqjusa fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza meta jitfasslu l-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju.

(11)

Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni huma wkoll sinkronizzati mas-Semestru Ewropew. Bħala l-politika ta’ investiment fit-tul tal-baġit tal-Unjoni, jenħtieġ li jitqiesu wkoll ir-riformi u l-investimenti taħt dawk il-fondi meta jitfasslu l-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà.

(12)

Jenħtieġ li l-preżentazzjoni ta’ pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tkun preċeduta minn djalogu tekniku mal-Kummissjoni biex tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jenħtieġ li tinkludi sommarju ta’ dak id-djalogu tekniku. Jenħtieġ li, abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill jadotta rakkomandazzjoni li tagħti l-perkors tan-nefqa netta u, kif xieraq, japprova r-riformi u l-investimenti li jirfdu l-estensjoni possibbli tal-perjodu ta’ aġġustament.

(13)

Sabiex jiġi ssimplifikat il-qafas fiskali tal-Unjoni u tiżdied it-trasparenza, jenħtieġ li indikatur operazzjonali uniku ankrat fis-sostenibbiltà tad-dejn jservi bħala bażi għall-istabbiliment tal-perkors fiskali u għat-twettiq ta’ sorveljanza fiskali annwali għal kull Stat Membru. Dak l-indikatur operazzjonali uniku jenħtieġ li jkun ibbażat fuq in-nefqa primarja netta ffinanzjata fil-livell nazzjonali, jiġifieri: in-nefqa netta tal-gvern min-nefqa f’imgħax, il-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, in-nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni ffinanzjata bis-sħiħ mid-dħul mill-fondi tal-Unjoni, in-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament tal-programmi ffinanzjati mill-Unjoni, kif ukoll l-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċju tal-qgħad. F’konformità mal-prinċipji gwida użati mill-Kummissjoni għall-klassifikazzjoni tat-tranżazzjonijiet bħala miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra, jenħtieġ li dawk il-miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra wkoll jiġu esklużi mill-indikatur tan-nefqa netta tal-gvern. Dak l-indikatur, li mhuwiex affettwat mill-operat tal-istabbilizzaturi awtomatiċi u fluttwazzjonijiet oħra fin-nefqa barra mill-kontroll dirett tal-gvern, jipprovdi flessibbiltà għall-istabbilizzazzjoni makroekonomika kontroċiklika.

(14)

Sabiex jiġi inkwadrat id-djalogu li jwassal għall-preżentazzjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tittrażmetti lill-Istati Membri b’dejn tal-gvern estiż li jaqbeż is-60 % tal-PDG jew b’defiċit tal-gvern li jaqbeż it-3 % tal-PDG, kif stipulat fl-Artikolu 126(2) TFUE flimkien mal-Protokoll (Nru 12) tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u TFUE (il-“Protokoll (Nru 12)”), trajettorja referenzjarja li tkopri perjodu ta’ aġġustament ta’ erba’ snin bil-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ mhux aktar minn tliet snin. Jenħtieġ li dik it-trajettorja tkun ibbażata fuq ir-riskju, tkun speċifika għall-pajjiż u tkun ankrata fis-sostenibbiltà tad-dejn biex jiġi żgurat approċċ li jħares ‘il quddiem li jkun adatt kemm għall-isfidi attwali kif ukoll dawk futuri.

(15)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, fuq talba ta’ Stat Membru b’dejn tal-gvern li ma jaqbiżx is-60 % tal-PDG u b’defiċit tal-gvern li ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG, tittrażmetti gwida fil-forma ta’ informazzjoni teknika lil dak l-Istat Membru.

(16)

Matul ix-xahar ta’ qabel id-data ta’ skadenza li sa fiha l-Kummissjoni għandha tittrażmetti trajettorja referenzjarja jew informazzjoni teknika lil Stat Membru, jenħtieġ li dak l-Istat Membru jkollu l-possibbiltà li jitlob skambju tekniku mal-Kummissjoni. Jenħtieġ li dak l-iskambju tekniku jipprovdi opportunità biex tiġi diskussa l-aħħar informazzjoni statistika disponibbli u l-prospetti ekonomiċi u fiskali tal-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li jiġi żgurat it-trattament ugwali tal-Istati Membri.

(17)

Il-qafas multilaterali ta’ sorveljanza baġitarja tal-Unjoni huwa bbażat fuq data statistika pprovduta mill-Eurostat, li huwa responsabbli, f’isem il-Kummissjoni, li jiżgura l-kwalità tad-data fiskali miġbura f’konformità mas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali. L-Eurostat għandu jistabbilixxi qafas għar-rappurtar mill-Istati Membri ta’ data statistika dwar il-kofinanzjament nazzjonali ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u li bħalissa mhumiex miġbura mill-Eurostat. Sakemm jiġi stabbilit il-qafas għall-ġbir u l-forniment ta’ tali data, jenħtieġ li l-Istati Membri jitħallew jiddependu fuq l-istimi. Il-format, l-ambitu, il-frekwenza u meta tingħata tali data mill-Istati Membri għandhom jiġu ddeterminati mill-korpi tal-istatistika rilevanti tal-Unjoni.

(18)

Jenħtieġ li t-trajettorja referenzjarja tiżgura li, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, id-dejn tal-gvern estiż ikun fuq trajettorja ‘l isfel plawżibbli jew jibqa’ f’livelli prudenti, anki f’xenarji negattivi. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiżgura li d-defiċit tal-gvern estiż jinġieb u jinżamm taħt it-3 % tal-PDG, filwaqt li jitqies il-fatt li l-Istati Membri jistgħu jiffaċċaw kostijiet addizzjonali wara tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, pereżempju kostijiet marbuta mat-tixjiħ demografiku. Fl-aħħar nett, jenħtieġ li tiżgura l-konsistenza mal-perkors korrettiv skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97.

(19)

Sabiex titjieb il-prevedibbiltà fl-eżitu tal-qafas multilaterali tas-sorveljanza baġitarja tal-Unjoni u jissaħħaħ it-trattament ugwali bejn l-Istati Membri, jenħtieġ li t-trajettorja referenzjarja tikkonforma ex ante ma’ salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn. Jenħtieġ li dik is-salvagwardja tiżgura fil-fażi tat-tfassil tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern ipprojettat jonqos b’medja annwali minima. Din taġixxi bħala rekwiżit minimu għall-isforz sottostanti għat-trajettorja referenzjarja u l-perkors tan-nefqa netta. Minħabba l-kompożizzjoni speċifika tad-dejn pendenti tal-gvern tal-Greċja, ammont sinifikanti ta’ pagamenti tal-imgħax differiti huwa mistenni li jsir dovut fl-2033. Għalhekk jenħtieġ li ż-żieda eċċezzjonali relatata fil-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż imqabbel mal-PDG tal-Greċja ma titqiesx fl-applikazzjoni tas-salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn.

(20)

Ir-rekwiżiti bbażati fuq ir-riskju għat-trajettorja referenzjarja mistennija li jkunu biżżejjed biex iġibu l-livelli tad-defiċit tal-gvern sew taħt il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG. Madankollu, sabiex il-qafas multilaterali tas-sorveljanza baġitarja jsir aktar robust minħabba żviluppi inċerti fil-valuri varjabbli makrofiskali, jenħtieġ li t-trajettorja referenzjarja tipprevedi wkoll marġni komuni ta’ reżiljenza fir-rigward tal-valur referenzjarju għad-defiċit imsemmi fl-Artikolu 126(2) TFUE flimkien mal-Protokoll (Nru 12) jew il-konverġenza lejn dak il-valur referenzjarju għad-defiċit. Jenħtieġ li dik is-salvagwardja komuni tar-reżiljenza tiżgura l-akkumulazzjoni ta’ buffers fiskali għal ċirkostanzi avversi u skossi, u b’hekk tiffaċilita t-twettiq ta’ politiki kontroċikliċi fil-qafas fiskali tal-Unjoni.

(21)

Għall-ewwel pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, jenħtieġ li l-plawżibbiltà li d-dejn tal-gvern jonqos fuq terminu medju tkun ibbażata fuq il-metodoloġija deskritta fil-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn 2023 tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li grupp ta’ ħidma għall-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn jesplora titjib metodoloġiku possibbli, inkluż dwar suppożizzjonijiet sottostanti. Dak il-grupp ta’ ħidma jenħtieġ li jkun magħmul minn esperti mill-Istati Membri, mill-Kummissjoni u mill-Bank Ċentrali Ewropew. Jenħtieġ li rappreżentanti tal-Bord Fiskali Ewropew u tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà jiġu mistiedna minn dak il-grupp ta’ ħidma bħala osservaturi. Jenħtieġ li l-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jkun jista’ jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-metodoloġija tagħha fil-kuntest tad-djalogu stabbilit b’dan ir-Regolament.

(22)

Sabiex jiġi vvalutat jekk humiex meħtieġa aġġustamenti ulterjuri fi tmiem il-perjodu ta’ implimentazzjoni ta’ erba’ jew ħames snin tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjoni mill-ġdid u tressaq trajettorja referenzjarja ġdida jekk id-dejn tal-gvern tal-Istat Membru jkun għadu ogħla minn 60 % tal-PDG previst fit-Trattat jew jekk id-defiċit tal-gvern ikun ogħla minn 3 % tal-PDG.

(23)

Jenħtieġ li kull pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jsemmi l-istatus tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali, b’mod partikolari jekk il-pjan ġiex ippreżentat lill-parlament nazzjonali u jekk kienx approvat mill-parlament nazzjonali. Jenħtieġ li l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jindika wkoll jekk il-parlament nazzjonali kellux l-opportunità li jiddiskuti r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-pjan preċedenti u, fejn rilevanti, kwalunkwe rakkomandazzjoni jew deċiżjoni oħra tal-Kunsill, jew kwalunkwe twissija mill-Kummissjoni. Jekk tkun disponibbli, jenħtieġ li l-opinjoni tal-istituzzjoni fiskali indipendenti stabbilita skont id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE (17) tinhemeż mal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju preżentat lill-Kummissjoni. Qabel il-preżentazzjoni tat-tieni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju u dak sussegwenti, jenħtieġ li kull Stat Membru jwettaq, f’konformità mal-qafas legali nazzjonali tiegħu, proċess ta’ konsultazzjoni tas-sħab soċjali, tal-awtoritajiet reġjonali, tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u ta’ partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti oħra. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar il-konsultazzjoni tal-parlamenti nazzjonali u dwar il-proċess ta’ konsultazzjoni tiġi inkluża fil-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Minħabba l-iskeda aktar stretta prevista għat-tħejjija tal-ewwel pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jwettqu konsultazzjoni fit-tħejjija għaliha bi skadenzi xierqa.

(24)

Fil-każ ta’ gvern li jkun għadu kif inħatar, Stat Membru jenħtieġ li jkollu l-possibbiltà li jippreżenta pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut lill-Kummissjoni. Jekk ikun hemm ċirkostanzi oġġettivi li jipprevjenu l-implimentazzjoni ta’ pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, jenħtieġ li Stat Membru jkollu l-possibbiltà li jippreżenta pjan rivedut lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 12-il xahar qabel tmiem il-pjan attwali.

(25)

Meta l-Istati Membri jużaw suppożizzjonijiet fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom li jvarjaw mill-qafas għall-projezzjoni fuq terminu medju tad-dejn tal-gvern, jenħtieġ li jispjegaw u jiġġustifikaw id-differenzi b’mod trasparenti u abbażi ta’ argumenti ekonomiċi sodi fid-djalogu tekniku u fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom.

(26)

Meta l-Kunsill iqis li l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut ta’ Stat Membru ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kunsill jirrakkomanda, bħala regola, it-trajettorja referenzjarja oriġinali li kienet ġiet trażmessa qabel mill-Kummissjoni bħala l-perkors tan-nefqa netta.

(27)

Sabiex tkun tista’ ssir interazzjoni xierqa bejn il-qafas komuni tal-Unjoni u l-oqfsa baġitarji nazzjonali, jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-Istati Membri mal-perkorsi rispettivi tagħhom dwar in-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill biss fuq l-iżviluppi tan-nefqa netta. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu l-objettivi baġitarji nazzjonali tagħhom f’termini ta’ indikatur differenti, bħall-bilanċ strutturali jekk dan ikun meħtieġ mill-qafas baġitarju nazzjonali tagħhom.

(28)

Jenħtieġ li l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju teżamina b’mod partikolari l-plawżibbiltà tas-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u fiskali, sal-punt li dawn jitbiegħdu minn dawk sottostanti għat-trajettorja referenzjarja. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-projezzjonijiet tad-dejn b’politika mhux mibdula li għandhom jiġu inklużi fil-pjan ikunu komparabbli mal-projezzjonijiet tal-Kummissjoni.

(29)

Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali fuq terminu medju, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Kunsill jimmonitorjaw ir-riformi u l-investimenti inklużi f’dawk il-pjanijiet skont is-Semestru Ewropew, abbażi tar-rapporti ta’ progress annwali ppreżentati mill-Istati Membri, u f’konformità mal-Artikoli 121 u 148 TFUE. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jidħlu fi djalogu ekonomiku mal-Parlament Ewropew.

(30)

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew ikun involut b’mod regolari u strutturat fis-Semestru Ewropew sabiex jiżdiedu t-trasparenza, ir-responsabbiltà u s-sjieda tad-deċiżjonijiet meħuda fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Jenħtieġ li l-President tal-Kunsill u l-Kummissjoni jinfurmaw regolarment lill-Parlament Ewropew bir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali skont dan ir-Regolament. L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li titħejja u tintbagħat mill-Kummissjoni lill-Kunsill, u jenħtieġ li tkun disponibbli għall-Parlament Ewropew mingħajr dewmien żejjed.

(31)

Sabiex jiġi żgurat tnaqqis aktar gradwali tad-dejn, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’massimu ta’ tliet snin jekk l-Istat Membru jirfed il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tiegħu b’sett ta’ riformi u investimenti verifikabbli u marbuta biż-żmien li, meħuda flimkien, bħala regola ġenerali, isaħħu t-tkabbir u r-reżiljenza; jappoġġaw is-sostenibbiltà fiskali; jindirizzaw il-prijoritajiet komuni tal-Unjoni; jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiżi fl-ambitu tas-Semestru Ewropew, inkluż, fejn japplika, ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont il-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku, kif ukoll il-prijoritajiet ta’ investiment speċifiċi għall-pajjiż, mingħajr ma jwasslu għal tnaqqis fil-livell ta’ investiment pubbliku ffinanzjat f’livell nazzjonali matul il-perjodu tal-pjan, meta mqabbel mal-livell fuq terminu medju qabel il-bidu tal-pjan, b’kont meħud tal-firxa u tal-iskala tal-isfidi speċifiċi għall-pajjiżi.

(32)

Jenħtieġ li s-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament ikun konsistenti mal-impenji inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza approvat tal-Istat Membru kkonċernat matul il-perjodu ta’ operat tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Ftehim ta’ Sħubija maqbul fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali. Fejn il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludu riformi u investimenti ambizzjużi, b’mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku u s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju, jenħtieġ li dawn jitqiesu li jikkonformaw mar-rekwiżiti għall-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għall-ewwel pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju.

(33)

Jenħtieġ li s-sett ta’ riformi u investimenti li jinsabu fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jkun allinjat mal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni, li jinkludi: il-kisba ta’ tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, fosthom il-konsistenza mal-objettivi dwar il-klima stipulati fir-Regolament (UE) 2021/1119; ir-reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; is-sigurtà tal-enerġija; u fejn meħtieġ, it-tisħiħ tal-mezzi ta’ difiża. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lil dawk il-prijoritajiet fil-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Jenħtieġ li dak is-sett ta’ riformi u investimenti jkun konsistenti wkoll mal-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali ddeterminati mill-Istat Membru kkonċernat biex jindirizza dawk il-prijoritajiet tal-Unjoni.

(34)

Bil-ħsieb li jitrawmu strateġiji ta’ konsolidazzjoni fiskali li jiffavorixxu t-tkabbir, jenħtieġ li l-impatt tar-riformi u tal-investimenti, ladarba jiġu implimentati skont il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, jitqies kif xieraq fit-tfassil tal-pjanijiet sussegwenti. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-impatt fuq is-sostenibbiltà fiskali permezz tad-dħul, in-nefqa u t-tkabbir potenzjali pubbliċi futuri, kif ukoll il-kontribut għal prijoritajiet komuni tal-Unjoni, abbażi ta’ evidenza ekonomika soda u mmexxija mid-data.

(35)

Meta Stat Membru jonqos milli jikkonforma b’mod sodisfaċenti mas-sett ta’ riformi u investimenti marbut biż-żmien li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta aktar gradwali kif stabbilit mill-Kunsill sal-iskadenza speċifikata, jenħtieġ li l-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, ikun jista’ jirrakkomanda li titnaqqas l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament, jiġifieri li jiżdied l-isforz ta’ aġġustament annwali, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi oġġettivi li jipprevjenu l-implimentazzjoni sal-iskadenza prevista fil-bidu.

(36)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi kont ta’ kontroll għal kull Stat Membru biex tirreġistra d-devjazzjonijiet annwali u kumulattivi ‘l fuq u ‘l isfel tan-nefqa netta osservata mill-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill. Jenħtieġ li l-kont ta’ kontroll ma jirreġistrax devjazzjonijiet sakemm jibqgħu attivati klawżoli liberatorji. F’konformità mal-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, meta tħejji r-rapport skont l-Artikolu 126(3) TFUE, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis bħala fatturi rilevanti l-progress fl-implimentazzjoni tar-riformi u l-investimenti, inkluż, b’mod partikolari, il-politiki għall-implimentazzjoni tal-istrateġija komuni tat-tkabbir u l-impjiegi tal-Unjoni, u tagħti kunsiderazzjoni partikolari lill-kontribuzzjonijiet finanzjarji biex jinkisbu l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni kif stabbilit f’dan ir-Regolament.

(37)

L-istituzzjonijiet fiskali indipendenti wrew il-kapaċità tagħhom li jrawmu d-dixxiplina fiskali u li jsaħħu l-kredibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri. Sabiex tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali, jenħtieġ li r-rwol konsultattiv tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti jinżamm fil-qafas tal-governanza ekonomika riformat tal-Unjoni, bil-ħsieb li gradwalment jissaħħu l-kapaċitajiet tagħhom.

(38)

Jenħtieġ li Bord Fiskali Ewropew permanenti u aktar indipendenti jaqdi rwol konsultattiv aktar prominenti fil-qafas tal-governanza ekonomika tal-Unjoni. Jenħtieġ li jkompli jevalwa l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, jivvaluta l-pożizzjoni fiskali prospettiva għaż-żona tal-euro kollha kemm hi, u jipprovdi pariri lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, filwaqt li jirrispetta r-rwol u l-prerogattivi tal-Kummissjoni stabbiliti f’TUE u fi TFUE. Jenħtieġ li jsir aktar indipendenti u jkollu aċċess aħjar għall-informazzjoni. Jenħtieġ li l-Kunsill u l-Parlament Ewropew jiġu kkonsultati fil-proċess tal-ħatra tal-President tiegħu u tal-Membri tal-Bord. Jenħtieġ li dawk il-ħatriet, kemm jista’ jkun, jiżguraw bilanċ xieraq ġeografiku u bejn il-ġeneri.

(39)

Jenħtieġ li meta l-Kummissjoni tagħti opinjoni dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji ppreżentati skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (18), hija tivvaluta jekk l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji jkunux konsistenti mal-perkorsi tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill skont dan ir-Regolament.

(40)

Fil-każ ta’ skossi kbar għaż-żona tal-euro jew għall-Unjoni kollha kemm hi, jeħtieġ li jkun hemm klawżola liberatorja ġenerali li tkun tista’ tindirizza reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi billi tippermetti devjazzjoni mill-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, dment li tali devjazzjoni ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. L-iskattar u l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali għandhom ikunu soġġetti għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li l-Kunsill jenħtieġ li jagħmel ħiltu biex jadottaha fi żmien erba’ ġimgħat wara rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Jenħtieġ li l-Bord Fiskali Ewropew jagħti opinjoni dwar l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali.

(41)

Minbarra l-klawżola liberatorja ġenerali, jenħtieġ li jkun hemm klawżola liberatorja speċifika għal pajjiż biex tippermetti devjazzjoni mill-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill meta ċirkostanzi eċċezzjonali, bħal avvenimenti eżoġeni imprevedibbli li huma barra mill-kontroll tal-Istat Membru, li jkollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru u li jirrikjedu miżuri fiskali kontroċikliċi, dment li tali devjazzjoni ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. L-iskattar u l-estensjoni tal-klawżoli liberatorji speċifiċi għal pajjiż għandhom ikunu soġġetti għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill, li l-Kunsill jenħtieġ li jagħmel ħiltu biex jadottahom fi żmien erba’ ġimgħat wara rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, b’kont meħud tat-talba mill-Istat Membru kkonċernat li skatta jew estenda l-klawżola liberatorja speċifika għall-pajjiż.

(42)

Dan ir-Regolament huwa parti minn pakkett flimkien mar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/1264 (19) u d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 (20). Dawn it-tliet atti leġiżlattivi flimkien (minn hawn ‘il quddiem imsejħa lkoll bħala r-“riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika”) jirriformaw il-qafas ta’ governanza ekonomika tal-Unjoni, li jinkorpora fil-liġi tal-Unjoni s-sustanza tat-Titolu III (Patt Fiskali) tat-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (21) tat-2 ta’ Marzu 2012 (it-“TSKG”), f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dak it-Trattat. Billi jibni fuq l-esperjenza tal-implimentazzjoni tat-TSKG mill-Istati Membri, ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika żżomm l-orjentazzjoni fuq terminu medju tal-Patt Fiskali bħala għodda biex jinkisbu d-dixxiplina baġitarja u l-promozzjoni tat-tkabbir. Ir-riforma tal-qafas ta’ governanza ekonomika jinkludi dimensjoni speċifika għall-pajjiż imsaħħa mmirata lejn it-tisħiħ tas-sjieda nazzjonali, inkluż billi jinżamm ir-rwol konsultattiv tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti, li essenzjalment jibbaża fuq il-prinċipji komuni tal-Patt Fiskali dwar il-mekkaniżmi nazzjonali ta’ korrezzjoni fiskali proposti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha tal-20 ta’ Ġunju 2012 f’konformità mal-Artikolu 3(2) tat-TSKG. L-analiżi tan-nefqa, netta mill-miżuri ta’ dħul diskrezzjonali, għall-valutazzjoni ġenerali tal-konformità meħtieġa mill-Patt Fiskali hija ppreżentata f’dan ir-Regolament. Bħal fil-Patt Fiskali, devjazzjonijiet temporanji mill-pjan fuq terminu medju huma permessi biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali f’konformità ma’ dan ir-Regolament u skont id-dispożizzjonijiet dwar il-kont ta’ kontroll. B’mod simili għall-Patt Fiskali, f’każ ta’ devjazzjonijiet sinifikanti mill-pjan fuq terminu medju, jenħtieġ li jiġu implimentati miżuri biex jiġu kkoreġuti d-devjazzjonijiet fuq perjodu definit. Ir-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika ssaħħaħ is-sorveljanza fiskali u l-proċeduri tal-infurzar biex jitwettaq l-impenn tal-promozzjoni ta’ finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli u tkabbir sostenibbli u inklużiv. B’hekk, ir-riforma tal-qafas tal-governanza ekonomika żżomm l-objettivi fundamentali tad-dixxiplina baġitarja u s-sostenibbiltà tad-dejn kif jinsabu fil-Patt Fiskali.

(43)

Sabiex jiġu żgurati l-implimentazzjoni effettiva u monitoraġġ xieraq ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tipprovdi gwida f’waqtha, wara li titlob opinjoni mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, dwar l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-Istati Membri fil-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom u fir-rapporti ta’ progress annwali tagħhom. Jenħtieġ li dik il-gwida issir pubblika.

(44)

Jenħtieġ li s-sorveljanza multilaterali tkun ibbażata fuq statistika ta’ kwalità għolja u indipendenti prodotta f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22).

(45)

Minħabba li l-objettivi ta’ dan ir-Regolament biex jiżguraw il-koordinazzjoni effettiva tal-politiki ekonomiċi u s-sorveljanza baġitarja multilaterali, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, għal raġunijiet ta’ skala jew tal-effett tal-koordinazzjoni u s-sorveljanza, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi,

(46)

Fid-dawl tal-iskadenza eżistenti skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni effettiva ta’ politiki ekonomiċi sodi tal-Istati Membri, u b’hekk jappoġġa l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni għat-tkabbir sostenibbli u inklużiv u l-impjiegi.

2.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati dwar il-kontenut, il-preżentazzjoni, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju bħala parti mis-sorveljanza baġitarja multilaterali mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, sabiex jippromwovi finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, tkabbir inklużiv u sostenibbli u reżiljenza permezz ta’ riformi u investimenti, u jipprevjeni defiċits eċċessivi tal-gvern.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“rakkomandazzjoni speċifika għall-pajjiż” tfisser il-gwida annwali indirizzata mill-Kunsill lil Stat Membru dwar il-politiki ekonomiċi, baġitarji, tal-impjiegi u strutturali f’konformità mal-Artikoli 121 u 148 TFUE;

(2)

“nefqa netta” tfisser in-nefqa tal-gvern, netta min-nefqa fuq l-imgħax, mill-miżuri tad-dħul diskrezzjonali, min-nefqa fuq programmi tal-Unjoni ffinanzjati bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni, min-nefqa nazzjonali fuq il-kofinanzjament ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni, mill-elementi ċikliċi tan-nefqa fuq il-benefiċċji tal-qgħad, u minn miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħra;

(3)

“trajettorja referenzjarja” tfisser it-trajettorja tan-nefqa netta pluriennali trażmessa mill-Kummissjoni biex tinkwadra d-djalogu mal-Istati Membri fejn id-dejn tal-gvern jaqbeż is-60 % tal-prodott domestiku gross (PDG) jew fejn id-defiċit tal-gvern jaqbeż it-3 % tal-PDG meta jfasslu l-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali tagħhom fuq terminu medju;

(4)

“informazzjoni teknika” tfisser il-gwida trażmessa mill-Kummissjoni, fuq talba, lill-Istati Membri b’dejn tal-gvern li ma jaqbiżx is-60 % tal-PDG u b’defiċit tal-gvern li ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG qabel ma l-Istati Membri jfasslu l-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali tagħhom fuq terminu medju;

(5)

“perkors tan-nefqa netta” tfisser it-trajettorja pluriennali għan-nefqa netta ta’ Stat Membru;

(6)

“pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju” tfisser id-dokument li fih l-impenji fiskali, ta’ riforma u ta’ investiment ta’ Stat Membru, li jkopri perjodu ta’ erba’ jew ħames snin skont it-tul regolari tal-leġiżlatura ta’ dak l-Istat Membru;

(7)

“rapport ta’ progress annwali” tfisser ir-rapport ta’ Stat Membru dwar l-implimentazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tiegħu, inkluż il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, u dwar ir-riformi u l-investimenti;

(8)

“perjodu ta’ aġġustament” tfisser il-perjodu li matulu jseħħ l-aġġustament fiskali ta’ Stat Membru, li jkopri perjodu ta’ erba’ snin jew, fil-każ ta’ estensjoni, perjodu ta’ erba’ snin flimkien ma’ perjodu estiż addizzjonali ta’ mhux aktar minn tliet snin;

(9)

“kont ta’ kontroll” tfisser reġistru tad-devjazzjonijiet ‘il fuq u ‘l isfel akkumulati tan-nefqa netta osservata fi Stat Membru mill-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill;

(10)

“bilanċ strutturali” tfisser il-bilanċ tal-gvern estiż aġġustat ċiklikament, nett minn miżuri ta’ darba u oħrajn temporanji;

(11)

“bilanċ primarju strutturali” tfisser il-bilanċ strutturali, nett min-nefqa fuq l-imgħax.

KAPITOLU II

SEMESTRU EWROPEW

Artikolu 3

Is-Semestru Ewropew

1.   Sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u konverġenza sostnuta tal-prestazzjoni ekonomika u soċjali tal-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni, bl-involviment tal-Parlament Ewropew f’konformità mal-Artikolu 27 ta’ dan ir-Regolament, għandhom iwettqu sorveljanza multilaterali fil-kuntest tas-Semestru Ewropew f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fi TFUE.

2.   Is-sorveljanza multilaterali għandha tistrieħ fuq statistika ta’ kwalità għolja u indipendenti, prodotta f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 223/2009.

3.   Is-Semestru Ewropew għandu jinkludi:

(a)

il-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni, tal-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 121(2) TFUE, tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u tar-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro;

(b)

il-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni, tal-linji gwida dwar l-impjiegi li jridu jitqiesu mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 148(2) TFUE, inkluż il-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, u tar-rakkomandazzjonijiet relatati speċifiċi għall-pajjiż. Is-sorveljanza tal-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tinkludi l-progress fl-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u tal-miri ewlenin tiegħu, permezz tat-tabella ta’ valutazzjoni soċjali u qafas biex jiġu identifikati r-riskji għall-konverġenza soċjali;

(c)

il-preżentazzjoni, il-valutazzjoni u l-approvazzjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tal-Istati Membri, kif ukoll il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom permezz tar-rapporti ta’ progress annwali;

(d)

is-sorveljanza sabiex tipprevjeni u tikkoreġi l-iżbilanċi makroekonomiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tas-Semestru Ewropew

1.   Meta jkun meħtieġ, wara valutazzjoni skont dan ir-Regolament tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, tar-rapporti ta’ progress annwali u tas-sitwazzjoni soċjoekonomika tal-Istati Membri, il-Kunsill għandu, abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, jindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri li jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti legali previsti fl-Artikoli 121 u 148 TFUE u l-leġiżlazzjoni sekondarja relatata.

2.   L-Istati Membri għandhom iqisu kif xieraq il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tagħhom u tar-rakkomandazzjonijiet u tal-linji gwida dwar l-impjiegi, kif imsemmi fl-Artikolu 3(3), il-punti (a) u (b), rispettivament, qabel ma jieħdu deċiżjonijiet importanti fl-iżvilupp tal-politiki ekonomiċi, soċjali, dwar l-impjiegi, strutturali u baġitarji tagħhom. Il-Kummissjoni għandha twettaq monitoraġġ tal-progress.

3.   In-nuqqas ta’ Stat Membru li jieħu azzjoni abbażi tal-linji gwida u tar-rakkomandazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 2 jista’ jwassal għal:

(a)

aktar rakkomandazzjonijiet;

(b)

twissijiet tal-Kummissjoni jew rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 121(4) TFUE;

(c)

miżuri skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 jew ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

KAPITOLU III

IT-TRAJETTORJA REFERENZJARJA

Artikolu 5

Trajettorja referenzjarja

Fejn id-dejn tal-gvern estiż jaqbeż is-60 % tal-PDG jew id-defiċit tal-gvern estiż jaqbeż it-3 % tal-PDG, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju trajettorja referenzjarja għan-nefqa netta li tkopri perjodu ta’ aġġustament ta’ erba’ snin u l-estensjoni possibbli tiegħu ta’ mhux aktar minn tliet snin skont l-Artikolu 14.

Artikolu 6

Rekwiżiti bbażati fuq ir-riskju għat-trajettorja referenzjarja

It-trajettorja referenzjarja għandha tkun ibbażata fuq ir-riskju u differenzjata għal kull Stat Membru, biex tiżgura li:

(a)

sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, bil-preżunzjoni li ma hemmx miżuri baġitarji ulterjuri, il-proporzjon projettat tad-dejn tal-gvern estiż jitqiegħed jew jibqa’ fuq perkors plawżibbli ‘l isfel, jew jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG fuq terminu medju;

(b)

id-defiċit projettat tal-gvern estiż jinġieb taħt it-3 % tal-PDG matul il-perjodu ta’ aġġustament u jinżamm taħt tali valur referenzjarju fuq terminu medju bil-preżunzjoni li ma hemmx miżuri baġitarji ulterjuri;

(c)

l-isforz ta’ aġġustament fiskali matul il-perjodu tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju huwa lineari bħala regola u mill-inqas proporzjonali għall-isforz totali matul il-perjodu ta’ aġġustament kollu; u

(d)

ikun hemm konsistenza mal-perkors korrettiv imsemmi fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, fejn applikabbli.

Artikolu 7

Salvagwardja tas-sostenibbiltà tad-dejn

1.   It-trajettorja referenzjarja għandha tiżgura li l-proporzjon projettat tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG jonqos b’ammont medju annwali minimu ta’:

(a)

punt perċentwali tal-PDG sakemm il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG jaqbeż id-90 %;

(b)

0,5 punti perċentwali tal-PDG sakemm il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG jibqa’ bejn 60 % u 90 %.

2.   It-tnaqqis medju msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiġi kkomputat mis-sena ta’ qabel il-bidu tat-trajettorja referenzjarja jew is-sena li fiha l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv tkun pprojettata li tiġi abrogata skont ir-Regolament (KE) Nru 1467/97, skont liema tiġi l-aħħar, sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament.

Artikolu 8

Salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit

1.   It-trajettorja referenzjarja għandha tiżgura li l-aġġustament fiskali jkompli, fejn meħtieġ, sakemm l-Istat Membru kkonċernat jilħaq livell ta’ defiċit li jipprovdi marġni ta’ reżiljenza komuni f’termini strutturali ta’ 1,5 % tal-PDG relattiv għall-valur referenzjarju tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG.

2.   It-titjib annwali fil-bilanċ primarju strutturali biex jinkiseb il-marġni meħtieġ għandu jkun ta’ 0,4 punti perċentwali tal-PDG, li għandu jitnaqqas għal 0,25 punti perċentwali tal-PDG f’każ ta’ estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament imsemmi fl-Artikolu 14.

Artikolu 9

Gwida minn qabel mill-Kummissjoni

1.   Sal-15 ta’ Jannar tas-sena li fiha l-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom skont l-Artikolu 11 jew, fi żmien tliet ġimgħat mit-talba tal-Istat Membru biex jippreżentaw pjan rivedut skont l-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Istat Membru kkonċernat u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju:

(a)

il-qafas u r-riżultati sottostanti tal-projezzjoni tad-dejn pubbliku fuq terminu medju;

(b)

il-previżjoni u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi tagħha;

(c)

it-trajettorja referenzjarja, jekk meħtieġa skont l-Artikolu 5, jew l-informazzjoni teknika, jekk mitluba minn Stat Membru skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, u l-bilanċ strutturali primarju korrispondenti, inkluż spreadsheets mudell u informazzjoni rilevanti oħra meħtieġa biex tiġi żgurata r-replikabbiltà sħiħa tagħha.

2.   Matul ix-xahar ta’ qabel l-iskadenza li sa fiha l-Kummissjoni għandha tittrażmetti lil Stat Membru l-gwida prijoritarja kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru jista’ jitlob skambju tekniku mal-Kummissjoni. Skambju tekniku bħal dan għandu jipprovdi opportunità biex tiġi diskussa l-aħħar informazzjoni statistika disponibbli u l-prospetti ekonomiċi u fiskali tal-Istat Membru kkonċernat.

3.   Għall-Istati Membri li għandhom defiċit tal-gvern estiż li ma jaqbiżx it-3 % tal-PDG u d-dejn tal-gvern estiż li ma jaqbiżx is-60 % tal-PDG, il-Kummissjoni għandha tipprovdi, fuq talba tal-Istat Membru, informazzjoni teknika dwar il-bilanċ primarju strutturali meħtieġ biex jiġi żgurat li d-defiċit nominali jinżamm taħt it-3 % tal-PDG bil-preżunzjoni li ma hemmx miżuri politiċi addizzjonali fuq terminu medju u twil u tindika jekk dak jimplikax ħtiġijiet ta’ aġġustament fiskali. Tali informazzjoni teknika għandha tkun konsistenti wkoll mas-salvagwardja tar-reżiljenza tad-defiċit imsemmija fl-Artikolu 8.

Artikolu 10

Valutazzjoni tal-plawżibbiltà

1.   Sabiex tivvaluta l-plawżibbiltà ta’ jekk il-proporzjon projettat tad-dejn tal-gvern estiż ta’ Stat Membru jkunx fuq perkors ta’ tnaqqis jew baqax f’livell prudenti, il-Kummissjoni għandha tapplika metodoloġija replikabbli, prevedibbli u trasparenti bbażata fuq il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-proporzjon tad-dejn tal-gvern jonqos jew jibqa’ f’livelli prudenti, skont ix-xenarji deterministiċi tal-qafas tal-projezzjoni tad-dejn tal-gvern fuq terminu medju tal-Kummissjoni;

(b)

ir-riskju tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern ma jonqosx fil-ħames snin wara l-perjodu ta’ aġġustament tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jkun baxx biżżejjed, li l-valutazzjoni tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-Analiżi tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-Kummissjoni.

2.   Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-metodoloġija tagħha fil-kuntest tad-djalogu ekonomiku msemmi fl-Artikolu 28.

3.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-analiżi tagħha tal-plawżibbiltà u l-ispreadsheets mudell li jkun fihom data sottostanti kif ukoll informazzjoni rilevanti oħra biex tiġi żgurata r-replikabbiltà tar-riżultati fiż-żmien tal-preżentazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju skont l-Artikolu 11.

KAPITOLU IV

PJANIJIET FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU

Artikolu 11

Preżentazzjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju

1.   Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kunsill u lill-Kummissjoni pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju sat-30 ta’ April tal-aħħar sena tal-pjan fis-seħħ. Stat Membru u l-Kummissjoni jistgħu jaqblu, fejn ikun meħtieġ, li jestendu dik l-iskadenza b’perjodu raġonevoli.

2.   Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni fiskali indipendenti rilevanti toħroġ opinjoni dwar it-tbassir makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta, filwaqt li jipprovdi biżżejjed żmien biex l-istituzzjoni fiskali indipendenti tħejji l-opinjoni tagħha.

Mill-1 ta’ Mejju 2032, l-istituzzjonijiet fiskali indipendenti rilevanti għandhom joħorġu dawk l-opinjonijiet, dment li jkunu akkumulaw biżżejjed kapaċità. In-nuqqas minn istituzzjoni fiskali indipendenti li toħroġ l-opinjoni tagħha fi żmien raġonevoli ma għandux jipprevjeni lil Stat Membru milli jippreżenta l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tiegħu fuq terminu medju. Jekk tkun disponibbli, l-opinjoni tal-istituzzjoni fiskali indipendenti għandha tinhemeż mal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju preżentat lill-Kummissjoni.

3.   Qabel il-preżentazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tiegħu fuq terminu medju, kull Stat Membru għandu jikkonsulta, f’konformità mal-qafas legali nazzjonali tiegħu, mas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet reġjonali u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

4.   Qabel il-preżentazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tiegħu fuq terminu medju, kull Stat Membru jista’ jiddibatti l-abbozz tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tiegħu fuq terminu medju mal-parlament nazzjonali tiegħu, f’konformità mal-qafas legali nazzjonali tiegħu.

5.   Kull Stat Membru għandu jippubblika l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tiegħu fuq terminu medju mal-preżentazzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Artikolu 12

Djalogu tekniku

Qabel il-preżentazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali tiegħu fuq terminu medju, kull Stat Membru għandu jkollu djalogu tekniku mal-Kummissjoni, bl-objettiv li jiżgura li l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jikkonforma mal-Artikoli 13 u 15.

Artikolu 13

Rekwiżiti għall-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju

Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu:

(a)

ikun fih perkors tan-nefqa netta kif ukoll is-suppożizzjonijiet makroekonomiċi sottostanti u l-miżuri fiskali-strutturali ppjanati sabiex tintwera l-konformità mar-rekwiżiti fiskali tal-Artikolu 16(2) u (3);

(b)

jinkludi t-trajettorja referenzjarja jew l-informazzjoni teknika li tintbagħat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5 jew l-Artikolu 9(3), rispettivament; meta l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jinkludi perkors ta’ nefqa netta ogħla milli fit-trajettorja referenzjarja maħruġa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 5, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi fil-pjan tiegħu argumenti ekonomiċi sodi u mmexxija mid-data li jispjegaw id-differenza;

(c)

jispjega kif l-Istat Membru kkonċernat ser jiżgura t-twettiq ta’ riformi u investimenti li jirrispondu għall-isfidi ewlenin identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, b’mod partikolari fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u jispjega kif dak l-Istat Membru ser jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni li ġejjin:

(i)

tranżizzjoni ekoloġika u diġitali ġusta, inkluż l-objettivi dwar il-klima stabbilit fir-Regolament (UE) 2021/1119;

(ii)

reżiljenza soċjali u ekonomika, inkluż il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

(iii)

sigurtà tal-enerġija; u

(iv)

u fejn meħtieġ, tisħiħ tal-mezzi ta’ difiża;

(d)

jiddeskrivi l-azzjoni tal-Istat Membru kkonċernat biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lilu, li huma rilevanti għall-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011, u, fejn applikabbli, it-twissijiet mill-Kummissjoni jew ir-rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill magħmula skont l-Artikolu 121(4) TFUE;

(e)

jekk applikabbli, jispjega kif l-Istat Membru kkonċernat ser jiżgura t-twettiq ta’ sett rilevanti ta’ riformi u investimenti msemmija fl-Artikolu 14, filwaqt li jirfed estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament tal-Istat Membru ta’ mhux aktar minn tliet snin;

(f)

jinkludi l-impatt tar-riformi u l-investimenti diġà implimentati mill-Istat Membru kkonċernat, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari lill-impatt fuq is-sostenibbiltà fiskali permezz tad-dħul tal-gvern, in-nefqa u t-tkabbir potenzjali futuri, abbażi ta’ evidenza ekonomika soda u mmexxija mid-data;

(g)

ikun fih informazzjoni dwar:

(i)

is-suppożizzjonijiet makroekonomiċi u baġitarji ewlenin,

(ii)

obbligazzjonijiet impliċiti u kontinġenti,

(iii)

l-impatt mistenni tar-riformi u l-investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament,

(iv)

il-livell previst ta’ investiment pubbliku ffinanzjat nazzjonalment matul il-perjodu kopert mill-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju,

(v)

il-ħtiġijiet ta’ investiment pubbliku inkluż dawk relatati mal-prijoritajiet komuni tal-Unjoni msemmija fil-punt (c) ta’ dan l-Artikolu,

(vi)

il-konsultazzjoni tal-parlamenti nazzjonali u l-konsultazzjoni msemmija fl-Artikolu 11,

(vii)

il-konsistenza u, fejn xieraq, il-komplementarjetà mal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni kif ukoll il-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza tal-Istat Membru kkonċernat matul il-perjodu ta’ operat tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza skont ir-Regolament (UE) 2021/241.

Artikolu 14

Kriterji għall-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament

1.   Meta Stat Membru jimpenja ruħu għal sett rilevanti ta’ riformi u investimenti f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 2, il-perjodu ta’ aġġustament jista’ jiġi estiż b’mhux aktar minn tliet snin.

2.   Is-sett ta’ riformi u impenji ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għandu jissodisfa, bħala regola ġenerali meħuda flimkien, il-kriterji li ġejjin:

(a)

jinvolvi, abbażi ta’ suppożizzjonijiet kredibbli u prudenti, titjib tal-potenzjal tat-tkabbir u r-reżiljenza tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat b’mod sostenibbli;

(b)

jappoġġa s-sostenibbiltà fiskali, b’titjib strutturali tal-finanzi tal-gvern fuq terminu medju, bħat-tnaqqis tal-proporzjon tan-nefqa tal-gvern mal-PDG jew iż-żieda tal-proporzjon tad-dħul tal-gvern mal-PDG;

(c)

jindirizza l-prijoritajiet komuni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 13, il-punt (c);

(d)

jindirizza r-rakkomandazzjonijiet rilevanti speċifiċi għall-pajjiż indirizzati lill-Istat Membru kkonċernat, inkluż, fejn applikabbli, ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa skont il-proċedura ta’ żbilanċi makroekonomiċi;

(e)

jiżgura li l-livell ġenerali ppjanat ta’ investiment pubbliku ffinanzjat fil-livell nazzjonali matul il-perjodu kopert mill-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ma jkunx aktar baxx mil-livell fuq terminu medju qabel dak il-perjodu, filwaqt li jitqiesu l-kamp ta’ applikazzjoni u l-iskala tal-isfidi speċifiċi għall-pajjiż.

3.   Kull wieħed mill-impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għandu jkun dettaljat biżżejjed, bil-quddiem, marbut biż-żmien u verifikabbli, u għandu jkun konformi mal-kriterji li ġejjin:

(a)

id-deskrizzjoni tal-impenji ta’ riforma u investiment għandha tkun ċara u tippermetti lill-Kummissjoni tivvalutahom skont il-kriterji li jinsabu fil-paragrafu 2;

(b)

ir-riformi għandhom jiġu implimentati fil-perjodu kopert mill-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju;

(c)

għandu jinkiseb progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-investimenti sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament;

(d)

id-deskrizzjoni tar-riformi u l-investimenti għandha tinkludi indikaturi, fejn rilevanti, li jippermettu l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tagħhom.

4.   Is-sett ta’ impenji ta’ riforma u investiment li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għandu jkun konsistenti mal-impenji inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza approvat tal-Istat Membru kkonċernat matul il-perjodu ta’ operat tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, skont ir-Regolament (UE) 2021/241, u l-Ftehim ta’ Sħubija maqbul taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali mal-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 15

Pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut

1.   Sa mhux iktar tard minn tnax-il xahar qabel tmiem il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju attwali, Stat Membru jista’ jitlob li jippreżenta pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut lill-Kummissjoni qabel tmiem il-perjodu kopert mill-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jekk ikun hemm ċirkostanzi oġġettivi li jipprevjenu l-implimentazzjoni tiegħuf’dak il-perjodu. F’dak il-każ, il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut għandu jkopri l-perjodu li jibqa’ għaddej sa tmiem il-perjodu inizjali tal-pjan.

2.   Fil-każ ta’ gvern maħtur ġdid, Stat Membru jista’ jippreżenta pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut li jkopri perjodu ġdid ta’ erba’ jew ħames snin skont it-terminu regolari tal-leġiżlatura tiegħu.

3.   Stat Membru jista’ jitlob lill-istituzzjoni fiskali indipendenti rilevanti toħroġ opinjoni dwar it-tbassir makroekonomiku u s-suppożizzjonijiet makroekonomiċi li jirfdu l-perkors tan-nefqa netta , filwaqt li jipprovdi biżżejjed żmien biex l-istituzzjoni fiskali indipendenti tħejji l-opinjoni tagħha.

Mill-1 a’ Mejju 2032, l-istituzzjonijiet fiskali indipendenti rilevanti għandhom joħorġu dawk l-opinjonijiet, dment li jkunu akkumulaw biżżejjed kapaċità. In-nuqqas minn istituzzjoni fiskali indipendenti li tagħti l-opinjoni tagħha fi żmien raġonevoli ma għandux jipprevjeni lil Stat Membru milli jippreżenta l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut tiegħu. Jekk tkun disponibbli, l-opinjoni tal-istituzzjoni fiskali indipendenti għandha tinhemeż mal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut ippreżentat lill-Kummissjoni.

4.   Għall-finijiet tat-tħejjija tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut minn Stat Membru f’konformità mal-paragrafi 1 jew 2, il-Kummissjoni għandha tibgħat lil dak l-Istat Membru u lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju trajettorja referenzjarja ġdida jew, fuq talba ta’ dak l-Istat Membru, informazzjoni teknika ġdida.

5.   Filwaqt li jitqies l-aġġustament tal-passat tal-Istat Membru kkonċernat jew in-nuqqas tiegħu, it-trajettorja referenzjarja l-ġdida ma għandhiex tipposponi l-isforz ta’ aġġustament fiskali li bħala regola ma għandhiex twassal għal sforz ta’ aġġustament fiskali inqas.

6.   Jekk jiġi ppreżentat pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut, għandhom japplikaw l-Artikoli 12, 13, 14 u 16 sa 20.

7.   Meta applikabbli, il-Kummissjoni għandha tivvaluta, b’mod partikolari, jekk kwalunkwe estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament għandhiex tapplika jew tkompli tapplika skont il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tqis l-implimentazzjoni tas-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu l-estensjoni skont il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju oriġinali u l-bidliet f’termini ta’ sfidi ta’ dejn pubbliku skont il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut.

Artikolu 16

Valutazzjoni tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju mill-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tivvaluta kull pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju fi żmien sitt ġimgħat mill-preżentazzjoni tiegħu. L-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jistgħu jaqblu li jestendu dak il-perjodu, jekk ikun meħtieġ, bħala regola, għal mhux aktar minn ġimagħtejn.

2.   Meta tivvaluta pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, il-Kummissjoni għandha teżamina għal kull Stat Membru jekk il-perkors tan-nefqa netta jikkonformax mar-rekwiżiti biex id-dejn tal-gvern estiż jitpoġġa jew jinżamm fuq perkors plawżibbli ‘l isfel sa tmiem il-perjodu ta’ aġġustament, jew jibqa’ f’livelli prudenti taħt is-60 % tal-PDG, u d-defiċit tal-gvern jinġieb u jinżamm taħt it-3 % tal-PDG fuq terminu medju;

3.   Meta tivvaluta l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, il-Kummissjoni għandha teżamina għall-Istati Membri li jkunu rċevew trajettorja referenzjarja ta’ jekk il-perkors tan-nefqa netta tagħhom jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6, 7 u 8.

4.   Il-Kummissjoni għandha teżamina għall-Istati Membri kollha jekk il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tagħhom jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13.

5.   Il-Kummissjoni għandha teżamina jekk, fir-rigward tal-Istat Membru kkonċernat, is-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament jikkonformax mal-Artikolu 14.

Artikolu 17

Approvazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju mill-Kunsill

1.   Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill għandu jadotta rakkomandazzjoni li tistabbilixxi l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru kkonċernat u, fejn applikabbli, japprova s-sett ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament inkluż fil-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Dik ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha, bħala regola, tiġi adottata fi żmien sitt ġimgħat mill-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni.

2.   Meta l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jservi bħala l-pjan ta’ azzjoni korrettiva meħtieġ għall-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, kif previst fl-Artikolu 31, il-Kunsill għandu japprova wkoll fir-rakkomandazzjoni tiegħu r-riformi u l-investiment meħtieġa biex jiġu kkoreġuti dawk l-iżbilanċi.

Artikolu 18

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għal pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut

Meta jqis li l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ma jikkonformax mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 16(2), (3) u (5), b’kont meħud tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill għandu, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jirrakkomanda li l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut.

Artikolu 19

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità minn Stat Membru

Il-Kunsill għandu, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jirrakkomanda lill-Istat Membru kkonċernat li t-trajettorja referenzjarja maħruġa mill-Kummissjoni tkun bħala regola l-perkors tan-nefqa netta tal-Istat Membru meta:

(a)

l-Istat Membru kkonċernat jonqos milli jippreżenta pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut fi żmien xahar mir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill imsemmija fl-Artikolu 18;

(b)

il-Kunsill iqis li l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(2), (3) u (5), b’ġustifikazzjoni dovuta tal-pożizzjoni tiegħu;

(c)

l-Istat Membru jonqos milli jippreżenta l-ewwel pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju tiegħu jew pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ġdid fl-aħħar sena koperta mill-pjan strutturali nazzjonali fuq terminu medju li għaddej, f’konformità mal-Artikolu 11(1).

Fis-sitwazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru kkonċernat u l-Kummissjoni jistgħu jaqblu li, bħala regola, jestendu dik l-iskadenza għal mhux aktar minn xahar.

Artikolu 20

Nuqqas ta’ konformità minn Stat Membru mal-impenji ta’ investimenti u riformi li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament tiegħu

Meta Stat Membru jkun ingħata estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament tiegħu iżda jonqos milli jikkonforma b’mod sodisfaċenti mas-sett tiegħu ta’ impenji ta’ riforma u ta’ investiment li jirfdu l-estensjoni msemmija fl-Artikolu 14, il-Kunsill jista’, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u f’konformità mal-Artikolu 29, jirrakkomanda perkors tan-nefqa netta rivedut b’perjodu ta’ aġġustament iqsar, sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi oġġettivi li jipprevjenu l-implimentazzjoni sal-iskadenza inizjali.

KAPITOLU V

IMPLIMENTAZZJONI TAL-PJANIJIET FISKALI-STRUTTURALI NAZZJONALI FUQ TERMINU MEDJU

Artikolu 21

Rapport ta’ progress annwali

1.   Kull Stat Membru għandu jippreżenta lill-Kummissjoni rapport ta’ progress annwali, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April ta’ kull sena.

2.   Ir-rapport ta’ progress annwali għandu jinkludi b’mod partikolari informazzjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, l-implimentazzjoni ta’ riformi u investimenti usa’ fil-kuntest tas-Semestru Ewropew u, fejn applikabbli, fl-implimentazzjoni tas-sett ta’ riformi u investimenti li jirfdu estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament.

3.   Kull Stat Membru għandu jagħmel ir-rapport ta’ progress annwali tiegħu pubbliku.

4.   Il-Kummissjoni għandha tuża l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri fir-rapporti ta’ progress annwali tagħhom, flimkien ma’ informazzjoni rilevanti oħra, għall-fini tat-twettiq tal-valutazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1). Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni għandha tiġi ppubblikata.

5.   L-Istati Membri jistgħu, f’konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, jiddiskutu r-rapport ta’ progress fil-parlamenti nazzjonali tagħhom u mas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti.

Artikolu 22

Monitoraġġ mill-Kummissjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, u b’mod partikolari, il-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill u r-riformi u l-investimenti li jirfdu l-estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi kont ta’ kontroll biex iżżomm rendikont tad-devjazzjonijiet kumulattivi ‘l fuq u ‘l isfel tan-nefqa netta osservata mill-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, li għandu jiġi stabbilit mill-ġdid wara l-approvazzjoni mill-Kunsill ta’ pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ġdid.

3.   Il-kont ta’ kontroll għandu jirreġistra debitu meta n-nefqa netta osservata fl-Istat Membru kkonċernat f’sena partikolari tkun ogħla mill-perkors ta’ nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill.

4.   Il-kont ta’ kontroll għandu jirreġistra kreditu meta n-nefqa netta osservata fl-Istat Membru kkonċernat f’sena partikolari tkun inqas mill-perkors ta’ nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill.

5.   Il-bilanċ akkumulat tal-kont ta’ kontroll għandu jkun is-somma tad-debiti u l-krediti annwali msemmija fil-paragrafi 3 u 4. Dan għandu jiġi espress f’perċentwal tal-PDG.

6.   Id-debiti u l-krediti għandhom jiġu rreġistrati kull sena abbażi tad-data tal-eżitu.

7.   Meta l-Kunsill ikun adotta rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 25 jew 26, il-kont ta’ kontroll tal-Istat Membru kkonċernat ma għandux jirreġistra devjazzjonijiet.

Artikolu 23

Rwol tal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti

1.   L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-istituzzjoni fiskali indipendenti rilevanti kif imsemmi fl-Artikolu 8a tad-Direttiva 2011/85/UE biex tipprovdi valutazzjoni tal-konformità tad-data dwar l-eżiti tal-baġit irrapportata fir-rapport ta’ progress annwali mal-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill.

2.   Meta jkun applikabbli, l-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-istituzzjoni fiskali indipendenti rilevanti biex tanalizza l-fatturi sottostanti għal devjazzjoni mill-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill. Tali analiżi ma għandhiex tkun vinkolanti u għandha tkun addizzjonali għal dik ipprovduta mill-Kummissjoni.

Artikolu 24

Il-Bord Fiskali Ewropew

1.   Il-Bord Fiskali Ewropew stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1937 (23) għandu jagħti pariri għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Kunsill fis-sorveljanza fiskali multilaterali stipulata fl-Artikoli 121, 126 u 136 TFUE.

2.   Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, il-Bord Fiskali Ewropew għandu jgawdi indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, filwaqt li jwettaq dmirijietu b’mod imparzjali u biss fl-interess tal-Unjoni kollha kemm hi. La għandu jfittex u lanqas jieħu struzzjonijiet minn xi gvern ta Stat Membru, istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni jew minn xi korp pubbliku jew privat ieħor.

3.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-kompiti tal-Bord Fiskali Ewropew għandhom jinkludu:

(a)

il-forniment ta’ evalwazzjoni ex post f’waqtha tal-implimentazzjoni tal-qafas ta’ governanza fiskali tal-Unjoni;

(b)

l-għoti ta’ pariri dwar il-pożizzjoni fiskali prospettiva xierqa għaż-żona tal-euro kollha kemm hi, kif ukoll dwar il-pożizzjonijiet fiskali nazzjonali xierqa li huma konsistenti miegħu skont ir-regoli tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir;

(c)

l-għoti ta’ pariri, fuq talba tal-Kummissjoni jew tal-Kunsill, dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, inkluż dwar l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali f’konformità mal-Artikolu 25(3) ta’ dan ir-Regolament;

(d)

il-kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet fiskali indipendenti kif imsemmi fl-Artikolu 8a tad-Direttiva 2011/85/UE, bil-ħsieb li jiġu promossi l-iskambji tal-aħjar prattiċi;

(e)

l-għoti ta’ suġġerimenti għall-evoluzzjoni futura tal-qafas fiskali.

4.   Il-Bord Fiskali Ewropew għandu jkun magħmul minn President u erba’ Membri.

5.   Il-President u l-Membri tal-Bord Fiskali Ewropew għandhom jintgħażlu u jinħatru mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, wara proċess trasparenti u abbażi ta’ esperjenza analitika u kompetenzi ppruvati fl-analiżi tal-finanzi pubbliċi u l-makroekonomija. Il-President u l-Membri tal-Bord Fiskali Ewropew għandhom jinħatru għal perjodu ta’ tliet snin bil-possibbiltà ta’ tiġdid wieħed għal perjodu addizzjonali ta’ tliet snin.

6.   Il-Bord Fiskali Ewropew għandu jistabbilixxi r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu stess.

7.   Il-Bord Fiskali Ewropew għandu jirrapporta darba fis-sena dwar l-attivitajiet tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Ir-rapporti u l-pariri kollha tal-Bord Fiskali Ewropew għandhom isiru pubbliċi.

Artikolu 25

Klawżola liberatorja ġenerali

1.   Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni abbażi tal-analiżi tagħha, il-Kunsill jista’, bħala regola fi żmien erba’ ġimgħat, jadotta rakkomandazzjoni li tippermetti lill-Istati Membri jiddevjaw mill-perkors tan-nefqa netta tagħhom kif stabbilit mill-Kunsill, f’każ ta’ reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi, sakemm dan ma jkunx ta’ periklu għas-sostenibbiltà fiskali fuq it-terminu medju. Il-Kunsill għandu jispeċifika limitu ta’ żmien ta’ sena għal tali devjazzjoni.

2.   Sakemm tippersisti r-reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi, il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja s-sostenibbiltà tad-dejn u tiżgura l-koordinazzjoni tal-politika u taħlita ta’ politika konsistenti li tqis iż-żona tal-euro u d-dimensjoni tal-Unjoni.

3.   Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista’ jestendi l-perjodu li matulu l-Istati Membri jistgħu jiddevjaw mill-perkorsi tan-nefqa netta tagħhom kif stabbilit mill-Kunsill, dment li tippersisti r-reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi. Il-Bord Fiskali Ewropew għandu jagħti opinjoni dwar l-estensjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Estensjoni tista’ tingħata aktar minn darba. Madankollu, kull estensjoni għandha tkun għal perjodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn sena.

Artikolu 26

Klawżoli liberatorji nazzjonali

1.   Wara talba minn Stat Membru u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni abbażi tal-analiżi tagħha, fi żmien erba’ ġimgħat mir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jadotta rakkomandazzjoni li tippermetti lil Stat Membru jiddevja mill-perkors tan-nefqa netta tiegħu kif stabbilit mill-Kunsill fejn ċirkostanzi eċċezzjonali barra mill-kontroll tal-Istat Membru jkollhom impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi tal-Istat Membru kkonċernat, dment li tali devjazzjoni ma tkunx ta’ periklu għas-sostenibbiltà fiskali fuq it-terminu medju. Il-Kunsill għandu jispeċifika limitu ta’ żmien għal tali devjazzjoni.

2.   Wara talba mill-Istat Membru kkonċernat u fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill jista’ jestendi l-perjodu li matulu dak l-Istat Membru jista’ jiddevja mill-perkors tan-nefqa netta kif stabbilit mill-Kunsill, sakemm iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali jippersistu. Estensjoni tista’ tingħata aktar minn darba. Madankollu, kull estensjoni għandha tkun għal perjodu addizzjonali ta’ mhux aktar minn sena.

KAPITOLU VI

TRASPARENZA U RESPONSABBILTÀ

Artikolu 27

Rwol tal-Parlament Ewropew

1.   Il-Parlament Ewropew għandu jkun involut b’mod regolari u strutturat fis-Semestru Ewropew sabiex jiżdiedu t-trasparenza, ir-responsabbiltà u s-sjieda għad-deċiżjonijiet meħuda, b’mod partikolari permezz tad-djalogu ekonomiku msemmi fl-Artikolu 28.

2.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat lill-Parlament Ewropew il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ppreżentati mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew bil-valutazzjoni ġenerali tagħha ta’ dawk il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju. Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’, permezz tad-djalogu ekonomiku msemmi fl-Artikolu 28, jitlob lill-Kummissjoni tidher quddiemu. F’okkażjonijiet bħal dawn, il-Kummissjoni tista’ tiġi mistiedna tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju.

3.   Il-President tal-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw regolarment lill-Parlament Ewropew bir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali skont dan ir-Regolament.

4.   Il-President tal-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jinkludu fir-rapport tagħhom lill-Parlament Ewropew ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali mwettqa skont dan ir-Regolament.

5.   Il-President tal-Grupp tal-Euro għandu jirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew dwar l-iżviluppi fil-qasam tas-sorveljanza multilaterali li jappartjenu għaż-żona tal-euro.

6.   Il-Kummissjoni għandha tħejji u tibgħat lill-Kunsill tal-inqas l-informazzjoni li ġejja u tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli għall-Parlament Ewropew mingħajr dewmien żejjed:

(a)

il-valutazzjonijiet tas-sostenibbiltà tad-dejn u l-qafas metodoloġiku tiegħu, ladarba jkunu ppubblikati;

(b)

il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ppreżentati mill-Istati Membri, inkluż it-trajettorji referenzjarji u l-perkorsi tan-nefqa netta, u kwalunkwe reviżjoni tagħhom;

(c)

ir-rapporti ta’ progress annwali ppreżentati mill-Istati Membri;

(d)

il-valutazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Kunsill skont l-Artikoli 17 sa 20 ta’ dan ir-Regolament;

(e)

fejn rilevanti, l-analiżi tal-Kummissjoni tal-iżviluppi ekonomiċi u soċjali ppubblikati bħala parti mis-Semestru Ewropew;

(f)

it-twissijiet tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 121(4) TFUE;

(g)

fil-każ ta’ attivazzjoni tal-klawżoli liberatorji skont l-Artikolu 25 jew 26 ta’ dan ir-Regolament, l-analiżi tal-Kummissjoni li tistabbilixxi li s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju mhux ser tiġi pperikolata.

7.   Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-Kummissjoni mill-inqas darbtejn f’sena biex tipprovdi informazzjoni dwar ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali fid-djalogu ekonomiku msemmi fl-Artikolu 28 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 28

Djalogu ekonomiku

1.   Sabiex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-Kunsill, lill-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, lill-President tal-Kunsill Ewropew jew lill-President tal-Grupp tal-Euro biex jidhru quddiem il-Parlament Ewropew sabiex jiddiskutu l-gwida ta’ politika maħruġa mill-Kummissjoni għall-Istati Membri, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u r-riżultati tas-sorveljanza multilaterali skont dan ir-Regolament.

2.   Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika, il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għandhom jiġu kkonsultati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew fejn ikun xieraq.

3.   Il-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari l-parlamenti nazzjonali u s-sħab soċjali, għandhom ikunu involuti, fejn ikun xieraq, fil-kuntest tas-Semestru Ewropew dwar il-kwistjonijiet ta’ politika ewlenija, f’konformità mad-dispożizzjonijiet TFUE u mal-arranġamenti legali u politiċi nazzjonali.

4.   Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-Kunsill, lill-Kummissjoni, u, fejn xieraq, lill-President tal-Kunsill Ewropew jew lill-President tal-Grupp tal-Euro biex jiddiskutu l-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, kif ukoll l-informazzjoni l-oħra elenkata fl-Artikolu 27(6).

5.   Il-President tal-Kunsill u l-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 121(5) TFUE, u, fejn ikun xieraq, il-President tal-Grupp tal-Euro, għandhom jirrapportaw kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew dwar ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali.

Artikolu 29

Regola “ikkonforma jew spjega”

Il-Kunsill mistenni, bħala regola, isegwi r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni jew jispjega l-pożizzjoni tiegħu pubblikament.

Artikolu 30

Djalogu ma’ Stat Membru

Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità lil Stat Membru li jkun indirizzat minn rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 121(4) TFUE li jipparteċipa fl-iskambju tal-opinjonijiet.

KAPITOLU VII

INTERAZZJONI MAR-REGOLAMENT (UE) NRU 1176/2011

Artikolu 31

Interazzjoni mal-proċedura ta’ żbilanċ makroekonomiku

1.   L-implimentazzjoni mhux sodisfaċenti, kif ivvalutata f’konformità mal-Artikolu 21 ta’ dan ir-Regolament, tar-riformi u l-investimenti inklużi fil-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju ta’ Stat Membru, li huma rilevanti għall-iżbilanċi makroekonomiċi, għandhom jiġu kkunsidrati:

(a)

mill-Kummissjoni meta twettaq rieżamijiet fil-fond f’konformità mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011; u

(b)

mill-Kunsill, u l-Kummissjoni għar-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom, meta jikkunsidraw jekk jistabbilux l-eżistenza ta’ żbilanċ eċċessiv u jirrakkomandaw li l-Istat Membru kkonċernat jieħu azzjoni korrettiva f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

Il-Kummissjoni għandha tqis kwalunkwe informazzjoni li l-Istat Membru kkonċernat iqis rilevanti.

2.   L-Istat Membru li fir-rigward tiegħu tinfetaħ proċedura ta’ żbilanċ eċċessiv f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, għandu jippreżenta pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut f’konformità mal-Artikolu 15 ta’ dan ir-Regolament. Dak il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut għandu jsegwi r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill adottata f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. Il-preżentazzjoni tal-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut għandha tkun soġġetta għall-approvazzjoni tal-Kunsill f’konformità mal-Artikoli 17 sa 20 ta’ dan ir-Regolament. Il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut għandu jiġi vvalutat f’konformità mal-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolament.

3.   Meta Stat Membru jippreżenta pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, dak il-pjan rivedut għandu jservi bħala l-pjan ta’ azzjoni korrettiva meħtieġ skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 u għandu jistabbilixxi l-azzjonijiet ta’ politika speċifiċi li dak l-Istat Membru jkun implimenta jew li jkun beħsiebu jimplimenta u għandu jinkludi skeda ta’ żmien għal dawk l-azzjonijiet.

4.   Il-Kunsill għandu, f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, abbażi ta’ rapport tal-Kummissjoni, jivvaluta l-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju rivedut fi żmien xahrejn mill-preżentazzjoni tiegħu. Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-pjan rivedut għandhom isiru f’konformità mal-Artikolu 22 ta’ dan ir-Regolament u mal-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

KAPITOLU VIII

INTERAZZJONI MAR-REGOLAMENT (UE) NRU 472/2013

Artikolu 32

Interazzjoni mal-proċedura ta’ sorveljanza msaħħa

1.   B’deroga mill-Artikoli 11 u 21 ta’ dan ir-Regolament, Stat Membru ma għandux ikun meħtieġ jippreżenta pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju jew rapport ta’ progress annwali, meta huwa jkun soġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (24) .

2.   Meta Stat Membru jkollu pjan fiskali-strutturali nazzjonali attiv fuq terminu medju, u dak l-Istat Membru jsir soġġett għal programm ta’ aġġustament makroekonomiku skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013, dak il-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju għandu jitqies fit-tfassil tal-programm ta’ aġġustament makroekonomiku.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 33

Djalogu mal-Istati Membri

Il-Kummissjoni għandha tiżgura djalogu kontinwu mal-Istati Membri. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, twettaq missjonijiet għall-fini tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni soċjoekonomika fl-Istat Membru kkonċernat u għall-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe riskju jew diffikultà ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament. Għall-finijiet ta’ dak id-djalogu, il-Kummissjoni tista’ titlob il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati rilevanti bbażati fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 34

Missjonijiet ta’ monitoraġġ

1.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq missjonijiet ta’ monitoraġġ fl-Istati Membri li jkunu soġġetti għal rakkomandazzjonijiet maħruġa skont l-Artikolu 121(4) TFUE.

2.   Meta l-Istat Membru kkonċernat ikun Stat Membru li l-munita tiegħu tkun l-euro jew Stat Membru li jipparteċipa fil-Mekkaniżmu Ewropew tar-Rati tal-Kambju fit-tielet stadju ta’ unjoni ekonomika u monetarja (ERM II) kif stabbilit mir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta’ Ġunju 1997 (25), il-Kummissjoni tista’, fejn ikun xieraq, tistieden lil rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew biex jieħdu sehem f’dawk il-missjonijiet ta’ monitoraġġ.

Artikolu 35

Rapport

1.   Sal- 31 ta’ Diċembru 2030 , u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat minn proposta għall-emendar ta’ dan ir-Regolament, fejn ikun xieraq.

2.   Ir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jirrieżamina:

(a)

l-effettività ta’ dan ir-Regolament fil-kisba tal-objettivi tiegħu kif stipulati fl-Artikolu 1;

(b)

il-progress li jkun sar sabiex tiġi żgurata koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi u tal-konverġenza sostnuta tal-prestazzjonijiet ekonomiċi tal-Istati Membri.

3.   Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 36

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   Għall-ewwel pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)

b’deroga mill-Artikolu 9(1), il-Kummissjoni għandha tibgħat gwida minn qabel lill-Istati Membri kkonċernati sal-21 ta’ Ġunju 2024 abbażi tal-aħħar tbassir tal-Kummissjoni, u l-Istati Membri għandhom jippreżentaw il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali tagħhom fuq terminu medju sal-20 ta’ Settembru 2024, f’konformità mal-Artikolu 11, sakemm l-Istat Membru u l-Kummissjoni ma jaqblux li jestendu dik l-iskadenza b’perjodu raġonevoli.

(b)

b’deroga mill-Artikolu 9(2), l-Istati Membri jistgħu jitolbu skambju tekniku mal-Kummissjoni matul ix-xahar qabel il-21 ta’ Ġunju 2024;

(c)

b’deroga mill-Artikolu 11(3), l-Istati Membri jistgħu jwettqu konsultazzjoni pubblika mas-sħab soċjali, l-awtoritajiet reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati nazzjonali rilevanti oħra skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 11, bi skadenzi xierqa;

(d)

matul il-perjodu ta’ operat tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-impenji inklużi fil-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza approvat tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jitqiesu għal estensjoni tal-perjodu ta’ aġġustament f’konformità mal-Artikolu 14, dment li l-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza jkun fih riformi u investimenti sinifikanti mmirati lejn it-titjib tas-sostenibbiltà fiskali u t-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir tal-ekonomija, u dment li l-Istat Membru kkonċernat jimpenja ruħu li jkompli l-isforz ta’ riforma matul il-bqija tal-perjodu kopert mill-pjan fiskali-strutturali nazzjonali fuq terminu medju, kif ukoll li jżomm il-livelli ta’ investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali realizzati bħala medja matul il-perjodu kopert mill-pjan għall-irkupru u r-reżiljenza;

(e)

meta Stat Membru jitlob eċċezzjoni għas-salvagwardja mingħajr posponiment imsemmija fl-Artikolu 6, il-punt (c), il-proġetti appoġġati minn self mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza kif ukoll il-kofinanzjament nazzjonali ta’ programmi ffinanzjati mill-Unjoni fl-2025 u fl-2026 għandhom jitqiesu, dment li tali eċċezzjoni ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju;

(f)

filwaqt li jirrikonoxxu l-impatt eċċezzjonali ta’ xokkijiet ekonomiċi reċenti u l-inċertezza attwali fuq stimi ta’ tkabbir potenzjali, l-Istati Membri jistgħu jużaw serje aktar stabbli minn dawk li jirriżultaw mill-metodoloġija maqbula b’mod komuni, dment li tali użu jkun ġustifikat kif xieraq b’argumenti ekonomiċi u dment li t-tkabbir akkumulat matul il-perjodu ta’ projezzjoni jibqa’ ġeneralment konformi mar-riżultati ta’ dik il-metodoloġija.

2.   Sal-31 ta’ Diċembru 2028, il-Kummissjoni għandha tikkomunika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill is-sejbiet preliminari tagħha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 37

Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1466/97

Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 huwa mħassar.

Artikolu 38

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ April 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

M. MICHEL


(1)   ĠU C 290, 18.8.2023, p. 17.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ April 2024 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2024.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(5)  Ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir Amsterdam, 17 ta’ Ġunju 1997 (ĠU C 236, 2.8.1997, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 401/2009 u (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”) (ĠU L 243, 9.7.2021, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2021/1057 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 21).

(9)  Ir-Regolament (UE) 2021/1056 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (ĠU L 231, 30.6.2021, p. 1).

(10)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 23).

(11)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta' Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta' qgħad f'emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 159, 20.5.2020, p. 1).

(12)  Ir-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8).

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25).

(14)  Ir-Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, p. 1).

(15)  Id-Deċiżjoni (UE) 2022/2481 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2022 li tistabbilixxi l-Programm ta' Politika tal-2030 dwar id-Deċennju Diġitali (ĠU L 323, 19.12.2022, p. 4).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(17)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).

(18)  Ir-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11).

(19)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2024/1264 tad-29 ta’ April 2024 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L, 2024/1264, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1264/oj).

(20)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2024/1265 tad-29 ta’ April 2024 li temenda d-Direttiva 2011/85/UE dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L, 2024/1265, 30.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1265/oj).

(21)   https://www.consilium.europa.eu/media/20398/st00tscg26-mt-12.pdf.

(22)  Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data suġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(23)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1937 tal-21 ta’ Ottubru 2015 li tistabbilixxi Bord Fiskali Ewropew konsultattiv indipendenti (ĠU L 282, 28.10.2015, p. 37).

(24)  Ir-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b’diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom (ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1).

(25)   ĠU C 236, 2.8.1997, p. 5.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1263/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)