|
11.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 52/11 |
DEĊIŻJONI Nru F2
tat-23 ta’ Ġunju 2015
dwar l-iskambju tad-dejta bejn l-istituzzjonijiet biex jingħataw il-benefiċċji tal-familji
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Ftehim bejn il-KE u l-Iżvizzera)
(2016/C 52/07)
IL-KUMMISSJONI AMMINISTRATTIVA GĦALL-KOORDINAZZJONI TAS-SISTEMI TAS-SIGURTÀ SOĊJALI,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 72(a) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(2) u t-Titolu III tal-Kapitolu VI tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Fit-340 laqgħa tal-Kummissjoni Amministrattiva fit-22 u t-23 ta’ Ottubru 2014, id-delegazzjonijiet esprimew tħassib dwar il-problemi li ltaqgħu magħhom b’rabta mal-ħeffa, l-uniformità u l-istruttura tal-iskambju tal-informazzjoni mill-istituzzjonijiet kompetenti bil-għan li jiġu kkalkulati u jingħataw il-benefiċċji tal-familja. |
|
(2) |
Il-kumplessità u t-tul tal-proċedura tal-għoti tal-benefiċċji tal-familja ġew diskussi wkoll waqt il-Laqgħa ta’ Ħidma tal-Kummissjoni Amministrattiva dwar il-benefiċċji tal-familja tat-18 ta’ April 2012 u waqt il-Forum ta’ Riflessjoni dwar kwistjonijiet tal-esportazzjoni u l-kompetenza tal-Benefiċċji tal-Familja fl-10 ta’ Marzu 2015. |
|
(3) |
L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet għandu jikkonforma mal-Artikoli 68(3) u 76(4) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u mal-Artikoli 2, 60(2) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009. |
|
(4) |
Skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, fil-każ li l-istituzzjoni li lilha tkun saret applikazzjoni għall-benefiċċji tal-familja, tikkonkludi li l-leġiżlazzjoni tagħha hija applikabbli, iżda mhux bi dritt prijoritarju, din għandha tieħu deċiżjoni proviżorja minnufih, dwar ir-regoli prijoritarji li għandhom jiġu applikati, u, b’applikazzjoni tal-Artikolu 68(3) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, għandha tibgħat l-applikazzjoni lill-istituzzjoni tal-Istat Membru li hi tkun tal-fehma li jkollu l-kompetenza primarja. |
|
(5) |
Minbarra meta l-istituzzjoni li tirċievi applikazzjoni mibgħuta skont l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tkun esprimiet id-dubji dwar id-deċiżjoni proviżorja fil-limitu stipulat ta’ xahrejn, dik id-deċiżjoni proviżorja ssir definittiva, jew mid-data ta’ meta l-istituzzjoni li rċeviet l-applikazzjoni tapprova d-deċiżjoni, jew jekk l-istituzzjoni li tkun irċeviet l-applikazzjoni ma tikkomunikax il-pożizzjoni tagħha dwar id-deċiżjoni proviżorja, meta jiskadu xahrejn minn meta tkun waslet l-applikazzjoni għand din l-istituzzjoni (skont liema tkun qabel). |
|
(6) |
Skont l-Artikolu 68(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u l-Artikolu 60(3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, is-suppliment differenzjali għandu jiġi kkalkulat u mħallas mingħajr dewmien malli l-persuna kkonċernata tkun intitolata għall-benefiċċju u l-Istat Membru jkollu l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi kkalkulat is-suppliment differenzjali. |
|
(7) |
Fil-każ li l-istituzzjoni li lilha tkun saritilha l-applikazzjoni għall-benefiċċji tal-familja tkun ħadet deċiżjoni proviżorja dwar ir-regoli prijoritarji li għandhom jiġu applikati iżda għad ma għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista’ tikkalkula l-ammont tas-suppliment differenzjali b’mod definittiv, dik l-istituzzjoni, fuq talba tal-persuna kkonċernata għandha tikkalkula u tagħti s-suppliment differenzjali fuq bażi proviżorja, jekk dan il-kalkolu jkun possibbli bl-informazzjoni li jkollha skont l-Artikolu 68(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u l-Artikoli 7 u 60(3) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009. Meta jkun hemm differenza fil-fehmiet bejn l-istituzzjonijiet konċernati dwar liema leġislazzjoni hija applikabbli bi dritt prijoritarju, għandhom japplikaw l-Artikoli 6(2) sa (5) u 60(4) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009. |
|
(8) |
L-użu tal-formoli għall-iskambju tad-dejta għall-għoti u l-kalkolu tal-benefiċċji tal-familja skont ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 għandu jikkonforma mad-Deċiżjoni Nru E1 (3). |
|
(9) |
Għalhekk, biex tkun iffaċilitata l-applikazzjoni uniformi tar-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009, il-Kummissjoni Amministrattiva taqbel li għandhom jiġu stabbiliti limiti ta’ żmien aktar ċari għall-iskambju tad-dejta biex jingħataw u jiġu kkalkulati l-benefiċċji tal-familja skont ir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009, u barra minn hekk għandu jkun hemm regoli aktar ċari dwar il-ħlas tas-suppliment differenzjali (anki fuq bażi proviżorja), Filwaqt li taġixxi skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 71(2) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004, |
IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:
|
1. |
Istituzzjoni għandha, mingħajr dewmien, tagħti l-informazzjoni meħtieġa kollha biex jiġi stabbilit intitolament u jiġi kkalkulat il-benefiċċju tal-familja li għandu jingħata lill-isitituzzjonijiet ikkonċernati ta’ Stati Membri oħra. Bl-istess mod, f’każ li istituzzjoni ssir taf xi informazzjoni li tista’ tkun rilevanti għal deċiżjoni dwar l-intitolament jew l-ammont ta’ xi għotja ta’ benefiċċji tal-familja, din għandha mill-iktar fis possibbli tibgħat l-informazzjoni rilevanti lill-istituzzjonijiet l-oħrajn ikkonċernati. |
|
2. |
Istituzzjoni għandha twieġeb minnufih kull talba ta’ informazzjoni minn Stat Membru ieħor, u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn:
|
|
3. |
F’każijiet eċċezzjonali, meta, għal raġunijiet ġustifikati, ma jkunx possibbli għall-istituzzjoni li tkun irċeviet talba ta’ informazzjoni li twieġeb fil-ħin tal-iskadenzi stipulati fil-paragrafu 2(b), din għandha tavża b’dan lill-istituzzjoni li tkun għamlet it-talba u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien; u meta jkun possibbli, l-istituzzjoni għandha tindika meta se tagħti l-informazzjoni mitluba u żżomm l-istituzzjoni li tkun għamlet it-talba infurmata dwar kull tibdil taż-żmien indikat. |
|
4. |
Jekk ikun hemm mill-inqas żewġ Stati Membri kkonċernati, l-istituzzjonijiet kompetenti għandhom, jekk jintalbu, ipartu l-informazzjoni dwar il-qagħda familjari tal-benefiċjarji u l-ammont u r-rati tal-benefiċċji li jkunu tħallsu. Dawn it-talbiet ikunu suġġetti għall-iskadenzi msemmijin fil-paragrafu 2(b). Mingħajr ħsara għall-obbligu fil-paragrafu 1, fil-każ li jkun hemm talbiet ġeneriċi perjodiċi, jew biex jiġi kkontrollat l-ammont tal-benefiċċju jew biex jiġi vverifikat l-intitolament għall-benefiċċju li jkun ingħata mingħajr provi sodi, istituzzjoni kompetenti ma għandhiex tibgħat talba bħal din aktar spiss minn darba fis-sena, u bl-istess mod, l-istituzzjoni kompetenti li tirċievi dawn it-talbiet ma għandhiex tkun obbligata li twieġeb għalihom aktar minn darba fis-sena. |
|
5. |
Is-suppliment differenzjali għandu jiġi kkalkulat u mħallas mingħajr dewmien malli l-persuna kkonċernata tkun intitolata għall-benefiċċju u l-Istat Membru jkollu l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi kkalkulat is-suppliment differenzjali. Is-suppliment jew is-suppliment proviżorju għandu jitħallas fil-perjodiċità stipulata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kompetenti għall-ħlas tal-benefiċċji tal-familja. |
|
6. |
Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha. |
Il-President tal-Kummissjoni Amministrattiva
Liene RAMANE
(1) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(2) ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.
(3) Id-Deċiżjoni Nru E1 tat-12 ta’ Ġunju 2009 dwar l-arranġamenti prattiċi għall-perjodu tranżitorju tal-iskambju ta’ dejta permezz ta’ mezzi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU C 106, 24.4.2010, p. 9).