|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/2356 |
21.10.2026 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/2356
tat-13 ta’ Ottubru 2026
dwar l-iffirmar tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn Attività Kriminali u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu fir-rigward ta’ miżuri kontra l-ħasil tal-flus
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2024/1764 (1), il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tipparteċipa, f’isem l-Unjoni, fin-negozjati dwar protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn Attività Kriminali u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (il-“Protokoll”). |
|
(2) |
Il-Protokoll ġie adottat mill-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fil-15 ta’ Mejju 2026 u huwa previst li jinfetaħ għall-iffirmar fl-14 ta’ Ottubru 2026. |
|
(3) |
Il-Protokoll jikkonforma mal-għan tal-Unjoni stabbilit fl-Artikolu 26(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri. |
|
(4) |
Il-Protokoll fih, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet dwar l-għan u l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, dwar id-definizzjonijiet ta’ assi virtwali u fornituri ta’ servizzi tal-assi virtwali, dwar is-setgħat ta’ sospensjoni tal-unitajiet tal-intelligence finanzjarja, dwar il-kooperazzjoni fost l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja, u dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu awtomatizzat ċentrali (jew mekkaniżmu simili) fil-livell nazzjonali, li jkun fih informazzjoni dwar kontijiet bankarji, kontijiet ta’ pagament, kontijiet ta’ titoli, kaxxi ta’ sikurezza għad-depożiti u kontijiet ta’ assi virtwali. |
|
(5) |
Il-Protokoll għandu l-potenzjal li jsaħħaħ b’mod sinifikanti l-oqfsa tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kooperazzjoni relatata fost l-Istati Membri tal-Kunsill tal-Ewropa u sħab internazzjonali ewlenin oħra li jistgħu jsiru Partijiet għall-Protokoll. |
|
(6) |
Ir-regoli stabbiliti fil-Protokoll jikkoinċidu fil-parti l-kbira ma’, u kienu ispirati minn, regoli komuni stabbiliti fil-livell tal-Unjoni. Dawk ir-regoli komuni jinkludu, b’mod partikolari, id-Direttivi (UE) 2024/1260 (2) u (UE) 2024/1640 (3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Barra minn hekk, il-Protokoll jikkoinċidi wkoll mad-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), li tibqa’ applikabbli biss fir-rigward tal-Irlanda, u mad-Deċiżjonijiet Kwadru tal-Kunsill 2003/577/ĠAI (6), 2005/212/ĠAI (7) u 2006/783/ĠAI (8), li jibqgħu applikabbli biss fir-rigward tar-relazzjoni mad-Danimarka u mal-Irlanda u r-relazzjoni ta’ bejniethom. |
|
(7) |
Il-Kummissjoni pparteċipat fin-negozjati f’isem l-Unjoni u żgurat li l-Protokoll ikun kompatibbli mad-dritt rilevanti tal-Unjoni. |
|
(8) |
Skont l-Artikolu 37 tal-Protokoll, huwa miftuħ għall-iffirmar mill-Unjoni. Jenħtieġ li l-Unjoni ssir Parti għall-Protokoll flimkien mal-Istati Membri tagħha, peress li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom kompetenzi fl-oqsma koperti mill-Protokoll. Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni sa fejn il-Protokoll jista’ jaffettwa regoli komuni stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli komuni jista’ jiġi affettwat jew mibdul ukoll minn impenji internazzjonali meta dawk l-impenji jaqgħu f’qasam li diġà huwa fil-parti l-kbira kopert minn tali regoli komuni, sa fejn tali impenji jkunu kapaċi jimminaw l-applikazzjoni uniformi u konsistenti tar-regoli komuni u l-funzjonament tajjeb tas-sistema li jistabbilixxu. Fil-qasam tal-kompetenzi kondiviżi, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sa fejn il-Protokoll ma jaffettwax regoli komuni stabbiliti fil-livell tal-Unjoni jew ma jbiddilx il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, inkluż l-iżvilupp futur prevedibbli ta’ tali regoli. Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-iffirmar tal-Protokoll mill-Istati Membri, f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom. |
|
(9) |
Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) u ta opinjoni fl-10 ta’ Settembru 2026. |
|
(10) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Protokoll jiġi ffirmat f’isem l-Unjoni, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar tal-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn Attività Kriminali u l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu f’isem l-Unjoni huwa b’dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni ta’ dak il-Protokoll (10).
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, it-13 ta’ Ottubru 2026.
Għall-Kunsill
Il-President
T. BYRNE
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1764 tat-13 ta’ Ġunju 2024 li tawtorizza lill-Kummissjoni tipparteċipa, f’isem l-Unjoni Ewropea, fin-negozjati dwar protokoll addizzjonali għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ħasil tal-Flus, it-Tiftix, il-Qabda u l-Konfiska ta’ Profitti minn attività Kriminali u dwar l-Iffinanzjar tat-Terroriżmu (ĠU L, 2024/1764, 24.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1764/oj).
(2) Id-Direttiva (UE) 2024/1260 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ April 2024 dwar l-irkupru u l-konfiska tal-assi (ĠU L, 2024/1260, 2.5.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1260/oj).
(3) Id-Direttiva (UE) 2024/1640 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 2024 dwar il-mekkaniżmi li għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, u li temenda u tħassar id-Direttiva (UE) 2015/849 (OJ L, 2024/1640, 19.6.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2024/1640/oj).
(4) Ir-Regolament (UE) 2018/1805 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ ordnijiet ta’ ffriżar u ordnijiet ta’ konfiska (ĠU L 303, 28.11.2018, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1805/oj)
(5) Id-Direttiva 2014/42/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar l-iffriżar u l-konfiska ta’ mezzi strumentali u r-rikavat minn attività kriminali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 127, 29.4.2014, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2014/42/oj).
(6) Id-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2003/577/JHA tat-22 ta’ Lulju 2003 dwar it-twettiq fl-Unjoni Ewropea tal-mandati li jiffriżaw xi proprjetà jew xi evidenza (ĠU L 196, 2.8.2003, p. 45, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2003/577/oj).
(7) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2005/212/ĠAI tal-24 ta’ Frar 2005 dwar il-Konfiska ta’ Rikavati, Mezzi Strumentali u Proprjetà Konnessi mal-Kriminalità (ĠU L 68, 15.3.2005, p. 49, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2005/212/oj).
(8) Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2006/783/GAI tas-6 ta’ Ottubru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku għal ordnijiet ta’ konfiska (ĠU L 328, 24.11.2006, p. 59, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2006/783/oj).
(9) Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2018/1725/oj).
(10) It-test tal-Protokoll ser jiġi ppubblikat flimkien mad-deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/2356/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)