RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW Kontribuzzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) għall-implimentazzjoni ta’ obbligi, impenji u inizjattivi eżistenti tal-Istati Membri jew l-UE fil-livell internazzjonali jew tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali fl-ilmijiet tal-baħar /* COM/2012/0662 final */
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U
LILL-PARLAMENT EWROPEW Kontribuzzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar
l-Istrateġija Marina (2008/56/KE) għall-implimentazzjoni ta’ obbligi,
impenji u inizjattivi eżistenti tal-Istati Membri jew l-UE fil-livell
internazzjonali jew tal-UE fil-qasam tal-protezzjoni ambjentali fl-ilmijiet
tal-baħar 1. introduzzjoni Id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija
Marina (minn hawn 'il quddiem Id-Direttiva dwar il-Baħar jew l-MFSD)[1] għandha l-għan li
sal-2020 tikseb Status Ambjentali Tajjeb tal-ilmijiet tal-baħar tal-UE u
li tipproteġi l-bażi tar-riżorsi li fuqha jiddependu
attivitajiet ekonomiċi u soċjali relatati mal-baħar. L-istatus
ambjentali se jkun ivvalutat abbażi ta’ 11-il deskrittur kwalitattiv[2], rigward l-istat ambjentali,
il-pressjonijiet u l-impatti fuq l-ekosistemi tal-baħar, u għandu
jinkiseb status tajjeb permezz tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta'
strateġija għall-ilmijiet tal-baħar f’kull Stat Membru, li
tindirizza l-impatti u l-pressjonijiet kollha li jaffettwaw l-ambjent
tal-baħar. Iż-żieda fil-kooperazzjoni transfruntiera
fir-reġjuni u s-subreġjuni tal-baħar tinsab ukoll fil-qofol
tad-Direttiva dwar il-Baħar. Dan ir-rapport għandu l-għan li
jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 20 (2) tal-MFSD: li jevalwa
l-kontribuzzjoni tad-Direttiva fl-implimentazzjoni tal-obbligi, l-impenji u
l-inizjattivi eżistenti tal-Istati Membri jew tal-UE fil-qasam
tal-protezzjoni ambjentali fl-ilmijiet tal-baħar. Filwaqt li hu rikonoxxut
li wħud minn dawn l-obbligi, l-impenji u l-inizjattivi jikkostitwixxu
obbligi li joriġinaw minn ftehimiet internazzjonali, dawn il-fergħat
varji se jiġu indirizzati taħt it-terminu ‘impenji’ għall-fini
ta’ dan ir-rapport. Id-Direttiva dwar il-Baħar tittrasferixxi
għadd kbir ħafna ta’ impenji internazzjonali u tal-UE relatati
mal-protezzjoni ambjentali fl-ambjent tal-baħar lill-ordni legali
tal-Unjoni. Għandha rwol importanti wkoll li ssaħħaħ
il-koerenza tal-azzjoni tal-UE u l-Istati Membri tagħha skont ftehimiet
internazzjonali. Il-firxa sħiħa ta’ dawn l-impenji
ġiet analizzata fil-fond fl-istudju "Study on the contribution of the
Marine Strategy Framework Directive to existing international obligations"
(Studju dwar il-kontribut tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina
għal obbligi eżistenti) ”[3]. Dan
ir-rapport jagħmel enfasi fuq il-kontribuzzjoni tal-MSFD
għall-prinċipji essenzjali stabbiliti fuq livell internazzjonali,
għal ċerti impenji internazzjonali ewlenin, inkluż
il-Konvenzjonijiet Reġjonali tal-Baħar u għall-politiki ewlenin
tal-UE. 2. Prinċipji ġenerali
tal-politika ambjentali u tal-baħar Ċerti prinċipji ambjentali
ġenerali li ntlaħaq ftehim dwarhom fuq livell internazzjonali,
bħal dawk tad-Dikjarazzjoni ta' Rio[4]
huma riflessi fl-MSFD, fejn huwa relevanti. Dawn huma affermati mill-ġdid
fid-dokument ta' eżitu ta' Rio+20 “The Future we want” (Il-Futur li
nixtiequ) [5]. 2.1. L-approċċ
ibbażat fuq l-ekosistema jinsab fil-qofol tad-Direttiva Kwadru dwar
l-Istrateġija Marina L-approċċ ibbażat fuq
l-ekosistema għall-ġestjoni tal-ambjent tal-baħar huwa karatteristika
essenzjali tal-MSFD. Ma hemm l-ebda definizzjoni unika tal-approċċ li
ntlaħaq qbil dwaru fuq livell internazzjonali, iżda l-għan
inġenerali tiegħu huwa li jiżgura li l-pressjonijiet kollettivi
tal-attivitajiet umani ma jaqbżux livelli li jikkompromettu
l-kapaċità tal-ekosistemi biex dawn jirreaġixxu. Id-deċiżjonijiet meħuda
mill-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Bijodiversità
Bijoloġika (CBD) (id-Deċiżjonijiet tal-COP V/6 u VII/5), u
l-Pjan ta' Implimentazzjoni ta' Johannesburg (JPoI) pereżempju, jinkludu
rekwiżiti espliċiti, affermati mill-ġdid fil-konferenza Rio+20,
biex jadottaw jew isegwu approċċ ibbażat fuq l-ekosistema
għall-ġestjoni ta' attivitajiet umani li jaffettwaw l-ambjent
tal-baħar. Id-Direttiva dwar il-Baħar ma tirreferix
biss b'mod espliċitu għall-approċċ ibbażat fuq
l-ekosistema għall-ġestjoni tal-ambjent tal-baħar bħala
prinċipju gwida (il-Premessi 8 u 44), iżda teħtieġ
ukoll li tiġi applikata fi strateġiji tal-baħar
(l-Artikoli 1 u 3). Għalhekk, bis-saħħa tal-MSFD,
l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema jsir prinċipju legalment
vinkolanti għall-ġestjoni tal-ambjent tal-baħar. 2.2. L-integrazzjoni ta’
tħassib ambjentali f’politiki oħra, u l-ġestjoni transsettorjali
integrata tal-ilmijiet tal-baħar Il-bżonn biex jiġu integrati
objettivi ta’ protezzjoni ambjentali f'attivitajiet soċjoekonomiċi u
politiki oħra, flimkien man-neċessità ta' ġestjoni tal-ambjent
tal-baħar u żoni kostali b'mod integrat, ħafna drabi jiġu
enfasizzati fi strumenti internazzjonali. Dawn ir-rekwiżiti b’mod
partikulari huma inklużi fl-impenji tal-Aġenda 21[6], fid-Deċiżjonijiet
tas-CBD, u kkonfermati fid-dokument ta’ eżitu ta’ RIO+20. Dan huwa
prinċipju fundamentali tal-politika ambjentali tal-UE enfasizzat fit-TFUE[7] L-MFSD, b’mod espliċitu
tagħmel dan l-approċċ wieħed mill-objettivi tagħha
(l-Artikolu 1(4)). Fil-livell internazzjonali ġew avvanzati
għodod speċifiċi għall-ġestjoni transsettorjali
integrata tal-ilmijiet tal-baħar. L-approċċ ta' Ġestjoni
Integrata taż-Żoni Kostali (ICZM) ġie żviluppat bħala
għodda ta’ ġestjoni għaż-żoni kostali.
Ir-rekwiżit għall-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-ICZM jinsab
inkluż b’mod espliċitu fl-Aġenda 21, u fil-Protokoll dwar
l-ICZM tal-Konvenzjoni ta’ Barċellona. Il-proċess tal-Ippjanar
Spazjali tal-Ibħra (MSP) huwa għodda oħra kumplimentari biex
jindirizza l-użi kompetittivi fuq il-baħar waqt li jiżgura
l-protezzjoni tal-ambjent, li ġie żviluppat u promoss fil-livell
internazzjonali dan l-aħħar (inkluż fid-Deċiżjoni
tal-COP X/29 tas-CBD) u li qed jiġi żviluppat fil-kuntest
tal-Politika Marittima Integrata tal-UE (PMI). Billi tqis l-impatti kumulattivi
inġenerali, aktar milli tirregola l-użi speċifiċi
f’iżolament, id-Direttiva dwar il-Baħar tikkontribwixxi
għall-implimentazzjoni ta’ ġestjoni integrata tal-ilmijiet tal-baħar.
Id-Direttiva titlob li l-Istat Membri jinkludu miżuri ta' kontrolli ta'
distribuzzjoni temporali u spazjali fil-programm ta’ miżuri tagħhom
(l-Anness VI), bħall-ICZM u l-MSP. 2.3. Il-prinċipju
tal-prekawzjoni u l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas
fl-ambjent tal-baħar Il-prinċipju ta’ prekawzjoni u
l-prinċipju ta’ "min iniġġes iħallas" huma
żewġ prinċipji fundamentali tal-politika tal-protezzjoni
ambjentali u t-tnejn għandhom bażi fit-TFUE[8] It-tnejn huma inklużi
f’għadd ta’ strumenti internazzjonali li jittrattaw kwistjonijiet
ambjentali u ilhom jissemmew ukoll b’mod speċifiku fir-rigward
tal-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar mill-Aġenda 21
(il-kapitolu 17.22), u s-CBD (id-Deċiżjonijiet tal-COP IV/5
u VIII/24). F’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet,
iż-żewġ prinċipji huma inklużi fid-Direttiva dwar
il-Baħar, bħala prinċipji ta’ gwida għall-implimentazzjoni
tagħha, fil-premessi 27 u 44. B’mod partikulari huma bażi
għall-programmi ta’ miżuri li l-Istati Membri jridu jiżviluppaw
biex jiżguraw li l-ilmijiet tal-baħar tagħhom jilħqu Status
Ambjentali Tajjeb. 2.4. Ġestjoni tal-adattament
ibbażata fuq l-għarfien u l-informazzjoni u l-parteċipazzjoni
pubblika Il-bżonn għal ġestjoni
tal-adattament ibbażata fuq l-għarfien huwa wkoll prinċipju
ewlieni indirizzat f’ħafna obbligi internazzjonali[9] Fir-rigward tal-protezzjoni
tal-ambjent tal-baħar, fejn għad hemm ħafna inċertezzi, dan
il-bżonn huwa ta’ importanza partikulari. Billi titlob valutazzjoni inizjali
(l-Artikolu 8) u programmi ta’ monitoraġġ (l-Artikolu 11),
l-MSFD tikkontribwixxi għar-reviżjoni globali tal-istat tal-ambjent
tal-baħar. Barra minn hekk, id-Direttiva tiżgura li l-bażi
tal-għarfien stabbilita b’dan il-mod tinforma miżuri ta’
ġestjoni sussegwenti billi titlob li l-miri ambjentali (l-Artikolu 10)
u l-programmi ta’ miżuri (l-Artikolu 13) jkunu bbażati fuq
il-valutazzjoni inizjali. Dan iwassal għall-kunċett ta’ ġestjoni
tal-adattament, espliċitu fl-MSFD (l-Artikolu 3 (5)), li jitlob
aġġornament tal-istrateġiji tal-baħar f’ċiklu ta’ sitt
snin. Dan l-approċċ huwa kompletament
koerenti mal-impenn għall-iżvilupp ta' Proċess Regolari tan-NU
għar-rappurtar u l-valutazzjoni globali tal-istat tal-ambjent
tal-baħar, li jappoġġja tali ġestjoni tal-adattament
ibbażata fuq l-għarfien. L-aċċess għall-informazzjoni,
il-konsultazzjoni pubblika u l-edukazzjoni huma wkoll prinċipji
ġenerali promossi fil-livell internazzjonali f'impenji ambjentali.
Il-Konvenzjoni ta’ Aarhus[10],
b’mod partikulari, huwa ftehim internazzjonali speċifiku li jwassal biex
dan il-prinċipju ta’ Rio jkun jista’ jopera. Id-Direttiva dwar
il-Baħar tinkludi rekwiżiti speċifiċi u espliċiti
(l-Artikolu 19 u l-Anness VI (8)) u tikkontribwixxi
għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-impenji. 3. trattati internazzjonali ewlenin u
ftehimiet ambjentali multilaterali Lil hinn minn dawn il-prinċipji
ambjentali ġenerali, id-Direttiva dwar il-Baħar twettaq għadd
ġdid ta' impenji aktar speċifiċi meħuda mill-Ftehimiet
Ambjentali Multilaterali u ftehimiet internazzjonali oħra parti mill-ordni
legali tal-UE għall-ilmijiet tal-baħar. 3.1. UNCLOS u IMO Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar
id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) tistipula r-responsabbiltajiet u d-drittijiet
tan-nazzjonijiet fir-rigward tal-ibħra u l-oċeani u tinkludi
għadd ta’ obbligi fir-rigward tal-protezzjoni u l-preservazzjoni
tal-ambjent tal-baħar. Dawn ikopru, pereżempju,
id-dispożizzjonijiet dwar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni
tal-istat tal-ambjent tal-baħar, il-prevenzjoni tat-tniġġis fuq
il-baħar u r-rekwiżiti għall-kooperazzjoni fuq livell globali u
fuq livell reġjonali. Id-Direttiva dwar il-Baħar tirrikonoxxi u tqis
fis-sħiħ l-obbligi skont UNCLOS[11]
Barra minn hekk, fl-ambitu ġeografiku tagħha, id-Direttiva
tittraduċi r-rekwiżit tal-UNCLOS għall-Istati, sabiex dawn
josservaw u jkejlu r-riskji jew l-effetti tat-tniġġis tal-ambjent
tal-baħar[12]
Id-Direttiva timplimenta wkoll obbligi oħra varji li jitolbu lill-Istati
biex jieħdu miżuri biex jipprevjenu, inaqqsu u jikkontrollaw
it-tniġġis tal-ambjent tal-baħar minn sorsi bbażati fuq
l-art, biex jipprevjenu t-tniġġis ta' qiegħ il-baħar u
tas-sottoswol u biex jipprevjenu l-introduzzjoni ta' speċijiet li mhumiex
indiġeni. L-MSFD tittraduċi wkoll id-dispożizzjonijiet
tal-UNCLOS fir-rigward tas-sajd u l-akkwakultura sostenibbli , l-innovazzjoni u
l-investiment fir-riċerka. L-aħħar u mhux l-anqas,
tiffaċilita l-obbligu tal-Istati skont UNCLOS biex jikkooperaw biex
jipproteġu l-ambjent tal-baħar, permezz tal-enfażi tagħha
fuq il-kooperazzjoni reġjonali[13] Ċerti dispożizzjonijiet tal-UNCLOS,
speċjalment dawk dwar it-tnaqqis tat-tniġġis mis-sors u dwar
l-iżvilupp ta’ valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali huma indirizzati
wkoll permezz ta' leġiżlazzjoni lil hinn mill-MSFD,
bħad-Direttiva dwar l-IPPC[14]
u d-Direttivi dwar il-VIA u l-VAS[15] L-istess jista’ jingħad għar-regoli
tal-IMO, bħal dawk skont MARPOL[16]
kif modifikati mill-protokoll tagħha tal-1987, jew għall-Konvenzjoni
OPRC u l-protokoll tagħha OPRC-HNS[17],
iżda wkoll għall-ftehim għall-kooperazzjoni dwar kif jiġi
ttrattat it-tniġġis fil-Baħar tat-Tramuntana miż-żejt u
sustanzi ta' ħsara oħra (għalkemm barra l-IMO)[18] Hemm, għadd ta’
liġijiet tal-UE li jikkumplimentaw l-MSFD jikkontribwixxu soluzzjonijiet u
mekkaniżmi biex jiġu indirizzati l-miri tal-MSFD bħad-Direttiva
dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port[19],
dwar il-faċilitajiet ta’ akkoljenza tal-iskart fil-portijiet tal-UE[20] jew id-Deċiżjoni
tal-Kunsill li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni
Ċivili[21] 3.2. L-MSFD, kontribuzzjoni
ewlenija għall-implimentazzjoni ta’ impenji internazzjonali rigward
il-bijodiversità tal-baħar Id-Direttiva dwar il-Baħar hija l-ewwel
strument leġislattiv tal-UE, li kollu kemm hu huwa relatat b’mod
espliċitu mal-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar. Fiha
l-objettiv regolatorju speċifiku li "l-bijodiversità hija miżmuma
sal-2020", bħala l-bażi biex jinkiseb Status Ambjentali Tajjeb
tal-oċeani u l-ibħra. Għalhekk, flimkien mad-Direttivi dwar
l-Għasafar u dwar il-Ħabitats[22],
tipprovdi politika u qafas legali qawwija biex tkun konformi mal-impenji
internazzjonali relatati mal-protezzjoni tal-bijodiversità tal-baħar,
bħal dawk skont is-CBD (imsemmija fil-premessa 18 tal-MSFD), jew
il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ fl-Ispeċijiet fil-Periklu. Barra minn hekk, biex timplimenta
l-approċċ tal-ekosistema u l-prinċipju ta' ġestjoni
tal-adattament, l-MSFD tindirizza wkoll xi wħud mill-aktar rekwiżiti
speċifiċi tas-CBD, bħal pereżempju l-istabbiliment
taż-Żoni Marittimi Protetti (MPAs), li l-Istati Membri jridu jinkludu
fl-istrateġiji tal-baħar tagħhom, bħala parti
mill-approċċ ġenerali biex jipproteġu l-ambjent
tal-baħar. Barra minn hekk, id-Direttiva se tgħaqqad dawn l-MPAs li
ġew stabbiliti skont varjetà ta’ obbligi internazzjonali u tal-UE
oħra f’qafas wieħed: netwerk koerenti u rappreżentattiv ta’ MPAs
(ara taħt il-punt 5). 3.3. Ir-rabta ma' impenji
internazzjonali dwar it-tibdil fil-klima Id-Direttiva dwar il-Baħar għandha
x’taqsam mal-impatti tat-tibdil fil-klima fuq l-oċeani u, b'hekk,
tikkontribwixxi indirettament għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet
Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCC) u strumenti oħra li jittrattaw din
il-kwistjoni. L-MSFD issaħħaħ l-għarfien
tal-impatti klimatiċi fuq l-ambjent tal-baħar. Hija titlob
lill-Istati Membri biex fil-valutazzjonijiet inizjali tagħhom iqisu
diversi fatturi relatati mal-klima bħall-bidliet fit-temperatura
tal-baħar u l-aċidifikazzjoni tal-oċeani u tal-għata
tas-silġ. L-istrateġiji tal-baħar tal-Istati
Membri skont l-MSFD jistgħu jindirizzaw ukoll l-adattament
għat-tibdil fil-klima. Billi l-pressjonijiet u l-impatti jistgħu
jvarjaw skont ix-xejriet differenti tal-attività tal-bniedem u l-impatt
tat-tibdil fil-klima, jista’ jagħti l-każ li maż-żmien
ikollha tiġi adattata d-determinazzjoni ta’ Status Ambjentali Tajjeb[23] Fl-aħħar nett, l-oċeani
b’saħħithom għandhom rwol importanti ta' mitigazzjoni, bħala
bjar tal-karbonju. Iż-żona tal-baħar tista’ tintuża
għal skopijiet ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, u
l-ġbir u l-ħżin tad-diossidu tal-karbonju (CCS). Dawn huma
attivitajiet umani li l-pressjonijiet u l-impatti tagħhom għandhom
jiġu ġestiti fil-kuntest tad-Direttiva. 4. L-irwol ewlieni tal-Konvenzjonijiet dwar
l-Ibħra Reġjonali Erba’ Konvenzjonijiet dwar l-Ibħra
Reġjonali (RSCs) ikopru l-ilmijiet tal-baħar tal-MSFD: il-Konvenzjoni
dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin tal-Grigal tal-Atlantiku (OSPAR),
il-Konvenzjoni għall-Ħarsien tal-Ambjent Marin fil-Baħar Baltiku
(HELCOM), il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent Marin u
ż-Żona Kostali tal-Mediterran (il-Konvenzjoni ta’ Barċellona) u
l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Baħar l-Iswed kontra
t-Tniġġis (il-Konvenzjoni ta' Bukarest)[24] Jeżistu ċerti
differenzi sinifikanti bejniethom, speċjalment fejn jikkonċerna
l-irwol tal-pajjizi mhux membri tal-UE (e.ż. 9 minn 10 partijiet huma
Stati Membri tal-UE fil-Baltiku, 7 minn 22 fil-Mediterran). L-RSCs għandhom l-għan li jtejbu
t-tmexxija reġjonali tar-reġjuni tal-baħar u li jsaħħu
l-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar. Id-Direttiva dwar il-Baħar
tinkludi bosta dispożizzjonijiet bil-għan li jiżguraw li
l-implimentazzjoni tagħha mhux biss tikkontribwixxi, iżda wkoll tibni
fuq l-attivitajiet tal-konvenzjonijiet, li jkopru r-reġjuni jew
is-subreġjuni tal-ibħra tal-UE. L-Artikolu 6(1), jitlob biċ-ċar
lill-Istati Membri biex jużaw strutturi ta’ kooperazzjoni istituzzjonali
reġjonali eżistenti, inkluż dawk taħt l-RSCs, biex jiksbu
l-koordinazzjoni. Diversi minn dawn il-Konvenzjonijiet qablu espressament li
jieħdu l-responsabbiltà li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni
reġjonali tal-MSFD. L-Artikolu 6(2) jitlob lill-Istati Membri li
jagħmlu kull sforz, waqt li jużaw il-forums internazzjonali
rilevanti, inkluż il-mekkaniżmi tal-RSCs, biex jikkoordinaw
l-azzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi bil-għan li
jistabbilixxu u jimplimentaw strateġiji tal-baħar, u biex, fejn huwa
xieraq, jestendu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Istati Membri kollha
inkluż il-pajjiżi mingħajr kosta. L-MSFD tiżgura li l-RSCs u ftehimiet
oħra internazzjonali jitqiesu fl-istadji kollha tal-iżvilupp
tal-istrateġiji tal-baħar, u jiżguraw li l-metodoloġiji
kollha użati huma konsistenti tul ir-reġjuni u s-subreġjuni
tal-baħar u li jitqiesu l-impatti transfruntieri. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva dwar
il-Baħar tikkontribwixxi għat-twettiq tal-obbligi u l-impenji
importanti tal-UE u l-Istati Membri skont dawn l-RSCs. Dan jinkludi, pereżempju, l-obbligi biex
jittieħdu l-passi kollha possibbli għall-prevenzjoni u
l-eliminazzjoni tat-tniġġis minn sorsi bbażati fil-baħar u
fuq l-art, inkluż l-impatt ta’ rimi minn sors ta’ punt fuq l-ambjent
marittimu. L-RSCs integraw ukoll impenji espliċiti biex jadottaw jew
isegwu approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni
tal-ilmijiet tal-baħar u biex jikkonservaw ir-riżorsi tal-baħar,
inkluż obbligi biex jieħdu miżuri għall-protezzjoni u
l-konservazzjoni ta’ ekosistemi u d-diversità bijoloġika
bħar-rekwiżiti għar-regolazzjoni tal-introduzzjoni ta’
speċijiet invażivi. Id-Direttiva dwar il-Baħar tadotta dawn
l-elementi kollha, għaliex tqishom karatteristiċi essenzjali biex
jinkiseb Status Ambjentali Tajjeb. L-RSCs jinkludu wkoll dispożizzjonijiet
dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar l-istat tal-ambjent
tal-baħar, dwar l-obbligu tal-Istati biex iwettqu programmi ta’
monitoraġġ u riċerka u obbligi ta’ rappurtar sussegwenti, li
huma integrati fid-Direttiva dwar il-Baħar (ara t-Taqsima 2.4). 5. L-MSFD u politiki oħra rilevanti
tal-UE Ħafna politiki tal-UE jaffettwaw
l-ambjent tal-baħar, b’mod partikulari dawk li jittrattaw is-sajd,
it-trasport, l-industrija, l-agrikoltura, l-iżvilupp reġjonali,
ir-riċerka, l-enerġija, ir-relazzjonijiet esterni, kif ukoll elementi
importanti tal-politika ambjentali bħall-ilma. Iżda dawn il-politiki
ma tfasslux b’mod speċifiku biex jipproteġu l-ambjent tal-baħar
b’mod koordinat. Għalhekk, l-attivitajiet umani li għandhom impatt
fuq l-ambjent tal-baħar jiġu indirizzati skont is-settur. L-MSFD għandha l-għan li
tiżgura l-koerenza, il-konsistenza u l-integrazzjoni ta' miżuri
meħuda skont strumenti legali oħra varji tal-UE sabiex tissodisfa
l-objettiv ewlieni tagħha. Għalhekk, kif stipulat
bl-Artikolu 20, meta titqies il-kontribuzzjoni tal-MSFD għall-obbligi
u l-impenji internazzjonali, huwa neċessarju li jitqiesu l-obbligi u
l-miżuri stipulati minn leġislazzjoni oħra tal-UE fil-livell
komunitarju. Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma[25] (WFD) hija marbuta mill-qrib
mad-Direttiva dwar il-Baħar. Din id-Direttiva tistipula l-objettiv biex
sal-2015 jinkiseb Status Tajjeb għall-ilmijiet kollha ta' taħt l-art
u tal-wiċċ, inkluż l-ilmijiet kostali, waqt li tikkumplimenta
l-objettiv li jinkiseb Status Ambjentali Tajjeb skont id-Direttiva dwar
il-Baħar. L-azzjonijiet meħuda skont il-WFD se jnaqqsu
t-tniġġis tal-baħar u d-dħul ta’ nutrijenti minn sorsi bbażati
fuq l-art u se jipproteġu l-ekosistemi f’ilmijiet kostali u
transizzjonali, li huma postijiet importanti fejn ibid il-ħut għal
ħafna speċijiet ta’ ħut tal-baħar. Ir-rekwiżit biex titwettaq Valutazzjoni
tal-Impatt Ambjentali (VIA) għal proġetti u attivitajiet fl-UE, fuq
l-art u fil-baħar huwa stipulat fid-Direttiva 2011/92/UE;
jeżistu obbligi simili għat-tħejjija ta’ pjanijiet u programmi
skont id-Direttiva 2001/42/KE, magħrufa bħala d-Direttiva dwar
il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (VAS). L-MSFD ma tinkludix
espressament ir-rekwiżit biex twettaq VAS għal pjanijiet u programmi
li jaffettwaw l-ambjent tal-baħar. Madanakollu, il-VAS tapplika fuq
il-merti tagħha, kif ikkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja[26], dejjem jekk
il-kundizzjonijiet tagħha jiġu ssodisfati, b’mod partikulari li
l-pjan inkwistjoni jistabbilixxi l-qafas għal żviluppi futuri ta’
proġetti. L-istrateġiji tal-baħar jistgħu jkunu
suġġetti għal VAS, b’dan ikun jiddependi mill-kontenut
tagħhom. Il-programmi ta’ miżuri x’aktarx ikollha ssirilhom VAS,
billi l-Anness VI tal-MSFD jipprevedi li jistgħu jistabbilixxu
l-qafas għal proġetti u attivitajiet futuri. Barra minn hekk id-Direttiva dwar
il-Ħabitats[27](l-Artikolu 6)
titlob li titwettaq valutazzjoni xierqa għal kwalunkwe pjan jew
proġett li l-aktar li hemm ċans li jkollu effetti sinifikanti fuq
iż-żoni speċjali ta' konservazzjoni (ŻSK) stabbiliti skont
id-Direttiva u ż-Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali (ŻPS)
stabbiliti skont id-Direttiva dwar l-Għasafar. Billi dawn
iż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni jikkontribwixxu
għaż-Żoni Protetti tal-Baħar stabbiliti skont l-MSFD,
normalment tkun meħtieġa valutazzjoni skont l-Artikolu 6
tad-Direttiva dwar il-Ħabitats għall-istrateġiji tal-baħar
u l-programmi ta' miżuri għal tali attivitajiet. Dawn
il-valutazzjonijiet jistgħu jiġu integrati fil-proċeduri
tal-VAS. L-UE wettqet għadd ta’ impenji
politiċi ta’ livell għoli dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità.
Il-mira ewlenija hija li sal-2020 jitwaqqaf it-telfien tal-bijodiversità u
d-degradazzjoni tas-servizzi tal-ekosistemi fl-UE, u li sa fejn huwa possibbli
jiġu rrestawrati. Dawn l-objettivi politiċi ġew integrati
fl-Istrateġija dwar il-Bijodiversità UE2020[28] u huma spjegati fid-dettall
f’miri u azzjonijiet speċifiċi marbuta mal-kisbiet tal-objettiv
tad-Direttiva dwar il-Baħar u biċċiet oħra ta’ leġislazzjoni
tal-UE li jittrattaw il-protezzjoni tal-ispeċijiet f'periklu u l-isfruttar
sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut. L-Istati Membri, skont id-Direttivi dwar
il-Ħabitats u dwar l-Għasafar, għandhom jiżguraw status ta’
konservazzjoni favorevoli ta’ serje ta’ ħabitats u speċijiet
tal-baħar u status tal-popolazzjoni pożittiv tal-ispeċijiet
kollha li jinsabu b’mod naturali fil-baħar inkluż l-ispeċijiet
ta’ għasafar li jpassu. Żona kbira taż-żoni kostali u
tal-baħar tal-UE diġà ġiet magħżula jew se tiġi
magħżula bħala siti ta’ Natura 2000 skont dawn
id-Direttivi. L-MSFD tirrikonoxxi li l-istabbiliment tal-MPAs, inkluż
is-siti ta’ Natura 2000 magħżula jew li se jintgħażlu
skont id-Direttivi dwar il-Ħabitats u dwar l-Għasafar, huma ta’
kontribuzzjoni importanti għall-ksib ta’ Status Ambjentali Tajjeb u
teħtieġ li netwerks ta’ MPAs ikunu nklużi fi programmi ta’
miżuri tal-istrateġiji tal-baħar (l-Artikolu 13(4)). Barra
minn hekk, l-Artikolu 13(4) tal-MSFD jitlob li n-netwerks tal-MPAs ikunu
koerenti u rappreżentattivi, u jkopru b’mod adegwat id-diversità
tal-ekosistemi kostitwenti, u espressament imur lil hinn min-Natura 2000
billi jestendi tali netwerks għal dawk l-MPAs stabbiliti skont l-RSCs.
Barra minn hekk, l-Artikolu 13(5) jiżgura li ssir rabta
espliċita bejn l-istabbiliment tal-MPAs u miżuri possibbli skont
il-Politika Komuni tas-Sajd (PKS). L-MSFD għalhekk taġixxi f'dan
il-każ b'mod speċifiku bħala qafas li fih il-miżuri
eżistenti jistgħu jiġu integrati u kkumplimentati b'inizjattivi
ġodda. Fir-rigward tar-regolament dwar l-attivitajiet
tas-sajd u l-akkwakultura, il-PKS tistabbilixxi approċċ kollaborattiv
għall-ġestjoni tas-sajd kondiviż tal-UE. Ir-riforma proposta
tal-PKS fl-2011[29]
titlob li l-istokk kollu jkun ogħla mil-livelli li kapaċi
jipproduċu rendiment massimu sostenibbli u li jitqiesu l-impatti
ambjentali tas-sajd. Ir-riforma titlob espressament li jiġu integrati
l-objettivi tal-MSFD. Għalhekk id-Direttiva dwar il-Baħar
tikkumplimenta l-PKS, u tipprovdi rabta bejn il-politiki tas-sajd u aspetti
essenzjali oħra tal-protezzjoni ambjentali (bħall-konservazzjoni
tal-bijodiversità, il-protezzjoni tal-ħabitats u speċijiet
assoċjati). Strumenti leġislattivi varji tal-UE
għandhom impatt fuq il-livell ta’ tniġġis tal-ambjent
tal-baħar aktar ’il quddiem fil-proċess, bħad-Direttiva dwar
it-tniġġis ikkawżat min-Nitrati[30],
id-Direttiva dwar is-Sustanzi ta’ Prijorità[31],
u d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart[32]
L-MSFD tikkumplimenta dawn l-atti partikulari tal-leġislazzjoni tal-UE. Hemm ukoll rabtiet mill-qrib bejn id-Direttiva
dwar il-Baħar u l-politika tal-protezzjoni ċivili tal-UE li
tistabbilixxi qafas ta' kooperazzjoni fil-livell tal-UE
għall-ġestjoni tat-tipi kollha ta’ diżastri fil-fażijiet
kollha taċ-ċiklu għall-ġestjoni tad-diżastri,
inkluż il-prevenzjoni, it-tħejjija, ir-reazzjoni u l-irkupru[33]. Id-Direttiva dwar il-Baħar hija wkoll
pilastru ambjentali tal-Politika Marittima Integrata (PMI). Il-funzjoni
tagħha hija enfasizzata f'firxa ta' żviluppi skont il-PMI,
inkluż l-ippjanar spazjali tal-ibħra, l-għarfien tal-baħar
u l-istrateġiji reġjonali. Għaldaqstant, id-Direttiva dwar
il-Baħar tagħti direzzjoni u tikkontribwixxi
għall-implimentazzjoni ta' diversi obbligi, impenji u inizjattivi
fil-livell tal-UE, tiżgura s-sostenibbiltà tagħhom u tikkontribwixxi
għall-objettiv ta' koerenza usa' stipulat fl-Artikolu 1(4)
tagħha. 6. Inħarsu 'l Quddiem: L-MSFD u
l-implimentazzjoni tal-eżitu ta’ RIO+20 Id-dokument ta’ eżitu ta' Rio+20,
"The Future We Want", jirrifletti għadd ta’ kunċetti li
jinsabu fid-Direttiva dwar il-Baħar. Id-dokument jinvolvi l-impenn rigward
il-protezzjoni u r-restawr tas-saħħa, il-produttività u
r-reżiljenza tal-oċeani u l-ekosistemi tal-baħar, u biex
tinżamm il-bijodiversità tagħhom, u b'hekk jippermetti
l-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tagħhom għall-ġenerazzjonijiet
tal-preżent u tal-futur. Jisħaq fuq il-bżonn li jiġi
applikat approċċ ta' ekosistema u l-approċċ ta' prekawzjoni
fil-ġestjoni ta' attivitajiet li għandhom impatt fuq l-ambjent
tal-baħar. Id-dokument jinkludi wkoll impenji speċifiċi,
inkluż il-bżonn ta' strateġiji koordinati biex jiġi
miġġieled it-tniġġis, biex tittieħed azzjoni sabiex
sal-2025 jitnaqqas ir-residwu tal-baħar, jew biex tittieħed azzjoni
rigward speċijiet invażivi. L-MSFD se tkun waħda mill-politiki
ewlenin tal-UE li timplimenta l-impenji tal-baħar ta’ Rio+20 fl-UE. F'Rio, deċiżjoni ewlenija kienet li
tiġi indirizzata wkoll, fuq bażi urġenti, il-kwistjoni
tal-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tad-diversità bijoloġika
tal-baħar, lil hinn mill-ġurisdizzjoni nazzjonali, inkluż permezz
tat-teħid ta’ deċiżjoni dwar l-iżvilupp ta’ strument
internazzjonali skont l-UNCLOS. Biex jintlaħaq dan l-objettiv, għandu
jitqies il-bżonn taż-żamma tal-bijodiversità tal-baħar kif
intlaħaq ftehim dwaru f'Rio u kif stipulat mill-MSFD, flimkien mal-azzjonijiet
settorjali li ntlaħaq ftehim dwarhom f’Rio, b’mod partikulari s-sajd. Dawn
jinkludu l-bżonn li nżidu l-isforzi tagħna biex nilħqu
l-mira tal-2015 biex inżommu jew nirrestawraw l-istokkijiet
għal-livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli[34] fuq bażi urġenti u
biex insaħħu l-azzjoni għall-ġestjoni permezz tal-qbid,
l-iskartar tal-ħut u impatti oħra negattivi fuq l-ekosistemi
mis-sajd, inkluż l-eliminazzjoni ta’ prattiki qerrieda tas-sajd. Barra minn hekk, l-MSFD, bħas-CBD,
tgħaqqad il-protezzjoni u l-użu sostenibbli u hija indispensabbli
għat-twettiq ta' ekonomika ekoloġika. L-UE, abbażi
tal-eżitu ta’ Rio+20, se tibqa’ issostni “ekonomija blu”, li fost
l-oħrajn testendi l-prinċipji tal-ekonomija ekoloġika
għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi
tal-baħar. 7. Konklużjoni L-MSFD hija direttiva qafas li tippromwovi
approċċ ta’ ġestjoni integrat u adattiv għall-attivitajiet
umani li jaffettwaw l-ambjent tal-baħar. Min-natura stess tagħha,
hija strument ta' politika flessibbli biex wieħed ibiddel impenji
internazzjonali f’politiki tal-UE għall-ilmijiet tal-UE. Fil-futur, din
il-flessibbiltà, inkluż iċ-ċiklu regolari tagħha ta’
6 snin għall-aġġornament ta’ strateġiji tal-baħar,
se jippermettulha sabiex tadatta għal impenji ġodda, bħal
pereżempju, dawk li jinbtu minn Rio+20 u s-segwitu tiegħu. Billi l-ambitu ġeografiku tad-Direttiva
dwar il-Baħar ma jestendix sal-ibħra miftuħa, mhux l-impenji
internazzjonali kollha dwar l-ambjent tal-baħar jaqgħu taħt
ir-responsabbiltà tagħha. F'għadd ta’ każijiet oħra
strumenti leġislattivi differenti tal-UE huma aktar adattati biex
jimplimentaw impenji internazzjonali f'oqsma speċifiċi. Sejba
pożittiva huwa fl-fatt li dawn l-istrumenti qed jaħdmu dejjem aktar
f'sinerġija mal-mekkaniżmi tal-MSFD u jikkontribwixxu
għall-objettivi tagħha. Id-Direttiva dwar il-Baħar issa
dieħla f’fażi kruċjali fl-implimentazzjoni tagħha permezz
tal-preparazzjoni tal-valutazzjonijiet inizjali, id-determinazzjoni tal-Istatus
Ambjentali Tajjeb u l-istabbiliment ta’ miri ambjentali mill-Istati Membri li
se jkunu analizzati għall-adegwatezza u l-koerenza mill-Kummissjoni
Ewropea. Il-livell ta’ ambizzjoni li bih se jiġu implimentati l-ħafna
impenji internazzjonali indirizzati mill-MSFD fl-Istati Membri huwa
għalhekk marbut b’mod qawwi mal-mod li bih huwa definit l-Istatus
Ambjentali Tajjeb u mal-implimentazzjoni sħiħa sussegwenti fuq
il-livell nazzjonali tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. F’dan il-kuntest, il-Konvenzjonijiet dwar
l-Ibħra Reġjonali se jkomplu jkollhom rwol importanti, u se jkunu
involuti mill-qrib fis-segwitu għall-ewwel pass importanti ta'
implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Baħar, u b'hekk jiżguraw
koerenza aħjar fl-approċċi nazzjonali fir-reġjun
tagħhom. [1] Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u
tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas
għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin
(id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina), ĠU L 164,
25.6.2008 [2] Il-11-il deskrittur huma 1. Tinżamm
il-bijodiversità; 2. L-ispeċijiet li mhumiex indiġeni ma jaffettwawx
l-ekosistema b’mod negattiv; 3. Il-popolazzjonijiet ta’ speċijiet ta’
ħut kummerċjali huma b’saħħithom; 4. L-elementi ta’ sistemi
alimentari jiżguraw abbundanza u riproduzzjoni fit-tul; 5.
L-ewtrofikazzjoni tiġi minimizzata; 6. L-integrità ta’ qiegħ
il-baħar tiżgura l-funzjonament tal-ekosistema; 7. L-alterazzjoni
permanenti tal-kundizzjonijiet idrografiċi ma ma tolqotx b’mod
ħażin l-ekosistema; 8. Il-konċentrazzjonijiet ta’ kontaminanti
ma jkollhom l-ebda effett; 9. Il-kontaminanti fl-ikel tal-baħar jinsabu
f’livelli siguri; 10. Il-ħmieġ fil-baħar ma jikkawżax
ħsara; 11. L-introduzzjoni tal-enerġija, (inkluż storbju ta'
taħt il-baħar), ma tolqotx ħażin l-ekosistema. [3] http://ec.europa.eu/environment/marine/ [4] Id-Dikjarazzjoni ta’ Rio dwar l-Ambjent u
l-Iżvilupp, mill-Konferenza tal-1992 tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Ambjent
u l-Iżvilupp (UNCED), ipproklamat 27 prinċipju fundamentali
maħsuba biex iservu ta’ gwida għal deċiżjonijiet u politiki
futuri rigward l-implikazzjonijiet ambjentali tal-iżvilupp
soċjoekonomiku. [5] A/CONF.216/L.1 [6] L-Aġenda 21 huwa pjan dettaljat mhux
vinkolanti u pjan ta’ azzjoni globali għall-iżvilupp sostenibbli, li
ntlaħaq ftehim dwaru fl-UNCED tal-1992 http://www.un.org/esa/dsd/agenda21/ [7] L-Artikolu 11 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
(TFUE) [8] L-Artikolu 191 tat-TFUE. [9] L-Aġenda 21, is-CBD, il-Proċess Regolari tan-NU
jippromwovu ġestjoni tal-adattament, u ħafna Konvenzjonijiet
Marittimi Reġjonali irriflettew dan l-approċċ fl-istrumenti
tagħhom. [10] Il-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni,
il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u
l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali,
tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti, adottata fl-1998. [11] Ara l-premessa 17 tal-MSFD [12] Ara l-Artikolu 11 u l-Anness V tal-MSFD [13] Ara l-Artikolu 6 tal-MSFD. [14] Id-Direttiva dwar
il-prevenzjoni u l-kontroll integrat tat-tniġġiż 2008/1/EC,
OJ L 24, 29.1.2008, p. 8–29 [15] Id-Direttivi 2011/92/KE u 2001/42/KE [16] Il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni
tat-Tniġġis minn Vapuri (MARPOL). [17] Il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Istat ta’ Tħejjija,
Reazzjoni u Kooperazzjoni f’każ ta’ Tniġġis miż-Żejt u
l-Protokoll dwar l-Istat ta’ Tħejjija, Reazzjoni u Kooperazzjoni
f’każ ta' Inċident ta' Tniġġis u Sustanzi Perikolużi. [18] Ftehim għall-kooperazzjoni fit-trattament tat-tniġġis
fil-Baħar tat-Tramuntana miż-żejt u sustanzi oħra
perikolużi. [19] Id-Direttiva 2009/16/KE, ĠU L 131, 28.5.2009, p.
57-100. [20] Id-Direttiva 2000/59/KE, ĠU L 332,
28.12.2000, p. 81-90, kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 1137/2008 [21] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE,
Euratom (imfassla mill-ġdid) [22] Id-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni
tal-ħabitats naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa u d-Direttiva dwar
l-Għasafar ikkodifikata 2009/147/KE, ĠU L 20, 26.1.2010,
p. 7–25 . [23] Il-Premessa 34. [24] Ara l-premessa 19 tal-MSFD [25] Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni
Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma. ĠU L 327 fit-22.12.2000. [26] Ara l-każijiet C-105/09 u C-295/10. [27] Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE
tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitats
naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206,
22.7.1992, p. 7). [28] KUMM(2011) 244 finali. L-assigurazzjoni
ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020. [29] KUMM(2011) 425 finali. Proposta
għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Politika
Komuni tas-Sajd [30] Id-Direttiva 91/676/KE,
ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1-8, kif emendata bir-Regolament (KE)
Nru 1137/2008 (ĠU L 311, 21.11.2008, p. 1–54 ) [31] Id-Direttiva 2008/105/KE, ĠU L 348,
24.12.2008, p. 84-97. [32] Id-Direttiva 2008/98/KE, ĠU
L 312,22.11.2008, p. 3-30 [33] Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE,
Euratom (imfassla mill-ġdid) li tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju
tal-Protezzjoni Ċivili. [34] Mira li ntlaħaq ftehim dwarha fis-Summit Dinji ta’
Johannesburg dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2002