IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.4.2025
COM(2025) 171 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-QORTI TAL-AWDITURI
Evalwazzjoni tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel, tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji, tal-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka, tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks u tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka
{SWD(2025) 87 final} - {SWD(2025) 88 final} - {SWD(2025) 89 final} - {SWD(2025) 90 final} - {SWD(2025) 91 final} - {SWD(2025) 92 final}
Glossarju
|
Terminu jew akronimu
|
Tifsira jew definizzjoni
|
|
Aġenziji
|
Aġenziji eżekuttivi
|
|
CBA
|
Analiżi tal-kostijiet-benefiċċji
|
|
CHAFEA
|
L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel
|
|
CINEA
|
L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Klima, għall-Infrastruttura u għall-Ambjent
|
|
Il-Kummissjoni
|
Il-Kummissjoni Ewropea
|
|
EACEA
|
L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura
|
|
EASME
|
L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji
|
|
EISMEA
|
L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u għall-SMEs
|
|
ERCEA
|
L-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għall-Kunsill Ewropew tar-Riċerka
|
|
L-UE
|
L-Unjoni Ewropea
|
|
HADEA
|
L-Aġenzija Eżekuttiva għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali
|
|
HR
|
Riżorsi umani
|
|
INEA
|
L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks
|
|
IT
|
Teknoloġija tal-Informazzjoni
|
|
REA
|
L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka
|
|
SFS
|
Dikjarazzjoni finanzjarja speċifika
|
|
TFUE
|
Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
|
1.INTRODUZZJONI
Biex tilħaq l-għanijiet tagħha, l-Unjoni Ewropea tappoġġja qasam wiesa’ ta’ oqsma ta’ politika permezz ta’ firxa ta’ programmi ta’ finanzjament. Il-programmi jipprovdu għotjiet u forom oħra ta’ finanzjament għall-Istati Membri, in-negozji, ir-riċerkaturi, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u oħrajn.
F’konformità mal-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), il-Kummissjoni hija responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. F’konformità mal-Artikolu 62 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni timplimenta l-baġit b’diversi modi: direttament, b’ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri jew inkella indirettament billi tafda xi kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit lil partijiet terzi (li jistgħu jkunu pajjiżi mhux tal-UE, organizzazzjonijiet fl-Istati Membri, organizzazzjonijiet internazzjonali, entitajiet ta’ sħubija pubblika-privata).
Wara l-adozzjoni tar-Regolament 58/2003, il-Kummissjoni ddeċidiet li jkun aktar effettiv u effiċjenti li l-ġestjoni ta’ ċerti kompiti ta’ implimentazzjoni għal xi programmi ġestiti direttament tiġi ddelegata lill-aġenziji eżekuttivi tagħha. Maż-żmien, il-Kummissjoni ddelegat għadd dejjem akbar ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE lil dawn l-aġenziji. Dan ippermettielha tiffoka fuq il-kompiti istituzzjonali ewlenin tagħha.
L-aġenziji eżekuttivi huma L-korpi tal-Unjoni b’personalità ġuridika li jimplimentaw il-programmi ta’ finanzjament tal-UE, jiġġestixxu xi fażijiet jew il-fażijiet kollha tal-ħajja tal-proġetti, iwettqu l-verifiki meħtieġa għal dak l-għan u jimplimentaw il-baġits relatati. Huma korpi awtonomi taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni.
L-esternalizzazzjoni tal-kompiti ta’ ġestjoni lill-aġenziji eżekuttivi madankollu jeħtieġ li tibqa’ fil-limiti stabbiliti mis-sistema istituzzjonali kif stabbilit fit-TFUE. Dan ifisser li l-kompiti assenjati lill-istituzzjonijiet mit-TFUE li jeħtieġu setgħat diskrezzjonali fit-traduzzjoni tal-għażliet politiċi f’azzjoni ma jistgħux jiġu esternalizzati. Barra minn hekk, l-esternalizzazzjoni għandha tkun suġġetta għal analiżi tal-kostijiet-benefiċċji.
L-operat ta’ kull aġenzija eżekuttiva jiġi evalwat kull 3 snin biex jiġi vvalutat jekk hijiex taħdem tajjeb u jekk inkisbux ir-riżultati antiċipati fl-analiżi ex ante tal-kostijiet-benefiċċji. Dan ir-rapport ikopri l-evalwazzjonijiet tas-sitt aġenziji eżekuttivi fdati mill-Kummissjoni bl-implimentazzjoni tal-programm fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020:
·L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Konsumatur, is-Saħħa, l-Agrikoltura u l-Ikel (CHAFEA)
·L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA)
·L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Intrapriżi Żgħar u Medji (EASME)
·L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka (ERCEA)
·L-Aġenzija Eżekuttiva għall-Innovazzjoni u n-Netwerks (INEA)
·L-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka (REA)
Il-perjodu ta’ evalwazzjoni eżatt ivarja għal kull aġenzija minħabba li nħolqu f’dati differenti. Għaċ-CHAFEA, l-INEA u l-EASME l-evalwazzjonijiet individwali jkopru l-perjodu mill-2017 sal-2021, filwaqt li għall-EACEA, l-ERCEA u r-REA, dawn ikopru l-perjodu mill-2018 sal-2021.
L-evalwazzjonijiet ivvalutaw jekk kull aġenzija kinitx issodisfat il-kompiti tagħha b’mod effikaċi u effiċjenti, kif ukoll jekk kienx hemm trikkib, lakuni jew inkonsistenzi fil-ġestjoni tal-portafoll tagħha. Hija eżaminat ukoll jekk kienx hemm delineazzjoni ċara tal-kompiti bejn l-aġenzija u d-Direttorati Ġenerali prinċipali tagħha jew aġenziji eżekuttivi oħrajn.
L-evalwazzjonijiet jinkludu analiżi retrospettiva tal-kostijiet-benefiċċji li tqabbel il-prestazzjoni attwali matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni ta’ 3 snin mal-prestazzjoni mistennija fl-analiżi ex ante tal-kostijiet-benefiċċji. L-evalwazzjonijiet kollha kienu appoġġati minn studji esterni li segwew l-istess metodoloġija u applikaw il-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar tal-Kummissjoni.
Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat l-operazzjonijiet tal-aġenziji eżekuttivi kollha lejn tmiem il-mandat tagħhom. Filwaqt li segwew il-linji gwida tal-Kummissjoni fl-indirizzar tal-pandemija, l-attivitajiet tagħhom kellhom jiġu aġġustati f’termini ta’ arranġamenti ta’ ħidma ta’ kuljum (eż. id-diġitalizzazzjoni tal-proċessi, ix-xogħol mid-dar u l-kollaborazzjoni mill-bogħod) u l-ġestjoni tal-proġetti (eż. estensjonijiet jew sospensjonijiet tal-proġetti li wasslu għall-emendar u l-iskedar mill-ġdid tar-rieżamijiet u tal-pagamenti). Dan kien ukoll mument kruċjali fit-tħejjija tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.
B’mod ġenerali, ħafna mill-oqsma għat-titjib issuġġeriti mill-istudji li jappoġġaw l-evalwazzjoni diġà ġew indirizzati mill-pandemija ’l hawn, u ġiet proposta distribuzzjoni ġdida tal-programmi delegati fost l-aġenziji, bl-għan li tiġi żgurata aktar konsistenza u jiġu ffaċilitati s-sinerġiji u l-effiċjenzi.
Mill-1 ta’ April 2021, inħolqu aġenziji ġodda fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 bħala s-suċċessuri tal-aġenziji INEA, EACEA, EASME, REA u ERCEA. Iċ-CHAFEA ġiet illikwidata fl-istess ħin u nħolqot aġenzija ġdida – l-Aġenzija Eżekuttiva Ewropea għas-Saħħa u għall-Qasam Diġitali (HADEA).
L-evalwazzjoni tas-sitt aġenziji eżekuttivi ppermettiet analiżi komparattiva bbażata fuq sett ta’ indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi, kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt.
2.PRESTAZZJONI ĠENERALI
B’mod ġenerali, l-aġenziji kollha implimentaw il-programmi delegati tagħhom b’mod effiċjenti u kisbu riżultati tajbin għall-maġġoranza tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, filwaqt li implimentaw baġits operazzjonali dejjem akbar. L-aġenziji segwew kisbiet fl-effiċjenza u dawn inkisbu permezz ta’ firxa wiesgħa ta’ azzjonijiet, minn miżuri interni (riorganizzazzjonijiet, simplifikazzjoni tal-proċessi u tal-proċeduri) sa azzjonijiet aktar korporattivi u trażversali, bħall-konsolidazzjoni tas-servizzi ta’ validazzjoni għall-programmi kollha fir-REA u l-introduzzjoni ta’ regoli u proċeduri simplifikati għal Orizzont 2020. It-titjib kontinwu tal-għodod tal-IT kemm lokali kif ukoll korporattivi tejjeb ukoll l-effiċjenza tal-aġenziji.
Iż-żieda fil-baġits operattivi tal-aġenziji matul il-perjodu analizzat hija ppreżentata hawn taħt. L-akbar tkabbir bejn l-2017 u l-2021 seħħ fl-INEA (62 %) u fiċ-CHAFEA (42 %), filwaqt li l-iżgħar żieda kienet fl-EASME (17 %).
Baġit operattiv (EUR miljun) f’termini ta’ pagamenti bejn l-aġenziji matul l-2017-2020
Sors: Studju li jappoġġa l-evalwazzjonijiet triennali tal-aġenziji eżekuttivi
L-indikaturi għall-aġenziji eżekuttivi huma relatati mal-ġestjoni finanzjarja, b’mod partikolari mal-evalwazzjoni f’waqtha tal-proposti u l-finalizzazzjoni tal-għotjiet (iż-żmien għall-għoti tal-informazzjoni, iż-żmien għall-għotja u l-eżekuzzjoni f’waqtha tal-pagamenti). L-aġenziji ssodisfaw il-biċċa l-kbira tal-indikaturi relatati mal-ġestjoni tal-għotjiet u mal-ġestjoni finanzjarja għalkemm ġew irreġistrati xi devjazzjonijiet, kif spjegat aktar fid-dettall fid-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaw dan ir-rapport.
Il-pandemija tal-COVID-19 ġabet magħha sfidi addizzjonali fil-ġestjoni tal-proġetti u l-aġenziji wrew flessibbiltà fir-rispons tagħhom, billi mmonitorjaw b’mod kostanti, aġġustaw il-proċeduri tagħhom u implimentaw miżuri ġodda ta’ finanzjament biex jirrispondu għall-ħtiġijiet li rriżultaw mill-pandemija.
F’ċirkostanzi bħal dawn, xi aġenziji saħansitra rnexxielhom itejbu l-prestazzjoni tagħhom fuq xi aspetti speċifiċi. Pereżempju, ir-REA u l-INEA żiedu s-sehem tal-pagamenti li saru sal-iskadenza kuntrattwali u l-ERCEA ssimplifikat il-proċedura tagħha għall-emenda tal-għotjiet.
Ġie osservat ukoll dewmien żgħir fl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet delegati minħabba t-tifqigħa tal-pandemija. Fil-każ tar-REA,is-sehem tal-għotjiet konklużi fi ħdan il-mira taż-żmien għall-għotja naqas b’2 punti perċentwali fl-2020 biex jilħaq 98 %, minħabba li l-applikanti talbu żmien addizzjonali biex il-konsorzji tagħhom ilestu l-obbligi amministrattivi meħtieġa qabel ma jiffirmaw il-ftehim ta’ għotja. Għall-EASME, xi eżempji ta’ dan id-dewmien kienu l-estensjoni tad-dati tal-konsenja tal-proġetti jew l-aġġustament tar-riżultati meta r-restrizzjonijiet tal-pandemija għamlu l-konsenja impossibbli. Żdiedu attivitajiet oħrajn u kellhom impatt fuq l-ammont tax-xogħol, bħall-Hackathon pan-Ewropew tal-EIC biex jiġu indirizzati l-isfidi tal-COVID-19, jew il-katina tal-provvista tas-servizzi ta’ konsulenza stabbilita min-Network Enterprise Europe. Fil-każ tal-EACEA, id-dewmien minħabba l-pandemija huwa marbut man-natura intrinsika tal-programmi (żgħażagħ li jistudjaw barra mill-pajjiż jew proġetti kulturali/awdjoviżivi).
F’termini tal-baġit għal kull membru tal-persunal operattiv, l-INEA kisbet l-ogħla valur meta mqabbla ma’ aġenziji oħrajn. Dan kien minħabba li kellha għotjiet akbar bħala medja fl-ambitu tal-programm tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE). L-aġenziji li jimplimentaw il-programmi ta’ riċerka kisbu riżultati aħjar mill-EACEA u miċ-CHAFEA. Fil-każ tal-EACEA dan kien dovut għall-kumplessità u għad-diversità tal-portafoll tal-programm tagħha, għan-natura diversa tal-applikanti u l-benefiċjarji tagħha, għall-volum kbir tal-applikazzjonijiet u l-għotjiet, kif ukoll għad-daqs medju żgħir tagħhom. Fil-każ taċ-CHAFEA, dan kien dovut għad-daqs żgħir tal-aġenzija, għad-diversità tal-portafoll tal-programm tagħha, għan-nuqqas ta’ attivitajiet komplementari u sinerġiji.
Baġit għal kull membru tal-persunal operattiv (ekwivalenti għall-full-time) f’impenji (miljuni ta’ EUR) fl-aġenziji kollha, 2018-2020
Sors: Studju li jappoġġa l-evalwazzjonijiet triennali tal-aġenziji eżekuttivi
Il-kwalità ġenerali tas-servizzi pprovduti mill-aġenziji kienet ikklassifikata b’mod pożittiv mill-benefiċjarji (bejn 86 % u 94 %) u mill-esperti (bejn 92 % u 99 %) u sa ċertu punt mill-applikanti li ma kellhomx suċċess (bejn 55 % u 79 %), kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt:
Rata ta’ sodisfazzjon tal-applikanti u l-benefiċjarji li ma kellhomx suċċess fl-aġenziji kollha
■■■■■■ Is-sodisfazzjon tal-applikanti li ma kellhomx suċċess
■■■■■■·· Is-sodisfazzjoni tal-benefiċjarji
■■■■■■ Is-sodisfazzjon tal-applikanti u tal-benefiċjarji li ma kellhomx suċċess
■■ ■■ ■■ Il-valur medju tas-sodisfazzjon ikkombinat tal-applikanti u tal-benefiċjarji li ma kellhomx suċċess fl-EAs kollha
Sors: Studju li jappoġġa l-evalwazzjonijiet triennali tal-aġenziji eżekuttivi
Fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-programmi qafas ta’ riċerka u l-istrateġiji ta’ kontroll intern u hija responsabbli mill-għażla tal-parteċipazzjonijiet li għandhom jiġu awditjati kif ukoll mid-definizzjoni tal-intensità tat-testijiet tal-awditjar ex post li għandhom jitwettqu. Ir-rati tal-erruri residwi kienu taħt il-livell limitu għall-biċċa l-kbira tal-partijiet tal-programmi delegati. Madankollu, xiaġenziji rreġistraw rati ta’ erruri ogħla mil-livell limitu għal ċerti partijiet tal-programmi – bħar-REA għall-azzjonijiet tal-ispazju, tas-sigurtà u tal-SMEs fl-ambitu tas-Seba’ Programm Kwadru, li fil-biċċa l-kbira jistgħu jiġu attribwiti għall-kumplessità ta’ din l-iskema.
Fil-każ tal-EASME, il-limitu tar-rata tal-erruri residwi nqabżet b’mod sistematiku għas-CIP-IEE II u għas-CIP-Eco-Innovation, kif ukoll għall-COSME fl-2018 u l-2020. Iżda ttieħdu azzjonijiet ta’ mitigazzjoni, bħal pereżempju l-għoti ta’ informazzjoni aħjar lill-benefiċjarji u t-titjib tal-mekkaniżmi ta’ kontroll ex ante.
Għall-INEA, ir-rati tal-erruri residwi qabżu l-miri stabbiliti minn qabel għall-FNE tat-Telekomunikazzjoni fl-2019 u fl-2020, minħabba l-inċidenza għolja tal-parteċipazzjoni tal-NGOs u tal-SMEs, perċentwal għoli tal-kostijiet tal-persunal fost il-kostijiet iddikjarati u l-użu limitat taċ-ċertifikati dwar ir-rapporti finanzjarji.
Iċ-CHAFEA kellha rata tal-erruri residwi għolja għall-Programm tas-Saħħa Pubblika fl-2019 bħala riżultat ta’ awditu ex post wieħed li wassal għal ammont għoli ta’ rkupru (ta’ madwar EUR 75 000 u aktar minn 50 % tal-kontribuzzjoni tal-UE) li ġie inkluż fil-kampjun. L-ERCEA u l-EACEA ma kellhomx rati tal-erruri residwi ogħla mil-livell limitu matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni.
L-aġenziji kollha stabbilew u aġġornaw il-proċessi ta’ kontroll intern tagħhom b’mod kontinwu biex jiżguraw li kwalunkwe riskju relatat mal-legalità u mar-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti jkunu ġestit b’mod adegwat. L-INEA stabbiliet strateġija ta’ kontroll globali b’għadd kbir ta’ mekkaniżmi ta’ kontroll u ta’ rapportar. Dan ippermetta l-monitoraġġ mill-qrib tal-progress meta mqabbel mal-objettivi u l-prevenzjoni u l-mitigazzjoni tar-riskji potenzjali għall-operazzjonijiet tagħha fil-ħin u b’mod effettiv. Ir-REA u l-ERCEA tejbu wkoll l-operazzjonijiet tagħhom u ħadu miżuri ta’ rimedju biex jindirizzaw l-osservazzjonijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet li saru fir-rapporti annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u fi kwalunkwe rapport ieħor tal-awditjar.
L-EACEA nediet reviżjoni fil-fond tas-sistema ta’ kontroll intern tagħha u għamlet titjib konsistenti matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar li rċeviet. F’dan ir-rigward, l-EACEA implimentat ukoll il-“Proġett ta’ Trasformazzjoni tal-EACEA” u kisbet sinerġiji interni billi ċċentralizzat ċerti proċessi u proċeduri tan-negozju fil-programmi kollha f’unitajiet ta’ appoġġ orizzontali. Dan ta l-opportunità li jitwettaq eżerċizzju sostanzjali ta’ mobbiltà interna biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp tal-karriera u l-aħjar użu tal-kompetenzi tal-persunal. Sa tmiem il-perjodu ta’ evalwazzjoni, l-EACEA wriet sistema ta’ kontroll intern effettiva u affidabbli allinjata mal-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba.
L-EASME indirizzat b’mod xieraq kwalunkwe kwistjoni identifikata matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni, bħall-aġġornament tal-politika tagħha dwar il-karigi sensittivi
u rrapportat dwar dan f’rapporti annwali tal-attività sussegwenti
.
Iċ-CHAFEA eżaminat b’mod sistematiku r-riżultati u l-indikaturi tal-kontroll disponibbli, kif ukoll indirizzat l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-awditjar. Hija tejbet kontinwament il-ġestjoni finanzjarja tagħha matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni, billi ġabret strateġija ta’ kontroll pluriennali konsolidata fuq it-tranżazzjonijiet, irrevediet iċ-ċirkwiti finanzjarji, issimplifikat il-kontrolli u l-flussi tax-xogħol, żviluppat u implimentat l-istrateġija tagħha stess kontra l-frodi.
Matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni, l-għadd totali tal-karigi li jkunu mtlew żdied f’kull aġenzija (ħlief għall-EACEA). L-ogħla żieda fil-persunal ġiet innotata fiċ-CHAFEA (minn 61 fl-2017 għal 77 fl-2020, jew 26 %) u fl-INEA (minn 249 fl-2017 għal 312 fl-2020, jew 25 %). Il-maġġoranza l-kbira tal-persunal tal-aġenziji ġie allokat għall-implimentazzjoni tal-programm u sa ċertu punt biss għall-funzjonijiet ta’ appoġġ.
Għadd ta’ karigi (li attwalment imtlew) fl-aġenziji kollha fl-2017-2020
2017
2018
2019
2020 Numru medju ta’ persunal fl-EAs kollha. 2020
Sors: Studju li jappoġġa l-evalwazzjonijiet triennali tal-aġenziji eżekuttivi
Il-baġit amministrattiv żdied għall-aġenziji kollha matul il-perjodu evalwat, f’konformità mat-tkabbir fil-baġit operattiv. L-akbar żidiet kienu fiċ-CHAFEA (34 %) u fl-INEA (27 %), filwaqt li l-iżgħar kienu fl-EASME (5 %) u fl-EACEA (8 %).
Baġit amministrattiv (f’miljuni ta’ EUR) f’termini tal-pagamenti fl-aġenziji kollha, 2017-2020
Sors: Studju li jappoġġa l-evalwazzjonijiet triennali tal-aġenziji eżekuttivi
3.KOSTEFFETTIVITÀ
L-analiżi retrospettiva tal-kostijiet-benefiċċji analizzat il-punt sa fejn kull aġenzija kisbet l-eżiti tagħha b’kost aktar baxx milli kieku jkun il-każ b’ġestjoni interna mill-Kummissjoni.
L-analiżi żvelat li l-kostijiet reali tax-xenarju tal-aġenzija eżekuttiva kienu sostanzjalment aktar baxxi mill-kostijiet stmati tax-xenarju intern. Bħal fl-evalwazzjoni preċedenti, l-iffrankar reali għall-biċċa l-kbira tal-aġenziji (bl-eċċezzjoni taċ-CHAFEA) qabeż fil-biċċa l-kbira l-istimi tal-iffrankar inizjali. L-iffrankar reali medju fl-aġenziji ammonta għal EUR 74,5 miljun.
Iċ-CHAFEA kisbet iffrankar aktar baxx milli kien stmat fil-bidu (EUR 4,1 miljun meta mqabbel ma’ EUR 7,37 miljun fir-rapport finanzjarju speċifiku u EUR 9,88 miljun fl-analiżi tal-kostijiet-benefiċċji). Dan huwa spjegat mill-kostijiet tal-persunal ogħla milli stmat taċ-CHAFEA, li ma ġewx ikkumpensati bis-sħiħ mill-kostijiet ġenerali aktar baxxi milli mistennija (nefqa infrastrutturali u operatorja u nefqa ta’ appoġġ għall-programmi).
Iffrankar matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni 2017/2018-2021, stmat vs attwali (f’miljuni ta’ EUR)
Stima tas-CBA
Stima tal-SFS
Attwali ---Kost medju attwali fl-EAs
Sors: Studju li jappoġġa l-evalwazzjonijiet triennali tal-aġenziji eżekuttivi
Madankollu, l-istudju li jappoġġa l-evalwazzjoni żvela wkoll il-kost reali ogħla taħt in-nefqa relatata mal-persunal (it-Titolu I) meta mqabbel mal-istimi inizjali bħala karatteristika komuni fost l-aġenziji. Dan ġara minkejja li l-għadd reali tal-persunal u l-kompożizzjoni tal-persunal iffinanzjati mill-kontribuzzjoni tal-UE kienu fi ħdan stimi speċifiċi tar-rapport finanzjarju.
Din iż-żieda hija dovuta parzjalment għall-fatt li l-istimi inizjali tal-kostijiet ma antiċipawx bis-sħiħ l-indiċjar tas-salarji, il-promozzjoni u ż-żieda fil-ħtiġijiet tal-persunal. Barra minn hekk, il-kost medju reali tal-persunal tal-aġenziji kien ogħla mill-kost medju tal-persunal stmat, parzjalment minħabba li kien hemm persunal ta’ grad ogħla (b’ħiliet akbar fl-IT), li ppermetta lill-aġenziji jikkonċentraw ir-riżorsi fuq kompiti aktar relatati mal-kontenut (fatt li deher fl-evalwazzjoni tar-REA) jew minħabba l-ħtieġa għal persunal speċjalizzat biex jiġġestixxi diversi programmi b’mod parallel (fiċ-CHAFEA) jew sempliċiment biex tinżamm l-attraenza tax-xogħol fl-aġenzija, minħabba l-kostijiet tal-għajxien ogħla fil-Lussemburgu (għaċ-CHAFEA).
In-nefqa ogħla għall-persunal taħt it-Titolu I ġiet ikkumpensata minn nefqa reali aktar baxxa taħt it-Titolu II - Infrastruttura u nefqa operattiva u t-Titolu III - Nefqa għall-appoġġ tal-programm.
Indikatur ieħor li kejjel il-kosteffettività tal-aġenziji huwa l-kost tal-ġestjoni tal-programm li jirrappreżenta l-proporzjon bejn il-baġit amministrattiv u dak operattiv f’termini tal-impenji mwettqa. L-evalwazzjoni wriet li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji saru aktar kosteffiċjenti maż-żmien – bl-eċċezzjoni tal-EASME, li għaliha l-proporzjon żdied minn 3,11 % fl-2017 għal 3,46 % fl-2020 iżda baqa’ qrib il-proporzjon medju ta’ 3,39 % u taħt il-mira ta’ 5,5 %.
L-aktar titjib sinifikanti fil-kostijiet tal-ġestjoni tal-programm seħħ fl-EACEA u fiċ-CHAFEA, fejn il-proporzjon tjieb, rispettivament, b’1,76 punti perċentwali (minn 6,97 % fl-2017 għal 5,21 % fl-2020) u b’1,26 punti perċentwali (minn 7,24 % għal 5,98 % matul l-istess perjodu). Madankollu, dawn l-aġenziji kellhom kost ogħla tal-ġestjoni tal-programm meta mqabbel mal-proporzjon medju ta’ 3,39 % fl-aġenziji kollha fl-2020.
Kost tal-ġestjoni tal-programm (proporzjon bejn il-baġit amministrattiv u dak operattiv f’termini ta’ impenji) fl-aġenziji kollha, 2017-2020
Sors: Studju li jappoġġa l-evalwazzjonijiet triennali tal-aġenziji eżekuttivi
4.KOERENZA
Kif imsemmi hawn fuq, l-aġenziji ġew evalwati bħala strutturi kosteffettivi għall-ġestjoni tal-implimentazzjoni tal-programm, meta mqabbel ma’ xenarju intern. Iżda l-portafoll ta’ xi aġenziji kien jikkonsisti minn diversi programmi (EACEA, EASME, INEA, CHAFEA) jew l-istess programmi iżda f’firxa ta’ suġġetti differenti (REA, ERCEA).
Dan iġġenera ambjent tax-xogħol kumpless (ammont kbir ta’ xogħol u piż amministrattiv, regoli u proċeduri differenti, koordinazzjoni ma’ għadd kbir ta’ Direttorati Ġenerali prinċipali) u llimita l-possibbiltajiet għat-titjib fil-ġestjoni tal-programmi u għall-isfruttament ta’ sinerġiji u komplementarjetajiet. B’konsegwenza ta’ dan, it-tnaqqis tal-firxa tal-portafoll tagħhom kien meħtieġ ukoll kif sar fil-qafas finanzjarju pluriennali attwali.
B’mod ġenerali, għall-aġenziji kollha u għall-programmi delegati kollha, l-evalwazzjoni żvelat delimitazzjoni ċara u xierqa tar-rwoli bejnhom u d-Direttorati Ġenerali prinċipali tagħhom u ma ġie identifikat l-ebda trikkib, f’konformità mal-qafas legali u l-memorandum ta’ qbil.
Fil-każ taċ-CHAFEA, rapport tas-servizz tal-awditjar intern identifika id-delineazzjoni tal-kompiti li jinvolvu l-missjonijiet ta’ livell għoli bħala qasam għat-titjib. Dan ġie indirizzat permezz ta’ gwida interna żviluppata fl-2018 miċ-CHAFEA u mid-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali. Ġew stabbiliti aktar miżuri matul it-trasferiment tal-portafoll għall-Programm għall-Promozzjoni tal-Prodotti Agrikoli miċ-CHAFEA għar-REA, permezz ta’ linji gwida ta’ kooperazzjoni riveduti u l-iżvilupp ta’ memorandum ta’ qbil mfassal apposta b’rekwiżiti speċifiċi għall-implimentazzjoni ta’ (i) għoti ta’ informazzjoni u (ii) miżuri ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli.
F’termini tal-kwistjonijiet komuni u trażversali, l-evalwazzjoni identifikat il-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas strutturat għall-għoti sistemiku ta’ feedback għall-politika, flimkien ma’ mekkaniżmu biex jiġu indirizzati talbiet ta’ politika individwali. Dan is-suġġett ġie indirizzat fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali.
5.KONKLUŻJONI U TAGĦLIMIET MEĦUDA
B’mod ġenerali, l-aġenziji wrew li huma strutturi kosteffettivi għall-implimentazzjoni tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE, li jiġġeneraw iffrankar sinifikanti meta mqabbel max-xenarju intern. Huma laħqu l-objettivi ewlenin tagħhom u laħqu l-biċċa l-kbira tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni. Il-partijiet ikkonċernati ewlenin tagħhom apprezzaw is-servizzi tagħhom, kif muri mil-livell għoli ta’ sodisfazzjon tagħhom.
Ġew identifikati diversi tagħlimiet meħuda u oqsma għat-titjib għal kull aġenzija kif spjegat aktar fid-dettall fid-dokumenti ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaw dan ir-rapport. Il-biċċa l-kbira tat-tagħlimiet meħuda ġew indirizzati fid-delegazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 u se jiġu evalwat fl-evalwazzjoni triennali li jmiss tal-aġenziji suċċessuri għall-perjodu 2021-2024.