|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1460 |
24.7.2025 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2025/1460
tal-15 ta’ Lulju 2025
li testendi l-protezzjoni temporanja introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
|
(1) |
Fl-4 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (2) li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja. |
|
(2) |
F’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/55/KE, il-protezzjoni temporanja l-ewwel applikat għal perjodu inizjali ta’ sena, sal-4 ta’ Marzu 2023, u mbagħad ġiet estiża awtomatikament għal sena addizzjonali sal-4 ta’ Marzu 2024. |
|
(3) |
Fid-19 ta’ Ottubru 2023, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2409 (3) li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 sal-4 ta’ Marzu 2025. Fil-11 ta’ Ġunju 2024, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2024/1836 (4) li testendi dik il-protezzjoni temporanja sal-4 ta’ Marzu 2026. |
|
(4) |
Minħabba li persuna tista’ tibbenefika mid-drittijiet marbuta mal-protezzjoni temporanja fi Stat Membru wieħed biss fl-istess ħin, biex jiġi żgurat li dan il-prinċipju jiġi rispettat, u biex jiġu evitati reġistrazzjonijiet multipli għal protezzjoni temporanja, jenħtieġ li l-Istati Membri jirrifjutaw talbiet għal permess ta’ residenza magħmula abbażi tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2001/55/KE meta jkun jidher li l-persuna kkonċernata tkun diġà kisbet permess ta’ residenza fuq dik il-bażi fi Stat Membru ieħor. Dan ikun koerenti mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2025 fil-Kawża C-753/23 (5) u b’mod partikolari l-paragrafu 30 tagħha. |
|
(5) |
Fil-kuntest tal-attivazzjoni tal-protezzjoni temporanja skont id-Direttiva 2001/55/KE, fi stqarrija magħmula fl-4 ta’ Marzu 2022, l-Istati Membri qablu unanimament li ma japplikawx l-Artikolu 11 ta’ dik id-Direttiva fir-rigward ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja fi Stat Membru partikolari f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 u li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor mingħajr awtorizzazzjoni, sakemm l-Istati Membri ma jaqblux mod ieħor fuq bażi bilaterali. |
|
(6) |
F’dak il-kuntest ġenerali, jenħtieġ li xejn ma jiġi interpretat bħala li jimplika obbligu għal Stat Membru li joħroġ permess ta’ residenza għal protezzjoni temporanja lil persuna li tkun irċeviet permess ta’ residenza għal protezzjoni temporanja fi Stat Membru ieħor. |
|
(7) |
Biex jiżguraw stampa tas-sitwazzjoni aġġornata għal finijiet operazzjonali, l-amministrazzjoni koerenti u s-sorveljanza tal-ħruġ tal-permessi ta’ residenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jtellgħu regolarment data preċiża u f’waqtha għall-Pjattaforma ta’ Reġistrazzjoni tal-Protezzjoni Temporanja, inkluż data dwar ir-reġistrazzjonijiet inattivi. |
|
(8) |
Bħalissa, hemm kważi 4,3 miljuni persuni spostati mill-Ukrajna li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni. L-għadd kumplessiv ta’ reġistrazzjonijiet ta’ persuni li jgawdu minn protezzjoni temporanja baqa’ stabbli għal madwar 4,3 miljuni, b’xejra kemmxejn kostanti ’l fuq u bi ftit persuni li jirrapportaw li jmorru lura lejn l-Ukrajna fuq bażi permanenti. Is-sitwazzjoni fl-Ukrajna ma tippermettix ir-ritorn tal-maġġoranza tal-persuni spostati lejn l-Ukrajna f’kundizzjonijiet sikuri u dejjiema. L-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni tistma li, f’April 2025, 3 757 000 persuna kienu spostati internament fl-Ukrajna, li minnhom 66 % kienu ilhom spostati aktar minn sentejn, u 79 % kienu ilhom spostati aktar minn sena. Is-sehem ta’ persuni spostati internament li ilhom spostati għal aktar minn sentejn kien l-ogħla fost il-persuni spostati internament li kienu residenti fil-Punent tal-pajjiż (78 %). L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji stima li aktar minn 12,7 miljun persuna fl-Ukrajna jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti matul l-2025. |
|
(9) |
Barra minn hekk, ma jistgħux jiġu esklużi aktar wasliet fuq skala kbira minħabba l-kundizzjonijiet umanitarji diffiċli, volatilità usa’ u l-inċertezza tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna bħala riżultat tal-gwerra ta’ aggressjoni mir-Russja, inkluż attakki ripetuti intensifikati mill-ajru madwar il-pajjiż kontra ċ-ċivili. Ir-riskju ta’ eskalazzjoni għadu hemm. Fl-istess ħin, ir-riskju għall-operat effiċjenti tas-sistemi nazzjonali tal-ażil jibqa’ jekk il-protezzjoni temporanja tieqaf dalwaqt mal-benefiċjarji kollha li japplikaw għall-protezzjoni internazzjonali fl-istess ħin. |
|
(10) |
Peress li l-għadd kbir ta’ persuni spostati fl-Unjoni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja x’aktarx li ma jonqosx sakemm tkompli l-gwerra kontra l-Ukrajna, l-estensjoni tal-protezzjoni temporanja hija meħtieġa biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-persuni li bħalissa qed jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fl-Unjoni jew li ser jeħtieġu tali protezzjoni mill-5 ta’ Marzu 2026, peress li tipprevedi protezzjoni immedjata u aċċess għal sett armonizzat ta’ drittijiet filwaqt li tnaqqas il-formalitajiet għal minimu f’sitwazzjoni ta’ influss bil-massa lejn l-Unjoni. L-estensjoni tal-protezzjoni temporanja jenħtieġ li tgħin ukoll biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri ma jkunux mgħobbija b’żieda sinifikanti fl-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali li jistgħu jiġu ppreżentati minn persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fil-perjodu sal-4 ta’ Marzu 2026, li kieku l-protezzjoni temporanja kellha tieqaf sa dak iż-żmien jew minn persuni li qed jaħarbu mill-gwerra fl-Ukrajna u li jaslu fl-Unjoni fil-perjodu mill-5 ta’ Marzu 2026 sal-4 ta’ Marzu 2027. |
|
(11) |
Għalhekk, meta jitqies li r-raġunijiet għall-protezzjoni temporanja jippersistu, jenħtieġ li l-protezzjoni temporanja għall-kategoriji ta’ persuni spostati msemmija fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 tiġi estiża sal-4 ta’ Marzu 2027. |
|
(12) |
Din id-Deċiżjoni tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. |
|
(13) |
Il-Kunsill jikkonferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jipprovdi appoġġ lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha sakemm ikun hemm bżonn u jtenni l-appoġġ tiegħu għal paċi komprensiva, ġusta u dejjiema, ibbażata fuq il-prinċipji tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali u fil-każ ta’ waqfien mill-ġlied sostenibbli, il-Kunsill jinsab lest li jaġixxi f’konformità mal-Artikolu 6(1)(b) tad-Direttiva 2001/55/KE. |
|
(14) |
L-Irlanda hija marbuta bid-Direttiva 2001/55/KE u għalhekk qed tieħu sehem fl-adozzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. |
|
(15) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni u mhijiex marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-protezzjoni temporanja mogħtija lill-persuni spostati mill-Ukrajna msemmija fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382, u estiża bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2409 u (UE) 2024/1836 hija estiża għal perjodu ulterjuri ta’ sena sal-4 ta’ Marzu 2027.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kunsill
Il-President
K. KALLAS
(1) ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2001/55/oj.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja (ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/382/oj).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2409 tad-19 ta’ Ottubru 2023 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (ĠU L, 2023/2409, 24.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2023/2409/oj).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2024/1836 tal-25 ta’ Ġunju 2024 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 (ĠU L, 2024/1836, 3.7.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2024/1836/oj).
(5) Is-Sentenza tal-Qorti ta’ Ġustizzja tas-27 ta’ Frar 2025, A. N. v Ministerstvo vnitra, C-753/23, ECLI:EU:C:2025:133.
ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2025/1460/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)