European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2025/6370

2.12.2025

Avviż ta’ pożizzjoni vakanti — CONS/AD/201/25 — Direttur għas-Servizz tat-Traduzzjoni (LING.2)

(C/2025/6370)

 

TAGĦRIF ĠENERALI

Dipartiment

Servizz tat-Traduzzjoni (GSC.LING.2)

Post tax-xogħol

Brussell, Bini LEX

Titlu tal-pożizzjoni

Direttur

Grupp tal-funzjoni u grad

AD 14

Approvazzjoni tas-sigurtà meħtieġa

SECRET UE/EU SECRET

SKADENZA GĦALL-APPLIKAZZJONIJIET

Id-9 ta’ Jannar 2026 — 12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell

Min aħna

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) jassisti lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill tal-UE u l-korpi preparatorji tagħhom fl-oqsma kollha tal-attivitajiet tagħhom. Taħt l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali, jipprovdi pariri u sostenn lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill u lill-Presidenti tagħhom fl-oqsma kollha ta’ attività, fosthom pariri politiċi u legali, koordinazzjoni ma’ istituzzjonijiet oħra, tfassil ta’ kompromessi u abbozzar, superviżjoni kif ukoll trattament tal-aspetti prattiċi kollha li huma meħtieġa għat-tħejjija u t-tmexxija bla xkiel tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill.

Is-Servizz tat-Traduzzjoni (LING) huwa responsabbli biex jipprovdi traduzzjonijiet tad-dokumenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Barra minn hekk, is-Servizz tat-Traduzzjoni jipprovdi assistenza fl-editjar għall-abbozzaturi interni u dawk tal-Presidenza, kif ukoll assistenza multilingwi għall-monitoraġġ tal-media, laqgħat ta’ informazzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew u inizjattivi oħra.

LING jikkonsisti f’żewġ Direttorati, LING.1 u LING.2, li huma magħmulin minn 12-il unità lingwistika kull wieħed. Is-servizz jinkludi wkoll żewġ unitajiet orizzontali, jiġifieri l-Unità tal-Operazzjonijiet (inkarigata mill-ippjanar u l-ġestjoni tal-fluss tax-xogħol, il-koordinazzjoni tal-politika tal-kwalità u t-terminoloġija) u l-Unità tar-Riżorsi (responsabbli għall-IT u d-diġitalizzazzjoni, ir-riżorsi umani, il-ġestjoni tal-baġit u tar-riżorsi, id-data statistika u r-rappurtar). Iż-żewġ Direttorati u ż-żewġ unitajiet orizzontali jirrapportaw direttament lid-Deputat Direttur Ġenerali (DDG), li jissorvelja l-ġestjoni ġenerali u strateġika ta’ LING.

Qed noffru

Qed noffru pożizzjoni attraenti u li ġġib sfidi magħha bħala Direttur ta’ tnax-il unità lingwistika f’ambjent politikament interessanti u li jimxi b’ritmu mgħaġġel, b’diversi partijiet ikkonċernati u b’madwar 400 membru tal-persunal bi kwalifiki għoljin.

Taħt l-awtorità tad-DDG, il-kompitu ewlieni tad-Direttur huwa li jipprovdi gwida strateġika u appoġġ lil tim kbir ta’ maniġers intermedji, filwaqt li jiżgura tmexxija u allinjament effettivi fl-unitajiet kollha sabiex iwettqu l-missjoni tagħhom u jiżgura li l-persunal ikun appoġġat, motivat u mgħammar biex juri l-ħiliet tiegħu.

Ser tkun qed tiżgura l-kwalità u l-puntwalità tas-servizzi u l-prodotti li jaslu mill-unitajiet f’LING.2, kif ukoll komunikazzjoni u kooperazzjoni effettivi fid-Direttorat, mad-Direttorat l-ieħor (LING.1) u d-DDG, maż-żewġ unitajiet orizzontali ta’ LING, kif ukoll ma’ servizzi oħra tas-SĠK (ORG, DITEC, COMM, direttorati tal-politika) u ma’ partijiet ikkonċernati esterni (istituzzjonijiet oħra).

Parti ewlenija tal-missjoni tiegħek ser tkun li tikkontribwixxi għall-iżvilupp fit-tul tas-servizz billi tħaddan teknoloġiji ġodda, tixpruna t-trasformazzjoni diġitali u trawwem l-innovazzjoni filwaqt li tiżgura l-importanza tad-dimensjoni umana.

Ser tkun qed tipprovdi pariri ta’ livell għoli lid-Deputat Direttur Ġenerali, kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub, fuq inizjattiva tiegħek stess jew fuq talba. Tista’ tintalab ukoll tmexxi proġetti speċifiċi. Ser tkun qed tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-prijoritajiet u l-pjanijiet ta’ ġestjoni tas-servizz u tiżgura l-monitoraġġ xieraq tal-implimentazzjoni tagħhom.

Tista’ tintalab tirrappreżenta lil LING fil-korpi ta’ governanza u l-korpi interistituzzjonali tas-SĠK, kif ukoll tirrappreżenta lis-SĠK f’fora pubbliċi u f’negozjati ma’ istituzzjonijiet, aġenziji u korpi oħra tal-UE.

Ser tkun tista’ tippjana u torganizza xogħlok b’mod flessibbli, soġġett għall-ħtiġijiet tas-servizz. Int u l-persunal tiegħek ser tkunu tistgħu tibbenefikaw mill-arranġamenti ta’ xogħol flessibbli tas-SĠK, inkluż it-telexogħol. Okkażjonalment tkun meħtieġ tmur fuq missjonijiet barra l-pajjiż, normalment fl-UE.

Qed infittxu

Qed infittxu maniġer b’esperjenza u dinamiku b’ħiliet ta’ tmexxija b’saħħithom li juri l-kapaċità li jikkombina għarfien strateġiku ma’ ġestjoni operazzjonali prattika. Għandek tħossok komdu/a biex tfassal u tmexxi l-bidla f’ambjent ta’ żvilupp teknoloġiku rapidu fejn hemm bżonn li tipprovdi output ta’ kwalità għolja taħt pressjoni ta’ ħin, u fejn huwa importanti li jiġi attirat u miżmum it-talent u li jiġi żgurat li l-persunal ikun jista’ jirnexxi.

Inti maniġer proattiv u għandek rekord ippruvat li twassal ir-riżultati b’mod effiċjenti. Għandek interess kbir fit-traduzzjoni u kif qed tevolvi, u għandek kurżità li tesplora kif l-opportunitajiet jistgħu jiġu sfruttati biex isawru l-futur tat-traduzzjoni fl-ambjent tal-Kunsill. Tifhem tajjeb l-isfidi u l-aspettattivi tal-partijiet ikkonċernati ewlenin tas-Servizz tat-Traduzzjoni u tar-rwol tiegħu fil-missjoni ġenerali tas-SĠK u, b’estensjoni, tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill tal-UE.

Bħala maniġer ta’ kariga għolja f’LING, ser tkun mistenni li tappoġġa tim kbir ta’ maniġers intermedji biex jittrattaw b’mod effettiv kwistjonijiet operazzjonali, billi tipprovdi gwida lilhom u lit-tim tagħhom, filwaqt li żżommhom involuti u impenjati permezz ta’ komunikazzjoni effettiva magħhom. Biex tirnexxi f’din il-pożizzjoni, huma essenzjali ħiliet interpersonali eċċellenti u l-kapaċità li tikkollabora mill-qrib ma’ pari fi rwol ta’ tmexxija ekwivalenti (Direttur ta’ LING.1). B’mod ġenerali, teħtieġ sens qawwi ta’ diplomazija, li tkun taf meta għandek tkun flessibbli u meta tkun sod, dejjem tiffaċilita b’mod effettiv u kostruttiv id-diskussjonijiet lejn eżiti ta’ benefiċċju għal kulħadd.

Il-qafas ta’ kompetenza tas-SĠK għall-maniġers jipprovdi gwida dwar il-ħiliet li l-maniġers kollha huma mistennija jiżviluppaw u jkollhom

(https://www.consilium.europa.eu/media/nrehuprg/competency-framework-for-managers-booklet-a5_en-for-web.pdf).

B’mod partikolari, il-persuna impjegata jeħtieġ li jkollha l-kompetenzi li ġejjin:

 

ĦSIEB STRATEĠIKU

—

taħseb u tippjana b’mod strateġiku, tantiċipa u tidentifika problemi potenzjali u tipproponi kompromessi u soluzzjonijiet fattibbli;

 

KONSULENZA

—

sens ta’ diplomazija;

—

iżżomm l-attenzjoni għad-dettall mingħajr ma tinsa l-kuntest ġenerali;

—

tilħaq qbil u għanijiet komuni billi tagħti pariri speċifiċi lill-partijiet ikkonċernati u billi tiffaċilita d-diskussjonijiet b’mod effettiv u kostruttiv;

—

tippromwovi u żżomm relazzjonijiet tax-xogħol tajba ma’ firxa ta’ interlokuturi interni u esterni;

 

TMEXXIJA

—

timmaniġġa t-tibdil u tappoġġa lill-persunal tul it-tibdil;

—

ħiliet ta’ komunikazzjoni eċċellenti, inkluż ħiliet ta’ komunikazzjoni interpersonali;

—

tiffaċilita l-ħidma kollaborattiva fuq proġetti u kwistjonijiet trażversali, u tiżgura koerenza f’oqsma differenti ta’ ħidma fl-organizzazzjoni kollha;

 

ABILITAZZJONI TAL-PERSUNAL

—

tippromwovi spirtu ta’ tim qawwi u tiggwida, timmotiva u tawtonomizza lill-persunal f’ambjent ta’ diversità u multikulturali, b’enfasi qawwija fuq l-iżvilupp tal-persunal;

—

tinvolvi ruħek fi djalogu miftuħ mal-persunal biex toħloq atmosfera tax-xogħol pożittiva u inklużiva;

—

trawwem b’mod attiv l-innovazzjoni u tisma’ l-ideat tal-membri tal-persunal dwar approċċi ġodda, metodi ta’ ħidma ġodda u l-applikazzjoni tal-aħħar teknoloġiji;

 

ĠESTJONI TAR-RIŻORSI B’MOD SOSTENIBBLI U FLESSIBBLI

—

torganizza x-xogħol ġenerali tad-Direttorat sabiex jintlaħqu l-iskadenzi kruċjali u tiżgura t-tqassim ġust tax-xogħol u l-ippjanar tas-suċċessjoni;

 

RAPPREŻENTANZA U RESPONSABBILTÀ

—

tistabbilixxi u trawwem relazzjonijiet strateġiċi kollaborattivi biex jinżamm u jiġi żviluppat aktar il-valur tas-SĠK.

Peress li s-SĠK iħaddan politika ta’ mobbiltà għall-managers tiegħu, li huma mistennija jkollhom esperjenza estensiva, il-kandidati għandhom ikunu lesti u kapaċi jaħdmu f’oqsma ta’ attività differenti matul il-karriera tagħhom fis-SĠK.

POLITIKA TA’ REKLUTAĠĠ

L-applikanti għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin fid-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet:

(a)

Kondizzjonijiet ġenerali

—

ikunu ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea;

—

igawdu d-drittijiet kollha tagħhom bħala ċittadini;

—

ikunu wettqu kwalunkwe obbligu impost fuqhom mil-liġijiet dwar il-lieva.

(b)

Kondizzjonijiet speċifiċi

—

ikollhom lawrja universitarja (1);

—

ikollhom mill-inqas ħmistax-il sena esperjenza professjonali rilevanti li minnhom ikunu effettivament wettqu mill-inqas tliet snin f’responsabbiltajiet maniġerjali u organizzattivi. Tliet snin esperjenza f’pożizzjoni b’responsabbiltajiet sinifikanti ta’ koordinazzjoni jkunu ekwivalenti għall-esperjenza maniġerjali meħtieġa;

—

peress li l-Ingliż u l-Franċiż jintużaw b’mod estensiv għall-komunikazzjoni fis-SĠK u ma’ istituzzjonijiet oħra, huwa meħtieġ għarfien eċċellenti ta’ waħda miż-żewġ lingwi u għarfien tajjeb tal-oħra. L-għarfien ta’ lingwi uffiċjali oħra tal-UE jkun ta’ vantaġġ.

NB:

(1)

Din il-pożizzjoni tirrikjedi approvazzjoni tas-sigurtà li tippermetti l-aċċess għal informazzjoni klassifikata (livell SECRET UE/EU SECRET). Il-kandidati li japplikaw għall-pożizzjoni jridu jkunu lesti jgħaddu minn investigazzjoni ta’ sigurtà skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2). Il-ħatra għal din il-pożizzjoni ssir effettiva biss bil-kundizzjoni li l-kandidat magħżul ikun kiseb ċertifikat validu ta’ approvazzjoni tas-sigurtà. Kandidati mingħajr l-approvazzjoni tas-sigurtà jiġu offruti kuntratt temporanju sakemm jinkiseb ir-riżultat tal-proċedura tal-approvazzjoni tas-sigurtà.

(2)

Il-kandidat li jintgħażel għandu jew għandha tkun lesta ssegwi l-programm ta’ taħriġ fil-ġestjoni tas-SĠK.

PROĊEDURA TAL-GĦAŻLA

—

Fl-għażla tal-kandidati li rnexxew, l-Awtorità tal-Ħatra ser tkun megħjuna minn kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni. Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jkollu l-appoġġ ta’ ċentru ta’ evalwazzjoni, immexxi minn konsulenti tar-reklutaġġ esterni. Rapporti stabbiliti miċ-ċentru ta’ evalwazzjoni għall-istess tip ta’ pożizzjoni ma jibqgħux validi wara sentejn mid-data li fiha saru l-eżerċizzji rilevanti jew mat-tmiem tal-kuntratt qafas bejn is-SĠK u ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni inkwistjoni — skont liema data tiġi l-ewwel.

—

Il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni l-ewwel jevalwa u jqabbel il-kwalifiki, l-esperjenza u l-motivazzjoni tal-applikanti kollha, abbażi tal-applikazzjonijiet tagħhom. Abbażi ta’ dik l-evalwazzjoni komparattiva, il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jagħmel lista ristretta tal-kandidati li, fl-opinjoni tiegħu, huma l-aktar adatti sabiex jiġu mistiedna għall-ewwel intervista. Peress li din l-ewwel għażla hija bbażata fuq evalwazzjoni komparattiva tal-applikazzjonijiet, l-ilħuq tar-rekwiżiti għal dan l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti ma jiggarantix stedina għall-ewwel intervista. Minn fost il-kandidati intervistati, il-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni jagħżel il-kandidati li għandhom jattendu ċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, kif ukoll għat-tieni intervista mal-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni.

L-ippjanar proviżorju għall-proċedura ta’ selezzjoni huwa kif ġej:

—

huwa mistenni li l-kandidati magħżula għall-intervisti ser jiġu infurmati sa nofs Jannar 2026;

—

l-ewwel intervisti huma previsti li jsiru lejn l-aħħar ta’ Jannar 2026;

—

iċ-ċentru ta’ evalwazzjoni mistenni jsir fl-ewwel nofs ta’ Frar 2026;

—

it-tieni ċiklu ta’ intervisti huwa previst għall-aħħar ta’ Frar/bidu ta’ Marzu 2026.

NB:

L-iskeda mogħtija hawn fuq hija purament indikattiva u tista’ tinbidel.

BAŻI LEGALI

Din il-pożizzjoni hija ppubblikata fl-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni Ewropea u barra mill-istituzzjonijiet, f’konformità mal-Artikolu 29, il-paragrafi 1 u 2, tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

KIF TAPPLIKA

Id-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet hija d- 9 ta’ Jannar 2026 f’12:00 (nofsinhar) ħin ta’ Brussell.

L-applikazzjonijiet jintlaqgħu biss bil-posta elettronika u jridu jintbagħtu lil applications.management@consilium.europa.eu  (4) sa mhux aktar tard mid-data u l-ħin tal-għeluq. Applikazzjonijiet li jaslu tard mhumiex ser jitqiesu.

Għandu jintuża l-indirizz elettroniku indikat hawn fuq għal kwalunkwe korrispondenza dwar il proċedura tal-għażla (fil-linja tas-suġġett għandha titniżżel ir-referenza li ġejja: CONS/AD/201/25 LING.2).

Qabel ma jippreżentaw l-applikazzjoni tagħhom, il-kandidati għandhom jivverifikaw sew jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti mniżżla hawn fuq, taħt “Politika ta’ Reklutaġġ”, biex b’hekk jevitaw l-esklużjoni awtomatika mill-proċedura tal-għażla.

Biex ikun validu, il-fajl tal-applikazzjoni jrid jinkludi d-dokumenti li ġejjin f’format pdf (NB: dokumenti maqfula, protetti bil-password jew b’firma elettronika ma jiġux aċċettati):

(a)

il-formola tal-applikazzjoni mimlija u datata kif suppost (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Application form.pdf”); biex tniżżel il-formola tal-applikazzjoni elettronika (EN jew FR) agħfas fuq il-ħolqa t-tajba hawn taħt jew ikkopjaha u ppejstjaha fil-browser tiegħek (5):

 

https://www.consilium.europa.eu/media/68640/gsc-application_form_senior_management_en.docx

 

https://www.consilium.europa.eu/media/68641/gsc-application_form_senior_management_fr.docx

(b)

curriculum vitae dettaljat bl-Ingliż jew bil-Franċiż (mingħajr ritratti inklużi), preferibbilment fil-format Europass (https://europa.eu/europass/en/create-europass-cv; https://europa.eu/europass/fr/create-your-europass-cv), li tkopri l-karriera kollha tal-applikant, u telenka, fost l-oħrajn, il-kwalifiki, l-għarfien lingwistiku, l-esperjenza u d-dmirijiet attwali tal-applikant (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — CV.pdf”);

(c)

ittra ta’ motivazzjoni, bl-Ingliż jew bil-Franċiż (il-fajl għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Motivation letter.pdf”).

Jekk ma jiġux inklużi dawn id-dokumenti l-applikazzjoni tkun invalida.

NB.

Ser jintalbu l-kopji ta’ diplomi li jiċċertifikaw l-edukazzjoni u l-kopji ta’ dokumenti u ċertifikati relatati mal-esperjenza professjonali mingħand il-kandidati preselezzjonati mistiedna għall-ewwel ċiklu ta’ intervisti. Id-dokumenti ta’ sostenn iridu jkunu nħarġu minn parti terza.

Id-dokumenti ta’ sostenn għandhom jiġu nnumerati (Anness 1, 2, eċċ.) u għandhom jinġabru flimkien f’dokument pdf wieħed (fajl li għandu jissemma “XXX (KUNJOMOK) — Supporting documents.pdf”). Dan għandu jinkludi indiċi.

In-nuqqas ta’ sottomissjoni tad-dokumenti ta’ sostenn kollha sa mhux aktar tard mill-jum ta’ qabel l-ewwel intervista, jista’ jitqies bħala bażi għal skwalifika.

Applikazzjonijiet li jaslu bil-posta jew permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ ħżin ta’ data bbażati fi cloud jew pjattaformi għall-kondiviżjoni ta’ fajls ma jiġux ikkunsidrati.

Il-persuna magħżula minn fost il-kandidati tintalab tipprovdi d-dokumenti oriġinali msemmija hawn fuq.

Il-kandidati jirċievu email li tinfurmahom li l-applikazzjoni tagħhom tkun waslet. Madankollu, jistgħu jinqalgħu diffikultajiet tekniċi li minħabba fihom l-emails ma jaslux. Għalhekk, il-kandidati li ma jirċevux email li tikkonferma l-wasla tal-applikazzjoni huma mitluba jikkuntattjaw lil applications.management@consilium.europa.eu. Peress li l-kumitat konsultattiv ta’ selezzjoni ser jibda l-ħidma tiegħu ftit wara d-data tal-għeluq għall-applikazzjonijiet, kull korrispondenza dwar il-wasla tal-applikazzjoni għandha ssir fil-ġimgħa ta’ wara dik id-data.

DIVERSITÀ U INKLUŻJONI

Is-SĠK huwa impenjat favur id-diversità u l-inklużjoni. Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ara d-dikjarazzjoni rilevanti:

https://www.consilium.europa.eu/en/general-secretariat/jobs/diversity-and-inclusion/.

RIEŻAMI TAL-APPLIKAZZJONIJIET

Għal informazzjoni dwar il-proċeduri marbuta mat-talbiet għal ilmenti, appelli u riferimenti lill-Ombudsman Ewropew tista’ tikkonsulta lil:

https://www.consilium.europa.eu/media/56647/complaint-mt.pdf.

PROTEZZJONI TAD-DATA

Ir-regoli li jirregolaw l-ipproċessar tad-data personali b’rabta ma’ din il-proċedura ta’ selezzjoni jinsabu fid-dikjarazzjoni ta’ privatezza:

https://www.consilium.europa.eu/media/4brojk4o/jobs-data-protection-083r02-mt.pdf


(1)  L-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolamenti tal-Persunal) jesiġi li l-applikanti jkollhom mill-inqas:

(i)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma, fejn il-perjodu normali ta’ edukazzjoni universitarja hu ta’ erba’ snin jew iżjed, jew

(ii)

livell ta’ edukazzjoni li jikkorrispondi għal studji universitarji kompluti, iċċertifikati b’diploma u esperjenza professjonali adegwata ta’ mill-inqas sena, fejn it-tul ta’ żmien normali tal-edukazzjoni universitarja hu ta’ mill-inqas tliet snin.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).

(3)  Ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ aġenti oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1), test konsolidat disponibbli fuq

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:01962R0031-20250513

(4)  Dan l-indirizz elettroniku jappartjeni għal kaxxa postali funzjonali u jista’ jipproċessa biss messaġġi bil-kunfidenzjalità speċifikata bħala “Normali”; emails b’livell ta’ kunfidenzjalità differenti (eż. “Personal”, “Private”, “Confidential” jew posta kriptata) ma jistgħux jiġu pproċessati. Għaldaqstant, jekk jogħġbok agħżel il-livell ta’ kunfidenzjalità “Normal”. L-email ma tridx tkun akbar minn 25MB. Jekk id-daqs tal-email tiegħek bl-hemżiet magħha jkun ikbar minn dan, jekk jogħġbok qassam l-hemżiet fuq għadd ta’ emails.

(5)  Jekk teħtieġ aktar informazzjoni u/jew tiltaqa’ ma’ problemi tekniċi, jekk jogħġbok ibgħat email lil: applications.management@consilium.europa.eu.


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2025/6370/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)