5.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 321/3


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1390

tat-28 ta’ Settembru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/914 li japprova emenda mhux minuri fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ isem elenkat fir-reġistru tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini Protetti u tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi Protetti (“Brie de Meaux” (DOP))

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 52(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni eżaminat l-applikazzjoni ta’ Franza għall-approvazzjoni ta’ emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Brie de Meaux”, irreġistrata skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 (2).

(2)

Permezz tal-ittra tas-26 ta’ Settembru 2018, l-awtoritajiet Franċiżi informaw lill-Kummissjoni li kien ingħata perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, sal-31 ta’ Diċembru 2022, lil operaturi stabbiliti fit-territorju tagħhom li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu msemmi f’konformità mad-digriet tad-29 ta’ Awwissu 2018 dwar l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Brie de Meaux” ippubblikat fil-5 ta’ Settembru 2018 fil-Journal Officiel de la République française.

(3)

Fil-fatt, matul il-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni, dawn l-operaturi li kienu kkummerċjalizzaw legalment il-“Brie de Meaux” b’mod kontinwu għal mill-inqas ħames snin qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni, kienu ressqu oppożizzjonijiet. Operatur wieħed ressaq oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “It-tiben jinħażen fil-kenn”. Żewġ operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “Waqt il-perjodu taż-żamma fl-imnadar b’mifrex sħiħ, għandhom jintużaw sodod tat-tiben li jkollhom tal-inqas 0,5 kg ta’ tiben miżjud bħala medja kuljum għal kull baqra tal-ħalib li qed taħleb jekk tintuża sistema ta’ sodod u 5 kg ta’ tiben miżjud bħala medja kuljum għal kull baqra tal-ħalib li qed taħleb jekk jintużaw l-imnadar miftuħa”. Żewġ operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin: “Waqt il-perjodu taż-żamma fl-imnadar b’mifrex sħiħ, għandhom jintużaw sodod tat-tiben li jkollhom tal-inqas 0,5 kg ta’ tiben miżjud bħala medja kuljum għal kull baqra tal-ħalib li qed taħleb jekk tintuża sistema ta’ sodod u 5 kg ta’ tiben miżjud bħala medja kuljum għal kull baqra tal-ħalib li qed taħleb jekk jintużaw l-imnadar miftuħa”, “Il-konsum annwali ta’ għalf ikkonċentrat ma jistax jaqbeż l-2 000 kg ta’ materja niexfa bħala medja għal kull baqra tal-ħalib li qed taħleb.”, u “Fuq perjodu ta’ sena, l-għalf li jingħalef lill-merħla tal-baqar tal-ħalib jrid jiġi pprovdut mill-azjenda agrikola u miż-żona ġeografika kif ġej: Mill-azjenda agrikola: Is-sehem medju annwali tal-għalf li joriġina miż-żona ġeografika u li ġej mill-azjenda agrikola għandu jammonta għal mill-inqas 60 % tal-materja niexfa tar-razzjon totali tal-merħla. Miż-żona ġeografika: Is-sehem tal-għalf li joriġina miż-żona ġeografika tal-produzzjoni għandu jammonta għal mill-inqas 85 % tal-materja niexfa tar-razzjon totali tal-merħla tal-ħalib.”. Seba’ operaturi ressqu oppożizzjoni dwar id-dispożizzjonijiet li ġejjin: “Il-konsum annwali ta’ għalf ikkonċentrat ma jistax jaqbeż l-2 000 kg ta’ materja niexfa bħala medja għal kull baqra tal-ħalib li qed taħleb.” u “Fuq perjodu ta’ sena, l-għalf li jingħalef lill-merħla tal-baqar tal-ħalib irid jiġi pprovdut mill-azjenda agrikola u miż-żona ġeografika kif ġej: Mill-azjenda agrikola: Is-sehem medju annwali tal-għalf li joriġina miż-żona ġeografika u li ġej mill-azjenda agrikola għandu jammonta għal mill-inqas 60 % tal-materja niexfa tar-razzjon totali tal-merħla. Miż-żona ġeografika: Is-sehem tal-għalf li joriġina miż-żona ġeografika tal-produzzjoni għandu jammonta għal mill-inqas 85 % tal-materja niexfa tar-razzjon totali tal-merħla tal-ħalib.”. Operatur wieħed ressaq oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “Il-konsum annwali ta’ għalf ikkonċentrat ma jistax jaqbeż l-2 000 kg ta’ materja niexfa bħala medja għal kull baqra tal-ħalib li qed taħleb.”. Operatur wieħed ressaq oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “It-tiben jinħażen fil-kenn” u “L-erja għal kull baqra tal-ħalib li tirgħa għandha tkun ta’ mill-inqas 20 ares għal kull baqra”. Operatur wieħed ressaq oppożizzjoni dwar id-dispożizzjoni li ġejja: “L-erja għal kull baqra tal-ħalib li tirgħa għandha tkun ta’ mill-inqas 20 ares għal kull baqra”.

(4)

L-operaturi kkonċernati huma: GAEC de la Gironde (SIRET: 34028683000013); GAEC Reine Pré (SIRET: 39266778800013); EARL de la Mardelle (SIRET: 38514961200017); GAEC Vaucher (SIRET: 38159700400013); GAEC Bruggeman (SIRET: 383 943 610 000 14); EARL les Bordes (SIRET: 34236864400015); SCL du Versant Laiteux (SIRET: 49225855300014); GAEC des Butteaux (SIRET: 38773948500010); GAEC Blondeau Welvaert (SIRET: 32576392800018); EARL de la Prairie (SIRET: 49773714800013); GAEC Patoux (SIRET: 38008216400019); EARL Neret Guedrat (SIRET: 38249036500014); Gérard Houdard (SIRET: 39226686200011); EARL Mignon père et fils (SIRET: 49778394400018); EARL de la fontaine aux poissons (SIRET: 33522117200018).

(5)

Billi l-emenda kkonċernata mhijiex minuri skont it-tifsira tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, il-Kummissjoni ppubblikat it-talba għal emenda, skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament imsemmi, f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (3).

(6)

Billi l-Kummissjoni ma rċeviet ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni f’konformità mal-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012, jenħtieġ li l-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tiġi approvata.

(7)

Fil-25 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni approvat l-emenda permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/914, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (4), skont l-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(8)

Wara din il-pubblikazzjoni, instab li l-perjodu tranżitorju skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 kien tħalla barra fir-Regolament (UE) 2020/914.

(9)

Għalhekk huwa meħtieġ li r-Regolament (UE) 2020/914 jiġi emendat b’dan ir-Regolament sabiex jinkludi dak il-perjodu tranżitorju.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-emenda fl-Ispeċifikazzjoni tal-prodott ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-isem “Brie de Meaux” (DOP) hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Il-protezzjoni mogħtija skont l-Artikolu 1 hija soġġetta għall-perjodu tranżitorju mogħti minn Franza skont l-Artikolu 15(4) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 lill-operaturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ dak l-Artikolu, wara d-digriet tad-29 ta’ Awwissu 2018 dwar l-emenda tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta “Brie de Meaux” ippubblikat fil-5 ta’ Settembru 2018 fil-Journal Officiel de la République française.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2020.

Għall-Kummissjoni

F’isem il-President,

Janusz WOJCIECHOWSKI

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1107/96 tat-12 ta’ Ġunju 1996 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ Indikazzjonijiet Ġeografiċi u Denominazzjonijiet ta’ Oriġini taħt il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 (ĠU L 148, 21.6.1996, p. 1).

(3)   ĠU C 64, 27.2.2020, p. 41.

(4)   ĠU L 209, 2.7.2020, p. 4.