Official Journal L 055 , 24/02/2004 P. 0066 - 0067
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-20 ta' Frar 2004 li temenda d-Deċiżjoni 999/815/KE rigward miżuri li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta' ġugarelli u oġġetti tat-tfal maħsuba li jitqegħdu f'ħalq it-tfal taħt it-tliet snin magħmula minn PVC artab li jikkontjenu ċerti phthalates (mgħarrfa taħt dokument nru Ċ(2004) 524) (Test b'relevanza għaż-ŻEE) (2004/178/KE) IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ, Wara li kkonsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, Wara li kkonsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' Diċembru 2001 dwar is-sigurta ġenerali tal-prodott [1], u partikolarment l-Artikolu 13(2) tiegħu, Billi: (1) Fis-7 ta' Diċembru 1999, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 1999/815/KE [2] ibbażata fuq l-Artikolu 9 tad-Direttiva 92/59/KEE [3], li tirrikjedi lill-Istati Membri li jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq ta' ġugarelli u oġġetti għall-kura tat-tfal maħsuba biex jitqiegħdu fil-ħalq tat-tfal ta' taħt it-tliet snin, magħmula minn PVC artab li jikkontjeni sustanza waħda jew aktar bħal di-iso-nonyl phthalate (DINP), di(2-ethylhexyl) phthalate (DEHP), dibutyl phthalate (DBP), di-iso-decyl phthalate (DIDP), di-n-octyl phthalate (DNOP), u butylbenzyl phthalate (BBP). (2) Il-validita tad-Deċiżjoni 1999/815/KE ġiet limitata għal tliet xhur, bi qbil mad-dispożizzjoni ta' l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 92/59/KEE. Għalhekk, il-validita tad-Deċiżjoni kellha tiskadi fit-8 ta' Marzu 2000. (3) Hija u tadotta d-Deċiżjoni 1999/815/KE ġie provvdut sabiex tittawwal il-validita tagħha jekk ikun meħtieġ. Il-validita tal-miżuri adottati skond id-Deċiżjoni 1999/815/KE ġiet imtawwla wara numru ta' deċiżjonijiet għal perjodu addizzjonali ta' tliet xhur kull darba, u issa se tiskadi fl-20 ta' Frar 2004. (4) Xi żviluppi rilevanti seħħew rigward il-validazzjoni ta' metodi ta' test ta' phthalates migration u l-istima ta' riskju komprensiva ta' dawn il-phthalates skond ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 793/93 tat-23 ta' Marzu 1992 dwar l-evalwazzjoni u l-kontroll tar-riskji ta' sustanzi eżistenti [4]. Il-Parlament u l-Kunsill qed jikkonsidraw miżuri permanenti biex jittrattaw mar-riskji preżentati mill-prodotti msemmija, imma aktar ħin huwa meħtieġ biex jiġu kompleti deliberazzjonijiet dwar is-suġġett, partikolarment sabiex jitqiesu l-iżviluppi xjentifiċi ġodda kollha. (5) Sakemm issir riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet li jkun fadal, u sabiex jiġu garantiti l-għanijiet tad-Deċiżjoni 1999/815/KE u l-prolongazzjonijiet tagħhom, huwa meħtieġ li tinżamm il-projbizzjoni tat-tqegħid fis-suq tal-prodotti kunsidrati. (6) Ċerti Stati Membri implimentaw id-Deċiżjoni 1999/815/KE permezz ta' miżuri applikabbli sa l-20 ta' Frar 2004. Għalhekk huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-validita ta' dawn il-miżuri tiġi prolongata. (7) Huwa għalhekk meħtieġ li tiġi prolongata l-validita ta' Deċiżjoni 1999/815/KE sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha jżommu l-projbizzjoni provvduta minn dik id-Deċiżjoni. (8) Id-Direttiva 92/59/KEE tħassret mill-15 ta' Jannar 2004 u ġiet mibdula fl-istess data mid-Direttiva 2001/95/KE. L-Artikolu 13(2) tad-Direttiva 2001/95/KE jiddikjara li deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jeħtieġu lill-Istati Membri li jieħdu miżuri biex jipprevjenu riskji serji preżentati minn ċerti prodotti għandhom ikunu validi għal perjodi li ma jaqbżux is-sena u jistgħu jiġu konfermati għal perjodi addizzjonali li l-ebda wieħed minnhom ma jaqbeż is-sena. Huwa xieraq li tiġi prolongata l-validita tad-Deċiżjoni 1999/825/KE għal perjodu ta' sitt xhur, sabiex jitħalla żmien biżżejjed biex isir progress mal-miżuri permanenti riferiti f'reċitazzjoni 4, filwaqt li tiġi żgurata l-possibiilta ta' eżami mill-ġdid, fiż-żmien dovut, tat-tul ta' żmien għall-validita tad-Deċiżjoni. (9) Il-miżuri provvduti f'din id-Direttiva huma b'mod konformi ma' l-opinjoni tal-Kumitat imwaqqaf skond l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2001/95/KE, ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu 1 Fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/815/KE, l-"20 ta' Frar 2004" għandha tinbidel bl-"20 ta' Awissu 2004". Artikolu 2 L-Istati Membri għandhom immedjatament jieħdu l-passi meħtieġa sabiex jikkonfomaw ma' din id-Deċiżjoni u jippubblikaw dawk il-miżuri. Għandhom immedjatament jgħarrfu bihom lill-Kummissjoni. Artikolu 3 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri. Magħmula fi Brussel, fl-20 ta' Frar 2004. Għall-Kummissjoni David Byrne Membru tal-Kummissjoni [1] ĠU L 11, tal-15.1.2002, p. 4. [2] ĠU L 315, tad-9.12.1999, p. 46. Id-Deċiżjoni kif l-aħħar emendata bid-Deċiżjoni 2003/819/KE (ĠU L 308, tat-25.11.2003, p. 23). [3] ĠU L 228, tal-11.8.1992, p. 24. Direttiva kif l-aħħar emendata bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 284, tal-31.10.2003, p. 1). [4] ĠU L 84, tal-5.4.1993, p. 1. Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1882/2003. --------------------------------------------------