Edizzjoni Provviżorja
KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKATA ĠENERALI
MEDINA
ippreżentati fit‑2 ta’ Marzu 2023 (1)
Kawża C‑723/21
Stadt Frankfurt (Oder),
FWA Frankfurter Wasser- und Abwassergesellschaft mbH
vs
Landesamt für Bergbau, Geologie und Rohstoffe,
parti oħra fil-proċedura:
Lausitz Energie Bergbau AG
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Cottbus (il-Qorti Amministrattiva, Cottbus, il-Ġermanja))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ammissibbiltà – Ambjent – Azzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-politika dwar l-ilma – Direttiva 2000/60/KE – Aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali – Proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett – Artikolu 7 – Projbizzjoni ta’ deterjorament tal-kwalità tal-ilma – Proġett għall-iżvilupp ta’ lag artifiċjali – Sulfat – Obbligu tal-Istati Membri li ma jawtorizzawx proġett li jista’ jikkawża deterjorament fil-kwalità tal-ilma użat għall-produzzjoni ta’ ilma tax-xorb”
1. Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari joffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tinterpreta, għall-ewwel darba, l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60/KE (id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; iktar ’il quddiem id-“DQI”) (2). Ir-rikors fil-kawża prinċipali ġie ppreżentat minn Stadt Frankfurt (Oder) (il-Belt ta’ Frankfurt (Oder)) u minn FWA Frankfurter Wasser- und Abwassergesellschaft mbH, Frankfurt (Oder) (iktar ’il quddiem “FWA”), kontra l-President tal-Landesamt für Bergbau, Geologie und Rohstoffe (l-Uffiċċju Reġjonali tal-Estrazzjoni Minerarja, Ġeoloġija u Materja Prima), Cottbus, il-Ġermanja (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”). Ir-rikors jikkonċerna deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-ippjanar (3) tal-Uffiċċju li jawtorizza l-ħolqien minn Lausitz Energie Bergbau AG, Cottbus (l-intervenjenti fil-kawża prinċipali; iktar ’il quddiem “Lausitz”) tal-ikbar lag artifiċjali fil-Ġermanja (li jkopri superfiċji ta’ 1 900 ettaru, jiġifieri, madwar 2 660 grawnd tal-futbol).
I. Il‑fatti li taw lok għat‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari
2. Il-belt ta’ Frankfurt (Oder) hija responsabbli li tipprovdi lis‑57 000 abitant tagħha b’ilma tax-xorb. Sabiex twettaq dan l-inkarigu legali, hija tuża s-servizzi ta’ FWA. FWA topera impjant għall-produzzjoni tal-ilma fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni li ngħatatilha skont id-dritt nazzjonali dwar l-ilma.
3. Dan l-impjant jipproduċi l-ilma tax-xorb mill-ilma ta’ taħt l-art u mill-ilma tax-Xmara Spree (iktar ’il quddiem l-“iSpree”), f’taqsima li tinsab barra miż-żona ta’ salvagwardja fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(3) tad-DQI.
4. L-ilma tal-iSpree għandu konċentrazzjoni qawwija ta’ sulfat. Is-sulfat joriġina minn minjieri fil-miftuħ li ma jintużawx fiż-żona tal-ġbir tal-ilma tal-iSpree. Huwa fformat mill-ossidazzjoni tal-pikrita minerali, li hija maħżuna fil-ħamrija taħt kundizzjonijiet anaerobiċi sakemm tiġi skavata L-ilma tax-xorb alimentat fil-linji tal-provvista għandu jkun konformi għal ċertu valur ta’ sulfat, rekwiżit li sa issa ġie biss bilkemm osservat mill-impjant tal-produzzjoni tal-ilma.
5. Wara t-tlestija tal-operazzjonijiet f’minjiera fil-miftuħ inkwistjoni, Lausitz tgħerreq il-ħofra li tirriżulta mill-estrazzjoni ta’ linjite. Il-lag ikkreat b’riżultat tal-għargħar ser ikollu tifwir. L-ilma li joħroġ mit-tifwir ser jidħol fl-iSpree u ser ikollu konċentrazzjoni ta’ sulfat kunsiderevolment ogħla mill-ilma diġà preżenti fl-iSpree. Il-belt ta’ Frankfurt (Oder) u FWA jibżgħu li, minħabba dan it-tifrigħ fl-ilmijiet tal-iSpree, il-konċentrazzjoni ta’ sulfat fl-iSpree, li diġà tinsab f’livell kritiku f’termini ta’ produzzjoni ta’ ilma tax-xorb, tinqabeż, b’mod li huma jkollhom jieqfu jipproduċu l-ilma tax-xorb f’dak il-mument jew ikollhom jibdlu l-produzzjoni b’mod fundamentali minn perspettiva teknika.
6. Permezz ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-ippjanar, l-Uffiċċju approva l-ħolqien tal-lag, inkluż it-tifwir, wara li stabbilixxa, fuq il-bażi ta’ rapport ta’ espert, li l-ilmijiet tal-iSpree ma humiex ser jiddeterjoraw fis-sens tal-Artikolu 4 tad-DQI. Ma saru l-ebda evalwazzjonijiet tal-effetti fuq il-konċentrazzjoni ta’ sulfat skont l-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva fil-punt ta’ teħid tal-ilma u, fejn applikabbli, fuq l-impjant tal-produzzjoni tal-ilma. Huwa kontra l-imsemmija deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-ippjanar li l-belt ta’ Frankfurt (Oder) u FWA ppreżentaw ir-rikors fil-kawża prinċipali.
7. Fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, il-Verwaltungsgericht Cottbus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Cottbus) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“(1)
(a) L-Artikolu 7(3) tad-[DQI], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-membri kollha tal-pubbliku direttament affettwati minn proġett huma intitolati jirrapportaw ksur tal-obbligu li
i) jiġi evitat deterjorament fil-kwalità tal-korpi tal-ilma użati għall-estrazzjoni tal-ilma tax-xorb,
ii) jitnaqqas it-trattament meħtieġ għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb,
billi jippreżentaw rikors fil-qorti għal ksur tal-obbligu għall-infurzar tal-projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni relatata mal-ilma ta’ taħt l-art, abbażi tal-protezzjoni ta’ terz (ara [s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑28 ta’ Mejju 2020, Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2020:391, punti 132 et seq.) (“is-sentenza Land Nordrhein-Westfalen”)], kif ukoll [is-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et (C‑197/18, EU:C:2019:824, punti 40 u 42)]?
(b) Fil-każ li r-risposta għall-punt (a) tkun fin-negattiv:
Fi kwalunkwe każ, dawk ir-rikorrenti li ġew fdati bil-produzzjoni u t-trattament tal-ilma tax-xorb, huma intitolati li jinvokaw ksur tal-projbizzjonijiet u tar-rekwiżiti tal-Artikolu 7(3) tad-[DQI]?
(2) L-Artikolu 7(3) tad-[DQI] jinkludi wkoll, fir-rigward tal-korpi tal-ilma barra minn żoni protetti fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(3) ta’ din l-istess direttiva, minbarra l-mandat għall-ippjanar fit-tul tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar u programmi ta’ miżuri simili għall-Artikolu 4 tal-istess, l-obbligu li tiġi rrifjutata l-approvazzjoni għal proġetti speċifiċi minħabba ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorament (ara [s-sentenza Land Nordrhein-Westfalen, punt 75])?
(3) Fil-każ li l-Artikolu 7(3) tad-[DQI], kuntrarjament għall-Anness V tal-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, ma jispeċifikax il-valuri ta’ referenza tiegħu stess għall-eżami tal-projbizzjoni ta’ deterjorament:
(a) Taħt liema kundizzjonijiet jista’ jiġi preżunt li l-korp tal-ilma ser jiddeterjora u, konsegwentement, ser jiżdied l-ammont ta’ trattament meħtieġ għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb?
(b) Jista’ l-punt ta’ referenza rilevanti għaż-żieda fl-ammont ta’ trattament u għalhekk għall-projbizzjoni ta’ deterjorament fl-Artikolu 7(3) tad-[DQI] jidher fil-valuri limitu fl-Anness I tad-[Direttiva 98/83/KE (4) (iktar ’il quddiem id-‘Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb’; id-‘DIX’)], kif issuġġerit mill-aħħar nofs sentenza tal-Artikolu 7(2) tad-[DQI]?
(c) Fil-każ li r-risposta għall-punt (b) tkun fl-affermattiv:
Jista’ jkun hemm ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorament fl-Artikolu 7(3) tad-[DQI] jekk l-uniku valur sinjifikattiv ma jkunx valur limitu fil-Parti A jew B tal-Anness I [tad-DIX], iżda l-hekk imsejjaħ parametru indikatur skont il-Parti Ċ tal-Anness I?
(4) Meta għandu jiġi preżunt ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorament taħt il-liġi dwar l-ilma tax-xorb tal-Artikolu 7(3) tad-[DQI] (ara għall-istandard tal-projbizzjoni ta’ deterjorament fl-Artikolu 4 [tad-DQI: is-sentenza Land Nordrhein-Westfalen, punt 119], u preċedentement [is-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2015, Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (C‑461/13, EU:C:2015:433, punt 52) (iktar ’il quddiem is-‘sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland' )]?
(a) Kwalunkwe deterjorament huwa biżżejjed għall-preżunzjoni ta’ ksur
jew
(b) għandu jkun hemm probabbiltà li l-parametru indikatur għas-sulfat ta’ 250 mg/l ma jkunx osservat
jew
(c) għandhom jiġu mhedda miżuri ta’ rimedju fis-sens tal-Artikolu 8(6) tad-[DIX], li jżidu l-ispejjeż ta’ trattament għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb?
(5) L-Artikolu 7(3) tad-[DQI] jinkludi wkoll, minbarra l-istandard sostantiv tat-test, rekwiżiti għall-proċedura ta’ approvazzjoni uffiċjali, jiġifieri l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 4 ta’ din l-istess direttiva tista’ tiġi ttrasferita għall-iskop tal-eżami tal-Artikolu 7(3) tal-istess (ara [s-sentenza Land Nordrhein-Westfalen], it-tieni domanda preliminari)?
(6) Għandha ssir ukoll perizja rigward ħsara possibbli tal-Artikolu 7(3) tad-[DQI] mill-kuntrattur hekk kif jidher li l-proġett aktarx jikser ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva?
(7) Jista’ wkoll jiġi preżunt hawnhekk li l-eżami jrid ikun disponibbli fiż-żmien tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-liġi dwar l-ilma u li konsegwentement eżami mwettaq matul il-proċedura ġudizzjarja ma jistax jirrimedja l-illegalità tal-approvazzjoni li tirrigwarda l-liġi dwar l-ilma (ara [s-sentenza Land Nordrhein-Westfalen, punti 76 u 80 et seq.])?
(8) Ir-rekwiżiti u projbizzjonijiet li jirriżultaw mill-Artikolu 7(3) tad-[DQI] jistgħu jingħelbu matul l-ibbilanċjar tal-interessi fil-kuntest ta’ approvazzjoni favur l-għan imfittex mill-proġett, pereżempju, jekk l-ispejjeż tat-trattament ikunu baxxi jew l-iskop tal-proġett huwa partikolarment importanti?
(9) L-Artikolu 4(7) japplika għall-Artikolu 7(3) tad-[DQI]?
(10 Liema obbligi li jmorru lil hinn mill-Artikolu 4 tad-[DQI] jistgħu jiġu dedotti mill-Artikolu 7(2) tal-istess, b’tali mod li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-proċedura ta’ approvazzjoni ta’ proġett?”
II. Il‑proċedura quddiem il‑Qorti tal‑Ġustizzja
8. Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-belt ta’ Frankfurt (Oder) u FWA, l-Uffiċċju, Lausitz u l-Kummissjoni Ewropea.
III. Evalwazzjoni
A. Ammissibbiltà
9. Fil-fehma tiegħi, jekk il-korp tal-ilma użat minn FWA sabiex jinqabad l-ilma naturali ma huwiex korp tal-ilma fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-[DQI], l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva ma jkunx applikabbli għall-kawża prinċipali.
10. Fil-fatt, l-Uffiċċju jsostni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-korp tal-ilma tal-wiċċ tal-iSpree bin-numru ta’ identifikazzjoni DERW_DEBB582_1743 ma huwiex korp tal-ilma li jaqa’ taħt l-Artikolu 7(1) tad-DQI. Ġiet indikata żona ta’ salvagwardja, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 7(3) tad-DQI, għall-korp tal-ilma ta’ taħt l-art “Spree ta’ Isfel 1” (numru ta’ identifikazzjoni DEGB_DEBB_HAV_US_3‑1) iddeterminat skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.
11. Fil-fehma tiegħi, l-applikabbiltà tal-Artikolu 7(1) u (3) tad-DQI fil-kawża ineżami hija bbażata fuq tal-inqas żewġ argumenti.
12. L-ewwel, hemm il-korp tal-ilma ta’ taħt l-art “Spree ta’ Isfel 1” li l-ilma tax-xmara tasl-iSpree jinfiltra. Il-fatti stabbiliti mill-qorti tar-rinviju juru li dan il-korp tal-ilma huwa (jew ser ikun) affettwat mill-proġett inkwistjoni, bir-riżultat li d-DQI hija applikabbli.
13. F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju topera fuq il-bażi li t-taqsima rilevanti tal-iSpree hija korp tal-ilma fis-sens tal-Artikolu 7(1) tad-DQI. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju kienet ċara fil-konstatazzjoni tagħha fid-digriet għal miżuri provviżorji tagħha tal‑1 ta’ Ġunju 2021 (iktar ’il quddiem id-“digriet tal‑1 ta’ Ġunju 2021”) li t-“taqsima tax-xmara Spree inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ [din id-dispożizzjoni]”. Fil-fatt, FWA ġiet awtorizzata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ilma sabiex twettaq astrazzjoni tal-ilma tal-wiċċ tal-iSpree (permezz tal-proċess ta’ infiltrazzjoni) għall-finijiet tal-provvista tal-ilma tax-xorb.
14. It-tieni, l-Uffiċċju jsostni li l-Artikolu 7(3) tad-DQI japplika biss għal dawk il-korpi tal-ilma li ġew “identifikati” skont l-Artikolu 7(1) u (2) ta’ din id-direttiva. Il-korp tal-ilma tal-wiċċ tal-iSpree (DERW_DEBB582_1743) ma ġiex identifikat fuq din il-bażi u għalhekk ma huwiex korp tal-ilma li jaqa’ taħt l-Artikolu 7(1) tad-DQI. Dan il-korp tal-ilma lanqas ma ġie indikat skont l-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva.
15. Huwa minnu li dan il-korp tal-ilma jidher li la kien indikat u lanqas identifikat mill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikoli 6 u 7 tad-DQI minkejja l-fatt li jintuża għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb, li jista’ jikkostitwixxi indizju tal-fatt li l-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha previsti fl-Artikolu 6(1) u (3), li żżomm ir-reġistru aġġornat, kif ukoll dawk previsti fl-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva.
16. Wara kollox, sabiex tispjega l-Artikolu 7 tad-DQI, il-premessa 37 ta’ din id-direttiva tippreċiża li “[l]-Istati Membri jridu jidentifikaw l-ilmijiet użati għat-teħid ta’ ilma tax-xorb u jiżguraw konformità mad-[DIX]”.
17. Madankollu, inqis li ma huwiex possibbli li jiġi applikat direttament l-Artikolu 7(3) tad-DQI għal korpi tal-ilma mhux identifikati bħal dak inkwistjoni, għaliex dan iġib fix-xejn is-sens tas-sistema ta’ identifikazzjoni tal-korpi tal-ilma kkonċernati u ż-żamma ta’ reġistru skont dawn l-artikoli. Hemm ukoll il-problema tal-ambigwità fir-rigward tal-konfini eżatti taż-żoni protetti li għandhom jiġu ddelimitati skont l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.
18. Peress li l-Artikolu 7(1) ma huwiex direttament applikabbli – huwa jeħtieġ miżuri ta’ implimentazzjoni – hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi dwar kif għandha tipproċedi skont id-dritt Ġermaniż sabiex tiżgura l-protezzjoni ta’ dawn il-korpi tal-ilma (pereżempju, billi tordna lill-awtorità kompetenti tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni rilevanti u tidentifika l-korpi tal-ilma inkwistjoni skont l-Artikolu 7(1) tad-DQI).
19. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha tippreżerva l-effet utile tad-DQI.
20. Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-Artikolu 7(1) tad-DQI jagħmilha mandatorja għall-Istati Membri li jidentifikaw tipi speċifiċi ta’ korpi tal-ilma li għandhom jiġu protetti skont l-Artikolu 7(2) u (3) ta’ din id-direttiva. L-Istati Membri ma għandhomx ikunu f’pożizzjoni li jċaħħdu lill-korpi tal-ilma, intiżi għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb, mill-protezzjoni sempliċement billi jagħżlu li ma jidentifikawhomx (jew li ma jidentifikawhomx b’mod xieraq) (Artikolu 7(1) tad-DQI), filwaqt li fl-istess ħin, dawn l-Istati Membri jawtorizzaw, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ilma, l-istess korpi tal-ilma għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb billi jħalltuhom ma’ korpi tal-ilma li jkunu ġew identifikati b’mod xieraq (bħal fil-kawża ineżami). Dan iċaħħad manifestament lid-DQI mill-effet utile tagħha, b’mod partikolari l-Artikolu 7 tagħha.
21. Huwa minnu li l-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art tidher li ġiet protetta fil-kawża prinċipali. Madankollu, dan ma jfissirx li l-Istati Membri ma għandhomx jipproteġu wkoll l-ilma tal-wiċċ użat fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb. Ma hemm xejn fil-formulazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-DQI li jissuġġerixxi, jew li jsegwi mill-ispirtu u mill-għan tagħha, li għandha ssir distinzjoni skont jekk l-astrazzjoni tal-ilma hijiex diretta jew indiretta (jiġifieri, miksuba permezz ta’ infiltrazzjoni).
22. Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li d-domandi magħmula huma ammissibbli.
B. Fuq il‑mertu
1. Fuq l‑ewwel domanda
23. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tiddetermina, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(3) tad-DQI għandux jiġi interpretat fis-sens li l-membri kollha tal-pubbliku direttament ikkonċernati minn proġett (l-ewwel possibbiltà) jew, fi kwalunkwe każ, il-persuni li kienu inkarigati bil-produzzjoni u t-trattament tal-ilma tax-xorb (it-tieni possibbiltà) għandhomx locus standi billi jinvokaw ksur tar-rekwiżiti li jirriżultaw minn din id-dispożizzjoni, inkluż ksur tar-rekwiżit intiż sabiex jiġi evitat id-deterjorament tal-kwalità tal-korpi tal-ilma li huma intiżi għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb, u ta’ dak intiż għat-tnaqqis tal-livell ta’ trattament meħtieġ fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb.
24. Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-kawża ineżami, ma hemmx lok għall-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq l-ewwel possibbiltà, peress li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma humiex membri tal-pubbliku, iżda huma persuni ġuridiċi inkarigati mil-liġi bil-produzzjoni u t-trattament tal-ilma tax-xorb.
25. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ikun inkompatibbli man-natura vinkolanti li l-Artikolu 288 TFUE jirrikonoxxi li direttiva teskludi fil-prinċipju l-fatt li l-obbligi li hija timponi jistgħu jiġu invokati mill-persuni kkonċernati” [...] [u] “minn tal-inqas il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li huma direttament ikkonċernati minn ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ direttiva fil-qasam tal-ambjent għandhom ikunu jistgħu jeżiġu li l-awtoritajiet kompetenti, possibbilment permezz ta’ azzjoni legali, josservaw l-obbligi inkwistjoni” (5).
26. Sabiex jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali humiex direttament ikkonċernati minn ksur tal-obbligi previsti fl-Artikolu 7(3) tad-DQI, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan ta’ din tal-aħħar kif ukoll il-kontenut tad-dispożizzjoni msemmija (6).
27. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, id-DQI għandha l-għan li tipproteġi l-korpi tal-ilma, inklużi dawk użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb.
28. L-Artikolu 7(3) tad-DQI jimponi fuq l-Istati Membri ċerti obbligi dwar il-protezzjoni tal-ilmijiet użati għall-produzzjoni ta’ ilma tax-xorb.
29. Persuna ġuridika awtorizzata sabiex tiġbor u tuża l-ilma ta’ taħt l-art (jew ilma tal-wiċċ) għall-produzzjoni ta’ ilma tax-xorb tagħmel użu leġittimu ta’ tali ilma ta’ taħt l-art (jew ilma tal-wiċċ). Għaldaqstant, din il-persuna hija direttament ikkonċernata minn ksur tal-obbligi ta’ titjib u ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-ilma ta’ taħt l-art (jew tal-ilma tal-wiċċ), peress li dan il-ksur jista’ jillimita l-possibbiltà ta’ din il-persuna billi jinterferixxi mal-użu leġittimu ta’ dan l-ilma (7).
30. Skont id-dritt nazzjonali, l-belt ta’ Frankfurt (Oder) hija responsabbli għall-provvista ta’ ilma tax-xorb lill-abitanti tagħha. Għaldaqstant huwa manifestament fl-interess tagħha li twettaq dan l-inkarigu mingħajr interferenza indebita – u ksur tal-Artikolu 7(3) tad-DQI jikkostitwixxi tali interferenza – u, b’mod partikolari, li tipprevjeni d-deterjorament tal-kwalità tal-korpi tal-ilma użati minn din il-belt għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb. Fil-każ kuntrarju, hija ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq l-obbligu tagħha li tipprovdi lill-popolazzjoni tagħha l-ilma tax-xorb ta’ kwalità xierqa.
31. L-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi wkoll ċerti miri fir-rigward tat-trattament meħtieġ fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb.
32. Huwa fl-interess ta’ persuni ġuridiċi bħall-belt ta’ Frankfurt (Oder) u FWA li jżommu sforz tat-trattament baxx fil-kuntest tal-produzzjoni tal-ilma tax-xorb. It-tnejn li huma huma legalment responsabbli għall-provvista tal-ilma konformi mad-DIX.
33. Fil-fatt, it-trattament huwa neċessarju sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem u r-rekwiżiti ta’ purifikazzjoni huma stabbiliti fid-DIX, li għaliha jirreferi espressament l-Artikolu 7(2) tad-DQI. Id-DIX tipprevedi mekkaniżmu kumpless li jikkonkretizza dak li għandu jintlaħaq minn tali purifikazzjoni.
34. Kif ser naraw iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, l-osservanza tal-Artikolu 7 tad-DQI hija marbuta mill-qrib mal-konformità mad-DIX. Jekk Stat Membru jikser l-Artikolu 7 tad-DQI fir-rigward taż-żona tal-ġbir tal-ilma, il-fornitur tal-ilma jiġi ppreġudikat f’dak li jirrigwarda l-konformità tiegħu mad-DIX (8).
35. Għaldaqstant, Stadt Frankfurt (Oder) u FWA għandhom ikunu f’pożizzjoni li jeżiġu li awtorità kompetenti, inkarigata li tapprova proġett potenzjalment ta’ preġudizzju fil-livell ta’ purifikazzjoni tal-ilma tax-xorb kif meħtieġ mid-DIX, tosserva l-obbligi previsti fl-Artikolu 7(3) tad-DQI, jekk ikun neċessarju billi jippreżentaw rikors quddiem qorti kompetenti.
36. Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti li l-Artikolu 7(3) tad-DQI, moqri fid-dawl tal-Artikolu 19(1) TUE (li jipprovdi li l-“Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni”), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuni ġuridiċi inkarigati, skont id-dritt nazzjonali, bil-produzzjoni u t-trattament tal-ilma tax-xorb, jew dawk il-persuni fdati b’tali produzzjoni u trattament, għandhom id-dritt jeżiġu minn awtorità kompetenti, inkarigata li tapprova proġett li jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-livell ta’ purifikazzjoni tal-ilma tax-xorb kif meħtieġ mid-DIX, li tosserva l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7(3) tad-DQI. Jekk ikun neċessarju, dawn il-persuni ġuridiċi jistgħu jagħmlu dan billi jippreżentaw rikors quddiem qorti kompetenti.
2. Fuq it‑tieni domanda
37. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 7(3) tad-DQI jinkludix, ukoll fir-rigward tal-korpi tal-ilma li jinsabu barra miż-żoni ta’ salvagwardja fis-sens tat-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, obbligu awtonomu, analogu għal dak li jinsab fl-Artikolu 4 tad-DQI, ta’ rifjut tal-awtorizzazzjoni għal proġetti individwali minħabba ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorament. Il-qorti tar-rinviju speċifikament tiċċita fid-domanda tagħha s-sentenza Land Nordrhein-Westfalen, punt 75.
38. Fl-ewwel parti, ser nanalizza l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(3) tad-DQI sabiex nistabbilixxi l-fehma ġenerali tal-protezzjoni tal-korpi tal-ilma użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb. Fit-tieni parti, ser nevalwa jekk it-tieni sentenza ta’ din id-dispożizzjoni, li tippermetti lill-Istati Membri jistabbilixxu żoni ta’ salvagwardja, għandhiex xi effett fuq il-kawża ineżami.
a) L‑ewwel parti — l‑ewwel sentenza tal‑Artikolu 7(3) tad‑DQI
39. Skont il-punt 75 tas-sentenza Land Nordrhein-Westfalen, “meta proġett jista’ jimplika effetti negattivi għall-ilma, dan jista’ jiġi awtorizzat biss jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4(7)(a) sa (d) [tad-DQI] jkunu ssodisfatti. Huma l-awtoritajiet nazzjonali li għandhom il-kompetenza jawtorizzaw proġett li għandhom jevalwaw jekk dawn il-kundizzjonijiet humiex issodisfatti qabel ma tingħata tali awtorizzazzjoni, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ stħarriġ ġudizzjarju”.
40. Għalkemm din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-Artikolu 4 tad-DQI, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-DQI għandha, fil-fehma tiegħi, tiġi informata minn din il-ġurisprudenza. Dan huwa b’mod partikolari dovut għall-fatt li l-Artikolu 7(3), bħall-Artikolu 4, jipprevedi ċerti obbligi għall-Istati Membri – fejn id-differenza hija li din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi obbligi fil-qasam tal-protezzjoni tal-ilma b’mod ġenerali filwaqt li l-ewwel dispożizzjoni tipprevedi obbligi speċifiċi għall-korpi tal-ilma li huma użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb.
41. Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (9).
1) Il‑formulazzjoni tal‑Artikolu 7(3) tad‑DQI
42. Il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni fformula fiha obbligu fuq l-Istati Membri li jiksbu riżultat speċifiku (10).
i) Il‑kunċett ta’ “jridu jiżguraw”
43. Fis-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (punti 31 sa 33), il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeduċi li l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 4 tad-DQI għandhom natura vinkolanti mill-fatt li din id-dispożizzjoni tinkludi formulazzjoni li tindika l-effett vinkolanti tagħha u r-rilevanza tagħha fir-rigward tal-awtorizzazzjoni ta’ proġetti individwali fil-kuntest tas-sistema legali tal-protezzjoni tal-ilma.
44. Fil-fatt, f’dawn il-punti ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tispjega li l-kliem “[i]ridu jimplimentaw” u l-espressjoni introduttiva “meta l-programmi ta’ miżuri speċifikati fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar ikunu qed isiru operazzjonali” jikkonfermaw in-natura vinkolanti ta’ din id-dispożizzjoni, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom josservaw fl-approvazzjoni ta’ proġetti individwali.
45. Bħall-Artikolu 4 tad-DQI, il-fatt li l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-Istati Membri “jridu jiżguraw il-protezzjoni meħtieġa għall-korpi ta’ l-ilma” jimplika li dan l-obbligu għandu natura vinkolanti u huwa rilevanti f’dak li jikkonċerna l-approvazzjoni ta’ proġetti individwali. It-termini “jridu jiżguraw il-protezzjoni meħtieġa” jimplikaw obbligu għall-Istati Membri li jaġixxu f’dan is-sens, li jimplika li huma għandhom jinterpretaw il-proċess għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett individwali bħala miżura ta’ implimentazzjoni sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni neċessarja (punt 32 tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq).
46. Il-fatt li l-Artikoli 4 u 7(3) tad-DQI jinkludu formulazzjonijiet kemxejn differenti f’dan ir-rigward (“[l]-Istati Membri jridu jimplimentaw il-miżuri meħtieġa biex jipprevjenu deterjorazzjoni tal-istat ta’ kull korp ta’ l-ilma tal-wiċċ” meta mqabbla ma’ “[l]-Istati Membri jridu jiżguraw il-protezzjoni meħtieġa għall-korpi ta’ l-ilma identifikati bl-għan li tiġi evitata deterjorazzjoni fil-kwalità tagħhom sabiex jitnaqqas il-livell ta’ trattament ta’ purifikazzjoni meħtieġ fil-produzzjoni ta’ l-ilma tax-xorb”) ma huwiex rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni. Huwa ċar li l-kliem “jridu jiżguraw” jimplika li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jinkisbu l-għanijiet speċifiċi tad-DQI. Dan huwa kkonfermat ukoll meta jiġu eżaminati diversi verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din il-formulazzjoni (pereżempju, il-verżjonijiet bil-Ġermaniż, Franċiż, Spanjol u Latvjan).
ii) It‑tifsira ta’ “protezzjoni meħtieġa”
47. L-użu tat-termini msemmija iktar ’il fuq fl-Artikolu 7(3) tad-DQI juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni għażel l-“approċċ ta’ prevenzjoni”, b’kuntrast mal-“approċċ tat-trattament” (fi tmiem il-katina) li ġie użat fil-passat. Fi kliem ieħor, l-enfasi ma għadhiex fuq it-trattament tal-ilma naturali kkontaminat sabiex isir sigur għax-xorb, iżda pjuttost fuq il-protezzjoni tas-sorsi ta’ ilma użat.
48. Kif tispjega l-premessa 11 tad-DQI, “il-politika [tal-Unjoni] fuq l-ambjent għandha tikkontribwixxi għal għanijiet ta’priservar, protezzjoni u titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, f’użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, u li din tkun bażata fuq il-prinċipju prekawzjonarju, u fuq il-[prinċipju] li, azzjonijiet preventivi għandhom jittieħdu [...]” (enfasi miżjuda minni).
49. It-termini “protezzjoni meħtieġa” fl-Artikolu 7(3), fid-dawl tal-prinċipju ta’ prevenzjoni, jindikaw li, qabel ma l-awtorità kompetenti tapprova proġett individwali, hija għandha l-ewwel tiddetermina li dan il-proġett ma jkollux effetti negattivi fuq il-kwalità tal-korpi tal-ilma użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb.
iii) It‑tifsira ta’ “korpi ta’ l-ilma identifikati”
50. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(3) tindika li l-miżuri ta’ protezzjoni previsti f’dan l-artikolu jikkonċernaw biss il-korpi tal-ilma li kienu s-suġġett tal-proċess ta’ identifikazzjoni. Madankollu, l-Artikolu 7(3) ma fih l-ebda limitazzjoni bbażata fuq il-mod ta’ kif l-ilma jidħol f’dawn il-korpi, jiġifieri jekk dan iseħħx b’mod naturali jew permezz ta’ infiltrazzjoni antropoġenika (bħalma huwa l-każ fil-kawża prinċipali). Konsegwentement, il-protezzjoni għandha tiġi żgurata għall-ilma preżenti fil-korpi tal-ilma identifikati.
iv) It-tifsira ta’ “tiġi evitata deterjorazzjoni fil-kwalità tagħhom sabiex jitnaqqas il-livell ta’ trattament ta’ purifikazzjoni”
51. Din il-frażi turi li l-mira tal-azzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jieħdu hija li jnaqqsu l-livell ta’ trattament meħtieġ fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb u l-mezzi sabiex tintlaħaq din il-mira huma l-obbligu li l-Istati Membri għandhom, bħala minimu, jevitaw id-deterjorament tal-kwalità tal-korpi tal-ilma.
52. Id-“Dokument ta’ Gwida spjegattiv Nru 16” (11) tal-Kummissjoni jappoġġja l-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 7(3) tad-DQI. Dan id-dokument ta’ gwida, li jirrappreżenta pożizzjoni ta’ kunsens dwar l-aqwa prattika maqbula mill-Kummissjoni, l-Istati Membri kollha u partijiet ikkonċernati oħra, jispjega l-Artikolu 7(3) tad-DQI kif ġej: “Fil-prattika, l-evitar tad-deterjorament fil-kwalità ta’ korp ta’ ilma ta’ taħt l-art ma jirriżultax minnu nnifsu fit-tnaqqis fil-livell tat-trattament li jista’ jkun meħtieġ sabiex jiġi prodott ilma tax-xorb. Ikun meħtieġ titjib fil-kwalità sabiex jitnaqqas it-trattament. Madankollu, huwa ċar li hemm intenzjoni li jiġi evitat deterjorament tal-kwalità tal-ilma ta’ taħt l-art, bħala minimu. Idealment, il-protezzjoni għandha tkun biżżejjed sabiex, matul iż-żmien, jitnaqqas it-trattament tal-purifikazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
53. Ir-rabta intrinsika bejn is-sors (korpi tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-wiċċ użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb) u l-prodott (l-ilma tax-xorb imqassam lill-popolazzjoni) preżenti fil-frażi “sabiex jitnaqqas il-livell ta’ trattament ta’ purifikazzjoni” turi li l-ġestjoni tal-ilma tax-xorb tal-Istati Membri għandha tosserva d-DIX u l-kriterji ta’ kwalità tal-ilma stabbiliti fiha.
54. Isegwi li l-element tal-“evitar tad-deterjorament” li jinsab fil-formulazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-DQI, flimkien mar-rekwiżit ta’ tnaqqis tal-livell tat-trattament, ifisser li l-projbizzjoni tad-deterjorament skont din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tipprevjeni sitwazzjoni li fiha l-kriterji ta’ kwalità tal-ilma stabbiliti fid-DIX ma humiex issodisfatti.
v) It‑tifsira ta’ “fil-produzzjoni ta’ l-ilma tax-xorb”
55. Din il-frażi tagħmilha ċara li l-korpi tal-ilma kkonċernati huma biss dawk li jintużaw għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb u, fl-istess ħin, hija tipprovdi r-rabta neċessarja bejn id-DQI u d-DIX.
56. B’hekk, il-kliem tal-Artikolu 7(3) jimplika obbligu għall-Istati Membri li jipprekludu t-twettiq ta’ proġetti li jistgħu jżidu l-livell ta’ trattament tal-korpi tal-ilma identifikati użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb jekk, fl-assenza ta’ tali żieda ta’ purifikazzjoni, il-proġett jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-rekwiżiti tal-kwalità tal-ilma stabbiliti fid-DIX.
2) Il‑kuntest tal‑Artikolu 7(3) tad‑DQI
i) Ir-rabta bejn l-Artikolu 7(3) u l-Artikoli 1 u 4 tad-DQI
57. L-interpretazzjoni tiegħi tal-Artikolu 7(3) hija kkonfermata mill-analiżi tal-kuntest ta’ dan l-artikolu. L-ewwel, it-tifsira tal-imsemmi Artikolu 7 tista’ tiġi dedotta mir-rabtiet eżistenti bejn dan l-artikolu u dispożizzjonijiet oħra tad-DQI, b’mod partikolari l-Artikoli 1 u 4.
58. Qabel xejn, il-letteratura legali (pereżempju, Faßbender f’analiżi eżawrjenti tad-DQI (12)) indikat ir-rabta stretta u l-fatt li l-Artikolu 7 jinkludi tisħiħ sostantiv relatat mal-użu tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tad-DQI. Il-produzzjoni tal-ilma tax-xorb hija użu speċifiku tal-ilma li jħaddan l-Artikolu 4 tad-DQI bħala dispożizzjoni ġenerali u għaldaqstant huwa neċessarju li jittieħdu inkunsiderazzjoni ċerti rekwiżiti rilevanti għall-ilma tax-xorb.
59. F’dan ir-rigward, il-kunsiderazzjonijiet tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istruttura tal-Artikolu 4 tad-DQI fis-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland għandhom iservu bħala gwida wkoll għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, li l-interpretazzjoni tiegħu hija neċessarja fil-kawża ineżami.
60. Dan huwa ġġustifikat mill-fatt li l-kunċett sistematiku tad-DQI, bħala direttiva qafas, jikkoordina l-protezzjoni tal-korpi tal-ilma kollha, inkluż dawk użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb (13).
61. Barra minn hekk, din l-aħħar protezzjoni, prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(3) tad-DQI, tagħmel parti integrali mill-protezzjoni ġenerali tal-korpi tal-ilma, skont l-Artikolu 1 tad-DQI, li hija segwita wkoll mill-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva (14). Għaldaqstant, is-sistema globali ta’ protezzjoni tal-ilma stabbilita skont l-Artikoli 1 u 4 tad-DQI, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, issaħħaħ il-fehma tan-natura protettiva u imperattiva tal-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva.
ii) It‑tifsira ta’ “korpi tal‑ilma identifikati”
62. Sabiex tinftiehem it-tifsira ta’ dan it-terminu, huwa neċessarju li jiġu kkunsidrati ż-żewġ elementi segwenti tad-DQI: (i) il-kriterji speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 7(1), u (ii) l-obbligu li jiġi stabbilit reġistru għal korpi tal-ilma identifikati skont l-Artikolu 6 flimkien mal-Artikolu 7. Id-DQI tħalli lill-Istati Membri l-inkarigu li jadottaw miżuri ta’ implimentazzjoni speċifiċi sabiex jiżguraw id-delineazzjoni xierqa ta’ żoni protetti. Finalment, il-kliem tal-Artikolu 7(3), meta jinqara flimkien mal-Artikolu 7(1) jagħmilha ċara li l-Istati Membri għandhom obbligu li josservaw l-Artikolu 7(1) u li jidentifikaw b’mod xieraq il-korpi tal-ilma kollha kkonċernati sabiex jiżguraw protezzjoni għall-korpi tal-ilma kollha li jeħtiġuha (b’mod partikolari dawk użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb).
iii) L‑importanza tad-DIX fid-definizzjoni tal-kwalità tal-ilma skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI
63. Sussegwentement, ser nanalizza l-effett tad-DIX fuq kif tinftiehem il-kwalità tajba tal-ilma tax-xorb li l-Artikolu 7(3) jfittex li jiżgura. L-Artikolu 7(2) tad-DIX jipprevedi li “[g]ħal kull korp ta’ l-ilma identifikat taħt paragrafu 1, minbarra li jilħqu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 4 bi qbil mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva [...] l-Istati Membri jridu jiżguraw li taħt ir-reġim tat-trattament ta’ l-ilma applikat, u skond leġislazzjoni [tal-Unjoni], l-ilma li jirriżulta jrid jilħaq il-ħtiġiet tad-[DIX]” (enfasi miżjuda minni).
64. L-Artikolu 7(2) tad-DQI jorbot b’mod ċar l-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva u l-għanijiet tiegħu ta’ protezzjoni tal-ilma naturali mal-istandards u l-proċeduri eżistenti (sabiex tiġi żgurata l-kwalità tajba tal-ilma tax-xorb) stabbiliti fid-DIX. Għalhekk, l-istandards tad-DIX għall-ilma tax-xorb jinfluwenzaw direttament il-ġestjoni taż-żona ta’ qbid tal-ilma billi jiddefinixxu l-livell minimu ta’ kwalità tal-ilma li għandu jiġi żgurat waqt it-trattament tal-ilma u, b’mod partikolari, il-purifikazzjoni. Dan juri li l-kredibbiltà tal-ġestjoni taż-żona ta’ qbid tal-ilma, li huwa intiż sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet tal-Artikolu 7 tad-DQI, ser tkun marbuta b’mod inseparabbli mal-istandards tad-DIX għall-ilmijiet tax-xorb (15).
65. Għalhekk, ma hemm l-ebda dubju dwar ir-rabta stretta bejn id-direttiva “omm” (id-DQI, li hija direttiva qafas għas-sistema globali ta’ ġestjoni tal-ilma) u d-direttiva “bint” (id-DIX, li hija direttiva speċifika għall-ilma tax-xorb u tikkostitwixxi parti inerenti minn din is-sistema). Fil-fatt, l-Artikolu 7 tad-DQI mhux biss jintroduċi regoli tad-DIX għall-protezzjoni tal-ilma tax-xorb permezz ta’ din ir-rabta stretta, iżda jżid ukoll kundizzjoni addizzjonali fir-rigward tal-minimizzazzjoni tal-purifikazzjoni. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(3) jagħmilha ċara li l-protezzjoni skont din id-dispożizzjoni għandha ssir sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-ilma tax-xorb meħtieġa mid-DIX u sabiex jitnaqqas, matul iż-żmien, il-livell ta’ purifikazzjoni tal-ilma meħtieġ fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb.
iv) Ir‑rwol tal‑parametri indikaturi fl‑identifikazzjoni tad‑deterjorament tal‑kwalità tal‑ilma
66. Barra minn hekk, huwa neċessarju li jiġu ċċarati l-mezzi li jippermettu li jiġi identifikat deterjorament tal-kwalità tal-ilma. Sabiex jinftiehem is-sens tar-rekwiżit intiż sabiex jiġi evitat id-deterjorament fl-Artikolu 7(3) tad-DQI għall-finijiet tal-kawża ineżami, huwa neċessarju li tiġi eżaminata l-Parti Ċ tal-Anness I tad-DIX. Jiena naqbel mal-Kummissjoni li l-parametru indikatur għas-sulfat ta’ 250 mg/l, kif stabbilit f’din il-parti Ċ, huwa rilevanti għall-finijiet tat-tnaqqis ta’ inkwinant bħas-sulfat u sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx deterjorament fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-DQI. Dan il-parametru indikatur għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-produzzjoni tal-ilma tax-xorb.
67. Isegwi li r-rabta bejn id-DQI u d-DIX tipprovdi wkoll wieħed mill-elementi li jippermettu li jiġi identifikat id-deterjorament tal-kwalità tal-ilma u r-rabta hija utli sabiex jiġi ddefinit kif dan il-parametru indikatur jista’ jkollu effett fuq il-proċess għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti individwali, li ser nindirizza iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet.
v) Il‑prinċipju ta’ prekawzjoni u azzjonijiet korrettivi
68. Minbarra l-Anness I tad-DIX, l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jipprevedi input importanti sabiex jinftiehem il-kontenut tal-obbligu li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ilma tax-xorb. Dan l-artikolu, intitolat “Azzjoni korrettiva u restrizzjonijiet fl-użu”, jistabbilixxi l-konsegwenzi li jirriżultaw meta l-Istati Membri ma josservawx il-valuri parametriċi stabbiliti skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva. Huwa importanti li jiġi nnotat li l-Artikolu 8(6) tad-DIX jipprevedi li “[f]’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mal-valuri parametriċi jew ma’ l-ispeċifikazzjonijiet iddikjarati fil-Parti Ċ ta’ l-Anness I, l-Istati Membri għandhom jikunsidraw jekk dan in-nuqqas ta’ konformità huwiex ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem. Għandhom jieħdu azzjoni korrettiva biex titjieb il-kwalità ta’ l-ilma meta dan ikun meħtieġ biex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem.”
69. Kif semmejt iktar ’il fuq, il-premessa 11 tad-DQI tirreferi għall-Artikolu 174 TKE (illum l-Artikolu 191 TFUE), li jeżiġi li l-politika tal-Unjoni dwar l-ambjent – jiġifieri, inkluż il-ġestjoni tagħha tal-ilma tax-xorb – tkun ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u l-prinċipju li għandha tittieħed azzjoni preventiva. Kif ser jiġi spjegat iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, l-impatt possibbli tal-ilma tax-xorb ikkontaminat bis-sulfat fuq is-saħħa tal-bniedem għadu ma ġiex kompletament esplorat. Għaldaqstant, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni neċessarja prevista fl-Artikolu 7(3) tad-DQI, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni, timplika li l-Istati Membri għandhom jevalwaw u jaġixxu qabel ma proġett li jista’ jkollu effetti negattivi fuq l-ambjent jiġi approvat. Isegwi li jeżisti obbligu ex ante li jiġu evalwati proġetti individwali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex tiġi evitata sitwazzjoni fejn ikun neċessarju li jittieħdu azzjonijiet korrettivi.
3) L‑għan tal‑Artikolu 7(3) tad‑DQI
70. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) hija sostnuta mill-importanza li l-liġi primarja tal-Unjoni tagħti lill-protezzjoni tal-ambjent. L-Artikolu 191(2) TFEU jobbliga lill-Unjoni tiżgura li jkun hemm livell għoli ta’ protezzjoni li, inter alia, jeħtieġ politika dwar l-ambjent li tkun “ibbażata fuq il-prinċipju ta’ prekawzjoni u fuq il-prinċipji li azzjoni preventiva għandha tittieħed”. Barra minn hekk, l-Artikolu 37 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jeħtieġ li livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent u titjib fil-kwalità tal-ambjent ikunu integrati fil-politiki tal-Unjoni (16).
71. Barra minn hekk, wieħed mill-għanijiet li jiġi żgurat status tajjeb tal-ilma, skont id-DQI, huwa l-għan li tiġi żgurata l-provvista tal-ilma tax-xorb għall-popolazzjoni (premessa 24 tad-DQI).
72. B’mod iktar speċifiku, kif spjegajt fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet, teżisti rabta intrinsika bejn is-sors (il-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art u tal-wiċċ użati għall-astrazzjoni tal-ilma tax-xorb) u l-prodott (l-ilma tax-xorb imqassam lill-popolazzjoni), rabta li hija riflessa fl-ispirtu u fl-għan tal-Artikolu 7(3). Għaldaqstant, livell għoli ta’ protezzjoni tas-sors huwa indispensabbli sabiex jiġi prodott ilma tax-xorb ta’ kwalità tajba b’mod li jkun sostenibbli.
73. Fis-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (punti 34 sa 43), il-Qorti tal-Ġusizzja bbażat l-interpretazzjoni tagħha anki fuq l-għan tad-DQI: “[Id-DQI] tistabbilixxi l-prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet [...] Hija tiddeċiedi li l-prinċipji komuni u l-qafas globali ta’ azzjoni għandhom jiġu żviluppati sussegwentement mill-Istati Membri li għandhom jadottaw serje ta’ miżuri partikolari skont it-termini previsti minn din id-direttiva”.
74. B’mod partikolari, l-Artikolu 1 tad-DQI jistabbilixxi li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tikkontribwixxi “sabiex ikun provdut il-forniment suffiċjenti ta’ kwalità tajba ta’ ilma tal-wiċċ u tal-qiegħ kif meħtieġ għal użu ta’ l-ilma b’mod sostenibbli, bilanċjat u ekwitabbli”.
75. Dawn il-konstatazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland huma direttament rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni teleoloġika tal-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni għandha wkoll tiġi interpretata fid-dawl tal-għan ġenerali tad-DQI, li jinkludi l-“[promozzjoni ta’] użu sostenibbli ta’ l-ilma bbażat fuq protezzjoni fit-tul ta’ riżorsi disponibbli ta’ l-ilma” (il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1), li huwa wieħed mill-għanijiet li għandhom jiġu implimentati mill-Istati Membri meta jawtorizzaw proġetti individwali.
76. Barra minn hekk, il-konstatazzjonijiet dwar l-għanijiet ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-DQI huma wkoll rilevanti, peress li – skont l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva – l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tagħha għall-korpi tal-ilma tal-wiċċ japplikaw ukoll għall-korpi tal-ilma koperti mill-Artikolu 7.
77. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jsegwi li, sabiex jiġi żgurat l-użu sostenibbli tal-ilma għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb u sabiex tinżamm kwalità tajba tal-ilma, huwa indispensabbli li jiġi evitat it-tniġġis ta’ dan l-ilma u li wieħed jaġixxi b’mod preventiv. Fi kliem ieħor, huwa neċessarju li jiġu evalwati ex ante proġetti individwali li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq il-kwalità tal-ilma użat għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb u li għalhekk ikunu jeħtieġu li l-livell ta’ trattament jiżdied– u mhux li jitnaqqas kif meħtieġ mill-Artikolu 7(3) tad-DQI.
4) Ix‑xogħol preparatorju rigward l‑Artikolu 7(3) tad‑DQI
78. L-interpretazzjoni ta’ iktar ’il fuq u l-importanza tal-Artikolu 7(3) fl-istruttura tad-DQI huma kkonfermati wkoll meta wieħed iħares lejn l-oriġini leġiżlattiva ta’ din id-dispożizzjoni.
79. Din l-istorja turi li, fil-bidu tal-proċess leġiżlattiv, id-DQI kienet tinkludi biss dawk li llum huma l-Artikoli 7(1) u 7 (2) tad-DQI.
80. Dak li issa huwa l-Artikolu 7(3) ġie miżjud fi stadju ulterjuri, matul il-proċess ta’ konsultazzjoni bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew (17). B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried irendi iktar stretti d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7 sabiex jippreċiża li, fil-kuntest tal-approċċ il-ġdid lejn il-ġestjoni tal-ilma, tkun qiegħda tingħata prijorità lill-protezzjoni ex ante tal-ilma naturali meta mqabbla maż-żieda ex post tal-livell ta’ trattament.
b) It‑tieni parti – it‑tieni sentenza tal‑Artikolu 7(3) tad‑DQI
81. Il-qorti tar-rinviju ssemmi wkoll, fit-tieni domanda tagħha, it-tieni sentenza tal-Artikolu 7(3), li skontha “[l]-Istati Membri jistgħu iwaqqfu żoni ta’ salvagwardja [għall-] korpi ta’ l-ilma [li jsir riferiment għalihom fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(3) tad-DQI]”. Madankollu, bħall-Kummissjoni, inqis li din il-possibbiltà ma għandha l-ebda impatt fuq l-obbligi stabbiliti fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(3) sa fejn dawn l-obbligi huma applikabbli wkoll barra minn tali żoni ta’ salvagwardja.
82. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-DQI hija ċara. L-istabbiliment ta’ żoni ta’ salvagwardja huwa possibbiltà, iżda ma għandu l-ebda impatt fuq każ bħal dak fil-kawża prinċipali. L-istabbiliment ta’ tali żoni għall-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art inkwistjoni huwa biss miżura waħda fost oħrajn. Dan huwa ċar mill-espressjoni “[l]-Istati Membri jridu jiżguraw il-protezzjoni meħtieġa”, li sussegwentement tiġi segwita fis-sentenza ta’ wara minn “[l]-Istati Membri jistgħu iwaqqfu żoni ta’ salvagwardja għal [...] korpi ta’ l-ilma”.
83. Kif jispjega d-Dokument ta’ Gwida Nru 16, “it-tieni sentenza tal-Artikolu[7(3)] tippermetti lill-Istati Membri, fid-diskrezzjoni tagħhom, li jistabbilixxu żoni ta’ salvagwardja li fihom tista’ tiġi ffukata l-protezzjoni neċessarja. F’numru ta’ Stati Membri dawn huma dawk li ġeneralment huma mifhuma bħala ‘żoni ta’ protezzjoni tal-ilma tax-xorb’ [...] L-għan huwa li jiġi evitat id-deterjoramenti li jirriżulta minn pressjonijiet antropoġeniċi fi kwalunkwe kontaminant li jista’ jkun jeħtieġ trattament addizzjonali sabiex jiġu osservati l-istandards relatati mal-ilma tax-xorb” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (p. 13, enfasi miżjuda minni).
84. Għaldaqstant, l-obbligu ġenerali ta’ protezzjoni kif interpretat iktar ’il fuq huwa relatat mal-korpi kollha tal-ilma identifikati skont l-Artikolu 7(1), iżda l-istabbiliment ta’ żona ta’ salvagwardja huwa biss miżura addizzjonali u fakultattiva, li tikkumplimenta l-protezzjoni ġenerali jekk Stat Membru jqis li dan huwa neċessarju (18).
c) Konklużjoni fuq it‑tieni domanda
85. Isegwi mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti li l-Artikolu 7(3) tad-DQI jifforma parti integrali mis-sistema ta’ protezzjoni tal-ilma stabbilita skont l-Artikolu 4 tad-DQI. Huwa jinkludi projbizzjoni ta’ deterjorament tal-kwalità tal-ilma sa fejn l-awtorizzazzjoni ta’ proġett individwali li jista’ jwassal għal tali deterjorament tipprekludi lil Stat Membru milli josserva l-obbligu li jnaqqas il-livell ta’ trattament meħtieġ fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb. Il-miżuri ta’ protezzjoni neċessarji jinkludu obbligu vinkolanti għall-Istati Membri li jevalwaw, ex ante, proġetti individwali li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kwalità tal-korpi tal-ilma identifikati użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb – irrispettivament mit-tip ta’ ilma preżenti f’dawn il-korpi. Il-mira hija: (i) azzjoni b’mod preventiv u evitar tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilma (ii) tnaqqis, matul iż-żmien, tal-livell ta’ trattament meħtieġ fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb bħala parti mill-għan li jfittex li jiżgura użu sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma u (iii) prevenzjoni ta’ sitwazzjoni fejn l-użu ta’ azzjonijiet korrettivi skont id-DIX ikun neċessarju. Dan l-obbligu huwa applikabbli indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-korp tal-ilma jinsabx ġewwa jew barra ż-żoni ta’ salvagwardja fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(3) tad-DQI.
3. Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda
a) X’jikkostitwixxi ksur tal‑projbizzjoni ta’ deterjorazzjoni fis‑sens tal‑Artikolu 7(3) tad‑DQI?
86. Inqis li dawn id-domandi għandhom jiġu ttrattati flimkien, peress li t-tnejn li huma, huma relatati mal-kriterju ta’ evalwazzjoni ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-kwalità tal-ilma skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI. Il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, x’jikkostitwixxi ksur tal-projbizzjoni ta’ deterjorament skont din id-dispożizzjoni. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, jekk kwalunkwe deterjorament huwiex suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur jew jekk għandux jinqabeż il-parametru indikatur ta’ 250 mg/l, indikat għas-sulfati fil-Parti Ċ tal-Anness I tad-DIX, jew inkella għandux ikun hemm theddida ta’ azzjoni korrettiva skont l-Artikolu 8(6) ta’ din id-direttiva (azzjoni li żżid l-isforz tat-trattament meħtieġ għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb).
87. Kif innotajt iktar ’il fuq, l-Artikolu 7(3) tad-DQI jobbliga lill-Istati Membri jipprevjenu d-deterjorament tal-kwalità tal-korpi tal-ilma użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb sabiex jitnaqqas il-livell ta’ trattament meħtieġ.
88. Fir-rigward tat-terminu “deterjorazzjoni”, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-Artikolu 4(1) tad-DQI, li jirrigwarda l-“kunċett ta’ ‘deterjorazzjoni tal-istat’ ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ”, li dan huwa “kunċett ta’ portata globali”, li għandu jiġi ddeterminat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-formulazzjoni, il-kuntest tiegħu u l-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni (19). L-istess approċċ huwa applikabbli waqt l-analiżi tad-deterjorament tal-kwalità tal-ilma użat għall-produzzjoni ta’ ilma tax-xorb.
89. L-ewwel, fir-rigward tal-formulazzjoni tal-Artikolu 7(3) tad-DQI, hemm żewġ elementi li huma rilevanti għall-finijiet tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ “deterjorazzjoni”. L-ewwel element huwa li dan l-artikolu jirreferi għall-kwalità tal-ilma mingħajr ma jorbtu mal-istatus tal-ilma jew ma’ kwalunkwe kundizzjoni oħra. It-tieni element huwa l-fatt li dan jirrigwarda speċifikament il-kwalità tal-ilma tax-xorb, u b’hekk jirrestrinġih għall-korpi tal-ilma użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb. Għalhekk, il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu timplika li d-“deterjorazzjoni” tinkludi kwalunkwe attività li għandha impatt negattiv fuq il-korpi tal-ilma użati speċifikament għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb.
90. It-tieni, fir-rigward tal-kuntest tal-Artikolu 7(3) tad-DQI, ser nagħmel l-osservazzjonijiet li ġejjin.
91. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk il-parametri mikrobijoloġiċi, kimiċi u indikaturi li jinsabu fl-Anness I tad-DIX jistgħux jikkostitwixxu punt ta’ riferiment għal projbizzjoni ta’ deterjorament tal-kwalità tal-ilma skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 7(3) tad-DQI.
92. Fil-fehma tiegħi, ir-risposta għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv.
93. Fi kwalunkwe każ, dan huwa validu fir-rigward tas-sulfati. Kif ser naraw iktar ’il quddiem, jekk ikun jeżisti riskju għas-saħħa tal-bniedem, il-parametru indikatur jikkostitwixxi punt ta’ riferiment rilevanti għall-Artikolu 7(3) tad-DQI.
94. It-tielet, fir-rigward tal-għanijiet tal-Artikolu 7(3) tad-DQI, din id-dispożizzjoni għandha wkoll tiġi interpretata fuq il-bażi tal-għanijiet ġenerali ta’ din id-direttiva, li jinkludu l-promozzjoni ta’ “użu sostenibbli ta’ l-ilma bbażat fuq protezzjoni fit-tul ta’ riżorsi disponibbli ta’ l-ilma” (punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 tad-DQI). Użu sostenibbli ta’ dawn ir-riżorsi għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb neċessarjament jinkludi, bħala minimu, l-evitar ta’ kull tniġġis ta’ dawn ir-riżorsi sabiex jintlaħaq l-għan ta’ tnaqqis tal-livell ta’ purifikazzjoni tagħhom.
95. Kif indikajt fil-punt 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet, argumenti relatati mal-għanijiet ambjentali stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-DQI huma wkoll rilevanti, peress li, skont l-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tagħha għall-korpi tal-ilma tal-wiċċ japplikaw ukoll għall-korpi tal-ilma koperti mill-Artikolu 7. Kif spjegajt iktar ’il fuq, il-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-kwalità tal-ilma fl-Artikolu 7(3) tad-DQI hija relatata mill-qrib mat-trattament. It-trattament huwa, min-naħa tiegħu, marbut mal-inkwinant inkwistjoni u għaldaqstant l-evalwazzjoni tal-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-kwalità tal-ilma tiddependi neċessarjament min-natura tal-inkwinant. Fil-kawża ineżami, qegħdin nittrattaw is-sulfat, li huwa valur parametriku ta’ monitoraġġ u għalhekk il-konsegwenzi legali rilevanti jirriżultaw mill-Artikolu 8(6) tad-DIX.
96. Minn naħa, sa fejn id-DIX jidher li tikkunsidra l-impatt tas-sulfat fuq il-produzzjoni tal-ilma tax-xorb bħala komparattivament inqas perikoluż (Nota 1 tal-Parti Ċ tal-Anness I li tipprevedi biss f’dan ir-rigward li “[l]-ilma m’għandux ikun aggressiv”), is-sulfat għandu jiġi ttrattat b’mod inqas rigoruż minn, pereżempju, l-inkwinanti indikati fil-partijiet A u B ta’ dan l-anness.
97. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar ukoll li l-letteratura xjentifika reċenti ssostni li s-sulfat jista’, fil-fatt, jaffettwa l-istatus ta’ korp tal-ilma u jista’ jkun iktar perikoluż għas-saħħa tal-bniedem minn dak li ġie aċċettat sal-lum (20).
98. Abbażi tal-analiżi legali, jiena naqbel mal-Kummissjoni li l-parametru indikatur għas-sulfat ta’ 250 mg/l, kif stabbilit fil-parti Ċ tal-Anness I tad-DIX, huwa rilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ deterjorament tal-kwalità fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-DQI. Dan il-parametru indikatur għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-produzzjoni tal-ilma tax-xorb bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
99. Madankollu, għalkemm sempliċi qbiż ta’ dan il-parametru indikatur ma jwassalx awtomatikament għal tali deterjorament, xorta jibqa’ l-fatt li l-parametru indikatur huwa rilevanti peress li jikkostitwixxi punt ta’ riferiment. L-Artikolu 7(1) tad-DIX jobbliga lill-Istati Membri jissorveljaw il-kwalità tal-ilma tax-xorb, b’mod partikolari, skont il-parametri indikaturi stabbiliti fl-Artikolu 5 tagħha. F’dan il-kuntest, kif previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-direttiva, f’dak li jirrigwarda l-parametri stabbiliti fil-Parti Ċ tal-Anness I, il-valuri għandhom ikunu fissati “biss għal skopijiet ta’ kontrolli u għall-ħarsien ta’ l-obligazzjonijiet imposti fl-Artikolu 8” (enfasi miżjuda minni).
100. Isegwi mill-premessa 11 ta’ din id-direttiva li l-valur indikattiv stabbilit għas-sulfati ma jikkostitwixxix parametru “[marbut] direttament mas-saħħa”. Għaldaqstant, fil-każ ta’ qbiż, kuntrarjament għal dak li huwa stabbilit għall-parametri indikaturi stabbiliti fil-partijiet A u B tal-Anness I (ara l-Artikolu 8(2) tad-DIX), l-Istati Membri ma humiex neċessarjament obbligati jieħdu azzjoni korrettiva sabiex jistabbilixxu mill-ġdid il-kwalità tal-ilma. Skont l-Artikolu 8(6) tad-DIX, huma għandhom l-ewwel jeżaminaw “jekk dan in-nuqqas ta’ konformità huwiex ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem” u huma għandhom jieħdu azzjoni korrettiva biss “meta dan ikun meħtieġ biex tiġi protetta s-saħħa tal-bniedem”.
101. Madankollu, jekk il-qbiż tal-livelli ta’ indikatur stabbiliti għas-sulfati jippreżenta riskju għas-saħħa tal-bniedem u jekk l-Istat Membru kkonċernat ma jiħux l-azzjoni korrettiva neċessarja sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-kwalità tal-ilma, inqis, bħall-Kummissjoni, li dan ma huwiex ekwivalenti għal ksur tal-Artikolu 8(6) tad-DIX biss, iżda wkoll għall-obbligu ta’ prevenzjoni tad-deterjorament tal-kwalità tal-korpi tal-ilma kkonċernati u li jitnaqqas il-livell ta’ trattament neċessarju għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb, skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI.
102. Isegwi li d-deterjorament tal-kwalità tal-ilma skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI jseħħ meta proġett ikun jista’ jaqbeż il-parametri stabbiliti skont id-DIX. Madankollu, f’każ li jinvolvi inkwinant indikat fil-parti Ċ tal-Anness I tad-DIX, tali qbiż ma jistabbilixxix deterjorament biss fuq il-bażi tal-livell stabbilit ta’ inkwinant bħas-sulfat. F’tali każ, sabiex jiġi stabbilit id-deterjorament tal-kwalità tal-ilma skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI, għandu jkun hemm riskju għas-saħħa tal-bniedem u, konsegwentement, sabiex jiġi evitat tali riskju, għandu jkun neċessarju li jiġi aġġustat il-proċess ta’ purifikazzjoni.
103. Sussegwentement, ser neżamina jekk, minkejja l-obbligu uniku ta’ monitoraġġ tal-livell tas-sulfat (parti Ċ tal-Anness I tad-DIX) li jista’ jindika li l-evalwazzjoni tal-impatt tal-proġett individwali fuq il-livell tas-sulfat jista’ jsir ukoll ex post fil-kuntest tal-monitoraġġ, l-Artikolu 7(3) għandu jinqara bħala li jimponi obbligu ex ante li jiġu evalwati proġetti individwali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
b) Eżami tad‑deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal‑ippjanar
104. Meta jsir jistħarreġ il-letteratura xjentifika, u anki d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-ippjanar inkwistjoni, huwa ċar li jeżistu dubji sinjifikattivi dwar l-influwenza tal-ilma tax-xorb ikkontaminat mis-sulfat fuq is-saħħa tal-bniedem. Konsegwentement, l-Artikolu 7(3) tad-DQI, meta moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni, jeżiġi li titwettaq evalwazzjoni xierqa skont din id-dispożizzjoni qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ approvazzjoni.
105. Fid-deċiżjoni tal-approvazzjoni tal-ippjanar (p. 174), l-Uffiċċju jsostni li, bħala riżultat tal-proġett inkwistjoni, hija mistennija żieda żgħira fil-konċentrazzjoni tas-sulfat (ara wkoll il-paġna 46, punt 1.3.3.13, ta’ din id-deċiżjoni, li juri li l-Uffiċċju jirrikonoxxi r-riskji: “sabiex tiġi evitata l-aggravazzjoni tal-istatus ekoloġiku jew il-potenzjal tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ fid-direzzjoni tax-xmara, li l-funzjoni tiegħu huwa li tinkiseb ta’ passabbiltà ekoloġika bħala prijorità, l-emissjonijiet tas-sulfat tal-lag għandhom jiġu ġestiti sabiex jirrispettaw il-valur l-iktar għoli ta’ tnixxija fuq perijodu ta’ żmien twil ta’ 620 mg/l għal ilma li jnixxi fil-punt ta’ kontroll 1 (l-istruttura tat-tifwir)”). Minkejja dak li ntqal iktar ’il fuq, fil-kuntest tal-proċedura ta’ approvazzjoni, kwalunkwe verifiki tal-kompatibbiltà tal-proġett inkwistjoni (inkluż it-tifwir mill-Cottbuser Ostsee) mad-dispożizzjonijiet tad-DQI f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 7 tagħha sempliċement tħallew barra. Dawk il-verifiki li effettivament twettqu jirrigwardaw esklużivament l-Artikolu 4 tad-DQI. Il-fatt li t-tniġġis attwali tas-sulfat għadu ma ġiex investigat huwa konċess mill-Uffiċċju stess, meta jafferma, fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-ippjanar (p. 175), li “l-livell attwali ta’ dilwizzjoni jew ta’ tnaqqis sa fejn hemm l-impjant ta’ produzzjoni tal-ilma ta’ Briesen għandu jiġi ddeterminat b’mod speċifiku”. Sa fejn l-Uffiċċju jikkunsidra li “l-proġett ma jostakolax is-salvagwardjar tal-provvista tal-ilma tax-xorb” (deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-ippjanar, p. 175), jiena naqbel mal-qorti tar-rinviju li ma kienx hemm investigazzjoni teknika suffiċjenti f’dan ir-rigward (21).
106. Meta jsir eżamin tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-ippjanar, id-dokument juri li l-impatt tal-proġett inkwistjoni fuq il-livell tas-sulfat ma ġiex analizzat fid-dettall. B’mod partikolari, l-interdipendenza bejn il-konċentrazzjoni ikbar tal-ilma ta’ taħt l-art matul l-għargħar u d-dħul diffuż mistenni tas-sulfat fix-xmara Spree ma ġietx analizzata (ara l-paġna 173 tad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni). Hija mistennija żieda fil-konċentrazzjoni ta’ sulfat fil-korp tal-ilma ta’ taħt l-art (paġni 171 u 174), filwaqt li, fit-tul, ma hija mistennija l-ebda espożizzjoni addizzjonali (paġna 172). Id-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni nnifisha tammetti espliċitament li “l-livell ta’ dilwizzjoni jew ta’ tnaqqis attwali tal-konċentrazzjoni sal-impjant tal-produzzjoni tal-ilma ta’ Briesen, għandha tiġi speċifikatament iddeterminata” (paġna 175). Iktar tard, id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tindika li “ż-żieda tas-sulfat fil-korp tal-ilma ta’ taħt l-art minħabba l-proġett ma hijiex kwantifikabbli fil-prattika”.
c) Letteratura xjentifika dwar il‑perikoli tat‑tniġġis tas‑sulfat
107. Studju komprensiv dwar it-tniġġis tas-sulfat fl-ekosistemi tal-ilma ħelu (22) kkonkluda li “il-letteratura mistħarrġa turi b’mod ċar li t-tniġġis tas-[sulfat] jista’ jkollu effetti tossiċi fuq il-pjanti akkwatiċi u fuq l-organiżmi tal-annimali, inklużi, fost l-oħrajn, il-ħut, l-invertebrati u l-amfibji, u jista’ jkollu wkoll implikazzjonijiet negattivi għas-saħħa tal-bniedem” [traduzzjoni libera]. Skont l-awturi, “hemm bżonn kbir ta’ azzjoni sabiex jitnaqqsu l-konċentrazzjonijiet tas-sulfat fil-korpi tal-ilma [...] Bl-istudju tagħna, nixtiequ niġbdu l-attenzjoni għall-problema, nuru l-istatus attwali ta’ tnaqqis tat-tniġġis tas-sulfat u nindikaw fl-istess ħin id-diversi lakuni fl-għarfien li għadhom jeżistu” (23) [traduzzjoni libera].
108. L-istess studju jiddiskuti l-istess problema tat-tniġġis tas-sulfat li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali (it-tniġġis tas-sulfat u x-xmara Spree): “ftit huwa magħruf dwar l-impatti diretti fuq is-saħħa mit-teħid elevat [tas-sulfat], partikolarment permezz tal-ilma tax-xorb” u “illum, il-livelli persistenti u li qegħdin jiżdiedu ta’ [sulfat] f’ekosistemi tal-ilma ħelu jirriżultaw minn diversi attivitajiet tal-bniedem [...] li jheddu kemm il-funzjoni tal-ekosistemi kif ukoll il-provvisti tal-ilma tax-xorb” [traduzzjoni libera]. B’mod partikolari, “eżempji notevoli ta’ ekosistemi akkwatiċi b’riċerka vasta [dwar id-drenaġġ tal-ilma aċiduż mill-minijieri] jinkludu [...] ix-Xmara Spree, [(24)] [...] jidher improbabbli li l-konċentrazzjonijiet fid-direzzjoni tax-xmara tas-[sulfat] ser jirritornaw għal-livelli ‘naturali’ fi ftit snin jew anki deċennji wara li l-attivitajiet tal-estrazzjoni minerarja jkunu waqfu. Pereżempju, il-konċentrazzjonijiet [ta’ sulfat] fix-Xmara Spree [...] żdiedu matul l-aħħar deċennji bħala konsegwenza tal-abbandun ta’ minijieri fil-miftuħ tal-linjite u l-istabbiliment mill-ġdid assoċjat tal-livelli tal-ilma ta’ taħt l-art [...] Konsegwentement, il-konċentrazzjonijiet ogħla [ta’ sulfat] ġew irreġistrati f’lagi fid-direzzjoni tax-xmara fis-sistema Spree, li jaqbżu b’mod frekwenti l-limiti tal-ilma tax-xorb għas-[sulfat] ta’ 250 mg L-1 fil-Ġermanja [...], li huwa problematiku ħafna peress li dawn il-korpi tal-ilma huma użati bħala sors tal-ilma tax-xorb – tipikament permezz tal-astrazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art permezz tal-filtrazzjoni tax-xtut tax-xmara. Bil-waqfien tal-estrazzjoni tal-linjite għall-produzzjoni tal-enerġija f’diversi pajjiżi, jidher raġonevoli li jiġi preżunt li l-esportazzjoni [ta’ sulfat] minn dawn ir-reġjuni ser tkompli tkun problema ambjentali” (25) [traduzzjoni libera].
d) Konklużjoni dwar l‑użu ta’ valur parametriku
109. Fid-dawl tal-importanza dejjem tikber tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni fid-dritt ambjentali, fil-każ ta’ inkwinant li fir-rigward tiegħu hemm dubji dwar l-effetti dannużi tiegħu fuq is-saħħa tal-bniedem, l-Artikolu 7(3) tad-DQI għandu jiġi interpretat b’mod li ma jippermettix stennija sakemm it-tniġġis ikun diġà seħħ. Għaldaqstant, minkejja l-fatt li l-valur parametriku bħal dak stabbilit għas-sulfat huwa primarjament intiż għal finijiet ta’ monitoraġġ, inqis li dan huwa validu wkoll bħala indikatur għall-finijiet ta’ evalwazzjoni preventiva fl-istabbiliment tar-riskji ta’ deterjorament tal-kwalità tal-ilma skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI.
4. Fuq il‑ħames, is‑sitt u s‑seba’ domanda
110. Dawn id-domandi għandhom jiġu ttrattati flimkien, sa fejn, permezz tagħhom, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI, l-awtorità kompetenti hijiex obbligata twettaq investigazzjoni jew tikkummissjona espert sabiex jinvestiga dwar il-possibbiltà ta’ deterjorament tal-kwalità tal-korp tal-ilma kkonċernat mill-proġett qabel l-awtorizzazzjoni ta’ dan il-proġett jew, fin-nuqqas ta’ dan, jekk tali investigazzjoni tistax titwettaq ex post matul il-proċedura ġudizzjarja (sabiex tiġi rrimedjata l-illegalità tal-awtorizzazzjoni mogħtija fuq il-bażi tad-dritt nazzjonali dwar l-ilma).
111. Kif ġie diskuss iktar ’il fuq, l-Artikolu 7(3) tad-DQI, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni, jeżiġi li sitwazzjoni li fiha għandha tittieħed azzjoni korrettiva tiġi evitata. Kif rajna fil-letteratura xjentifika iktar ’il fuq, il-fatt li l-perikolu u l-impatt negattiv tas-sulfat fuq l-ilma użat fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb għadhom ma ġewx evalwati u stabbiliti biżżejjed, isaħħaħ, flimkien mal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni, l-interpretazzjoni tiegħi li l-Artikolu 7(3) tad-DQI jeżiġi evalwazzjoni ex ante ta’ proġetti individwali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
112. L-analiżi preċedenti tiegħi tat-tifsira tal-Artikolu 7(3) tad-DQI tindika li l-evalwazzjoni ex ante preċedenti għandha tinkludi żewġ linji prinċipali ta’ evalwazzjoni. L-ewwel waħda għandha tikkunsidra l-effett fuq is-saħħa tal-bniedem jekk il-purifikazzjoni tibqa’ ma tinbidilx, inkluż liema azzjoni korrettiva tkun meħtieġa skont id-DIX, fuq il-bażi tar-rabta stabbilita. It-tieni tkun teħtieġ evalwazzjoni tal-impatt fuq il-livell tat-trattament: jekk metodi eżistenti għadhomx jistgħu jipproduċu l-istess livell ta’ kwalità tal-ilma jekk proġett jiġi approvat u implimentat.
113. F’dan il-kuntest jista’ jkun utli li jiġi stabbilit it-tip ta’ miżuri ex ante li jistgħu jittieħdu mill-awtoritajiet kompetenti sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 7(3).
114. Dawn il-miżuri huma: (i) l-identifikazzjoni tal-korpi tal-ilma skont l-Artikolu 7(1) tad-DQI, (ii) il-monitoraġġ tal-korpi tal-ilma użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb u (iii) l-evalwazzjoni tal-proġetti individwali sabiex jiġi stabbilit jekk dawn jistgħux iwasslu għal deterjorament tal-kwalità tal-korpi tal-ilma għal livell li jipprekludi lil Stat Membru milli josserva l-obbligu tiegħu li jnaqqas il-livell ta’ trattament meħtieġ fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb.
115. Fil-kuntest ta’ liema tip ta’ miżuri għandhom jittieħdu skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI, infakkar hawnhekk li r-riformulazzjoni ġdida tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (id-Direttiva (UE) 2020/2184 (26)), li kellha tiġi trasposta sa mhux iktar tard mit‑12 ta’ Jannar 2023, timponi fuq l-Istati Membri, fl-Artikolu 8 tagħha, l-obbligu li “jiżguraw li titwettqu valutazzjoni tar-riskju u ġestjoni tar-riskju taż-żoni ta’ wesgħa għall-punti tal-astrazzjoni tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem”.
116. Għaldaqstant, inqis li, skont din id-dispożizzjoni l-ġdida (li tirreferi espressament għall-Artikolu 7(3) tad-DQI f’żewġ partijiet), kif ukoll skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI, huwa neċessarju li l-Istati Membri jieħdu miżuri li jikkonċernaw mhux biss l-ilma fit-tazzi tagħna, iżda wkoll il-korpi tal-ilma li minnhom l-ilma jiġi astratt u ttrattat għall-finijiet tal-produzzjoni tal-ilma tax-xorb.
117. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha ċara li, “matul il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett, u għalhekk qabel ma tittieħed id-deċiżjoni, l-awtoritajiet kompetenti huma obbligati, skont l-Artikolu 4 tad-[DQI], jivverifikaw jekk dan il-proġett jistax jimplika effetti negattivi fuq l-ilma li jkunu kuntrarji għall-obbligi ta’ prevenzjoni tad-deterjorament u ta’ titjib tal-istat tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art. Konsegwentement, din id-dispożizzjoni tipprekludi li tali verifika sseħħ biss wara dan il-mument” (27).
118. Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza u minħabba li l-Artikolu 7(3) tad-DQI għamel parti integrali mill-iskema ta’ protezzjoni taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, l-impatt fuq il-korpi tal-ilma użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb – kwistjoni direttament marbuta mas-saħħa tal-bniedem – għandu neċessarjament jiġi evalwat qabel l-awtorizzazzjoni ta’ proġett.
119. L-osservazzjonijiet preċedenti jikkonfermaw l-analiżi preċedenti tiegħi li l-Artikolu 7(3) tad-DQI, moqri fid-dawl tal-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-miżuri ta’ protezzjoni neċessarji jinkludu obbligu vinkolanti għall-Istati Membri li jevalwaw, ex ante, proġetti individwali li jista’ jkollhom effetti negattivi fuq il-kwalità tal-korpi tal-ilma identifikati użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb.
120. Għaldaqstant, l-Artikolu 7(3) tad-DQI jobbliga lill-awtorità kompetenti kkonċernata li ma tapprovax proġett meta dan jista’ jikkawża d-deterjorament tal-kwalità tal-korp tal-ilma kkonċernat b’mod li jżid il-livell ta’ trattament neċessarju għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb qabel ma titwettaq evalwazzjoni skont l-Artikolu 7 tad-DQI flimkien mad-DIX. Fi kliem ieħor, tali evalwazzjoni tikkostitwixxi stadju proċedurali mandatorju qabel ma tali proġett ikun jista’ jiġi meqjus għal approvazzjoni eventwali.
121. Huwa ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju, mid-dokumenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u mill-osservazzjonijiet tal-partijiet waqt is-seduta li tali evalwazzjoni kienet totalment assenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, l-unika evalwazzjoni li saret kienet dik relatata mal-Artikolu 4 tad-DQI.
122. Kif ġie indikat mill-belt ta’ Frankfurt (Oder) u FWA, l-evalwazzjoni tal-proġett fil-kawża prinċipali twettqet taħt il-projbizzjoni ġenerali ta’ deterjorazzjoni skont l-Artikolu 4 tad-DQI. Madankollu, din l-evalwazzoni manifestament ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, peress li dan ifittex li “tiġi evitata deterjorazzjoni fil-kwalità [tal-ilma]” u li “jitnaqqas il-livell ta’ trattament ta’ purifikazzjoni meħtieġ fil-produzzjoni ta’ l-ilma tax-xorb”. Il-ksur ta’ dawn ir-rekwiżiti potenzjalment ikollu impatt fuq l-iżgurar tal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fil-kuntest tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u fuq ir-riżultat ta’ din il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni, li dwarha l-qorti tar-rinviju issa għandha tiddeċiedi.
123. Isegwi li l-awtorità kompetenti hija obbligata, skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI, li tivverifika, matul il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-ippjanar – u għalhekk qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni nnifisha – jekk il-proġett inkwistjoni jistax ikollu impatt negattiv fuq l-osservanza tal-obbligi previsti f’dan l-artikolu. Din id-dispożizzjoni tipprekludi li tali verifika sseħħ biss wara li tkun ingħatat din l-approvazzjoni.
5. Fuq it‑tmien u d‑disa’ domanda
124. Dawn id-domandi għandhom jiġu ttrattati flimkien. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-projbizzjoni ta’ deterjorament speċifiku għall-ilma tax-xorb skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI tistax tiġi megħluba permezz ta’ bbilanċjar tal-interessi mal-għan imfittex mill-proġett (pereżempju, meta l-isforz tat-trattament meħtieġ ikun baxx jew meta l-proġett ikollu importanza partikolari) jew jekk l-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva huwiex applikabbli għall-Artikolu 7(3).
125. Fil-fatt, kif isegwi mill-punt 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-mira tal-azzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jieħdu skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI hija sabiex jitnaqqas il-livell ta’ trattament tal-ilmijiet meħtieġa fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb u l-mezzi sabiex jintlaħaq dan l-għan huma l-obbligu li, bħala minimu, wieħed għandu jevita d-deterjorament tal-kwalità tal-korpi tal-ilma.
126. It-tieni, il-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-kwalità tal-ilma applikabbli għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti individwali skont din id-dispożizzjoni hija intiża li tissalvagwardja dan l-għan.
127. It-tielet, madankollu, kif ser nispjega iktar ’il quddiem, ċerti proġetti individwali jistgħu madankollu jiġu approvati, sakemm ikunu jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet, kemm skont l-Artikolu 4(7) tad-DQI, kif ukoll b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
128. Fis-sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland (punti 44 sa 47), fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 4 tad-DQI, il-Qorti tal-Ġustizzja tinvoka s-sistema ta’ deroga prevista fl-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva.
129. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 4(7) tad-DQI hija importanti sabiex jintwera li dan huwa applikabbli lil hinn mill-Artikolu 4, peress li dan jipprevedi b’mod ċar fl-introduzzjoni tiegħu b’mod ġenerali li l-Istati Membri “ma[…] jkunux qed jiksru din id-Direttiva” (enfasi miżjuda minni) meta r-rekwiżiti ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ssodisfatti. Dan ma jipprovdix li l-Istati Membri ma jkunux qegħdin jiksru dan l-artikolu.
130. Barra minn hekk, il-fatt li hemm riferiment għall-Artikolu 4 fl-Artikolu 7 tad-DQI juri li dawn id-dispożizzjonijiet huma marbuta ma’ xulxin u li l-obbligi skont l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 7(3) tad-DQI huma marbuta mill-qrib.
131. Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni li l-Artikolu 4(7) japplika b’mod inkundizzjonat għall-Artikolu 7(3), huwa ċar miż-żewġ subparagrafi fil-bidu tal-Artikolu 4(7) li dan huwa applikabbli biss għall-attivitajiet li jistgħu jaffettwaw l-istatus tal-korpi tal-ilma.
132. Għaldaqstant, l-Artikolu 4(7) tad-DQI għandu jiġi interpretat fis-sens li japplika għall-proċess għall-awtorizzazzjoni ta’ proġetti individwali, li jaffettwaw l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, iżda biss meta dawn il-proġetti jkunu jistgħu jaffettwaw l-istatus tal-korpi tal-ilma. F’tali sitwazzjonijiet, l-Artikolu 4(7), kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja, jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bi gwida dwar il-passi li għandhom jieħdu fil-proċess għall-awtorizzazzjoni.
133. Madankollu, f’ċerti każijiet, id-deterjorament fil-kwalità pprojbit taħt l-Artikolu 7(3) tad-DQI jista’ ma jaffettwax l-istatus tal-korpi tal-ilma. Għal tali proġetti li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq l-obbligi li jirriżultaw mill-Artikolu 7(3) tad-DQI (iżda mhux fuq l-istatus tal-korpi tal-ilma), inqis li, fil-proċess għall-awtorizzazzjoni ta’ dawn il-proġetti, il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu japplika minflok l-Artikolu 4(7).
134. L-interpretazzjoni ġenerali tad-DQI kif tirriżulta fid-dettall mill-Artikolu 4 tagħha għaldaqstant turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni kkunsidra li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jiġu aċċettati derogi mill-obbligi imposti fuq l-Istati Membri minn din id-direttiva. Madankollu, l-Artikolu 7 fih innifsu ma fih l-ebda riferiment għall-possibbiltà ta’ deroga. Fil-fehma tiegħi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(3) fis-sens li jinkludi obbligu assolut li jiġi pprojbit id-deterjorament tal-kwalità tal-ilma tista’ timponi diffikultajiet insormontabbli fuq l-Istati Membri li qegħdin ifittxu li jiżguraw ġestjoni armonjuża tar-riżorsi tagħhom tal-ilma fuq perijodu ta’ żmien qasir. F’tali sitwazzjonijiet, projbizzjoni ta’ deterjorament skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI waqt il-proċess għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett individwali għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u ta’ bbilanċjar tal-interessi, b’mod partikolari, mal-għan imfittex minn dan il-proġett. Il-fatt li l-premessa 32 tad-DQI tagħmilha ċara li l-applikabbiltà tad-derogi tista’ teżisti “għal raġunijiet ogħla ta’ interess pubbliku” jimmilita f’dan is-sens.
135. Għaldaqstant, l-awtorità kompetenti, matul il-proċess għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett individwali li jista’ jkollu impatt negattiv fuq l-obbligi skont l-Artikolu 7(3), għandha obbligu li tevalwa n-neċessità li tali proġett jiġi pprojbit jekk din l-awtorità tkun stabbilixxiet li l-proġett inkwistjoni jista’ jikkawża d-deterjorament tal-kwalità tal-ilma u, bħala riżultat, li jipprekludi lill-Istat Membru milli jikkonforma ruħu mal-obbligu li jnaqqas il-livell ta’ trattament meħtieġ fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb. L-importanza tal-element ta’ “neċessità” f’dan ir-rigward hija riflessa fil-formulazzjoni tal-Artikolu 7(3). Dan l-artikolu nnifsu ċarament jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw “il-protezzjoni meħtieġa għall-korpi ta’ l-ilma identifikati bl-għan li tiġi evitata deterjorazzjoni fil-kwalità tagħhom sabiex jitnaqqas il-livell ta’ trattament ta’ purifikazzjoni meħtieġ fil-produzzjoni ta’ l-ilma tax-xorb. L-Istati Membri jistgħu iwaqqfu żoni ta’ salvagwardja għal dawk il-korpi ta’ l-ilma”.
136. Dan ir-rekwiżit ta’ neċessità (28), moqri fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jeħtieġ li l-Istati Membri jirrikorru għal miżuri li, sabiex jiżguraw l-għanijiet tal-Artikolu 7(3) tad-DQI, “ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni [...] meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik l-inqas restrittiva, u [...] l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati” (29).
137. Isegwi li l-qorti tar-rinviju għandha, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tivverifika jekk twettaqx ibbilanċjar tal-interessi fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni ta’ proġett individwali. Tali bbilanċjar għandu jistabbilixxi jekk il-projbizzjoni ta’ deterjorament fil-kwalità tal-ilma skont l-Artikolu 7(3) tad-DQI tistax tingħeleb mill-għan imfittex mill-proġett. Madankollu, dan ikun possibbli biss fuq perijodu ta’ żmien qasir (bil-kundizzjoni li, fuq perijodu ta’ żmien twil, l-osservanza tal-Artikolu 7(3) tiġi stabbilita mill-ġdid) u fejn il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti: (i) l-isforz tat-trattament meħtieġ ikun baxx u jonqos matul iż-żmien; (ii) il-proġett ikun ta’ importanza partikolari u jintwera interess pubbliku superjuri; (iii) jittieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv matul iż-żmien fuq l-obbligi skont l-Artikolu 7(3); u (iv) il-proġett ma jpoġġix lill-Istat Membru f’diffikultajiet serji fuq perijodu ta’ żmien qasir talli jiżgura ilma tax-xorb konformi mad-DIX.
6. Fuq l‑għaxar domanda
138. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi liema obbligi flimkien ma’ dawk fl-Artikolu 4 tad-DQI jistgħu jiġu dedotti mill-Artikolu 7(2) ta’ din id-direttiva, bil-konsegwenza li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fi proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett.
139. L-Artikolu 4 tad-DQI jobbliga lill-Istati Membri li “jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni ta’ proġett partikolari meta dan ikun ta’ natura tali li jkun jista’ jikkawża deterjorament tal-istat ta’ korp tal-ilma tal-wiċċ jew meta dan jikkomprometti l-għan li jinkiseb stat tajjeb tal-ilmijiet tal-wiċċ jew potenzjal ekoloġiku tajjeb u stat kimiku tajjeb ta’ dawn l-ilmijiet sad-data prevista minn din id-direttiva” (30) (sakemm ma tingħatax deroga). L-istess jgħodd għall-korpi tal-ilma ta’ taħt l-art.
140. Isegwi li l-Artikolu 4 japplika għall-protezzjoni tal-korpi tal-ilma bħala tali.
141. L-Artikolu 7(2) tad-DQI jmur lil hinn minn dan l-obbligu.
142. L-Artikolu 7(2) jipprevedi li “[g]ħal kull korp ta’ l-ilma identifikat taħt paragrafu 1, minbarra li jilħqu l-għanijiet ta’ l-Artikolu 4 bi qbil mal-ħtiġiet ta’ din id-Direttiva, għal korpi ta’ l-ilma tal-wiċċ inklużi l-istandards ta’ kwalità stabbiliti f’livell Komunitarju bl-Artikolu 16, l-Istati Membri jridu jiżguraw li taħt ir-reġim tat-trattament ta’ l-ilma applikat, u skond leġislazzjoni Komunitarja, l-ilma li jirriżulta jrid jilħaq il-ħtiġiet tad-[DQI]”.
143. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tagħmilha ċara li l-ilma astratt u ttrattat għall-konsum mill-bniedem għandu, fl-aħħar mill-aħħar, jissodisfa r-rekwiżiti tad-DQI, jiġifieri, li dan għandu jkun tajjeb għall-konsum mill-bniedem.
144. Jiena nqis, bħall-Kummissjoni, li dan ir-rekwiżit – bħall-Artikolu 7(3) tad-DQI – imur lil hinn mill-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a)(i) jew fl-Artikolu 4(1)(b)(i) ta’ din id-direttiva. Fi kliem ieħor, l-Artikolu 7(2) tad-DQI iżid dimensjoni addizzjonali għall-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva (u joffri protezzjoni estiża vis-à-vis l-Artikolu 4), li jirrigwarda, b’mod partikolari, is-saħħa tal-bniedem u huwa bbażat fuq id-DQI. Għalhekk jeżisti mhux biss obbligu ta’ protezzjoni ta’ korp tal-ilma skont l-Artikolu 4, kif irregolat f’dan l-artikolu b’mod iddettaljat, iżda wkoll obbligu ta’ trattament ta’ dan il-korp skont l-Artikolu 7(2) sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-DQI.
145. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Lausitz, l-Artikolu 7(2) tad-DQI ma huwiex sempliċement dikjaratorju u, konsegwentement, l-Artikolu 7(2) tad-DQI għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni matul il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-ippjanar sabiex jiġi vverifikat jekk il-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-proġett inkwistjoni jistgħux jaffettwaw is-sistema ta’ trattament applikata għal korp tal-ilma sabiex jinkisbu l-miri tad-DIX.
146. Jista’ jiġi nnotat li d-Dokument ta’ Gwida Nru 16 jispjega, fir-rigward tal-Artikolu 7(2) tad-DQI, li “l-għanijiet tal-Artikolu 4 (jiġifieri, status, prevenzjoni jew limitazzjoni, implimentazzjoni ta’ inverżjoni tat-tendenza u għanijiet oħra relatati ma’ żoni protetti) għandhom jinkisbu indipendentement mit-twettiq tal-għan tal-Artikolu [7(2)]; u r-rekwiżiti tad-[DIX] għandhom jiġu osservati. Dan jinkludi obbligu ġenerali li jiġi żgurat li l-ilma jkun ħieles mill-kontaminazzjoni li tista’ tikkostitwixxi perikolu għas-saħħa tal-bniedem u l-obbligu li jiġu osservati l-istandards tad-DIX formali fil-punt tal-kunsinna lill-konsumaturi (jiġifieri l-vit)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].
147. Fil-fehma tiegħi, l-Artikolu 7(2) tad-DIX iżid punt addizzjonali għall-ibbilanċjar tal-interessi skont id-DQI, jiġifieri, li l-approvazzjoni ta’ proġett hija possibbli biss meta l-implimentazzjoni tiegħu ma taffettwax b’mod negattiv l-ilma pprovdut (mill-vit) lill-abitanti taż-żona affettwata. Inqis li dan ifisser li proġett jista’ jiġi approvat biss jekk jinkludi, fejn xieraq, sett komplet ta’ miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-osservanza tad-DIX ma tiġix affettwata b’mod negattiv.
148. Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 7(2) tad-DQI għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni, bħall-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, jinkludi obbligi li jmorru lil hinn minn dawk imsemmija fl-Artikolu 4(1)(a)(i) jew fl-Artikolu 4(1)(b)(i) ta’ din id-direttiva, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ approvazzjoni ta’ proġett. B’mod partikolari, proġett jista’ jiġi approvat biss jekk jinkludi ġabra sħiħa ta’ miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-osservanza tad-DIX ma tiġix affettwata b’mod negattiv.
IV. Konklużjoni
149. Nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Verwaltungsgericht Cottbus (il-Qorti Amministrattiva ta’ Cottbus, il-Ġermanja):
L-ewwel domanda
L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuni ġuridiċi inkarigati, skont id-dritt nazzjonali, bil-produzzjoni u t-trattament tal-ilma tax-xorb, jew dawk il-persuni fdati b’tali produzzjoni u trattament, għandhom id-dritt li jeżiġu minn awtorità kompetenti, inkarigata li tapprova proġett li jista’ jkollu impatt negattiv fuq il-livell ta’ purifikazzjoni tal-ilma tax-xorb kif meħtieġ mid-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat‑3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem, li tosserva l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60. Jekk ikun neċessarju, dawn il-persuni ġuridiċi jistgħu jagħmlu dan billi jippreżentaw rikors quddiem qorti kompetenti.
It-tieni domanda
L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60 jinkludi projbizzjoni ta’ deterjorament tal-kwalità tal-ilma sa fejn l-awtorizzazzjoni ta’ proġett individwali li jista’ jwassal għal tali deterjorament tipprekludi lil Stat Membru milli josserva l-obbligu li jnaqqas il-livell ta’ trattament meħtieġ fil-produzzjoni tal-ilma tax-xorb. Il-miżuri ta’ protezzjoni neċessarji jinkludu obbligu vinkolanti għall-Istati Membri li jevalwaw, ex ante, proġetti individwali li jista’ jkollhom impatt negattiv fuq il-kwalità tal-korpi tal-ilma identifikati użati għall-produzzjoni tal-ilma tax-xorb – irrispettivament mit-tip ta’ ilma preżenti f’dawn il-korpi. Dan l-obbligu huwa applikabbli indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk dan il-korp tal-ilma jinsabx ġewwa jew barra ż-żoni ta’ salvagwardja fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60.
It-tielet u r-raba’ domanda
Id-deterjorament tal-kwalità tal-ilma skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60 iseħħ meta proġett ikun jista’ jaqbeż il-parametri stabbiliti skont id-Direttiva 98/83. Madankollu, f’każ li jinvolvi inkwinant indikat fil-parti Ċ tal-Anness I tad-Direttiva 98/83, tali qbiż ma jistabbilixxix deterjorament biss fuq il-bażi tal-livell stabbilit ta’ inkwinant bħas-sulfat. F’tali każ, sabiex jiġi stabbilit id-deterjorament tal-kwalità tal-ilma skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60, għandu jkun hemm riskju għas-saħħa tal-bniedem u, konsegwentement, sabiex jiġi evitat tali riskju, għandu jkun neċessarju li jiġi aġġustat il-proċess ta’ purifikazzjoni.
Fil-każ ta’ inkwinant li fir-rigward tiegħu hemm dubji dwar l-effetti dannużi tiegħu fuq is-saħħa tal-bniedem, il-valur parametriku stabbilit bħal dak stabbilit għas-sulfat jista’ jservi ta’ indikatur għall-finijiet ta’ evalwazzjoni preventiva fl-istabbiliment ta’ riskji għad-deterjorament fil-kwalità tal-ilma skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60.
Il‑ħames, is‑sitt u s‑seba’ domanda
L-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità kompetenti hija obbligata tivverifika, matul il-proċedura ta’ approvazzjoni tal-ippjanar – u għalhekk qabel ma tittieħed id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni nnifisha – jekk il-proġett inkwistjoni jistax ikollu impatt negattiv fuq l-osservanza tal-obbligi previsti f’dan l-artikolu. L-Artikolu 7(3) jipprekludi li tali verifika sseħħ biss wara li tkun ingħatat din l-approvazzjoni.
It‑tmien u d‑disa’ domanda
Meta hija tirċievi l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60, awtorità kompetenti għandha twettaq ibbilanċjar tal-interessi fil-forma tat-test skont l-Artikolu 4(7) ta’ din id-direttiva sabiex tiddeċiedi jekk tapprovax jew le l-proġett, sakemm tkun qiegħda tittratta sitwazzjoni relatata mal-istatus tal-korpi tal-ilma affettwati mill-proġett.
Għal proġetti oħra li jaffettwaw l-obbligi skont l-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2000/60, iżda li ma jaffettwawx l-istatus tal-korpi tal-ilma, din l-awtorità għandha twettaq tali bbilanċjar tal-interessi fid-dawl tal-prinċipju ta’ proporzjonalità sabiex tistabbilixxi jekk il-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-kwalità tal-ilma skont l-Artikolu 7(3) tistax tingħeleb mill-għan imfittex mill-proġett. Dan huwa possibbli biss fuq perijodu ta’ żmien qasir – sakemm, fuq perijodu ta’ żmien twil, l-osservanza tal-Artikolu 7(3) tiġi stabbilita mill-ġdid – u fejn il-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu ssodisfatti; (i) l-isforz tat-trattament meħtieġ ikun baxx u jonqos matul iż-żmien; (ii) il-proġett ikun ta’ importanza partikolari u jintwera interess pubbliku superjuri; (iii) jittieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv matul iż-żmien fuq l-obbligi skont l-Artikolu 7(3); u (iv) il-proġett ma jpoġġix lill-Istat Membru f’diffikultajiet serji fuq perijodu ta’ żmien qasir talli jiżgura ilma tax-xorb konformi mad-Direttiva 98/83.
L‑għaxar domanda
L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni, bħall-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva, tinkludi obbligi li jmorru lil hinn minn dawk imsemmija fl-Artikolu 4(1)(a)(i) jew fl-Artikolu 4(1)(b)(i) tal-istess direttiva, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ proċedura ta’ approvazzjoni ta’ proġett. B’mod partikolari, proġett jista’ jiġi approvat biss jekk jinkludi ġabra sħiħa ta’ miżuri neċessarji sabiex jiżguraw li l-osservanza tad-Direttiva 98/83 ma tiġix affettwata b’mod negattiv.
1 Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
2 Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275, rettifika fil-ĠU 2019, L 260, p. 70).
3 Ara: https://lbgr.brandenburg.de/sixcms/media.php/9/PFB_Endfassung%20schwarz%20gez.pdf.
4 Direttiva tal-Kunsill tat‑3 ta’ Novembru 1998 dwar il-kwalità ta’ l-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 90).
5 Sentenza Land Nordrhein-Westfalen, punti 121 u 123 u l-ġurisprudenza ċċitata.
6 Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Land Nordrhein-Westfalen, punt 125 u l-ġurisprudenza ċċitata.
7 Ara, b’analoġija s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et (C‑197/18, EU:C:2019:824, punti 40 u 42).
8 Din ir-rabta ċara ġiet identifikata fil-letteratura. Ara, pereżempju, Dolan, T., Water Framework Directive Article 7, the Drinking Water Directive and European Pesticide Regulation: Impacts on Diffuse Pesticide Pollution, Potable Water Decision Making and Catchment Management Strategy, Cranfield University, 2013.
9 Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Ottubru 2019, Wasserleitungsverband Nördliches Burgenland et (C‑197/18, EU:C:2019:824, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).
10 Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2006, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑32/05, EU:C:2006:749, punt 75).
11 “Gwida dwar l-Ilma ta’ Taħt l-Art fiż-Żoni Protetti ta’ Ilma tax-Xorb” tal-“Istrateġija ta’ Implimentazzjoni Komuni għad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (2000/60/KE), […]”, fuq: https://circabc.europa.eu/sd/a/aef48d98-7715-4828-a7ee-df82a6df4afb/Guidance%20No%2016%20-%20Groundwater%20in%20DWPAs.pdf (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Gwida Nru 16”).
12 Faßbender, K., “Gemeinschaftsrechtliche Anforderungen an die normative Umsetzung der neuen EG-Wasserrahmenrichtlinie” (Rekwiżiti tad-dritt Komunitarju għall-implimentazzjoni leġiżlattiva tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma KE l-ġdida), Neue Zeitschrift für Verwaltungsrecht, Vol. 3, 2001, p. 245 et seq.
13 Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Land Nordrhein-Westfalen, punt 70, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ruħha, b’mod partikolari, fuq il-fatt li l-għanijiet tad-DQI għall-ilmijiet tal-wiċċ u għall-ilma ta’ taħt l-art kienu simili.
14 Ara wkoll id-digriet tal‑1 ta’ Ġunju 2021, punt 11.
15 Ara Dolan, T., op. cit., p. 108.
16 Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali Kokott f’BEI vs ClientEarth u IlKummissjoni vs BEI (C‑212/21 P u C‑223/21 P, EU:C:2022:1003, punt 110).
17 Rumm, P., von Keitz, S., u Schmalholz, M., (edituri), Handbuch der EU-Wasserrahmenrichtlinie [Manwal dwar id-DQI], Erich Schmidt Verlag, Berlin, 2006, p. 432.
18 Ara wkoll id-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni Nru 18 “Linji gwida dwar l-istatus tal-ilma ta’ taħt l-art u evalwazzjoni tat-tendenza”, Taqsima “4.4.6 Eżami: Issodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 7(3) tad-DQI – Żoni ta’ Protezzjoni tal-Ilma tax-Xorb” f’https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/76543005-ce9e-4b3c-9191-3c3f97b90ab1.
19 Sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, punti 55 u 61.
20 Zak, D., Hupfer, M., Cabezas, A., Jurasinski, G., Audet, J., Kleeberg, A., McInnes, R., Munch Kristiansen, S., Jes Petersen, R., Liu, H. u Goldhammer, T., Sulphate in freshwater ecosystems: A review of sources, biogeochemical cycles, ecotoxicological effects and bioremediation, Earth-Science Reviews, Vol. 212, 103446, 2021. Ara l-punt 107 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.
21 Ara d-digriet tal‑1 ta’ Ġunju 2021, punt 13.
22 Zak, D., et, op. cit, p. 1.
23 https://www.leibniz-gemeinschaft.de/en/about-us/whats-new/news/forschungsnachrichten-single/newsdetails/sulphate-in-water-bodies.
24 Ara Grünewald, U., Water resources management in river catchments influenced by lignite mining, Ecological Engineering, Vol. 17, 2001, p. 143 sa 152, u Graupner, B.J., Koch, C. u Prommer, H., “Prediction of diffuse sulfate emissions from a former mining district and associated groundwater discharges to surface waters”, Journal of Hydrology, Vol. 513, 2014, p. 169 sa 178. https://doi.org/10.1016/j.jhydrol.2014.03.045.
25 Zak, D., et, op. cit., p. 2, 7 u 13 (enfasi miżjuda minni).
26 Direttiva (UE) 2020/2184 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (riformulazzjoni) (ĠU 2020, L 435, p. 1).
27 Sentenza Land Nordrhein-Westfalen, punt 76 (enfasi miżjuda minni). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Hogan f’Land Nordrhein-Westfalen (C‑535/18, EU:C:2019:957, punt 45), li fihom jissemma l-prinċipju ta’ prekawzjoni. Inżid li huwa rilevanti li jissemma l-prinċipju ta’ prevenzjoni anki f’dan il-kuntest. Fil-fatt, dawn iż-żewġ prinċipji jissemmew fil-premessa 11 tad-DQI.
28 Ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2022, PH (Projbizzjoni reġjonali dwar il-kultivazzjoni ta’ OĠM) (C‑24/21, EU:C:2022:526, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, ECO-WIND Construction (C‑727/17, EU:C:2020:393, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 Sentenza Bund für Umwelt und Naturschutz Deutschland, punt 1 tad-dispożittiv.