2011R0878 — MT — 03.09.2011 — 000.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 878/2011 tat-2 ta’ Settembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (ĠU L 228, 3.9.2011, p.1) |
Ikkoreġut b'
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 878/2011
tat-2 ta’ Settembru 2011
li jemenda r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK tad-9 ta’ Mejju 2011 rigward miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni kontra s-Sirja ( 1 ), adottata skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-proposta konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u l-Kummissjoni Ewropea,
Billi:|
(1) |
Fid-9 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) Nru 442/2011 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja ( 2 ). |
|
(2) |
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/522/PESK tat-2 ta’ Settembru 2011 li temenda d-Deċiżjoni 2011/273/PESK ( 3 ) tipprovdi għall-adozzjoni ta’ miżuri ulterjuri inkluża projbizzjoni fuq ix-xiri, l-importazzjoni jew it-trasport mis-Sirja ta’ żejt mhux raffinat u prodotti petroliferi, u l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi lil persuni u entitajiet oħra li jibbenefikaw mir-reġim, jew jappoġġjawh. Il-persuni, entitajiet u korpi addizzjonali li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u r-riżorsi ekonomiċi huma elenkati fl-Anness ta’ dik id-Deċiżjoni. |
|
(3) |
Uħud minn dawk il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, b’mod partikolari bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-UE għall-implimentazzjoni tagħhom. |
|
(4) |
Ġiet effettwata sospensjoni parzjali tal-Ftehim ta’ Koperazzjoni mas-Sirja ( 4 ) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/523/UE tat-2 ta’ Settembru 2011 ( 5 ). |
|
(5) |
Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament irid jidħol fis-seħħ minnufih. |
|
(6) |
Għandu jiġi ċċarat li l-fatt li jiġu ppreżentati u li jintbagħtu d-dokumenti neċessarji lil xi bank għall-fini tat-trasferiment finali tagħhom lil xi persuna, entità jew korp li mhumiex elenkati, sabiex isiru ħlasijiet li jkunu permessi skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, ma jikkostitwixxix it-tqegħid tal-fondi għad-dispożizzjoni fis-sens tal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-Regolament, |
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 huwa emendat kif ġej:
(1) Fl-Artikolu 1, jiddaħħlu l-punti li ġejjin:
“(g) ‘assigurazzjoni’ tfisser impriża jew impenn li bih persuna fiżika jew ġuridika waħda jew aktar ikunu obbligati, bi ħlas, biex jipprovdu lil persuna waħda oħra jew aktar, fil-każ ta’ materjalizzazzjoni ta’ riskju, b’indennità jew benefiċċju kif determinat mill-impriża jew l-impenn;
(h) ‘riassigurazzjoni’ tfisser l-attività li tikkonsisti fl-aċċettar ta’ riskji ċeduti minn impriża tal-assigurazzjoni jew minn impriża tar-riassigurazzjoni oħra jew, fil-każ tal-assoċjazzjoni ta’ sottoskritturi magħrufa bħala Lloyd’s, l-attività li tikkonsisti fl-aċċettar ta’ riskji ċeduti minn xi membru tal-Lloyd’s, minn impriża tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni għajr l-assoċjazzjoni ta’ sottoskritturi magħrufa bħala Lloyd’s;
(i) ‘prodotti taż-żejt’ tfisser il-prodotti elenkati fl-Anness IV.”.
(2) Jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:
“Artikolu 3a
Għandhom jiġi pprojbiti:
(a) l-importazzjoni ta’ żejt mhux raffinat jew ta’ prodotti petroliferi lejn l-Unjoni jekk
(i) ikunu joriġinaw fis-Sirja; jew
(ii) ikunu ġew esportati mis-Sirja;
(b) ix-xiri ta’ żejt mhux raffinat jew ta’ prodotti petroliferi li jinsabu fis-Sirja jew li joriġinaw fiha;
(ċ) it-trasport taż-żejt mhux raffinat jew tal-prodotti petroliferi jekk dawn ikunu joriġinaw mis-Sirja, jew ikunu qed jiġu esportati mis-Sirja lejn kwalunkwe pajjiż ieħor;
(d) il-forniment, dirett jew indirett, ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja, inklużi derivattivi finanzjarji, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, relatati mal-projbizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b) u (c); u
(e) il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom huwa, li direttament jew indirettament, jevitaw il-projbizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (c) jew (d).
Artikolu 3b
Il-projbizzjonijiet tal-Artikolu 3a ma għandhomx japplikaw għal:
(a) l-eżekuzzjoni, nhar jew qabel il-15 ta’ Novembru 2011, ta’ obbligu li joħroġ minn kuntratt konkluż qabel it-2 ta’ Settembru 2011, sakemm il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu jridu jwettqu l-obbligu kkonċernat jinnotifikaw, tal-anqas 3 ijiem tax-xogħol bil-quddiem, l-attività jew tranżazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu stabbiliti, kif identifikat fil-websajts elenkati fl-Anness III; jew
(b) ix-xiri ta’ żejt mhux raffinat jew ta’ prodotti petroliferi li kienu ġew esportati mis-Sirja qabel it-2 ta’ Settembru 2011, jew, fejn l-esportazzjoni saret skont il-punt (a) fil-15 ta’ Novembru 2011 jew qabel.”.
(3) L-Artikolu 5(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:
“1. L-Anness II għandu jikkonsisti f’lista ta’ persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi li, f’konformità mal-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2011/273/PESK, ikunu ġew identifikati mill-Kunsill bħala persuni responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, persuni jew entitajiet li jibbenefikaw mir-reġim jew jappoġġjawh, jew persuni u entitajiet assoċjati magħhom.”.
(4) L-Artikolu 6 huwa emendat kif ġej:
(a) Fl-ewwel paragrafu, il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:
“(c) maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti ta’ servizzi għaż-żamma jew il-manutenzjoni regolari ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;
(d) meħtieġa għal spejjeż straordinarji, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun innotifikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel l-awtorizzazzjoni r-raġunijiet li għalihom hi kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika;”.
(b) Fl-ewwel paragrafu jiżdiedu l-punti li ġejjin:
“(e) maħsuba sabiex jitħallsu fi jew minn kont ta’ missjoni diplomatika jew konsulari jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali li jgawdu minn immunitajiet skont il-liġi internazzjonali, safejn dawn il-pagamenti jkunu maħsuba biex jintużaw għal skopijiet uffiċjali ta’ missjoni diplomatika jew konsulari jew ta’ organizzazzjoni internazzjonali; jew
(f) meħtieġa għal raġunijiet umanitarji, bħall-forniment u l-iffaċilitar tal-forniment ta’ għajnuna umanitarja, il-forniment ta’ materjali u provvisti meħtieġa għal ħtiġijiet ċivili essenzjali, inklużi ikel u materjali agrikoli għall-produzzjoni tiegħu, prodotti medikali, jew għal evakwazzjonijiet mis-Sirja.”
(ċ) It-tieni paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:
“L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’kull awtorizzazzjoni li tingħata taħt dan l-Artikolu fi żmien erba’ ġimgħat wara l-awtorizzazzjoni.”.
(5) Għandu jiddaħħal l-Artikolu li ġej:
“Artikolu 10a
L-ebda pretensjonijiet, inkluż għal kumpens jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal tpaċija jew pretensjoni taħt garanzija, f’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni li t-twettiq tagħhom ġie affettwat, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, ma għandhom jingħataw lill-Gvern tas-Sirja, jew lil kwalunkwe persuna jew entità li tressaq pretensjoni permezz tiegħu jew għall-benefiċċju tiegħu.”.
Artikolu 2
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 442/2011 huwa b’dan emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament
Artikolu 3
L-Anness II ta’ dan ir-Regolament huwa b’dan miżjud bħala l-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 442/2011.
Artikolu 4
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
Dan li ġej għandu jiġi miżjud mal-lista tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi fl-Anness II għar-Regolament (UE) Nru 442/2011:
A. Persuni
|
Isem |
Informazzjoni identifikattiva (data tat-twelid, post tat-twelid…) |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
|
1. |
Fares CHEHABI |
President tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-industrija ta' Alep. Jappoġġa ekonomikament lir-reġim Sirjan. |
2.09.2011 |
|
|
2. |
Emad GHRAIWATI |
President tal-Kamra tal-Industrija ta' Damasku (Zuhair Ghraiwati Sons). Jappoġġa ekonomikament lir-reġim Sirjan. |
2.09.2011 |
|
|
3. |
Tarif AKHRAS |
Fundatur tal-Akhras Group (prodotti, kummerċ, ipproċessar u loġistika), Homs. Jappoġġa ekonomikament lir-reġim Sirjan. |
2.09.2011 |
|
|
4. |
Issam ANBOUBA |
President ta' Issam Anbouba Est. għall-agro-industrija. Jappoġġa ekonomikament lir-reġim Sirjan. |
2.09.2011 |
B. Entitajiet
|
Isem |
Informazzjoni identifikattiva |
Raġunijiet |
Data tal-elenkar |
|
|
1. |
Mada Transport |
Sussidjarja tal-Holding Cham (Sehanya daraa Highway, P.O. Box 9525, tel: 00 963 11 99 62) |
Entità ekonomika li tiffinanzja r-reġim. |
2.09.2011 |
|
2. |
Cham Investment Group |
Sussidjarja tal-Holding Cham (Sehanya daraa Highway, P.O. Box 9525, tel: 00 963 11 99 62) |
Entità ekonomika li tiffinanzja r-reġim. |
2.09.2011 |
|
3. |
Real Estate Bank |
Insurance Bldg- Yousef Al-azmehsqr. DamascusP.O. Box: 2337 DamascusSyrian Arab Republictel: (+963) 11 2456777 u 2218602Fax: (+963) 11 2237938 u 2211186Posta elettronika tal-Bank: Publicrelations@reb.sy,Website: www.reb.sy |
Bank proprjetà tal-gvern li jipprovdi appoġġ finanzjarju lir-reġim. |
2.09.2011 |
ANNESS II
“ANNESS IV
Lista ta’ prodotti taż-żejt u Kodiċi HS
|
Kodiċi HS |
Deskrizzjoni |
|
2709 00 |
Żjut tal-petroleum u żjut ottenuti minn minerali bituminużi, mhux raffinati: |
|
2710 |
Żjut tal-petroleum u żjut miksuba minn minerali bituminużi, għajr dawk mhux raffinati; preparazzjonijiet mhux speċifikati jew inklużi xi imkien ieħor, li skont il-piż ikunu 70 % jew aktar żjut tal-petroleum jew żjut miksuba minn minerali bituminużi, fejn dawn iż-żjut ikunu l-kostitwenti bażiċi tal-preparazzjonijiet; skart taż-żjut: |
|
2711 |
Gassijiet taż-żejt u idrokarburi gassużi oħra: |
|
2712 |
Vażelina; xema’ tal-paraffina, xema’ mikrokristallina taż-żejt, xema’ nofsha raffinata b’kontenut ta’ żejt għoli (slack wax), ożokerit, ix-xema’ tal-linjite, ix-xema’ tal-pit, xemgħat oħra minerali u prodotti simili miksuba permezz ta’ sinteżi jew permezz ta’ proċessi oħrajn kemm jekk ikkuluriti kif ukoll jekk mhumiex: |
|
2713 |
Kokk taż-żejt minerali (petroleum), qatran taż-żejt minerali (petroleum) u fdalijiet oħrajn ta’ żjut minerali (petroleum) jew ta’ żjut miksubin minn minerali bituminużi: |
|
2714 |
Qatran u asfalt, naturali; “shale” tal-qatran jew taż-żejt u ramel taż-żift; asfaltiti u blat tal-asfalt: |
|
2715 00 00 |
Taħlitiet bituminiżi bbażati fuq l-asfalt naturali, il-bitumen naturali, il-bitumen tal-petroleum, il-qatran minerali jew iż-żift tal-qatran minerali (pereżempju mastiċi bituminużi, bitum miżjud b’żejt irqiq)”. |
( 1 ) ĠU L 121, 10.5.2011, p. 11.
( 2 ) ĠU L 121, 10.5.2011, p. 1.
( 3 ) Ara l-paġna 16 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
( 4 ) ĠU L 269, 27.9.1978, p. 2.
( 5 ) Ara l-paġna 19 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.