|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2025/1291 |
3.7.2025 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/1291
tat-2 ta’ Lulju 2025
dwar ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 99(2) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Skont l-Artikolu 90(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1308/2013, ir-Regolament tal-aħħar jibqa’ applikabbli għall-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-inbid li waslu għand il-Kummissjoni u li ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea qabel it-13 ta’ Mejju 2024. Fid-19 ta’ Lulju 2022, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini (DOP) “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti”, imressqa mis-Slovakkja. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 97(4) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” tas-Slovakkja ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fit-23 ta’ Ottubru 2023 (3). |
|
(3) |
Fid-19 ta’ Jannar 2024, il-Kummissjoni rċeviet dikjarazzjoni motivata ta’ oġġezzjoni mill-Ungerija. Wara li ddeterminat l-ammissibbiltà tagħha, fid-29 ta’ Frar 2024, il-Kummissjoni stiednet lill-Ungerija u lis-Slovakkja biex jidħlu f’konsultazzjonijiet xierqa biex jintlaħaq ftehim, kif previst fl-Artikolu 98(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. |
|
(4) |
L-Ungerija talbet estensjoni tal-konsultazzjonijiet fid-29 ta’ Mejju 2024. Madankollu, peress li dik it-talba ma ġietx ippreżentata mis-Slovakkja, ma ssodisfatx il-kundizzjoni stabbilita fl-Artikolu 98(2), l-aħħar sentenza, tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Konsegwentement, il-konsultazzjonijiet ma ġewx estiżi. Il-konsultazzjonijiet ġew konklużi mingħajr ftehim bejn l-Ungerija u s-Slovakkja. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 99(2) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, filwaqt li tqis ir-riżultati tal-konsultazzjonijiet. |
|
(5) |
Fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oġġezzjoni tagħha u matul il-konsultazzjonijiet mas-Slovakkja, l-Ungerija sostniet li l-isem “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” ma kellux jiġi rreġistrat minħabba li kien parzjalment omonimu mal-isem “Tokaj/Tokaji” elenkat fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-Ungerija. L-Ungerija argumentat li għalhekk ir-reġistrazzjoni tal-isem propost kienet f’kunflitt mal-Artikolu 100 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Barra minn hekk, l-Ungerija argumentat li l-enfasi fuq il-komponent “TOKAJSKÉ VÍNO” fl-isem “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” bl-użu tal-ittri kapitali tista’ tqarraq bil-konsumaturi billi tagħti l-impressjoni li l-prodotti li tindika jissodisfaw l-istess standards stretti li japplikaw għall-inbejjed prodotti bħala “Tokaj/Tokaji” Ungeriżi. |
|
(6) |
L-Ungerija esprimiet dubji wkoll dwar il-validità territorjali tat-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti”, u argumentat li ż-żona ġeografika ta’ din l-indikazzjoni ma kinitx tikkorrispondi għar-reġjun ta’ Tokaj definit storikament, u għalhekk l-isfond storiku u t-tradizzjonijiet li huma kondiviżi bejn l-Ungerija u s-Slovakkja għall-inbid Tokaj ġew injorati mill-kontropartijiet Slovakki. L-Ungerija nnotat li, minn seba’ muniċipalitajiet inklużi fiż-żona ġeografika definita tal-indikazzjoni “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti”, Malá Tŕňa u Viničky biss storikament kienu jappartjenu għar-reġjun ta’ Tokaj definit mil-leġiżlazzjoni Awstro-Ungeriża fis-seħħ bejn l-1908 u l-1924. |
|
(7) |
Barra minn hekk, l-Ungerija sostniet li kien aktar faċli li jiġi prodott it-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” milli t-“Tokaj/Tokaji”, u dan ipoġġi lil din tal-aħħar fi żvantaġġ kompetittiv. Għal dak l-għan, l-Ungerija nnotat li l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tad-DOP “Tokaj/Tokaji” kienet teħtieġ standards aktar stretti u kwalità ogħla meta mqabbla mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tat-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti”. Dan kien jikkonċerna, b’mod partikolari, il-produzzjoni ta’ nbejjed ħelwin b’mod naturali jew il-limiti tar-rendiment. L-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-inbejjed taħt l-isem Slovakk ippermettiet ukoll il-produzzjoni ta’ aktar tipi ta’ nbid u aktar kategoriji ta’ prodotti tad-dwieli milli kienu permessi mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-Ungerija “Tokaj/Tokaji”. F’dan il-kuntest, l-Ungerija insistiet li prodott irreġistrat taħt l-istess isem ma setax jiġi prodott b’żewġ modi distinti. |
|
(8) |
Fl-aħħar nett, l-Ungerija enfasizzat id-DOP eżistenti tas-Slovakkja “Vinohradnícka oblasť Tokaj” li kopriet produzzjoni tal-inbid kważi identika għal dik fl-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti”. L-Ungerija ddikjarat li ma kinitx se toġġezzjona għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” jekk is-Slovakkja tikkanċella d-DOP eżistenti “Vinohradnícka oblasť Tokaj”. |
|
(9) |
Il-Kummissjoni vvalutat l-argumenti pprovduti fid-dikjarazzjoni motivata ta’ oġġezzjoni mill-Ungerija fid-dawl tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, filwaqt li qieset l-informazzjoni li rċeviet dwar il-konsultazzjonijiet li saru bejn il-partijiet interessati. |
|
(10) |
Qabel ma kkunsidrat l-argumenti tal-Ungerija mqajma fl-oġġezzjoni, il-Kummissjoni ħadet nota li s-Slovakkja kienet irreġistrat l-isem “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” bħala denominazzjoni ta’ oriġini AO-45 fit-22 ta’ Novembru 1967 (4) fis-Sistema Internazzjonali tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont il-Ftehim ta’ Liżbona għall-Protezzjoni tad-Denominazzjonijiet tal-Oriġini u r-Reġistrazzjoni Internazzjonali tagħhom (il-Ftehim ta’ Liżbona) (5). |
|
(11) |
Ir-regoli għat-tranżizzjoni mill-Ftehim ta’ Liżbona għall-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (l-Att ta’ Ġinevra) (6), huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). F’konformità mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753 fir-rigward tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini mhux protetti skont is-sistema tal-Unjoni, l-Istati Membri li huma parti għall-Ftehim ta’ Liżbona u li ssieħbu fl-Att ta’ Ġinevra (bħas-Slovakkja) għandhom għażla. Jistgħu jew jagħżlu li jitolbu r-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini skont is-sistema tal-Unjoni u sussegwentement ir-reġistrazzjoni skont l-Att ta’ Ġinevra, jew inkella jistgħu jitolbu l-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini fir-Reġistru Internazzjonali (8). |
|
(12) |
Skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 (9), l-Istati Membri li kienu partijiet għall-Ftehim ta’ Liżbona fis-26 ta’ Frar 2020 (bħas-Slovakkja) huma awtorizzati li jirratifikaw jew jaderixxu mal-Att ta’ Ġinevra strettament sal-punt li l-adeżjoni tagħhom tkun meħtieġa biex jippreservaw, fl-interess tal-Unjoni, l-anzjanità u l-kontinwità tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini diġà rreġistrati minn dawk l-Istati Membri skont il-Ftehim ta’ Liżbona u biex jikkonformaw mal-obbligi previsti fl-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2019/1753. |
|
(13) |
Għalhekk, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2019/1753, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” fis-sistema tal-Unjoni hija prerekwiżit għar-reġistrazzjoni internazzjonali tad-denominazzjoni ta’ oriġini AO-45 “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” skont l-Att ta’ Ġinevra u l-preservazzjoni tad-drittijiet ta’ prijorità relatati. Fin-nuqqas ta’ reġistrazzjoni fis-sistema tal-Unjoni tat-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti”, is-Slovakkja ma tkunx awtorizzata tirreġistra d-denominazzjoni ta’ oriġini AO-45 “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” skont l-Att ta’ Ġinevra u titlef il-protezzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini skont il-Ftehim ta’ Liżbona. |
|
(14) |
Fir-rigward tal-argument tal-Ungerija dwar l-omonimija, il-Kummissjoni tqis li t-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” huwa tabilħaqq parzjalment omonimu mad-DOP Ungeriża “Tokaj/Tokaji”. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, f’konformità mal-Artikolu 100(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, għandhom jitqiesu l-użu lokali u tradizzjonali u kwalunkwe riskju ta’ konfużjoni. Fir-rigward ta’ dan ir-riskju ta’ konfużjoni, b’mod partikolari, isem omonimu ma għandux iqarraq bil-konsumaturi biex jemmnu li l-prodotti ġejjin minn territorju ieħor. |
|
(15) |
Fir-rigward tal-użu lokali u tradizzjonali, kemm l-Ungerija kif ukoll is-Slovakkja jsostnu li t-tradizzjonijiet vitikulturali tar-reġjun ta’ Tokaj ilhom jinżammu għal sekli sħaħ. Dan ir-reġjun jinsab fil-Grigal tal-Ungerija u fix-Xlokk tas-Slovakkja, fejn kemm l-Ungerija kif ukoll is-Slovakkja jipproduċu nbejjed Tokaj u jissalvagwardjaw il-protezzjoni ta’ ismijiet ta’ nbejjed relatati. Is-Slovakkja indikat li t-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” huwa isem għall-inbid Tokaj, li tradizzjonalment jintuża fis-Slovakkja b’rabta maż-żona ġeografika korrispondenti definita mis-Slovakkja. Din id-dikjarazzjoni dwar l-użu tal-kelma “Tokaj” għal inbid Slovakk hija appoġġjata mill-eżistenza tal-leġiżlazzjoni Slovakka dwar l-inbid Tokaj mill-1959 u mill-protezzjoni tal-isem “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” skont il-Ftehim ta’ Liżbona mill-1967. |
|
(16) |
Fir-rigward tar-riskju ta’ konfużjoni, l-ewwel nett, l-isem jirreferi għall-oriġini vera tal-prodott, jiġifieri r-reġjun ta’ Tokaj, li parti minnu tinsab fis-Slovakkja u parti oħra fl-Ungerija, u l-isem tradizzjonalment intuża fiż-żewġ partijiet tar-reġjun transfruntier ta’ Tokaj. Il-Kummissjoni mhix konxja li dawn iċ-ċirkustanzi wasslu għal konfużjoni min-naħa tal-konsumaturi. Għall-kuntrarju, l-istorja twila tal-inbejjed bl-isem Tokaj fiż-żewġ pajjiżi hija magħrufa mill-konsumaturi. Il-koeżistenza fis-suq tal-inbejjed tat-Tokaj Ungeriżi u Slovakki u r-reputazzjoni dejjem tikber tagħhom wasslu kemm lill-Ungerija kif ukoll lis-Slovakkja biex ifittxu l-protezzjoni tal-ismijiet tal-inbid relatati. Dan irriżulta fl-2006 fir-reġistrazzjoni bħala DOP ta’ żewġ ismijiet li jirreferu għar-reġjun ta’ Tokaj, jiġifieri “Tokaj/Tokaji” għall-Ungerija u “Vinohradnícka oblasť Tokaj” għas-Slovakkja. Dawn id-DOP ikkoeżistew fl-istess reġjun tal-inbid transfruntier, mingħajr ma kkawżaw konfużjoni (10). Ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jemmen li t-talba attwali għar-reġistrazzjoni ta’ DOP Slovakka oħra li fiha l-isem “Tokaj” se twassal għal riskju ta’ konfużjoni mal-isem Ungeriż. |
|
(17) |
It-tieni, l-ismijiet tal-inbid Ungeriż u tal-inbid Slovakk ma humiex identiċi. L-ismijiet huma biss parzjalment omonimi. Bil-lingwa Slovakka “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” huwa isem kompost, fejn ir-referenza għal “Tokaj” issir permezz ta’ aġġettiv (“TOKAJSKÉ”). |
|
(18) |
It-tielet, l-isem Slovakk jinkludi komponent ġeografiku “zo slovenskej oblasti” (“miż-żona Slovakka”), li jindika b’mod ċar il-pajjiż ta’ oriġini u jkompli jnaqqas ir-riskju ta’ konfużjoni. Kif spjegat mis-Slovakkja, dan il-komponent ġeografiku kien diġà ntuża fiż-żmien tar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini AO-45 “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” skont il-Ftehim ta’ Liżbona bl-għan li ssir distinzjoni ċara bejn id-denominazzjonijiet ta’ oriġini Ungeriżi u Slovakki. |
|
(19) |
Ir-raba’, l-Artikolu 119(1), il-punt (d), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jirrikjedi li t-tikkettar u l-preżentazzjoni tal-inbid fl-Unjoni jkun fihom indikazzjoni ta’ provenjenza. Dan, f’termini prattiċi, ifisser li l-informazzjoni dwar il-pajjiż tal-oriġini tal-inbid hija obbligatorja. Għalhekk, it-tikketti tal-inbid normalment jiddikjaraw “inbid ta’ ...”, “inbid minn ...”, “prodott fi ...” jew “prodott ta’ ...”. Dan jipprovdi ċarezza addizzjonali dwar l-oriġini tal-inbid u jkompli jiddistingwi bejn l-inbejjed Tokaj prodotti fl-Ungerija minn naħa waħda u s-Slovakkja min-naħa l-oħra. |
|
(20) |
Il-ħames, fir-rigward tal-enfasi fuq ir-reġjun ta’ Tokaj permezz tal-użu ta’ ittri kapitali li dwarha kellha xi riservi l-Ungerija, is-Slovakkja spjegat li l-ittri kapitali użati fl-isem ippreżentat għar-reġistrazzjoni skont is-sistema tal-Unjoni kienu meħtieġa biex jiġi żgurat l-allinjament tal-isem li għandu jiġi rreġistrat skont l-Att ta’ Ġinevra mal-isem diġà rreġistrat skont il-Ftehim ta’ Liżbona. Fi kwalunkwe każ, abbażi tal-elementi li jippermettu li ssir distinzjoni bejn it-Tokaj Ungeriż u Slovakk, kif spjegat fil-premessi 16, 17, 18 u 19, l-użu ta’ ittri kapitali fl-isem “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” mhuwiex meqjus bħala suxxettibbli li jżid ir-riskju ta’ konfużjoni. |
|
(21) |
Abbażi ta’ dawk l-elementi kollha, il-Kummissjoni tqis li, fid-dawl tal-użu lokali u tradizzjonali u tan-nuqqas ta’ kwalunkwe riskju ta’ konfużjoni, b’mod partikolari minħabba li l-konsumaturi ma jiġux żgwidati biex jemmnu li l-prodotti ġejjin minn territorju ieħor, l-omonimità parzjali ma tipprekludix ir-reġistrazzjoni tal-isem “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti”. |
|
(22) |
Fir-rigward tal-argument tal-Ungerija li ż-żona ġeografika tat-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” ma tikkorrispondix għar-reġjun ta’ Tokaj definit storikament, il-Kummissjoni tinnota li, filwaqt li l-inbejjed Tokaj Ungeriżi u Slovakki jikkondividu storja vitikulturali, il-produzzjoni tal-inbejjed Tokaj issa sseħħ f’żewġ żoni ġeografiċi distinti f’żewġ Stati Membri. Iż-żona ġeografika tat-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” tinkludi seba’ muniċipalitajiet Slovakki. Din iż-żona ġiet stabbilita formalment mis-Slovakkja fl-1959 fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha bħala ż-żona tal-produzzjoni tal-inbejjed Slovakki Tokaj. Ir-reġjuni tal-inbid jistgħu jevolvu maż-żmien u l-limiti territorjali tagħhom jistgħu jinbidlu meta mqabbla ma’ kif kienu sekli ilu, madankollu mingħajr ma jiddubitaw l-awtentiċità tal-post tal-oriġini. |
|
(23) |
Is-Slovakkja wriet konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013, inkluż mal-kunċett ta’ “denominazzjoni ta’ oriġini” definit fl-Artikolu 93(1), il-punt (a), tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. B’mod partikolari, is-Slovakkja wriet ir-rabta bejn il-prodott u l-ambjent ġeografiku mal-fatturi naturali u umani inerenti tiegħu. Is-Slovakkja indikat ukoll li din iż-żona ġeografika u l-metodu ta’ produzzjoni tal-inbid Slovakk Tokaj ilhom irregolati fis-Slovakkja mill-1959. Sempliċi referenza mill-Ungerija għal delimitazzjoni storika riflessa f’liġi fis-seħħ fl-Imperu Awstro-Ungeriż fl-1908 ma tistax titqies li tipprovdi biżżejjed raġunijiet biex tiġi kkontestata d-definizzjoni taż-żona mis-Slovakkja jew ir-rabta bejn dik iż-żona u l-karatteristiċi tal-inbid Slovakk Tokaj. Għalhekk, il-Kummissjoni tiċħad il-mistoqsija tal-Ungerija dwar il-validità territorjali tat-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” u tappella għall-allinjament taż-żona ġeografika definita koperta mit-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” maż-żona ġeografika ta’ Tokaj riflessa f’liġi fis-seħħ fl-Imperu Awstro-Ungeriż fl-1908. |
|
(24) |
Fir-rigward tal-affermazzjoni tal-Ungerija li r-rekwiżiti aktar eżiġenti u aktar stretti għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott tat-“Tokaj/Tokaji” Ungeriżi, meta mqabbla mal-ispeċifikazzjonijiet tal-prodott “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” Slovakki, poġġew lill-produtturi Ungeriżi fi żvantaġġ kompetittiv, il-Kummissjoni hija tal-fehma li “Tokaj/Tokaji” u “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” huma ismijiet distinti u huma relatati ma’ speċifikazzjonijiet tal-prodott distinti. Għall-fini ta’ din l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, is-Slovakkja mhijiex meħtieġa tikkonforma mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott Ungeriża ta’ “Tokaj/Tokaji”. Bl-istess mod, l-Ungerija mhijiex meħtieġa tallinja r-regoli tagħha mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott Slovakka tal-“Vinohradnícka oblasť Tokaj” jew tat-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” u hija libera li tistabbilixxi u żżomm ir-rekwiżiti tagħha stess għall-inbid Tokaj/Tokaji. Ma hemm l-ebda rekwiżit fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 li ismijiet parzjalment omonimi għandhom jikkondividu l-istess speċifikazzjoni tal-prodott. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe riskju ta’ konfużjoni bejn id-DOP Slovakki u dawk Ungeriżi, l-istandards possibbilment differenti ma jaffettwawx il-valutazzjoni skont l-Artikolu 100 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Għalhekk, huwa bla bażi li titqajjem kwistjoni ta’ żvantaġġ kompetittiv bħala riżultat ta’ rekwiżiti aktar stretti tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP speċifika meta mqabbla mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ta’ DOP oħra. Bħala konklużjoni, jenħtieġ li l-affermazzjoni tal-Ungerija ta’ żvantaġġ kompetittiv minħabba rekwiżiti ta’ produzzjoni aktar stretti tiġi miċħuda. |
|
(25) |
Fir-rigward tad-dikjarazzjoni tal-Ungerija li ma kinitx se toġġezzjona għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni ta’ oriġini “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” jekk is-Slovakkja tikkanċella d-denominazzjoni ta’ oriġini eżistenti “Vinohradnícka oblasť Tokaj”, il-Kummissjoni hija tal-fehma li hija s-Slovakkja li għandha tiddeċiedi dwar kors ta’ azzjoni xierqa. Is-Slovakkja kkonfermat li d-DOP “Vinohradnícka oblasť Tokaj” kienet qed tintuża u li ma kellhiex l-intenzjoni li tikkanċellaha. Skont il-Kummissjoni, ir-reġistrazzjoni tat-“TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” (DOP) ma tiddependix mill-kanċellazzjoni tal-“Vinohradnícka oblasť Tokaj” (DOP), li s-Slovakkja tixtieq iżżomm l-użu u l-protezzjoni tagħha, peress li dawn huma żewġ ismijiet differenti. |
|
(26) |
Bħala konklużjoni, l-ebda wieħed mill-argumenti mqajma mill-Ungerija ma jiġġustifika ċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li d-denominazzjoni ta’ oriġini “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” tiddaħħal fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi. |
|
(27) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformita mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Id-denominazzjoni ta’ oriġini “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti” tiddaħħal b’dan fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi msemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1143.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jkun vinkolanti fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Lulju 2025.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1308/oj.
(2) Ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj).
(3) ĠU C, C/2023/385, 23.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/385/oj.
(4) https://lisbon-express.wipo.int/pdf/CRTINF_6376_Current%20information%20-%20AO-45.pdf. Oriġinarjament, l-isem kien irreġistrat skont il-Ftehim ta’ Liżbona bħala “TOKAJSKÉ VÍNO z československej oblasti”, iżda wara x-xoljiment taċ-Ċekoslovakkja, inbidel għal “TOKAJSKÉ VÍNO zo slovenskej oblasti”.
(5) https://www.wipo.int/wipolex/en/text/285856.
(6) ĠU L 271, 24.10.2019, p. 15, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2019/1754/oj.
(7) Ir-Regolament (UE) 2019/1753 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar l-azzjoni tal-Unjoni wara l-adeżjoni tagħha mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1753/oj).
(8) Kemm l-Ungerija kif ukoll is-Slovakkja diġà rreġistraw skont l-Att ta’ Ġinevra denominazzjonijiet ta’ oriġini oħra li jikkonċernaw it-Tokaj: L-Ungerija – AO 527 “Tokaj”, ara https://lisbon-express.wipo.int/pdf/CRTINF_6858_Current%20information%20-%20AO-527.pdf, u s-Slovakkja – AO 1230 Vinohradnicka oblast Tokaj, ara https://lisbon-express.wipo.int/pdf/CRTINF_25456_Current%20information%20-%20AO-1230.pdf.
(9) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1754 tas-7 ta’ Ottubru 2019 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Att ta’ Ġinevra tal-Ftehim ta’ Liżbona dwar id-Denominazzjonijiet ta’ Oriġini u l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (ĠU L 271, 24.10.2019, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2019/1754/oj).
(10) Bl-istess mod, fis-settur tal-prodotti agrikoli, hemm eżempji oħra ta’ koeżistenza ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi li jindikaw prodotti simili u li jirreferu għal żoni ġeografiċi li huma maqsuma bejn l-Istati Membri, eż. “Steirisches Kürbiskernöl” (IĠP) mill-Awstrija u “Štajersko Prekmursko Bučno Olje” (IĠP) mis-Slovenja jew “Jambon d’Ardenne” (IĠP) mill-Belġju u “Jambon sec des Ardennes/Noix de Jambon sec des Ardennes” (IĠP) minn Franza.
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2025/1291/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)