European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2026/548

26.1.2026

RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tal-5 ta’ Diċembru 2025

li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom

(BERS/2025/11)

(C/2026/548)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Anness IX tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikoli 3 u 16 sa 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (3), u b’mod partikolari t-Taqsima I tal-Kapitolu 4 tat-Titolu VII tagħha,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (4), u b’mod partikolari l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

Billi:

(1)

Sabiex jiġu żgurati miżuri ta’ politika makroprudenzjali nazzjonali effettivi u konsistenti, huwa importanti li jiġi kkumplimentat l-għarfien meħtieġ skont id-dritt tal-Unjoni b'reċiproċità volontarja.

(2)

Il-qafas dwar ir-reċiproċità volontarja għal miżuri tal-politika makroprudenzjali stabbilit fir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (5) għandu l-għan li jiżgura li l-miżuri kollha tal-politika makroprudenzjali bbażati fuq skopertura attivati fi Stat Membru wieħed ikunu rreċiprokati fl-Istati Membri l-oħrajn.

(3)

Fil-11 ta’ Jannar 2022, in-Nationale Bank van België/Banque Nationale de Belgique (NBB/BNB) ippreżenta talba skont l-Artikolu 134(5) tad-Direttiva 2013/36/UE lill-BERS, għar-reċiprokazzjoni tal-bafer settorjali għar-riskju sistemiku (sSyRB) minn Stati Membri oħra, li ġiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 133(9) tal-istess Direttiva, applikabbli mill-1 ta’ Mejju 2022. Bħala riżultat, fit-30 ta’ Marzu 2022, sabiex tiġi evitata l-materjalizzazzjoni ta’ effetti transkonfinali negattivi fil-forma ta’ tixrid u arbitraġġ regolatorju li jistgħu jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-miżura tal-politika makroprudenzjali li ser issir applikabbli fil-Belġju, il-Bord Ġenerali tal-BERS adotta r-Rakkomandazzjoni BERS/2022/3 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (6), li temenda r-Rakomandazzjoni BERS/2015/2 biex tinkludi din il-miżura fil-lista ta’ miżuri ta’ politika makroprudenzjali li skontha huma rakkomandati li jiġu rreċiprokati.

(4)

Wara talbiet mill-NBB/BNB, ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 ġiet sussegwentement emendata bir-Rakkomandazzjoni BERS/2023/9 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (7), biex tirrifletti r-rikalibrazzjoni tal-sSyRB minn 9 % għal 6 % mill-1 ta’ April 2024, u bir-Rakkomandazzjoni BERS/2024/5 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (8), għar-rakkomandazzjoni tar-reċiprokazzjoni ta’ din il-miżura ta’ politika makroprudenzjali fuq bażi konsolidata, subkonsolidata, u individwali, skont l-Artikolu 134(5) tad-Direttiva 2013/36/UE.

(5)

Fis-16 ta’ Ottubru 2025, l-NBB/BNB innotifika l-BERS bl-intenzjoni tiegħu li jwaqqaf l-sSyRB mill-1 ta’ Lulju 2026.

(6)

Il-BERS għalhekk iddeċieda li jneħħi l-miżura Belġjana mil-lista ta’ miżuri ta’ politika makroprudenzjali li huwa rrakkomandat li jiġu rreċiprokati skont ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2.

(7)

Din l-emenda għar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 ma taffettwawx il-kontinwità tar-rakkomandazzjoni għar-reċiproċità ta’ kwalunkwe miżura makroprudenzjali nazzjonali oħra attwalment fis-seħħ.

(8)

Għalhekk, ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 għandha tiġi emendata kif meħtieġ,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

TAQSIMA 1

Emendi

Ir-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 hija emendata kif ġej:

(1)

fit-Taqsima 1, is-subrakkomandazzjoni C(1) hija emendata kif ġej:

 

il-kelma “Belġju:” u l-miżura taħt Belġju huma mħassra;

(2)

fl-Anness, it-titlu “Belġju”, u l-miżura taħt “‘Belġju’”, inkluż it-taqsimiet intitolati “I. Deskrizzjoni tal-miżura”, “II. Reċiproċità”, u “III. Livell limitu ta’ materjalità”, huma mħassra.

TAQSIMA 2

Dispożizzjonijiet finali

L-awtoritajiet rilevanti huma mitluba li jagħtu effett lil din ir-Rakkomandazzjoni mill-1 ta’ Lulju 2026.

Magħmul fi Frankfurt am Main, il-5 ta’ Diċembru 2025

Il-Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

F’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS

Francesco MAZZAFERRO


(1)   ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/1994/1/oj.

(2)   ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/1092/oj.

(3)   ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2013/36/oj.

(4)   ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(5)  Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-15 ta’ Diċembru 2015 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C 97, 12.3.2016, p. 9).

(6)  Rakkomandazzjoni BERS/2022/3 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-30 ta’ Marzu 2022 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C 206, 23.5.2022).

(7)  Rakkomandazzjoni BERS/2023/9 tal-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku tat-3 ta’ Ottubru 2023 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C, C/2023/899, 14.11.2023 ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2023/899/oj).

(8)  Rakkomandazzjoni BERS/2024/5 tal-Bord Ewropew għar-Riskju Sistemiku tas-27 ta’ Settembru 2024 li temenda r-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2 dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom (ĠU C, C/2024/6967, 14.11.2023) ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/6967/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/548/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)