IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.3.2023
COM(2023) 163 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati, mogħtija lill-Kummissjoni mir-Regolament (KE) Nru 216/2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu f’ċerti żoni li mhumiex fl-Atlantiku tat-Tramuntana, mir-Regolament (KE) Nru 217/2009 dwar il-preżentazzjoni tal-istatistika tal-qabda u tal-attività mill-Istati Membri li jistadu fil-Majjistral tal-Atlantiku, u mir-Regolament (KE) Nru 218/2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku
1.Kuntest
Ir-Regolament (KE) Nru 216/2009 tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu f’ċerti żoni li mhumiex fl-Atlantiku tat-Tramuntana, ir-Regolament (KE) Nru 217/2009 tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni tal-istatistika tal-qabda u tal-attività mill-Istati Membri li jistadu fil-Majjistral tal-Atlantiku u r-Regolament (KE) Nru 218/2009 tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar il-preżentazzjoni ta’ statistiċi ta’ qbid nominali mill-Istati Membri li jistadu fil-Grigal tal-Atlantiku kienu ġew modifikati bir-Regolament (UE) Nru 1350/2013 tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jemenda ċerti atti leġiżlattivi fil-qasam tal-istatistika agrikola u tas-sajd biex is-setgħat ta’ implimentazzjoni jiġu allinjati mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni hija awtorizzata li tadotta atti delegati biex tqis l-iżviluppi ekonomiċi u tekniċi. Dawn l-atti delegati jistgħu jemendaw:
•
il-listi taż-żoni statistiċi tas-sajd jew tas-subdiviżjonijiet tagħhom stabbiliti fl-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 216/2009, u fl-Annessi II u III tar-Regolamenti (KE) Nru 217/2009 u (KE) Nru 218/2009;
•
il-lista tal-ispeċijiet stabbilita fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 216/2009, u fl-Anness I tar-Regolamenti (KE) Nru 217/2009 u (KE) Nru 218/2009, u
•
il-miżuri, il-kodiċijiet u d-definizzjonijiet applikati għall-attivitajiet tas-sajd, għat-tagħmir tas-sajd, għad-daqs tal-bastimenti u għall-metodi tas-sajd stabbiliti fl-Anness IV tar-Regolament (KE) Nru 217/2009.
Skont l-Artikolu 5 tar-Regolamenti (KE) Nru 216/2009 u (KE) Nru 218/2009, u l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 217/2009, il-Kummissjoni kellha s-setgħa li tadotta tali atti delegati għal perjodu ta’ ħames (5) snin li beda mill-10 ta’ Jannar 2014. Fl-2019, din is-setgħa ġiet imġedda b’mod taċitu sal-10 ta’ Jannar 2024.
Din is-setgħa trid tiġi estiża b’mod taċitu b’perjodi ta’ ħames (5) snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għal dan.
Il-Kummissjoni hija obbligata tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħat sa mhux aktar tard minn disa’ (9) xhur qabel jintemm il-perjodu ta’ ħames (5) snin. Dan ir-rapport jissodisfa dak l-obbligu.
2.Eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat delegati mir-Regolamenti (KE) Nru 216/2009, (KE) Nru 217/2009 u (KE) Nru 218/2009
Sal-lum, il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lilha mir-Regolamenti (KE) Nru 216/2009, 217/2009 u 218/2009.
Il-Kummissjoni evalwat l-istatistika Ewropea dwar is-sajd fl-2019 u wettqet valutazzjoni tal-impatt fl-2021. Fid-dawl tal-valutazzjoni tal-impatt, ir-riżultati tal-attivitajiet ta’ konsultazzjoni, u d-diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, l-għażla ppreferuta hija qafas ġuridiku simplifikat ġdid biex l-istatistika Ewropea tas-sajd tkun tkopri l-istatistika dwar il-qabdiet, il-ħatt l-art, il-flotta tas-sajd u l-akkwakultura.
3.Konklużjonijiet
Sal-lum, il-Kummissjoni għadha ma eżerċitatx is-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lilha mir-Regolament (KE) Nru 216/2009, mir-Regolament (KE) Nru 217/2009 u mir-Regolament (KE) Nru 218/2009.
Il-Kummissjoni jidhrilha li jenħtieġ li tibqa’ żżomm dawn is-setgħat delegati peress li jaf ikollha bżonn tadotta att delegat biex timmodifika l-Annessi I sa IV tar-Regolamenti msemmija hawn fuq biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-utenti tad-data fil-kuntest tal-Politika Komuni tas-Sajd futura.