European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/2325

10.10.2024

RIŻOLUZZJONI (UE) 2024/2325 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-11 ta’ April 2024

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2022

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ għas-sena finanzjarja 2022,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

—

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

—

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0114/2024),

A.

billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha (1), il-baġit finali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (il-“Fondazzjoni”) għas-sena finanzjarja 2022 kien ta’ EUR 25 051 848, li jirrappreżenta żieda ta’ 17,05 % meta mqabbel ma’ dak tal-2021; billi l-baġit tal-Fondazzjoni huwa kollu derivat mill-baġit tal-Unjoni;

B.

billi l-Qorti tal-Awdituri (“il-Qorti”), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni għas-sena finanzjarja 2022 (“ir-rapport tal-Qorti”), tiddikjara li kisbet aċċertament raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta’ bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota b’apprezzament li l-isforzi ta’ monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2022 irriżultaw f’rata għolja ta’ implimentazzjoni tal-baġit ta’ 99,98 %, li meta mqabbla mal-2021 tirrappreżenta żieda żgħira ta’ 0,07 %; jindika li r-rata ta’ eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament kienet ta’ 97,70 %, li tirrappreżenta żieda ta’ 11,48 % meta mqabbla mal-2021;

2.

Jilqa’ l-fatt li minkejja l-kriżi baġitarja kkawżata mill-inflazzjoni u l-prezzijiet tal-utilitajiet fl-2022, il-Fondazzjoni kienet kapaċi tiġġestixxi b’mod effettiv l-ispejjeż tagħha, tintroduċi miżuri ta’ ffrankar tal-ispejjeż u tipprijoritizza mill-ġdid mingħajr tfixkil kbir għall-programm ta’ ħidma tagħha;

Prestazzjoni

3.

Jinnota b’sodisfazzjon li l-Fondazzjoni tuża ċerti miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex tivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tagħha u miżuri oħra biex ittejjeb il-ġestjoni tal-baġit tagħha;

4.

Jinnota li l-Fondazzjoni kisbet rata ta’ tlestija tal-attivitajiet ta’ 93 %, tnaqqis żgħir meta mqabbel mal-2021, b’rata ta’ tlestija f’waqtha ta’ 89 %; ifaħħar il-fatt li l-Fondazzjoni laħqet l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni kollha aħjar jew ferm aħjar mill-miri stabbiliti;

5.

Jinnota l-kisbiet ewlenin tal-Fondazzjoni tal-2022, li huma bbażati fuq tliet objettivi strateġiċi: ir-rilevanza u l-antiċipazzjoni tal-ħiliet, l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-ħiliet, u l-prestazzjoni u l-kwalità tal-politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ; jinnota li dawk l-objettivi jitwettqu mill-Fondazzjoni taħt tliet servizzi ewlenin: ċentru tal-għarfien, monitoraġġ u valutazzjoni, u pariri dwar il-politika;

6.

Jinnota l-inizjattivi l-ġodda mnedija mill-Fondazzjoni fl-2022, bħall-Inizjattiva l-ġdida ta’ Tim Ewropa fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Mediterran u n-network li jlaqqa’ l-Azzjoni u Djalogu ta’ Tagħlim dwar il-Governanza (GLAD); jinnota t-tkabbir tan-network għall-eċċellenza tiegħu u l-konferenza online tan-network għall-eċċellenza tal-Fondazzjoni f’Novembru 2022 li pprovdew l-opportunità għall-parteċipanti biex jaqsmu l-iżviluppi u r-riżultati dwar il-ħidma tas-sħubija tematika;

7.

Jenfasizza li l-Fondazzjoni qed tappoġġja lill-Moldova, lill-Georgia u lill-Ukrajna bħala pajjiżi kandidati fl-aspirazzjonijiet tagħhom li jallinjaw il-politiki tagħhom dwar l-edukazzjoni u l-impjiegi ma’ dawk tal-Unjoni, billi tipprovdi għarfien espert tekniku u pariri dwar diversi kwistjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali f’kooperazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u s-servizzi tal-Kummissjoni;

8.

Jilqa’ l-fatt li l-miżuri meħuda mill-Fondazzjoni b’reazzjoni għal xokkijiet, bħall-effetti kontinwi tal-pandemija tal-COVID-19 u l-aggressjoni Russa fl-Ukrajna, kienu effettivi ħafna fl-iżgurar ta’ livell kontinwu u għoli ħafna ta’ twettiq tal-programm ta’ ħidma annwali; ifaħħar l-inizjattiva tal-Fondazzjoni biex tappoġġja lill-Ukrajna permezz taċ-ċentru tar-riżorsi online għar-rikonoxximent tal-kwalifiki, il-ħiliet u l-perjodi ta’ studju tar-rifuġjati Ukreni, u mezzi oħra, u biex twieġeb, fejn possibbli u rilevanti, f’kuntatt mill-qrib ma’ servizzi differenti tal-Kummissjoni, billi tuża l-għarfien espert tematiku tagħha u l-għarfien tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-pajjiż;

9.

Jissottolinja li l-Fondazzjoni ssospendiet l-attivitajiet u l-kooperazzjoni kollha mal-awtoritajiet Belarussi mill-bidu tal-2022;

10.

Jilqa’ l-attivitajiet tal-Fondazzjoni biex il-pajjiżi sħab tal-Unjoni jiġu megħjuna jisfruttaw il-potenzjal tal-kapital uman tagħhom u jtejbu l-prospetti tal-impjiegi taċ-ċittadini tagħhom permezz tar-riforma tas-sistemi tal-edukazzjoni, tat-taħriġ vokazzjonali, tal-ħiliet u tas-suq tax-xogħol, fil-kuntest tal-politiki tar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni;

11.

Jilqa’ b’mod partikolari l-kunċett il-ġdid tal-Fondazzjoni ta’ ċentri intraprenditorjali ta’ eċċellenza vokazzjonali li ġew żviluppati biex jikkontribwixxu għad-dibattitu internazzjonali fil-komunità tat-tagħlim intraprenditorjali, u biex jispiraw ċentri ta’ taħriġ biex jirrispondu aħjar għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu taċ-ċittadini, tal-ekonomiji u tas-soċjetajiet;

Effiċjenza u titjib

12.

Jinnota li fl-2022, il-Fondazzjoni kompliet tidentifika opportunitajiet biex tintroduċi titjib fl-effiċjenza fl-operazzjonijiet tagħha, bħat-titjib tal-flussi tax-xogħol diġitali u l-parteċipazzjoni proattiva fin-network tal-aġenziji tal-Unjoni u fil-gruppi ta’ ħidma differenti tiegħu; jinnota, fost l-oħrajn, il-kondiviżjoni tas-servizzi ta’ kontabbiltà tal-Fondazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol permezz ta’ ftehim dwar il-livell ta’ servizz iffirmat fl-2022 u l-evalwazzjoni tal-possibbiltà tal-kondiviżjoni tar-riżorsi fl-oqsma tar-reklutaġġ, iċ-ċibersigurtà, l-EMAS, is-sostenibbiltà u l-ekoloġizzazzjoni, l-akkwist u l-għodod u s-sistemi tal-IT maċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali;

13.

Jinnota li l-Fondazzjoni daħħlet fis-seħħ miżuri, inklużi fl-oqsma tal-konsum tal-enerġija u l-ġestjoni tal-bini, pereżempju, l-għeluq tal-uffiċċji f’Awwissu 2022, sensuri għat-tidwil u l-ilma, timers għall-bojlers, it-tisħin u l-arja kundizzjonata; jinnota ż-żieda fl-isforzi dwar il-ġestjoni tal-enerġija li wasslu għal iffrankar ta’ 2 000 mc ta’ gass u 49 107 KwH ta’ elettriku fl-2022 minkejja ż-żieda fil-preżenza ta’ persunal fl-uffiċċji matul is-sena minħabba arranġamenti ta’ xogħol ibridu fis-seħħ;

14.

Jilqa’ l-impenn tal-Fondazzjoni li tadotta l-għodod kollha tal-akkwist elettroniku tal-Kummissjoni u l-fatt li l-proċess ta’ akkwist tal-Fondazzjoni huwa kompletament diġitalizzat;

15.

Ifaħħar lill-Fondazzjoni talli stabbiliet pjan korporattiv biex ittejjeb l-effiċjenza enerġetika u n-newtralità klimatika tal-operazzjonijiet tagħha;

Politika dwar il-persunal

16.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2022, mit-tabella tal-persunal kien ġie implimentat perċentwal ta’ 98,8 %, u li kienu nħatru 85 uffiċjal u aġent temporanju minn 86 uffiċjal u aġent temporanju awtorizzati fl-ambitu tal-baġit tal-Unjoni (l-istess numru ta’ postijiet awtorizzati bħal fl-2021); jinnota li, barra minn hekk, 39 aġent kuntrattwali u aġent lokali wieħed ħadmu għall-Fondazzjoni fl-2022;

17.

Jinnota li 21 Stat Membru kienu rappreżentati fost il-persunal tal-Fondazzjoni fl-2022; itenni bi tħassib li l-bilanċ ġeografiku huwa sfida; jinnota li 42 % tal-persunal tal-Fondazzjoni huma ċittadini tal-Istat Membru fejn din tinsab; jirrikonoxxi li l-Fondazzjoni tuża proċeduri ta’ selezzjoni bbażati fuq il-mertu, fejn fil-preżenza ta’ merti ugwali, il-Fondazzjoni tiffavorixxi kandidati b’nazzjonalitajiet sottorappreżentati; ifakkar fl-importanza tal-bilanċ ġeografiku u jistieden lill-Fondazzjoni tieħu l-miżuri meħtieġa biex ikollha rappreżentanza ġeografika bbilanċjata u ġusta, inkluż f’pożizzjonijiet maniġerjali medji u superjuri, filwaqt li fl-istess ħin tirrispetta l-kompetenzi u l-merti tal-kandidati u tirrapporta kwalunkwe żvilupp f’dak ir-rigward lill-awtorità ta’ kwittanza;

18.

Jinnota li fl-2022 il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-maniġment medju u superjuri kien ta’ erba’ nisa minn kull disgħa postijiet tax-xogħol; jinnota li l-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-membri tal-bord tat-tmexxija huwa ta’ 41 % irġiel u 59 % nisa (11-il membru u 16 rispettivament) u fost il-persunal b’mod ġenerali ta’ 33 % irġiel u 67 % nisa (41 u 84 rispettivament); ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn il-ġeneri u jistieden lill-Fondazzjoni tqis dan l-aspett fir-rigward ta’ reklutaġġi ta’ persunal u ħatriet futuri fi ħdan il-maniġment medju u superjuri tagħha; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu l-importanza li jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri meta jinnominaw lill-membri tagħhom fil-bord tat-tmexxija tal-Fondazzjoni;

19.

Jinnota li skont is-segwitu għall-osservazzjonijiet ta’ kwittanza tal-2021, il-Fondazzjoni rrevediet l-avviżi ta’ pożizzjonijiet vakanti tagħha biex iżżid l-attraenza tal-post tal-impjieg u qed tiddiversifika l-kanali ta’ komunikazzjoni lejn pajjiżi fil-mira li huma inqas rappreżentati permezz ta’ LinkedIn;

20.

Jinnota li l-Fondazzjoni adottat il-karta dwar id-diversità u l-inklużjoni f’Diċembru 2022; jinnota li, fl-2022, il-persunal kellu ħafna benefiċċji biex itejjeb il-benesseri fuq il-post tax-xogħol u, barra minn hekk, ġew adottati regoli ġodda dwar il-ħin tax-xogħol u x-xogħol ibridu li jkomplu jipprovdu lill-persunal b’opportunitajiet għal modi flessibbli ġodda ta’ xogħol;

Akkwist

21.

Jieħu nota tal-osservazzjoni tal-Qorti rigward l-għoti ta’ kuntratt qafas ta’ EUR 1 miljun għal servizzi ta’ appoġġ tal-kontenut, li nbeda fl-2021, li skont din l-osservazzjoni kien irregolari minħabba devjazzjoni mill-ispeċifikazzjonijiet tekniċi; jinnota li l-offerenti kienu meħtieġa jipprovdu kontijiet magħluqa u ffirmati li juru fatturat ta’ mill-inqas EUR 250 000 għall-aħħar sentejn finanzjarji, jiġifieri l-2019 u l-2020, biex juru l-kapaċità finanzjarja tagħhom; josserva li l-fatturat tal-offerent rebbieħ għall-2019 ma kienx laħaq il-limitu meħtieġ iżda, madankollu, il-Fondazzjoni minflok irrifjutat l-offerent, iddeċidiet li ma tirrifjutahx abbażi tal-fatturat ogħla muri fil-kontijiet proviżorji tal-2021; jenfasizza l-fatt li l-Qorti kkonkludiet li l-proċedura ta’ evalwazzjoni u l-kuntratt riżultanti huma irregolari u l-istess jgħodd għall-pagamenti relatati kollha, li fl-2022, ammontaw għal EUR 100 100; jieħu nota li wara l-osservazzjoni tal-Qorti, il-Fondazzjoni se tkun qed tissimplifika l-metodoloġija tagħha, li se tkompli tivvaluta l-affidabbiltà finanzjarja tal-kuntratturi, madankollu, tagħmilha aktar imfassla għas-sitwazzjoni finanzjarja attwali (wara l-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna);

22.

Jinnota li fi proċedura ta’ akkwist miftuħa oħra għal servizzi ta’ appoġġ fil-pajjiż għal ammont ta’ EUR 4 miljun, il-kapaċitajiet finanzjarji u ekonomiċi tal-offerenti kellhom jiġu vvalutati permezz ta’ żewġ kriterji; (i) pożizzjoni finanzjarja stabbli, murija minn sett ta’ parametri, inkluż profitt nett pożittiv; u (ii) fatturat annwali ta’ mill-inqas EUR 1 miljun fl-aħħar sentejn finanzjarji; josserva li l-Fondazzjoni tat il-kuntratt lil konsorzju ta’ ħames entitajiet mhux kummerċjali minkejja li l-ebda wieħed mill-membri tal-konsorzju ma kien irrapporta xi profitti fl-aħħar sentejn, u barra minn hekk, iddeċidiet li tinjora r-rekwiżit tal-fatturat, li l-offerent rebbieħ ma kienx jissodisfa, bħala mhux applikabbli għal entitajiet mhux kummerċjali; jenfasizza li l-Qorti kkonkludiet li l-Fondazzjoni applikat il-kriterji tal-għażla b’mod skorrett u li l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tal-offerent rebbieħ ma ntwerietx; jinnota barra minn hekk li l-proċedura ta’ evalwazzjoni, u l-kuntratt riżultanti, huma għalhekk irregolari, bħalma huma l-pagamenti relatati kollha, li fl-2022 ammontaw għal EUR 70 500; josserva li l-proċedura ta’ akkwist inkwistjoni kienet immirata lejn l-iżvilupp tal-kapital uman fl-Asja Ċentrali u wara l-osservazzjoni tal-Qorti, il-Fondazzjoni se tkompli d-diskussjonijiet mas-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni dwar metodi alternattivi possibbli biex jiġu implimentati l-attivitajiet fil-pajjiżi sħab tagħha u b’mod parallel se tkun qed tissimplifika l-metodoloġija tagħha dwar il-valutazzjoni finanzjarja biex timmira, fejn applikabbli, is-suq mhux tal-Unjoni;

23.

Ifakkar fl-importanza, għal kull proċedura ta’ akkwist, li tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn l-offerenti u biex jiġu akkwistati oġġetti u servizzi bl-aħjar prezz, filwaqt li jiġu rrispettati l-prinċipji ta’ trasparenza u l-użu tajjeb tar-riżorsi pubbliċi, il-proporzjonalità, it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni; jitlob lill-Fondazzjoni tieħu azzjonijiet biex tiggarantixxi li fil-proċeduri ta’ akkwist futuri jkun hemm konformità sħiħa mar-regoli applikabbli li jiżguraw it-trasparenza, il-ġustizzja u l-integrità fil-proċess tal-offerti;

24.

Jinnota li, fi tmiem l-2022, il-Fondazzjoni kellha biss sejba waħda miftuħa tal-Qorti dwar il-proċedura ta’ akkwist għall-ħaddiema interim, maħruġa fl-2018, u preċedentement rikonoxxuta mill-Parlament fir-rapport ta’ kwittanza tiegħu; jinnota, barra minn hekk, li l-Fondazzjoni indirizzat din il-kwistjoni meta nediet il-kuntratt qafas il-ġdid, li għandu jiġi ffirmat fl-2023;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess u trasparenza

25.

Jinnota li l-Fondazzjoni ppubblikat id-dikjarazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess u s-CVs kollha għall-membri tal-bord tat-tmexxija, u l-maniġers superjuri u medji; jinnota, barra minn hekk, li l-Fondazzjoni telenka l-laqgħat kollha li saru mid-direttur u l-organizzazzjonijiet tagħha u individwi li jaħdmu għal rashom fuq is-sit web tagħha;

26.

Jinnota li l-Fondazzjoni għandha strateġija interna kontra l-frodi, li tiġi aġġornata regolarment, u tista’ tikkunsidra li tikkomplementa dik l-istrateġija b’taqsima kontra l-korruzzjoni; jinnota wkoll li issa qed tiżviluppa politika dwar kwistjonijiet ta’ kunflitti ta’ interess;

Kontroll intern

27.

Jilqa’ l-opinjoni pożittiva tas-servizz tal-awditjar intern maħruġ dwar il-komplementarjetà u l-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni bejn il-Fondazzjoni u l-Kummissjoni fir-rapport tal-awditjar finali tiegħu f’Diċembru 2022 li jenfasizza l-għarfien espert tal-persunal tal-Fondazzjoni u t-twaqqif ta’ djalogu strutturat biannwali biex tiġi żgurata koordinazzjoni aħjar għat-tħejjija tal-laqgħat tal-bord ta’ tmexxija; josserva li, madankollu, is-servizz tal-awditjar intern jindika wkoll żewġ kwistjonijiet importanti ħafna rigward il-mandat tal-Fondazzjoni u l-monitoraġġ tal-indikaturi, kif ukoll żewġ kwistjonijiet importanti dwar l-allinjament prijoritarju u t-titjib fil-bażi tad-data u l-proċeduri tat-talbiet tal-Unjoni; jirrikonoxxi li b’reazzjoni għal dan, il-Fondazzjoni, f’kollaborazzjoni mad-DĠ EMPL, fasslet pjan ta’ azzjoni biex tindirizza dawk ir-rakkomandazzjonijiet, li kellhom jidħlu fis-seħħ fl-2023;

Kummenti oħra

28.

Jinnota l-attenzjoni ddedikata tal-Fondazzjoni għaċ-ċibersigurtà u r-rekords diġitali u l-ġestjoni tad-data u l-azzjonijiet meħuda sabiex jiġu segwiti l-linji gwida rilevanti mill-Unjoni, bħat-titjib ta’ riżerva u t-testijiet ta’ penetrazzjoni tas-siti web ewlenin tal-Fondazzjoni; jinnota, barra minn hekk, li wara valutazzjoni tar-riskju għas-sigurtà tal-informazzjoni madwar il-Fondazzjoni kollha mwettqa fl-2021, ġie żviluppat u maqbul pjan ta’ trattament tar-riskju fl-2022;

29.

Jinnota li, fl-2022, il-Fondazzjoni żammet kemm iċ-ċertifikazzjoni EMAS kif ukoll iċ-ċertifikazzjoni ISO 14001 wara awditu ambjentali mwettaq f’Marzu 2022 (u 2023);

30.

Jilqa’ l-fatt li l-Fondazzjoni kompliet timplimenta miżuri differenti biex iżżid il-preżenza pubblika u online tagħha, inkluż permezz tal-produzzjoni u l-promozzjoni ta’ 10 podcasts, żewġ premjijiet internazzjonali u 10 komunikazzjonijiet konġunti, l-istreaming ta’ seba’ intervisti live tal-LearningConnects, u l-parteċipazzjoni fil-konferenza tal-COP tan-NU biex tippreżenta l-ħidma tagħha dwar il-ħiliet ekoloġiċi; jinnota f’dak il-kuntest żieda sinifikanti fil-metriċi tal-media soċjali tal-Fondazzjoni fl-2022 meta mqabbla mal-2021;

31.

Itenni t-talba tiegħu lill-Fondazzjoni biex tiżgura aktar trasparenza u obbligu ta’ rendikont pubbliku permezz ta’ użu aħjar tal-mezzi tal-media u tal-media soċjali;

32.

Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħra li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta’ natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ April 2024 (2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1)   ĠU C 38, 31.1.2023, p. 13.

(2)  Testi adottati, P9_TA(2024)0280.


ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2024/2325/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)