2004D0752 — MT — 10.11.2004 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-2 ta' Novembru 2004

li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea

(2004/752/KE, Euratom)

(ĠU L 333, 9.11.2004, p.7)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 251, 14.9.2006, p. 8  (752/04)




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-2 ta' Novembru 2004

li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea

(2004/752/KE, Euratom)



IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 225A u 245 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea ta' l-Enerġija Atomika, u b'mod partikolari l-Artikoli 140b u 160 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja,

Billi:

(1)

L-Artikolu 225A tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 140b tat-Trattat tal-KEFA jagħtu s-setgħa lill-Kunsill biex joħloq awli ġurisdizzjonali bil-kompetenza li jieħdu konjizzjoni fi prim'istanza ta' ċerti kategoriji ta' rikorsi jew proċedimenti f'oqsma speċifiċi, li jiffissa r-regoli dwar il-komposizzjoni ta' tali awli ġurisdizzjonali u li jiddefinixxi l-ambitu tal-kompetenzi mogħtija lilhom.

(2)

Il-ħolqien ta' awla ġurisdizzjonali speċifika għall-kwistjonijiet dwar is-servizz pubbliku, bid-dmir li tiddeċiedi dawn il-kawżi fi prim'istanza, li hija kompetenza preżentement eżerċitata mill-Qorti ta' Prim' Istanza tal-Komunitajiet Ewropej, hija ntiża sabiex ittejjeb il-funzjonament tas-sistema ġudizzjarja Komunitarja. Hija risposta għall-invit magħmul f'dan is-sens fid-Dikjarazzjoni Nru. 16 dwar l-Artikolu 225a tat-Trattat tal-KE ( 1 ), adottat meta ġie ffirmat it-Trattat ta' Nizza tas-26 ta' Frar 2001.

(3)

Huwa għalhekk il-każ li mal-Qorti ta' Prim' Istanza tiżdied awla ġurisdizzjonali li, fuq l-livell istituzzjonali u organizzattiv, tkun parti integrali mill-istituzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u li l-membri tagħha jkollhom status assimilat ma' dak tal-membri tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

(4)

Huwa xieraq li din l-awla ġurisdizzjonali ġdida tingħata isem li jiddistingwiha fil-formazzjonijiet tagħha mill-formazzjonijiet tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

(5)

Sabiex is-sistema ġudizzjarja in ġenerali tkun tinftiehem faċilment, huwa xieraq li d-disposizzjonijiet dwar il-kompetenzi, il-komposizzjoni, l-organizzazzjoni u l-proċedura ta' l-awla ġurisdizzjonali jiddaħħlu f'Anness għall-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(6)

In-numru ta' mħallfin ta' l-awla ġurisdizzjonali għandu jkun addattat għall-ammont ta' kawżi tagħha. Sabiex tiġi faċilitata d-deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-ħatra ta' l-imħallfin, huwa l-każ li jiġi previst l-istabbiliment, mill-Kunsill, ta' kumitat konsultattiv indipendenti, bid-dmir li jivverifika jekk il-kandidati preżentati jissodisfawx il-kondizzjonijiet rikjesti f'dan ir-rigward.

(7)

L-awla ġurisdizzjonali għandha tiddeċiedi skond proċedura addattata għan-natura tal-kawżi li tagħhom għandha tieħu konjizzjoni, billi teżamina l-possibbiltajiet, f'kull stadju tal-proċedimenti, ta' soluzzjoni bi ftehim ta' kwistjonijiet.

(8)

Bi qbil mat-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 225a tat-Trattat tal-KE u t-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 140b tat-Trattat tal-KEFA, jista' jkun hemm lok ta' appell limitat quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza mid-deċiżjonijiet ta' l-awla ġurisdizzjonali fuq punti ta' liġi, fl-istess kondizzjonijiet applikabbli għal dawk previsti fir-rigward ta' appelli li preżentement isiru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mid-deċiżjonijiet ta' l-imsemmija Qorti ta' Prim'Istanza. Id-disposizzjonijiet relevanti fl-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huma riprodotti fl-Anness għall-Istatut dwar l-awla ġurisdizzjonali, sabiex jiġu evitati referenzi li jnaqqsu mill-kjarezza tad-disposizzjonijiet in ġenerali.

(9)

Huwa l-każ li jkunu previsti, fid-Deċiżjoni preżenti, d-disposizzjonijiet transitorji adegwati sabiex l-awla ġurisdizzjonali tkun tista' teżerċita l-funzjonijiet tagħha minn meta tiġi stabbilita.

IDDEĊIEDA:



Artikolu 1

Awla ġurisdizzjonali bid-dmir li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar is-servizz pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea, u magħrufa bħala t-“Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea”, hija annessa għall-Qorti ta' Prim' Istanza tal-Komunitajiet Ewropej. It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea jirrisjedi fil-Qorti ta' Prim' Istanza.

Artikolu 2

Il-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa emendat kif ġej:

1) It-Titolu li ġej jiddaħħal:

“TITOLU IVa

AWLI ĠURISDIZZJONALI

Artikolu 62a

Id-disposizzjonijiet dwar il-kompetenzi, il-komposizzjoni, l-organizzazzjoni u l-proċedura ta' l-awli ġurisdizzjonali stabbiliti bis-saħħa ta' l-Artikoli 225a tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 140b tat-Trattat tal-KEFA huma annessi ma' dan l-Istatut.”

2) L-Anness I, li t-test tiegħu jinsab anness ma ' din id-Deċiżjoni, għandu jiżdied.

Artikolu 3

1.  L-ewwel President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea għandu jkun maħtur għal tliet snin taħt l-istess kondizzjonijiet applikabbli għall-imħallfin tiegħu, sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix li għandha tapplika l-proċedura prevista fl-Artikolu 4, paragrafu 1, ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif stabbilit fl-anness ma' din id-Deċiżjoni.

2.  Hekk kif l-imħallfin tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea jkun ħadu l-ġurament, il-President tal-Kunsill għandu jagħzel, permezz ta' estrazzjoni bix-xorti, tliet imħallfin ta' dan it-tribunal li l-funzjonijiet tagħhom jispiċċaw, b'deroga mill-Artikolu 2, it-tieni paragrafu, l-ewwel sentenza, ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fit-tmiem ta' l-ewwel tliet snin tal-mandat tagħhom.

3.  Il-kawżi msemmija fl-Artikolu 1 ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tagħhom il-Qorti ta' Prim' Istanza jkollha konjizzjoni fid-data li fiha jidħol fis-seħħ dak l-Artikolu u li fihom il-proċedura bil-miktub ma tkunx intemmet kif previst fl-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti ta' Prim' Istanza, għandhom jiġu rinvjati lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea.

4.  Sakemm jidħlu fis-seħħ ir-regoli ta' proċedura tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea għandu japplika mutatis mutandis ir-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti ta' Prim' Istanza, ħlief fir-rigward tad-disposizzjonijiet dwar l-imħallef wieħed.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea, ħlief fir-rigward ta' l-Artikolu 1 ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li t-test tiegħu jinsab fl-Anness ma' din id-Deċiżjoni.

L-Artikolu 1 ta' l-Anness I ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea tad-Deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddikjara t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea kostitwit skond il-liġi.




ANNESS

“ANNESS I

IT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TA' L-UNJONI EWROPEA

Artikolu 1

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ta' l-Unjoni Ewropea, minn hawn'il quddiem imsejjaħ ‘Qorti għas-Servizz Pubbliku’, għandu jeżerċita fi prim'istanza l-kompetenza li jiddeċiedi dwar kwistjonijiet bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom skond l-Artikolu 236 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 152 tat-Trattat tal-KEFA, inklużi dawk il-kwistjonijiet bejn il-korpi jew aġenziji kollha u l-impjegati tagħhom li fir-rigward tagħhom il-kompetenza hija attribwita lill-Qorti tal-Ġustizzja.

Artikolu 2

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jkun kompost minn seba' mħallfin. Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata, jista' jżid in-numru ta' mħallfin.

L-imħallfin għandhom jiġu maħtura għal perjodu ta' sitt snin. L-imħallfin li jispiċċaw il-mandat tagħhom jistgħu jiġu maħtura mill-ġdid.

Kull post vakanti għandu jimtela bil-ħatra ta' mħallef ġdid għal perjodu ta' sitt snin.

Artikolu 3

1.  L-imħallfin għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill, li jaġixxi skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 225a tat-Trattat tal-KE u r-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 140b tat-Trattat tal-KEFA, wara konsultazzjoni mal-Kumitat previst f'dan l-Artikolu. Fil-ħatra ta' l-imħallfin, il-Kunsill għandu jiżgura li jkun hemm komposizzjoni ekwilibrata tat-Tribunal fuq bażi ġeografika l-aktar wiesgħa possibbli minn fost ċittadini ta' l-Istati Membri u fir-rigward tas-sistemi legali rappreżentati.

2.  Kull persuna li għandha ċ-ċittadinanza ta' l-Unjoni u li tissodisfa l-kondizzjonijiet previsti fir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 225a tat-Trattat tal-KE u r-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 140b tat-Trattat tal-KEFA tista' tippreżenta l-kandidatura tagħha. Il-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jiffissa l-kondizzjonijiet u l-modalitajiet tal-preżentazzjoni u l-ipproċessar tal-kandidaturi.

3.  Kumitat kompost minn seba' persuni magħżula minn fost ex membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti ta' Prim' Istanza u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta għandu jiġi stabbilit. Il-ħatra tal-membri tal-kumitat u r-regoli tal-ħidma tiegħu għandhom jiġu deċiżi mill-Kunsill, li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq ir-rakkomandazzjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja.

4.  Il-kumitat għandu jagħti opinjoni dwar l-idoneità tal-kandidati sabiex jeżerċitaw il-funzjoni ta' mħallef tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Il-kumitat għandu jannetti ma' din l-opinjoni lista tal-kandidati li għandhom l-esperjenza ta' livell għoli l-aktar adegwata. Tali lista għandha tikkonsisti f'numru ta' kandidati li jikkorrispondi għall-inqas għad-doppju tan-numru ta' mħallfin li għandhom jiġu maħtura mill-Kunsill.

Artikolu 4

1.  L-Imħallfin għandhom jaħtru minn fosthom il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għal perjodu ta' tliet snin. Il-mandat tiegħu jista' jiġi mġedded.

2.  It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jkun kompost minn awli bi tliet imħallfin. Hu jista', f'ċerti każijiet determinati mir-regoli tiegħu ta' proċedura, jiltaqa' f'seduta plenarja, f'awla ta' ħames imħallfin jew f'awla ta' mħallef wieħed.

3.  Il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jippresjedi seduta plenarja u fl-awla ta' ħames imħallfin. Il-Presidenti ta' l-awli ta' tliet imħallfin għandhom jinħatru skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1. Jekk il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġi assenjat għal awla ta' tliet imħallfin, għandu jkun hu li jippresjedi f'din l-awla.

4.  Il-kompetenzi u l-kworum tas-seduta plenarja kif ukoll il-komposizzjoni ta' l-awli u l-assenjazzjoni tal-kawżi lil dawn ta' l-aħħar għandhom jkunu stabbiliti mir-regoli ta' proċedura.

Artikolu 5

L-Artikoli 2 sa 6, 14, 15, l-ewwel, it-tieni u l-ħames paragrafi ta' l-Artikolu 17, kif ukoll l-Artikolu 18 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom japplikaw għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u għall-membri tiegħu.

Il-ġurament previst fl-Artikolu 2 ta' l-Istatut għandu jittieħed quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-deċiżjonijiet previsti fl-Artikoli tiegħu 3, 4 u 6 għandhom jiġu adottati mill-Qorti tal-Ġustizzja wara konsultazzjoni mat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 6

1.  It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jkun appoġġat mis-servizzi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti ta' Prim' Istanza. Il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jew, meta jkun il-każ, il-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza, għandu jistabbilixxi bi qbil komuni mal-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku l-kondizzjonijiet li taħthom l-uffiċjali u l-impjegati l-oħra, addetti mal-Qorti tal-Ġustizzja jew mal-Qorti ta' Prim' Istanza, għandhom jagħtu s-servizzi tagħhom lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku biex jassiguraw il-funzjonament tiegħu. Ċerti uffiċjali jew impjegati oħra huma responsabbli lejn ir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku taħt l-awtorità tal-President ta' dan it-Tribunal.

2.  It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jaħtar ir-Reġistratur tiegħu u jippreskrivi r-regoli tas-servizz tiegħu. ►C1  Ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 3,  ◄ l-Artikoli 10, 11 u 14 ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja għandhom japplikaw għar-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Artikolu 7

1.  Il-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandha tkun iggvernata mit-Titolu III ta' l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief għall-Artikoli tiegħu 22 sa 23. Aktar preċiżjoni u kompletezza, skond il-bżonn, jistgħu jiġu stabbiliti fir-regoli ta' proċedura tal-Tribunal.

2.  Id-disposizzjonijiet tar-reġim lingwistiku tal-Qorti ta' Prim' Istanza għandhom ikunu applikabbli għat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

3.  L-istadju bil-miktub tal-proċedura għandu jinkludi l-preżentata tat-talba u l-eċċezzjonijiet tal-konvenut, sakemm it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jiddeċidix li hemm bżonn ta' skambju ieħor ta' skritturi. Fejn isir it-tieni skambju ta' skritturi, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista', bil-qbil tal-partijiet, jiddeċiedi li jaqta' l-kawża mingħajr ma ssir il-proċedura orali.

4.  F'kull stadju tal-proċedura, inkluża l-preżentata tat-talba, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista' jeżamina l-possibbiltajiet ta' soluzzjoni bi ftehim tal-kwistjoni u jista' jipprova jiffaċilita tali soluzzjoni.

5.  It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż tal-kawża. Bla ħsara għad-disposizzjonijiet partikolari tar-regoli ta' proċedura, il-parti telliefa għandha tħallas l-ispejjeż jekk hekk ikun deċiż.

Artikolu 8

1.  Fejn xi talba jew att proċedurali ieħor li jkunu indirizzati lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jiġu preżentati bi żball lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti ta' Prim' Istanza, dawn għandhom jiġu trasmessi immedjatament minn dan ir-Reġistratur lir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Bl-istess mod, fejn xi talba jew att proċedurali ieħor li jkunu indirizzati lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti ta' Prim' Istanza jiġu preżentati bi żball lir-Reġistratur tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, dawn għandhom jiġu trasmessi immedjatament minn dan ir-Reġistratur lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

2.  Fejn it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku isib li mhuwiex kompetenti biex jieħu konjizzjoni ta' kawża li taqa' fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jew tal-Qorti ta' Prim' Istanza, huwa għandu jirriferi l-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja jew lill-Qorti ta' Prim' Istanza. Bl-istess mod, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja jew il-Qorti ta' Prim' Istanza jsibu li kawża taqa' fil-kompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-Qorti mitluba għandha tirriferi l-kawża lil dan ta' l-aħħar li ma jistax, f'dak il-każ, jiċħad il-kompetenza tiegħu.

3.  Fejn quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti ta' Prim' Istanza jinġiebu kawżi li fihom titqajjem l-istess kwistjoni ta' interpretazzjoni jew li fihom jitqanqal dubju dwar il-validità ta' l-istess att, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, wara li jisma' l-partijiet, jista' jissospendi l-proċedimenti sakemm il-Qorti ta' Prim' Istanza tagħti d-deċiżjoni tagħha.

Fejn quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u l-Qorti ta' Prim' Istanza jinġiebu kawżi li jkollhom l-istess oġġett, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jastjeni milli jassumi l-kompetenza tiegħu sabiex il-Qorti ta' Prim' Istanza tiddeċiedi l-kawża.

Artikolu 9

Appell jista' jsir quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza, fi żmien xahrejn li jiddekorru min-notifika tad-deċiżjoni impunjata, kontra d-deċiżjonijiet finali tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, u kontra d-deċiżjonijiet ta' dak it-Tribunal li jaqtgħu parzjalment kwistjonijiet fil-mertu, jew li jikkonkludu kwistjoni ta' proċedura dwar eċċezzjoni ta' inkompetenza jew ta' inammissibilità.

Dan l-appell jista' jitressaq minn kwalunkwe parti li ma tkunx irnexxiet, parzjalment jew għal kollox, fit-talbiet tagħha. Madankollu, dawk li jintervjenu, ħlief l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta' l-Unjoni, jistgħu jressqu dan l-appell biss meta d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tolqothom direttament.

Artikolu 10

1.  Jista' jsir appell quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza kontra d-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jkunu ċaħdu talba għall-intervent fi żmien ġimgħatejn min-notifika tad-deċiżjoni li tiċħad, minn kull persuna li t-talba tagħha tkun ġiet miċħuda.

2.  Il-partijiet fil-proċedimenti jistgħu jappellaw quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza mid-deċiżjonijiet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku mogħtija skond l-Artikolu 242 jew l-Artikolu 243, jew skond ir-raba' paragrafu ta' l-Artikolu 256 tat-Trattat tal-KE ►C1  jew skond l-Artikolu 157, jew l-Artikolu 158, jew it-tielet paragrafu ta' l-Artikolu 164 tat-Trattat tal-KEEA fi żmien xahrejn min-notifika tagħha. ◄

3.  Il-President tal-Qorti ta' Prim' Istanza jista' jiddeċiedi appelli previsti fil-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Aritkolu, skond proċedura sommarja li tkun tista' tidderoga, safejn meħtieġ, minn xi wħud mir-regoli li fih dan l-Anness u li għandha tiġi stabbilita minn Regoli tal-Proċedura tal-Qorti ta' Prim' Istanza.

Artikolu 11

1.  Appell quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza jista' jitressaq biss fuq punti ta' liġi. L-appell jista' jitressaq għal motivi ta' l-inkompetenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, ta' ksur tal-proċedura quddiemha li jista' jagħmel ħsara lill-interessi ta' l-appellant kif ukoll ksur tad-dritt ta' l-Unjoni mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2.  Ma jistax isir appell fuq il-kap ta' l-ispejjeż biss, dwar min ibagħtihom u l-ammonti tagħhom.

Artikolu 12

1.  Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 242 u 243 tat-Trattat tal-KE u għall-Artikoli 157 u 158 tat-Trattat ta' l-Euratom, appell quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza ma għandux ikollu effett sospensiv.

2.  Fejn jitressaq appell minn deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, il-proċedura quddiem il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha tikkonsisti f'parti bil-miktub u parti orali. Skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fir-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti ta' Prim' Istanza ►C1  , wara li tkun semgħet lill-partijiet, tista' tiddeċiedi mingħajr il-proċedura orali. ◄

Artikolu 13

1.  Jekk l-appell ikun fondat, il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha tħassar id-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u tiddeċiedi l-kawża hija stess. Jekk il-kawża tkun f'punt fejn għad ma tistax tinqata', il-Qorti ta' Prim' Istanza għandha tibgħat l-atti lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

2.  Fejn il-kawża tiġi rinvjata kif indikat fil-paragrafu preċedenti, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għandu jibqa' marbut bid-deċiżjonijiet tal-Qorti ta' Prim' Istanza fuq il-punti ta' liġi.”



( 1 ) ĠU C 80, 10.3.2001, p. 80.