|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje C |
|
C/2026/2835 |
29.5.2026 |
Pubblikazzjoni tal-komunikazzjoni ta’ emenda standard approvata ta’ speċifikazzjoni tal-prodott ta’ indikazzjoni ġeografika f’konformità mal-Artikolu 5(4) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 (1)
(C/2026/2835)
KOMUNIKAZZJONI TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD
(Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2024/1143)
“Morellino di Scansano”
Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-IT-A1260-AM04 — 13.3.2026
1. Isem il-prodott
Morellino di Scansano
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
DOP |
|
☐ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Settur
|
☐ |
Prodotti agrikoli |
|
☑ |
Inbejjed |
|
☐ |
Xarbiet spiritużi |
4. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika
L-Italja
5. Awtorità tal-Istat Membru li tikkomunika l-emenda standard
Isem
Il-Ministeru għall-Agrikoltura, għas-Sovranità tal-Ikel u għall-Forestrija – id-Dipartiment għas-Sovranità tal-Ikel u għall-Isports Ekwestri – id-Direttorat Ġenerali għall-Promozzjoni tal-Kwalità Agroalimentari – PQA I
6. Kwalifika bħala emenda standard
Huwa kkonfermat li l-approvazzjoni u l-komunikazzjoni ta’ din l-emenda standard jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ emenda standard skont ir-Regolament (UE) 2024/1143 u d-dispożizzjonijiet adottati skont dan.
Din l-emenda taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ “emenda standard” kif previst fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143 għaliex:
|
— |
ma tinkludix bidla fl-isem jew fl-użu tal-isem, jew fil-kategorija ta’ prodott jew prodotti deżinjati bl-indikazzjoni ġeografika; |
|
— |
ma tirriskjax li xxejjen ir-rabta maż-żona ġeografika msemmija fid-dokument uniku; |
|
— |
ma tinvolvi ebda restrizzjoni oħra fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott. |
7. Deskrizzjoni tal-emenda/i standard approvata/i
Titolu
Żieda tat-terminu “Superiore” [superjuri]
Deskrizzjoni
Żdied it-tip “Superiore”.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikoli 1, 2, 4, 5, 6 u 10 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, u t-Taqsimiet 6 (Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed), 7.2 (Rendimenti massimi) u 10 (Rabta maż-żona ġeografika) tad-dokument uniku.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Taħlita tal-varjetajiet ta’ għeneb għall-Morellino di Scansano bit-terminu “Riserva”
Deskrizzjoni
It-taħlita tal-varjetajiet ta’ għaneb għall-Morellino di Scansano bit-terminu “Riserva” ġiet emendata biex il-perċentwal minimu tal-varjetà Sangiovese jiżdied minn 85 % għal 90 %, u b’hekk il-perċentwal tal-varjetajiet komplementari tnaqqas minn 15 % għal 10 %.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, dwar l-inserzjoni ta’ paragrafu 2.2 ġdid.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Rendimenti massimi ta’ għeneb għal kull ettaru
Deskrizzjoni
Fl-Artikolu 4(5) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, żdied ir-rendiment massimu tal-għeneb għal kull ettaru għat-tip il-ġdid introdott bit-terminu “Superiore” u r-rendiment għall-Morellino di Scansano bit-terminu “Riserva” tnaqqas minn 9 għal 8 tunnellati għal kull ettaru.
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu (4)5 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-Taqsima 7.2 (Rendimenti massimi) tad-dokument uniku.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Rendimenti massimi tal-għeneb/tal-inbid u qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum
Deskrizzjoni
L-Artikolu 5(1) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġie fformulat mill-ġdid biex jinkludi l-emendi li ġejjin:
|
— |
il-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum tat-tip bit-terminu “Riserva” żdiedet minn 12,00 % għal 12,50 %; |
|
— |
ġew inklużi l-valuri għar-rendiment massimu tal-għeneb/tal-inbid u għall-qawwa alkoħolika naturali minima skont il-volum għat-tip introdott ġdid bit-terminu “Superiore”. |
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5(1) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-Taqsima 6 (Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed) tad-dokument uniku.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Ġestjoni tal-eċċess
Deskrizzjoni
Żdiedet sentenza dwar il-ġestjoni tar-rendiment eċċessiv mal-Artikolu 5(1) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5(1) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Rilaxx għall-konsum tat-tip bit-terminu “Superiore”
Deskrizzjoni
Ir-rilaxx għall-konsum tat-tip introdott ġdid Morellino di Scansano bit-terminu “Superiore” ġie rregolat billi żdied il-paragrafu li ġej mal-Artikolu 5:
“Għall-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Morellino di Scansano bit-terminu ‘Superiore’, ir-rilaxx għall-konsum huwa permess biss mill-1 ta’ Jannar tat-tieni sena wara l-ħsad.”
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5(6) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Rilaxx bikri għall-konsum
Deskrizzjoni
Fl-Artikolu 5(7), żdiedet is-sentenza li ġejja relatata mar-rilaxx bikri għall-konsum:
Madankollu, jekk ikun hemm kundizzjonijiet klimatiċi jew tas-suq partikolari, dment li l-inbid Morellino di Scansano msemmi hawn fuq ikun kiseb il-karatteristiċi kimiċi, fiżiċi u organolettiċi minimi stabbiliti fl-Artikolu 6 hawn taħt, ir-Reġjun tat-Toskana, wara li jikkonsulta mal-assoċjazzjonijiet tal-industrija u mal-organizzazzjonijiet professjonali fir-reġjun, jista’, fuq talba bil-miktub mill-Consorzio di Tutela, jawtorizza r-rilaxx għall-konsum qabel l-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara l-ħsad u fi kwalunkwe każ fi żmien perjodu massimu ta’ xahrejn.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5(7) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Karatteristiċi dwar il-konsum
Deskrizzjoni
Fir-rigward tal-karatteristiċi dwar il-konsum, saru l-emendi li ġejjin:
|
— |
għall-Morellino di Scansano standard, tħassar id-deskrittur “imfewwaħ”; |
|
— |
għall-Morellino di Scansano bit-terminu “Superiore”, żdiedu d-deskritturi kollha relatati mal-karatteristiċi tat-tip introdott ġdid għar-rilaxx għall-konsum; |
|
— |
ġiet riformulata s-sentenza li tiddeskrivi l-possibbiltà li jiġu identifikati ħjieliet tal-injam b’rabta mal-ħżin f’kontenituri tal-injam. |
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-Taqsima 6 (Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed) tad-dokument uniku.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Tneħħija tal-obbligu li tintuża t-trademark reġistrata
Deskrizzjoni
Tneħħa r-rekwiżit li tintuża t-trademark irreġistrata mill-Konsorzju fil-faxxa ta’ identifikazzjoni li tieħu post il-marka tal-Istat.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 9 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Rabta maż-żona ġeografika
Deskrizzjoni
Ir-rabta maż-żona ġeografika ġiet aġġornata b’referenzi għat-tip miżjud ġdid “Superiore”. Ir-rabta maż-żona ġeografika fid-dokument uniku ġiet allinjata wkoll mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 10 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott u t-Taqsima 10 (Rabta maż-żona ġeografika) tad-dokument uniku.
|
☑ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Korrezzjonijiet formali
Deskrizzjoni
Saru korrezzjonijiet formali fit-test tal-ispeċifikazzjoni sabiex jitneħħew l-iżbalji tipografiċi, it-test isir aktar ċar u jiġu aġġornati r-referenzi legali. B’mod partikolari:
|
— |
Artikolu 1: “tip” ġiet sostitwita b’“tipi”; |
|
— |
Artikolu 2(1): tħassar il-kliem “imsemmi fl-Artikolu 1”; il-kliem “mill-varjetajiet ta’ għeneb li ġejjin” ġie sostitwit b’“mill-varjetà ta’ għeneb” u tħassru r-referenzi legali għad-digriet li japprova r-reġistru nazzjonali tal-varjetajiet ta’ dwieli għall-għeneb tal-inbid; |
|
— |
Artikolu 4(6): tħassret l-aħħar sentenza, peress li d-dispożizzjoni diġà hija preżenti fl-Artikolu 5, u għalhekk hija meqjusa żejda; |
|
— |
Artikolu 5(3): l-isem tal-Ministeru kompetenti ġie aġġornat; |
|
— |
Artikolu 6(1): il-frażi “u Morellino di Scansano bit-terminu Riserva” ġiet sostitwita bil-kliem “imsemmi fl-Artikolu 1”. |
|
— |
Artikolu 7(5): il-frażi “u Morellino di Scansano bit-terminu Riserva” ġiet sostitwita bil-kliem “imsemmi fl-Artikolu 1”. |
L-emenda tikkonċerna l-Artikoli 1, 2(1), 4(6), 5(3), 6(1) u 7(5) tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
Titolu
Tħassir tar-referenza għall-korp ta’ kontroll.
Deskrizzjoni
L-artikolu fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott li jipprevedi referenzi għall-korp ta’ kontroll ġie emendat, u l-informazzjoni ġiet sostitwita b’referenza għall-pubblikazzjoni fuq is-sit web uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.
Din l-emenda tikkonċerna l-Artikolu 11 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott.
|
☐ |
L-emenda taffettwa d-dokument uniku. |
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi tal-inbid
Morellino di Scansano
Numru ta’ referenza tal-UE: PDO-IT-A1260-AM04 — 13.3.2026
1. Isem/Ismijiet
Morellino di Scansano
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
|
☑ |
DOP |
|
☐ |
IĠP |
|
☐ |
IĠ |
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
L-Italja
4. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
2204 – Inbid tal-għeneb frisk, inkluż l-inbejjed imqawwija; most tal-għeneb għajr dak tal-intestatura 2009
5. Kategoriji tal-prodotti tad-dielja kif elenkati fil-Parti II tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013
|
1. |
Inbid |
6. Deskrizzjoni tal-inbid jew tal-inbejjed
Prodott tad-dwieli
Morellino di Scansano aħmar
Karatteristiċi organolettiċi
kulur: aħmar lewn ir-rubin, li għandu tendenza jagħti għal lewn il-granata maż-żmien
fwieħa: kumplessa, intensa, pjaċevoli, fina
togħma: xotta, sħuna, kemxejn tannika.
Informazzjoni addizzjonali dwar il-karatteristiċi organolettiċi
L-inbejjed li jinħażnu f’kontenituri tal-injam jista’ jkollhom kemxejn togħma ta’ injam.
Karatteristiċi analitiċi
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): |
- |
|
Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum): |
- |
|
Aċidità totali minima: |
4,50 |
|
Unità ta’ aċidità totali minima: |
fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): |
- |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): |
- |
Informazzjoni addizzjonali dwar il-karatteristiċi analitiċi
Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 12,50 % skont il-volum
Estratt minimu mingħajr zokkor huwa: 24,0 g/l
|
☑ |
Kwalunkwe karatteristika analitika li ma hijiex indikata f’din it-taqsima hija fil-limiti stipulati mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE. |
Prodott tad-dwieli
Morellino di Scansano Riserva aħmar
Karatteristiċi organolettiċi
kulur: aħmar lewn ir-rubin, li għandu tendenza jagħti għal lewn il-granata maż-żmien
fwieħa: kumplessa, intensa, pjaċevoli, fina
togħma: xotta, sħuna, kemxejn tannika.
Informazzjoni addizzjonali dwar il-karatteristiċi organolettiċi
L-inbejjed li jinħażnu f’kontenituri tal-injam jista’ jkollhom kemxejn togħma ta’ injam.
Karatteristiċi analitiċi
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): |
- |
|
Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum): |
- |
|
Aċidità totali minima: |
4,5 |
|
Unità ta’ aċidità totali minima: |
fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): |
- |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): |
- |
Informazzjoni addizzjonali dwar il-karatteristiċi analitiċi
Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 13,00 % skont il-volum
Estratt minimu mingħajr zokkor huwa: 26,0 g/l
|
☑ |
Kwalunkwe karatteristika analitika li ma hijiex indikata f’din it-taqsima hija fil-limiti stipulati mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE. |
Prodott tad-dwieli
Morellino di Scansano Superiore aħmar
Karatteristiċi organolettiċi
kulur: aħmar lewn ir-rubin, li għandu tendenza jagħti għal lewn il-granata maż-żmien
fwieħa: kumplessa, intensa, pjaċevoli, fina
togħma: xotta, sħuna, kemxejn tannika.
Informazzjoni addizzjonali dwar il-karatteristiċi organolettiċi
L-inbejjed li jinħażnu f’kontenituri tal-injam jista’ jkollhom kemxejn togħma ta’ injam.
Karatteristiċi analitiċi
|
Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum): |
- |
|
Qawwa alkoħolika effettiva minima (f’% tal-volum): |
- |
|
Aċidità totali minima: |
4,5 |
|
Unità ta’ aċidità totali minima: |
fi grammi għal kull litru espressi bħala aċidu tartariku |
|
Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru): |
- |
|
Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru): |
- |
Informazzjoni addizzjonali dwar il-karatteristiċi analitiċi
Qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum: 13,00 % skont il-volum
Estratt minimu mingħajr zokkor: 24,0 g/l
|
☑ |
Kwalunkwe karatteristika analitika li ma hijiex indikata f’din it-taqsima hija fil-limiti stipulati mil-leġiżlazzjoni applikabbli tal-UE. |
7. Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid
7.1. Prattiki enoloġiċi speċifiċi użati biex isir l-inbid jew l-inbejjed u r-restrizzjonijiet rilevanti għall-produzzjoni tagħhom
-
Mhux applikabbli
7.2. Rendimenti massimi
Morellino di Scansano
Rendiment massimu:
|
Rendiment massimu: |
9 000 |
|
Unità ta’ rendiment massimu: |
kilogrammi ta’ għeneb għal kull ettaru |
Morellino di Scansano Superiore u Riserva
Rendiment massimu:
|
Rendiment massimu: |
8 000 |
|
Unità ta’ rendiment massimu: |
kilogrammi ta’ għeneb għal kull ettaru |
8. Indikazzjoni tal-varjetà jew tal-varjetajiet ta’ għeneb tal-inbid li minnhom jiġi prodott l-inbid jew jiġu prodotti l-inbejjed
|
— |
Sangiovese N. |
9. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika definita
L-għeneb maħsub għall-produzzjoni tal-inbejjed bid-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Morellino di Scansano jrid jiġi prodott fiż-żona li tinkludi s-serbut tal-għoljiet fil-provinċja ta’ Grosseto bejn ix-xmajjar Ombrone u Albegna, li tinkludi t-territorju amministrattiv kollu tal-muniċipalità ta’ Scansano u parti mill-muniċipalitajiet ta’ Manciano, Magliano in Toscana, Grosseto, Campagnatico, Semproniano u Roccalbegna fil-provinċja ta’ Grosseto.
10. Rabta maż-żona ġeografika
Kategorija ta’ prodotti tad-dwieli
|
1. |
Inbid |
Sommarju tar-rabta
A)
1. Fatturi naturali li huma rilevanti għar-rabta
Iż-żona ġeografika definita tinkludi ż-żona bl-għoljiet fix-Xlokk tal-provinċja ta’ Grosseto, bejn ix-xmajjar Ombrone u Albegna, li tinkludi t-territorju kollu tal-muniċipalità ta’ Scansano, parti kbira minn dik ta’ Magliano in Toscana u parti iżgħar mill-muniċipalitajiet ta’ Manciano, Grosseto, Campagnatico, Semproniano u Roccalbegna. Iż-żona kkonċernata tinkludi firxa ta’ għoljiet u ta’ għoljiet baxxi, li mit-Tramuntana u l-Lvant jinżlu lejn in-Nofsinhar lejn il-pjanura ta’ Albinia u lejn il-Punent lejn il-kosta tat-Tirrenu u l-pjanura ta’ Grossetana.
It-temperatura medja tvarja madwar +15,0 °C, b’+7,0 °C u +24,0 °C għax-xhur tax-xitwa u tas-sajf rispettivament.
L-ammont medju ta’ xita huwa ta’ madwar 620 mm. Il-preċipitazzjoni hija kkonċentrata fix-xhur tal-ħarifa u tax-xitwa, li matulhom spiss tagħmel xita f’daqqa bil-maltempati, u r-rebbiegħa u s-sajf ikunu xotti sew. Il-klima fiż-żona hija sħuna u xotta, u n-nixfa rikorrenti hija l-fattur ta’ limitazzjoni ewlieni għall-produzzjoni agrikola. Ix-xita hija kkonċentrata fix-xhur ta’ Novembru sa April, u ħafna minnha tagħmel fil-Lvant.
Morfoloġikament, iż-żona hija kkaratterizzata minn art bl-għoljiet, li tippredomina fuq plateaux żgħar. L-akbar għoljiet jinsabu fil-parti tat-Tramuntana taż-żona u jiffurmaw il-baċir tal-iskular ewlieni tal-baċiri Ombrone u Osa-Albegna. L-altitudni medja prevalenti hija ta’ 250 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar, li tinżel għal 30-40 metru f’xi żoni fuq barra tal-pjanuri. L-altitudni massima hija ta’ 566 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar.
Minn Poggioferro sa Scansano, aktar ma tinżel lejn il-kosta tat-Tirrenu, bl-eċċezzjoni tar-riljiev ta’ Montebottigli, l-art issir anqas u anqas imħarbta u irregolari sakemm tasal għal għoljiet żgħar jew pjanuri kemxejn immewġin.
Il-ġeoloġija taż-żona għandha karatteristiċi relattivament uniformi fil-Punent, fejn jipprevali r-riljiev tal-ġebel tar-ramel siliċiku jew tat-tip pietraforte, filwaqt li fil-Lvant, il-formazzjonijiet tal-ġebel tal-ġir u tax-shale jagħtuha dehra aktar kumplessa u mħarbta. Il-ħamrija għandha sawra ta’ trab ġulġlieni xaħxi jew ta’ trab ġulġlieni ramli fil-parti tal-Punent derivata mill-ġebla tar-ramel, fejn ir-reazzjoni ġeneralment tkun minn subaċidika għal alkalina, filwaqt li għandha sawra ta’ trab ġulġlieni xaħxi jew ta’ trab ġulġlieni tafli fil-parti tal-Lvant derivata mill-formazzjonijiet tal-ġebel tal-ġir fejn ir-reazzjoni għandha t-tendenza li tkun alkalina.
Il-ħamrija ġeneralment ma tkunx fonda ħafna, bil-blat tal-qiegħ li f’ħafna każijiet tkun viżibbli.
2. Fatturi umani rilevanti għar-rabta
Hemm rabta qawwija bejn il-fatturi umani u l-ambjent peress li n-nies fir-reġjun tal-vitikultura għandhom tradizzjoni ferm stabbilita ta’ produzzjoni tal-inbejjed Morellino di Scansano.
Il-kultivazzjoni tad-dwieli fi Scansano u fiż-żoni ġirien għandha oriġini qadima, u l-evidenza tal-preżenza tagħha tmur lura għall-Etruski, kif muri minn sejbiet ta’ għodod agrikoli għaż-żbir u għall-ħsad tal-għeneb fis-sit arkeoloġiku ta’ Ghiaccioforte.
Matul il-perjodu Medjevali, kwotazzjonijiet interessanti minn akkademiċi u minn riċerkaturi jenfasizzaw il-kundizzjonijiet eċċellenti tal-ħamrija u tal-klima li ż-żona ta’ Scansano toffri għall-kultivazzjoni prezzjuża tad-dwieli. Fil-Medjuevu, il-ħakkiema u l-lords fewdali għarfu l-ħtieġa li jagħtu, separatament, art adattata għal din l-għalla, li kienet protetta minn dispożizzjonijiet statutorji speċifiċi.
Meta l-art fewdali u komunali kienet qed tinqasam fi rqajja’, il-konċessjonijiet tal-art fl-erjas tal-vitikultura ssemmew b’mod espliċitu: fl-istatuti tal-Komunitajiet ta’ Cotone, Montorgiali u Scansano, ir-regoli stabbiliti għall-protezzjoni tad-dwieli u tal-għeneb kienu stretti ħafna, tant li imponew multa fuq is-sidien tal-annimali li jikkawżaw ħsara lid-dwieli.
L-ewwel informazzjoni dettaljata jew ordnata xjentifikament dwar il-produzzjoni tmur lura għall-1813, meta l-“Maire della Comune di Scansano”, f’ittra mibgħuta lid-Deputat Prefett tad-Distrett ta’ Grosseto, iddikjara li, fis-sena ta’ qabel, fiż-żona ta’ Scansano kienu ġew prodotti 5 540 ettolitru nbid, l-aktar ta’ kwalità superjuri.
Luigi Villafranchi-Giorgini, f’nota moqrija fl-1847 lis-Società Agraria Grossetana, iddikjara li fil-Ġonna Botaniċi ta’ Pisa kien hemm zokk ta’ dielja għoli ħames ells – 2,92 metri – u b’ċirkonferenza ta’ erba’ ells – 2,36 metri – minn “Castagneta Valle”, fil-muniċipalità ta’ Scansano.
Fl-1884, fi studju dwar l-iżvilupp tal-agrikoltura, tal-industrija u tal-kummerċ fil-provinċja ta’ Grosseto, Giacomo Barabino rrapporta l-kwalità għolja tal-inbejjed Magliano, Pereta u Scansano.
Fil-21 ta’ Diċembru 1884, Vannuccio Vannuccini, membru ordinarju tal-Accademia dei Georgofili, organizza konferenza fi Scansano għall-promozzjoni tal-ħtieġa ta’ kooperattiva tal-vitikulturi.
Rapport storiku ieħor dwar il-vitikultura fiż-żona ta’ Scansano jmur lura għall-1887, meta Luigi Vannuccini ppubblika monografu dwar “Il-kultivazzjoni tad-dwieli b’appoġġi b’fergħa waħda jew b’rimja waħda fiż-żona ta’ Scansano fir-rigward ta’ dwieli f’forma ta’ arbuxelli jew sġajriet mingħajr appoġġ”.
Aktar evidenza ta’ kemm it-tradizzjoni tal-vitikultura għandha għeruq fondi fiż-żona tingħata mill-“Festa dell’Uva” (il-festa tal-għeneb), ċelebrazzjoni marbuta mal-perjodu tal-ħsad, li ilha ssir fi Scansano mill-1969 fl-għexieren ta’ kantini tal-inbid Medjevali fiż-żona, li min-naħa tagħha tixhed it-tradizzjoni popolari mifruxa sew tal-produzzjoni għall-konsum mill-familji u għall-bejgħ.
Pubblikazzjoni mill-Ispettorat Agrikolu Provinċjali ta’ Grosseto dwar il-“Viticoltura Grossetana”, ippubblikata fl-1972, li tistabbilixxi r-riżultati ta’ riċerka storika dwar l-oriġini u l-espansjoni tad-dwieli fiż-żoni tal-għoljiet tal-provinċja, tikkonferma l-importanza kbira tal-inbejjed ta’ Scansano, li ilhom magħrufin għal aktar minn seklu għall-kwalità eċċellenti u għall-ħajja fuq l-ixkaffa tagħhom.
Għalhekk, fl-2006 il-kultivazzjoni tad-dwieli u l-produzzjoni tal-inbid fi Scansano ġew rikonoxxuti bħala “Denominazione di Origine Controllata” (denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata) fl-1978 u bħala “Denominazione di Origine Controllata e Garantita” (denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata u garantita).
Il-fatturi umani għandhom rwol fir-rigward tad-definizzjoni preċiża tal-aspetti tekniċi tal-produzzjoni li ġejjin, li jiffurmaw parti integrali mill-ispeċifikazzjoni tal-prodott:
|
— |
Taħlita tal-varjetajiet ta’ għeneb fil-vinji: il-varjetà ta’ għeneb ewlenija adattata għall-produzzjoni tal-inbejjed Morellino di Scansano, Morellino di Scansano Riserva u Morellino di Scansano Superiore hija s-Sangiovese, li minn dejjem kienet titkabbar fiż-żona ġeografika kkonċernata. |
|
— |
Il-metodi tradizzjonali ta’ tħarriġ tad-dwieli, id-distanzi tat-tħawwil u s-sistemi ta’ żbir, inkluż għal tħawwil ġdid, jintużaw sabiex jinkiseb l-aħjar arranġament u dak l-aktar effiċjenti tad-dwieli fuq l-art, kif ukoll biex jippermettu l-ġestjoni effiċjenti tal-faxxina sabiex tinkiseb erja tal-faxxina xierqa u b’esponiment tajjeb, inkluż permezz taż-żbir tat-taħfif u bit-tnaqqis tal-ammont ta’ għeneb. Dan iżomm ir-rendimenti tal-produzzjoni tal-għeneb fil-limiti stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni, jiġifieri 9 000 kg għal kull ettaru għall-Morellino di Scansano u 8 000 kg għal kull ettaru għall-Morellino di Scansano Riserva u għall-Morellino di Scansano Superiore, b’rendiment massimu ta’ 3 kg għal kull pjanta. |
|
— |
L-inbid isir bi prattiki tradizzjonali li ilhom jintużaw fiż-żona biex isiru l-inbejjed ħomor bla gass, li jiddifferenzjaw b’mod xieraq bejn it-tipi standard, Riserva u Superiore. It-tip Riserva huwa relatat ma’ nbejjed ħomor aktar strutturati, li l-produzzjoni tagħhom teħtieġ perjodu minimu ta’ tqaddim fl-injam. |
It-tip Superiore jirrigwarda l-inbejjed ħomor b’rendiment tal-għeneb aktar baxx għal kull ettaru u b’qawwa alkoħolika minima ogħla skont il-volum, li l-produzzjoni tagħhom tinvolvi perjodu itwal ta’ tqaddim qabel ma jiġu rrilaxxati għall-konsum.
B)
Id-denominazzjoni ta’ oriġini protetta Morellino di Scansano tirreferi għat-tipi standard, Riserva u Superiore, li, minn perspettiva analitika u organolettika, għandhom karatteristiċi ċari u distintivi ħafna, kif deskritt fl-Artikolu 6 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott, li jagħmluhom identifikabbli b’mod ċar u tipiċi tal-ambjent ġeografiku. B’mod partikolari, it-tipi kollha għandhom kontenut baxx ta’ aċidità. Il-kulur huwa aħmar lewn ir-rubin, li, fit-tip Riserva, jevolvi għal lewn il-granata. Il-fwieħa tiegħu hija qawwija, ta’ nbid u varjata, li tfakkar fil-frott aħmar tal-bosk; fit-tip Riserva, l-aromi tal-injam huma aktar qawwija u hemm ukoll noti ta’ ħwawar u ta’ frott aktar misjur. It-togħma tat-tip standard hija xotta, sħuna u kemxejn tannika; dawn l-elementi huma preżenti wkoll fit-tip Riserva, li huwa aktar persistenti.
It-tip Superiore huwa kkaratterizzat minn kontenut ogħla ta’ alkoħol u jqatta’ żmien itwal fil-kantina qabel ma jiġi rrilaxxat għall-konsum, li jagħmel il-prodott aktar raffinat.
C)
It-topografija bl-għoljiet taż-żona tal-produzzjoni u l-esponiment tal-vinji l-aktar lejn il-Lvant u x-Xlokk, f’żoni li huma eċċezzjonalment adattati għall-kultivazzjoni tad-dwieli, joħolqu ambjent adattat b’żiffa tajba u b’ħafna dawl li jipprovdi lill-pjanti b’kundizzjonijiet favorevoli għat-tkabbir.
Meta jintgħażlu ż-żoni tal-produzzjoni, tingħata preferenza lil art b’esponiment tajjeb, li jagħmilha adattata għall-produzzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità għolja, minbarra l-art f’qiegħ il-widien.
L-istorja twila tal-vitikultura fir-reġjun tmur lura għal żmien l-Etruski, mill-Medjuevu sal-lum, kif juru għadd kbir ta’ dokumenti. Din hija l-prova bażika tar-rabta u tal-interazzjoni mill-qrib bejn il-fatturi umani u l-kwalità u l-karatteristiċi partikolari tal-inbid Morellino di Scansano.
Dan huwa eżempju ta’ kif matul is-sekli, in-nies f’din iż-żona partikolari għaddew it-tekniki tal-kultivazzjoni tad-dwieli u enoloġiċi tradizzjonali, li fi żminijiet moderni ġew irfinati u elaborati bir-reqqa bis-saħħa tal-progress xjentifiku u teknoloġiku indiskutibbli li sar, li wassal għall-inbejjed tant rinomati tal-lum.
Id-DOCG Morellino di Scansano ġiet rikonoxxuta b’Digriet Ministerjali tal-14 ta’ Novembru 2006.
11. Rekwiżiti oħra applikabbli
Titolu tar-rekwiżit/tad-deroga
Morellino di Scansano - Ibbottiljar
Leġiżlazzjoni tal-UE
Ibbottiljar fiż-żona ġeografika definita
L-ibbottiljar u l-imballaġġ iridu jsiru fiż-żona ġeografika definita.
Titolu tar-rekwiżit/tad-deroga
Morellino di Scansano - Produzzjoni tal-inbid
Leġiżlazzjoni tal-UE
Deroga dwar il-produzzjoni fiż-żona ġeografika definita
Il-produzzjoni tal-inbid barra miż-żona hija permessa f’faċilitajiet li jinsabu qrib il-konfini taż-żona tal-produzzjoni, dment li jkunu jinsabu f’distanza ta’ 2 000 metru f’linja dritta, u li jkunu l-proprjetà ta’ impriżi li kienu ilhom jagħmlu l-inbid Morellino di Scansano għal mill-inqas 5 snin fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Digriet Ministerjali tat-23 ta’ Lulju 2010. Il-permessi huma soġġetti għal applikazzjoni u jinħarġu mill-Ministeru għall-Politika Agrikola, tal-Ikel u tal-Forestrija.
Titolu tar-rekwiżit/tad-deroga
Morellino di Scansano - Tikkettar u preżentazzjoni
Leġiżlazzjoni nazzjonali
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
L-isem “Toscana” bħala unità ġeografika akbar jista’ jiġi inkluż fuq it-tikketta u meta jintwerew l-inbejjed bid-DOP Morellino di Scansano. L-isem ġeografiku usa’ “Toscana” jrid jiġi wara l-isem Morellino di Scansano u jidher taħt it-terminu tradizzjonali speċifiku denominazione di origine controllata e garantita (denominazzjoni ta’ oriġini kkontrollata u garantita jew DOCG) jew il-kliem denominazione di origine protetta (denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew DOP) tal-Unjoni Ewropea, fl-ordni li ġejja: - Morellino di Scansano - Denominazione di origine controllata e garantita jew Denominazione di origine protetta (jew l-abbrevjazzjoni DOCG jew D.O.C.G.) - Toscana. Id-daqs tat-tipa għall-isem “Toscana” jrid ikun iżgħar minn dak tal-isem Morellino di Scansano, u għat-tnejn li huma jridu jintużaw l-istess tipa, stil, spazjar, prominenza, kulur u intensità kolorimetrika. L-informazzjoni kollha elenkata fit-tieni paragrafu trid tidher fuq sfond uniformi.
Titolu tar-rekwiżit/tad-deroga
Morellino di Scansano - Imballaġġ
Leġiżlazzjoni tal-UE
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
L-inbejjed bid-DOP Morellino di Scansano jistgħu jiġu rrilaxxati għall-konsum biss f’kontenituri tal-ħġieġ fil-forma “Bordeaux”, b’volum nominali li jasal sa 6 litri. L-użu ta’ formati speċjali oħra ta’ 9, 12 u 15-il litru huwa limitat għal skopijiet promozzjonali u mhux kummerċjali.
Titolu tar-rekwiżit/tad-deroga
Morellino di Scansano - Sistemi tal-għeluq
Leġiżlazzjoni tal-UE
Dispożizzjonijiet addizzjonali relatati mat-tikkettar
Is-sistemi tal-għeluq permessi huma dawk stabbiliti fir-regolamenti fis-seħħ, ħlief għat-tappini. L-użu ta’ tappijiet bil-kamin huwa permess biss għal fliexken tal-ħġieġ li jesgħu 0,750 litru jew inqas, bl-eċċezzjoni tal-inbid Morellino di Scansano Riserva.
Referenza elettronika (URL) għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
https://www.masaf.gov.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/24070
(1) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/27 tat-30 ta’ Ottubru 2024 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’regoli dwar ir-reġistrazzjoni u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, speċjalitajiet tradizzjonali garantiti u termini tal-kwalità mhux obbligatorji u li jħassar ir-Regolament Delegat (UE) Nru 664/2014 (ĠU L, 2025/27, 15.1.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/27/oj).
ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/2835/oj
ISSN 1977-0987 (electronic edition)