52012DC0627

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL L-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/47/KE tat-18 ta' Lulju 2005 dwar il-Ftehim bejn il-Komunità ta' Ferroviji Ewropej (CER) u l-Federazzjoni Ewropea għall-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli fis-settur tal-ferroviji /* COM/2012/0627 final */


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/47/KE tat-18 ta' Lulju 2005 dwar il-Ftehim bejn il-Komunità ta' Ferroviji Ewropej (CER) u l-Federazzjoni Ewropea għall-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli fis-settur tal-ferroviji

WERREJ

1........... Introduzzjoni................................................................................................................... 3

1.1........ Id-Direttiva..................................................................................................................... 3

1.2........ It-Traspożizzjoni Formali tad-Direttiva............................................................................ 3

1.3........ Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tad-Direttiva....................................................................... 4

2........... Il-Kamp ta’ Applikazzjoni u l-Għan tal-Ftehim mehmuż mad-Direttiva............................. 4

3........... Id-Dispożizzjonijiet operattivi ewlenin tal-Ftehim mehmuża mad-Direttiva......................... 5

3.1........ Il-klawżola 3 — Il-mistrieħ ta’ kuljum id-dar................................................................... 5

3.2........ Il-klawżola 4 — Mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar.......................................................... 6

3.3........ Klawżola 5 — il-Brejks.................................................................................................. 7

3.4........ Il-klawżola 6 — Il-perjodu ta’ mistrieħ kull ġimgħa.......................................................... 8

3.5........ Klawżola 7 — Il-ħin tas-sewqan..................................................................................... 9

3.6........ Klawżola 8 — Verifiki.................................................................................................. 10

4........... Il-valutazzjoni tal-effett prattiku tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva................................... 10

4.1........ Lejn Zona Ferrovjarja Unika Ewropea — l-importanza ta' servizzi transkonfinali interoperabbli            10

4.2........ Implikazzjonijiet transkonfinali interoperabbli ta' servizzi tal-ferrovija għall-mobilità tal-persunal 12

4.3........ L-impatt soċjali tad-Direttiva......................................................................................... 14

4.4........ L-impatt ekonomiku tad-Direttiva................................................................................. 15

4.5........ Konklużjonijiet dwar l-impatt tad-Direttiva.................................................................... 15

5........... Il-valutazzjoni ta’ piżijiet amministrattivi potenzjali.......................................................... 17

6........... Kwistjonijiet imqajma mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali matul Konsultazzjonijiet marbuta ma’ dan ir-Rapport.................................................................................................................................... 17

7........... Konklużjonijiet............................................................................................................. 18

1.           Introduzzjoni

1.1.        Id-Direttiva

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/47/KE tat-18 ta' Lulju 2005 dwar il-Ftehim bejn il-Komunità ta' Ferroviji Ewropej (CER) u l-Federazzjoni Ewropea għall-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema mobbli assenjati għal servizzi trans-konfini interoperabbli fis-settur tal-ferroviji (minn issa ’l quddiem “id-Direttiva”)[1] ġiet adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 155 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (l-ex Artikolu 139 tat-Trattat KE), li tipprevedi li -

‘L-Artikolu 155 (l-ex Artikolu 139 TKE)

1. Jekk min imexxi u l-ħaddiema hekk jixtiequ, id-djalogu bejniethom fil-livell tal-Unjoni jista' jwassal għal relazzjonijiet kontrattwali, inkluż ftehim.

2. Il-Ftehim konklużi fil-livell tal-Unjoni għandhom ikunu implementati skont il-proċeduri u prattiċi speċifiċi għal min imexxi u l-ħaddiema u l-Istati Membri, jew, f’materji li huma koperti mill-Artikolu 153, fuq talba konġunta mill-partijiet firmatarji, b’deċiżjoni tal-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi informat.

Il-Kunsill għandu jaġixxi b'mod unanimu meta l-ftehim inkwistjoni jkun fih dispożizzjoni waħda jew aktar konnessi ma' wieħed mill-oqsma li għalihom hija meħtieġa l-unanimità skont l-Artikolu 153(2).

Peress li t-terminu “deċiżjoni” fl-Artikolu 155 tat-Trattat huwa użat fis-sens ġenerali tiegħu sabiex l-istrument leġiżlattiv jista' jintgħażel skont l-Artikolu 288 tat-Trattat, huwa f’idejn il-Kummissjoni li tipproponi lill-Kunsill liema mit-tliet strumenti li jorbtu msemmija fl-Artikolu (regolament, direttiva jew deċiżjoni) ikun l-aktar wieħed xieraq. F'dan il-każ il-Kummissjoni kkonkludiet li l-iktar strument adattat huwa Direttiva tal-Kunsill, minħabba t-tip u l-kontenut tal-ftehim tal-imsieħba soċjali u li huwa l-aħjar prattika biex japplikawha indirettament permezz ta' dispożizzjonijiet li jridu jiġu trasposti mill-Istati Membri jew l-imsieħba soċjali fil-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

Tabilħaqq, l-għan tad-Direttiva huwa li timplimenta l-Ftehim konkluż fis-27 ta' Jannar 2004 bejn il-Komunità tal-Ferroviji Ewropej (CER) u l-Federazzjoni Ewropea għall-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' ħaddiema mobbli li jaħdmu f’servizzi transkonfinali interoperabbli.

1.2.        It-Traspożizzjoni Formali tad-Direttiva

L-Istati Membri kellhom jew jittrasponu d-Direttiva, wara konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali, sas-27 ta' Lulju 2008 jew jiżguraw li l-imsieħba soċjali adottaw id-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim sa dik id-data (l-Artikolu 5).

L-Istati Membri kollha ttrasponew id-Direttiva, bl-eċċezzjoni ta' dawk l-Istati Membri mingħajr ebda settur ferrovjarju (Malta u Ċipru) jew l-ebda servizz transkonfinali ma' Stati Membri oħra tal-UE (il-Finlandja). F'żewġ każijiet, it-traspożizzjoni saret tard ħafna u biss wara li l-Kummissjoni fetħet proċeduri ta' ksur (il-proċeduri C-291/10 u C-305/10).

L-Istati Membri kollha, minbarra l-Litwanja, ikkonsultaw l-imsieħba soċjali matul dan il-proċess. Madankollu, l-imsieħba soċjali tal-Litwanja xorta waħda kellhom xi ftit influwenza fuq l-implimentazzjoni tat-traspożizzjoni, peress li ftehim kollettiv kien aġġornat ladarba d-Direttiva kienet ġiet implimentata.

Għas-sustanza tat-traspożizzjoni u l-konformità mad-Direttiva, fit-Taqsimiet 2 u 3 wieħed isib deskrizzjoni ta’ klawżola bi klawżola tas-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni beħsiebha tieħu miżuri xierqa dwar il-kwistjonijiet u l-problemi identifikati hemmhekk.

1.3.        Il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tad-Direttiva

Sabiex tissorvelja l-impatt ekonomiku u soċjali tal-Ftehim, u b'mod partikolari l-Klawżola 4 tiegħu, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tissottometti rapport lill-Kunsill, u dan għamlitu fil-15 ta' Diċembru 2008 fil-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill dwar “Impatt ekonomiku u soċjali tal-ftehim anness mad-Direttiva 2005/47/KE, konkluża fis-27 ta' Jannar 2004 bejn l-imsieħba soċjali, dwar ċerti aspetti tal-kondizzjonijiet tal-użu tal-ħaddiema mobbli li jwettqu servizzi ta' interoperabbiltà transkonfinali fis-settur tal-ferroviji”[2].

L-Artikolu 3 tad-Direttiva jipprevedi li l-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta ma’ min iħaddem u mal-ħaddiema fuq livell Ewropew, tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-direttiva fil-kuntest tal-iżvilupp tas-settur ferrovjarju.

Bħala apoġġ għal dan ir-rapport, il-Kummissjoni nediet studju dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva. L-Imsieħba Soċjali kienu assoċjati mill-qrib u ġew ikkonsultati dwar is-sejbiet ta' dan l-istudju.

2.           Il-Kamp ta’ Applikazzjoni u l-Għan tal-Ftehim mehmuż mad-Direttiva

Klawżola 1 – Il-Kamp ta’ Applikazzjoni

Dan il-Ftehim għandu japplika għal ħaddiema mobbli tal-ferrovija assenjati servizzi transkonfinali interoperabbli li jitwettqu minn impriżi ferrovjarji.

L-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim hija fakultattiva għal traffiku tal-passiġġieri transkonfinali lokali u reġjonali, traffiku tal-merkanzija transkonfinali li ma jivvjaġġax aktar minn 15-il kilometru mill-fruntiera, u għat-traffiku bejn stazzjonijiet fil-fruntieri uffiċjali elenkati fl-Anness.

L-applikazzjoni hija fakultattiva wkoll għal ferroviji fuq rotot transkonfinali li jibdew u jintemmu fl-infrastruttura tal-istess Stat Membru u li jużaw l-infrastruttura ta' Stat Membru ieħor mingħajr ma jieqfu hemm (u li għalhekk jistgħu jiġu kkunsidrati bħala operazzjonijiet ta' trasport nazzjonali).

Fir-rigward tal-ħaddiema mobbli li jaħdmu f’servizzi transkonfinali interoperabbli, id-Direttiva 93/104/KE m’għandhiex tapplika għal dawk l-aspetti li għalihom dan il-Ftehim fih dispożizzjonijiet aktar speċifiċi.

F'ħames Stati Membri (l-Estonja, il-Latvja, is-Slovenja, id-Danimarka u l-Greċja) il-leġiżlazzjoni (minbarra l-Klawżola 5) tapplika biss għas-sewwieqa. Fl-Istati Membri l-oħra l-leġiżlazzjoni tapplika mhux biss għas-sewwieqa, iżda ġeneralment għall-ekwipaġġ kollu tal-ferrovija internazzjonali (mhux kull Stat Membru jidħol f’daqshekk dettall).

L-ebda Stati Membru m’għandu klawżoli speċjali għall-impjegati li jaħdmu kemm internazzjonalment kif ukoll nazzjonalment.

L-użu tal-esklużjonijiet mhux obbligatorji mill-Istati Membri

Ħmistax-il Stat Membru ma nqdewx bl-għażla li japplikaw id-Direttiva għat-traffiku ta’ passiġġieri transkonfinali lokali u reġjonali u għat-traffiku tal-merkanzija mhux aktar minn 15-il kilometru mill-fruntiera. Għaxar Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, l-Italja, is-Slovakkja, l-Awstrija, il-Lussemburgu, id-Danimarka, Franza u Spanja) ma għamlux użu minn din l-għażla fil-leġiżlazzjoni tagħhom u użaw l-istess kliem tal-Ftehim (it-tieni paragrafu tal-Klawżola 1). Żewġ Stati Membri (il-Litwanja u l-Greċja) għamlu użu minn din l-għażla u użaw l-formola tagħhom stess. Fil-każ tal-aħħar, il-Ftehim jgħodd għat-trasport transkonfinali kollu, inklużi distanzi qosra.

Ħmistax-il Stat Membru ma għamlux użu mill-għażla li japplikaw id-Direttiva għal rotot transkonfinali li jibdew u jintemmu fl-istess Stat Membru. Tmien Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, is-Slovakkja, l-Awstrija, id-Danimarka, l-Isvezja u Spanja) ma għamlux użu minn din l-għażla u użaw id-deskrizzjoni fid-Direttiva tal-UE. Tliet Stati Membri (Il-Litwanja, il-Greċja u l-Portugall) għamlu din l-għażla u użaw id-deskrizzjonijiet tagħhom stess.

3.           Id-Dispożizzjonijiet operattivi ewlenin tal-Ftehim mehmuża mad-Direttiva

3.1.        Il-klawżola 3 — Il-mistrieħ ta’ kuljum id-dar

Il-klawżola 3 teżiġi li mistrieħ ta' kuljum id-dar għandu normalment ikun għal minimu ta’ 12-il siegħa konsekuttiva kull 24 siegħa. Il-Ftehim jippermetti tnaqqis sa minimu assolut ta' 9 sigħat, iżda dan it-tnaqqis jista' jseħħ biss darba kull perjodu ta' sebat ijiem. Il-mistrieħ ta’ kuljum imnaqqas ma jistax ikun skedat bejn żewġ perjodi ta’ mistrieħ ’il bogħod mid-dar u s-sigħat li jkunu tnaqqsu mill-perjodu ta’ mistrieħ iridu jiġu miżjuda mal-perjodu li jkun imiss ta' mistrieħ ta' kuljum id-dar.

It-traspożizzjoni tar-rekwiżiti dwar il-mistrieħ ta’ kuljum id-dar

Wieħed u għoxrin Stat Membru japplikaw id-dispożizzjoni ta’ 12-il siegħa konsekuttiva għal kull perjodu ta’ 24 siegħa ta' mistrieħ ta' kuljum id-dar. Il-Belġju, il-Lussemburgu u Franza ma jużawhix; normalment, dawn għandhom 14-il siegħa konsekuttiva ta’ mistrieħ ta’ kuljum id-dar. Il-Polonja għandha wkoll klawżola differenti, iżda l-ħin minimu ta' mistrieħ id-dar huwa wkoll ta’ 12-il siegħa.

L-Istati Membri kollha, ħlief il-Latvja, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja, jinkludu fil-leġiżlazzjoni tagħhom il-possibbiltà li l-mistrieħ ta' kuljum jitnaqqas f'kull perjodu ta' sebat ijiem. Il-Latvja, il-Polonja u s-Slovenja ma inkludewx din il-possibbiltà fil-leġiżlazzjoni tagħhom. Is-Slovakkja tipprevedi l-possibilità li jitnaqqas il-mistrieħ ta’ kuljum id-dar fuq il-bażi ta’ “raġunijiet dimostrabbli objettivi tekniċi jew organizzattivi ”. Għalhekk, f'tali sitwazzjoni, ir-regoli tad-Direttiva mhumiex segwiti u l-ħin tal-mistrieħ jista’ jitnaqqas iktar minn darba fil-ġimgħa.

Għajr għal-Latvja u l-Polonja, l-Istati Membri kollha inkorporaw fil-leġiżlazzjoni tagħhom ir-restrizzjoni għal mistrieħ imqassar ta’ kuljum. L-impjegati tas-settur tal-ferroviji tal-Latvja ma jivvjaġġawx lil hinn mill-fruntiera għal aktar minn 110 km, li jfisser li dawn jistgħu jmorru lura d-dar tagħhom fl-istess jum. Il-Polonja ma inkluditx din ir-restrizzjoni, għaliex ma inkluditx il-possibbiltà li l-mistrieħ ta’ kuljum jitnaqqas.

Fi tnax-il Stat Membru (ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija, l-Estonja, l-Ungerija, il-Litwanja, ir-Rumanija, l-Awstrija, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit, l-Isvezja u Spanja), ir-regoli applikati għall-ħaddiema transkonfinali fir-rigward tal-mistrieħ ta' kuljum id-dar mhumiex l-istess bħal dawk applikati għal persunal ieħor fis-settur tal-ferroviji. F’bosta pajjiżi fejn hemm differenza bejn persunal nazzjonali u internazzjonali, ir-regoli għall-impjegati domestiċi huma inklużi fil-liġijiet ġenerali dwar il-ħinijiet tax-xogħol. F’xi pajjiżi (il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit) ma hemm l-ebda dritt speċifiku għal mistrieħ id-dar, pereżempju. Fil-pajjiżi l-oħra, ma hemm l-ebda differenza bejn ir-regoli għal ħaddiema transkonfinali u r-regoli applikati għal persunal ieħor fis-settur tal-ferroviji.

3.2.        Il-klawżola 4 — Mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar

Il-klawżola 4 tirrikjedi li l-mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar għandu jkun tal-inqas 8 sigħat konsekuttivi għal kull perjodu ta' 24 siegħa u li perjodu ta’ mistrieħ barra mid-dar għandu jkun segwit minn perjodu ta’ mistrieħ id-dar, sakemm l-imsieħba soċjali ta’ impriża ferrovjarja jew fil-livell nazzjonali jkunu kkonkludew ftehim dwar it-tieni perjodu ta’ mistrieħ konsekuttiv barra mid-dar (b’kumpens).

It-test ta' din il-klawżola fih nota tal-qiegħ bil-ħsieb li l-kwistjoni terġa’ tiġi nnegozjata fil-livell Ewropew sentejn wara l-Ftehim ikun ġie ffirmat. Madankollu, sa issa dawn in-negozjati għadhom ma tawx riżultati.

Barra minn hekk, il-klawżola tirrakkomanda li għandha tingħata attenzjoni għal-livell ta’ kumdità tal-akkommodazzjoni użati mill-persunal waqt dawn il-perjodi ta’ mistrieħ barra mid-dar.

It-traspożizzjoni tar-rekwiżiti għal mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar

Il-pajjiżi kollha li ttrasponew id-Direttiva, adottaw ir-regoli dwar il-mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar fil-leġiżlazzjoni tagħhom, ħlief il-Latvja, il-Polonja, il-Lussemburgu u s-Slovenja. Peress li l-Latvja ma għandhiex rotot internazzjonali li huma itwal minn 110 km (f'direzzjoni waħda), jidher li ma hemm l-ebda ħtieġa ta' mistrieħ barra mid-dar. Is-Slovenja u l-Lussemburgu jimponu r-regola li biha l-mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar għandu jiġi segwit minn mistrieħ id-dar, iżda għandhom regoli differenti dwar it-tul ta' dawk il-perjodi ta’ mistrieħ. Għas-Slovenja, il-mistrieħ bejn żewġ xiftijiet għandu jkun darbtejn itwal mix-xift. Għalhekk, jekk xift idum sitt sigħat, il-mistrieħ għandu jdum tnax-il siegħa). Il-Polonja ma għandha l-ebda regoli speċifiċi dwar il-mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar. Fil-Lussemburgu, il-limiti li ġejjin huma applikati għaż-żmien massimu 'l bogħod mid-dar:

- Tmienja u għoxrin siegħa jekk il-mistrieħ idum disa' sigħat,

- Disgħa u għoxrin siegħa jekk il-mistrieħ idum għaxar sigħat,

- Tletin siegħa jekk il-mistrieħ ma jdumx aktar minn ħdax-il siegħa.

Jekk għal xi raġuni, il-limiti ta’ tmienja u għoxrin, disgħa u għoxrin jew tletin siegħa ma jkunux jistgħu jiġu applikati, l-impjegat jirċievi kumpens ugwali għall-ħin eċċessiv.

Il-possibilità għall-imsieħba soċjali li jaqblu fuq it-tieni perjodu ta’ mistrieħ barra mid-dar ġie nnegozjat bi tmien Stati Membri biss: il-Ġermanja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Franza, l-Italja u l-Portugall. Bl-eċċezzjoni tas-Slovenja, dan seħħ fil-livell tal-impriżi. Fil-Ġermanja, ġie rrappurtat eżempju wieħed biss ta' ftehim b’rabta ma’ wieħed mis-sussidjarji tal-operatur preeżistenti. Fl-Italja, Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi ma kien hemm l-ebda ftehimiet mal-operaturi preeżistenti. Fis-Slovenja, intlaħaq ftehim fuq livell nazzjonali. Jidher li hemm ftehimiet dwar il-kumpens ta’ mistrieħ barra mid-dar f’sitt pajjiżi biss (l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Lussemburgu, Franza u l-Italja).

Il-livell ta' kumdità offrut lill-persunal waqt mistrieħ barra mid-dar huwa inkluż fil-leġiżlazzjoni ta' disa' Stati Membri biss (l-Ungerija, il-Litwanja, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Belġju, l-Isvezja, l-Italja u Spanja). Id-Danimarka għandha ftehimiet kollettivi dwar din il-kwistjoni minflok.

F’xi pajjiżi (ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Litwanja, ir-Rumanija, l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit u l-Isvezja), ir-regoli applikati għall-mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar fil-każ ta' ħaddiema transkonfinali interoperabbli tal-ferroviji huma differenti mir-regoli applikati għal ħaddiema tal-ferroviji li jaħdmu f'limiti purament domestiċi.

Punt wieħed għall-kunsiderazzjoni huwa d-definizzjoni tat-terminu “dar”. Dan ġie diskuss mill-firmatarji tal-ftehim, għaliex in-negozjati kienu bbażati fuq it-test Franċiż, li juża t-terminu “résidence normale du personnel mobile”. F'ittra konġunta tal-10 ta’ Ġunju 2009, dawn ċċaraw li “t-tifsira Franċiża tal-espressjoni ‘résidence normale du personnel mobile’ fis-settur ferrovjarju mhix relatata mad-dar privata/domiċilju tal-ħaddiem ikkonċernat, iżda pjuttost post tax-xogħol (home depot/Dienstort) tiegħu li huwa bbażat fih”. Fuq din il-bażi, fil-Ġermanja r-regoli “dar” ma tfissirx residenza privata tal-persunal ikkonċernat, iżda l-post fejn huma bbażati f'relazzjoni ma' min iħaddimhom (“Dienstort”).

3.3.        Klawżola 5 — il-Brejks

Id-dispożizzjonijiet dwar il-brejks jiddistingwu bejn is-sewwieqa u persunal ieħor abbord.

– Sakemm ma jkunx hemm sewwieq ieħor, is-sewwieqa huma intitolati għal brejk ta' mill-inqas 45 minuta jekk il-ħin tax-xogħol ikun iktar minn 8 sigħat u minimu ta' 30 minuta għal ġranet tax-xogħol ta' bejn 6 u 8 sigħat. Matul il-ġurnata tax-xogħol partijiet minn dan il-brejk għandhom jittieħdu bejn it-tielet u s-sitt siegħa xogħol. Jekk hemm sewwieq ieħor, dan il-brejk għandu jiġi rregolati fil-livell nazzjonali minflok.

– Għal persunal ieħor abbord, għandu jkun hemm waqfa ta’ mill-inqas 30 minuta jekk il-ġurnata tax-xogħol tkun itwal minn 6 sigħat.

It-traspożizzjoni tar-rekwiżiti dwar il-brejks

L-eżenzjoni għal każijiet fejn ikun hemm sewwieq ieħor intużat f'14-il pajjiż, iżda milli jidher mhux fir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Ungerija, is-Slovakkja, l-Awstrija, il-Belġju, l-Irlanda, il-Lussemburgu u l-Isvezja.

Jidher li huma biss ir-Renju Unit, il-Latvja, il-Polonja u r-Repubblika Ċeka li ma użawx il-kliem tal-klawżola fit-traspożizzjoni tagħhom.

Fil-Latvja, ferroviji internazzjonali interoperabbli għandhom żewġ sewwieqa. Għalhekk, ir-regoli li jirrigwardaw il-brejks ma għandhomx għalfejn jiġu applikati. Hawnhekk, ir-Repubblika Ċeka toqgħod fuq il-liġi tal-ħinijiet tax-xogħol nazzjonali tagħha. Madankollu, fir-regolament tal-gvern[3] li jittrasponi d-Direttiva, il-ħaddiema tal-ferroviji li jaħdmu waħedhom kontinwament għal aktar minn sitt sigħat iridu jieħdu brejk bilfors, għalkemm it-tul ta’ dak il-brejk mhux speċifikat. Il-Polonja ma għandhiex din il-klawżola. Ir-Renju Unit għandu regola differenti għall-perjodi ta’ mistrieħ fil-każ tas-servizzi internazzjonali: “mhux inqas minn 30 minuta jekk il-ħin tax-xogħol ta’ sewwieq waħdu jkunu ta’ 6 sigħat jew aktar, soġġett għad-dewmien tal-ferroviji u rekwiżiti tal-iskeda, iżda adegwat fil-ħin u t-tul biex jippermetti “l-irkupru effettiv tal-ħaddiem”, hekk kif stipulat fir-Regolament 4. Is-sewwieqa l-oħra [is-sewwieqa domestiċi] li l-ħinijiet tax-xogħol tagħhom huma ta' aktar minn 6 sigħat, huma intitolati għal brejk ta’ 20 minuta jew perjodu ekwivalenti ta’ mistrieħ kumpensatorju jew meta dan ma jkunx possibbli għal xi forma oħra ta’ ħarsien tas-saħħa u s-sikurezza". Dawn ma għandhomx regola li timponi brejk ta' mill-inqas 45 minuta jekk il-ħin tax-xogħol ikun jaqbeż it-8 sigħat.

Id-Danimarka timponi din il-ħtieġa permezz ta’ ftehimiet kollettivi.

Fi tmien pajjiżi (ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Ungerija, il-Polonja, l-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Greċja u l-Portugall) il-brejks ma jistgħux jiġu adattati f’każijiet ta' dewmien. Il-Latvja taħdem b’żewġ sewwieqa u għalhekk din ir-regola xorta waħda ma tapplikax. Fi Franza l-kwistjoni hija ttrattata b’mod differenti skont is-sistema fis-seħħ: fil-każ ta’ kumpanija preeżistenti, il-brejks ma jistgħux jinbidlu minħabba dewmien, filwaqt li l-liġi li tirregola operaturi ferrovjarji oħrajn tippermetti dan l-adattament.

Sittax-il Stat Membru kkupjaw litteralment id-dispożizzjonijiet dwar il-ħinijiet tal-brejks.

Tliet Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, il-Lussemburgu u r-Renju Unit) jużaw test differenti, iżda jimponu regola simili. Pereżempju, fir-Renju Unit: “Mill-inqas 15-il minuta tal-brejk għandhom ikunu skedati b’tali mod li jinzertaw bejn it-tielet u s-sitt siegħa tal-ħin tax-xogħol”. Fil-Bulgarija, il-Polonja u l-Awstrija, la din ir-regola u lanqas ebda regola simili mhuma applikabbli. Fi Franza, din ir-regola tapplika biss għall-operaturi tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija għajr għall-kumpanija eżistenti. Peress li l-Latvja taħdem b’żewġ sewwieqa, din ir-regola ma tapplikax xorta waħda.

Ir-regola dwar persunal ieħor abbord hija implimentata fi kważi l-Istati Membri kollha.

3.4.        Il-klawżola 6 — Il-perjodu ta’ mistrieħ kull ġimgħa

Ħaddiema mobbli (jiġifieri sewwieqa u oħrajn) impenjati f'servizzi transkonfinali huma intitolati għal perjodu minimu mingħajr interruzzjoni ta' perjodu ta' mistrieħ kull ġimgħa ta' 24 siegħa, apparti l-perjodi ta' mistrieħ kuljum għal kull perjodu ta' sebat ijiem. Minbarra dawn it-52 perjodu ta’ 24 siegħa mistrieħ il-wieħed, irid ikun hemm 52 perjodu ieħor ta’ mistrieħ bħal dawn, li b’kollox jagħmlu 104 perjodi ta' 24 siegħa mistrieħ. Dawn il-perjodi għandhom ikunu rranġati b'tali mod li għal mill-inqas 12-il darba, tnejn mit-tali perjodi ta’ 24 siegħa jkunu meħuda flimkien, li dak il-par/il-perjodu ta’ mistrieħ doppju jaħbat fi tmiem il-ġimgħa u li fi 12-il okkażjoni oħra jerġa’ jkun hemm żewġ perjodi ta’ mistrieħ f’daqqa, għalkemm dawn il-pari/perjodi ta’ mistrieħ doppji ma għandhomx għalfejn jaħbtu s-Sibt jew il-Ħadd.

It-traspożizzjoni tar-rekwiżiti rigward il-perjodu ta' mistrieħ kull ġimgħa

Kważi l-Istati Membri kollha inkorporaw dawn ir-regoli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Fil-Polonja, ħaddiem mobbli għandu perjodu ta’ mistrieħ ta' 35 siegħa (siegħa inqas mid-Direttiva). Il-Lussemburgu għandu regola differenti dwar il-perjodi ta' mistrieħ kull ġimgħa u jagħmel distinzjoni bejn distanzi twal u distanzi qosra. Distanzi qosra jiġifieri distanzi ta’ anqas minn 15-il km (fejn skont il-klawżola 1 il-Ftehim/id-Direttiva hija fakultattiva). Fil-każ ta' distanzi twal, ir-regoli huma kompatibbli mad-Direttiva.

3.5.        Klawżola 7 — Il-ħin tas-sewqan

Il-ħin tas-sewqan, il-perjodu meta s-sewwieq ikun inkarigat għalkemm ma jkunx neċessarjament qed iċaqlaq il-ferrovija, ma jistax jaqbeż id-9 sigħat għal xift ta’ ġurnata u 8 sigħat għal xift ta’ billejl. Matul perjodu ta' ġimagħtejn, il-ħin tas-sewqan ma jistax jaqbeż it-80 siegħa.

It-traspożizzjoni tar-rekwiżiti dwar il-ħin tas-sewqan

Peress li waħda mill-akbar riskji hija l-għeja, is-sigħat tax-xogħol huma aspett importanti tal-kondizzjonijiet tax-xogħol. Fil-każ ta’ servizzi transkonfinali, il-problema tista’ tiggrava meta kollegi mill-istess kumpanija jkunu assenti, partikolarment fuq ferroviji tal-merkanzija fejn hemm biss sewwieq wieħed u l-ebda persunal ieħor. In-nuqqas ta' familjarità u ambjent ta’ lingwi barranin jista’ jwassal għal bidla reali jew perċepita ta’ nuqqas ta’ appoġġ. Dan il-kuntest partikolari jista’ jiġġustifika valutazzjonijiet tar-riskji speċifiċi u gwida ta' prattika tajba għal servizzi transkonfinali fil-qafas tad-Direttiva 89/391/KEE[4] dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol.

Fost il-pajjiżi li ttrasponew id-Direttiva, żewġ Stati Membri biss ma użawx il-kliem ta’ din il-klawżola. Il-Polonja ma għandha l-ebda regola dwar il-massimu tal-ħin ta' sewqan kuljum jew kull ġimgħa, iżda għandha regola fil-kodiċi tax-xogħol tagħha dwar ġimgħa xogħol ta' massimu ta' 40 siegħa. Dan ifisser li l-ħin tas-sewqan se jibqa' taħt dan il-limitu. Fil-Latvja, is-sewwieqa huma involuti fiż-żewġ servizzi nazzjonali u internazzjonali iżda ma jkollhomx xogħol purament transkonfinali. Għal servizzi interoperabbli, għalhekk, is-sewwieqa ma jsuqux għal aktar minn 80 siegħa f’ġimagħtejn

Seba' Stati Membri (l-Estonja, is-Slovenja, l-Awstrija, l-Irlanda, id-Danimarka, il-Greċja u l-Italja) ikkupjaw id-definizzjoni ta’ lejl tad-Direttiva. Tmintax-il Stat Membru jużaw definizzjoni differenti. Numru kbir ta' pajjiżi adottaw interpretazzjoni usa’ ta' lejl li hija favur l-impjegati. Is-Slovakkja, ir-Rumanija, l-Ungerija, il-Bulgarija, il-Latvja u Spanja jiddefinixxu l-ħin ta’ billejl bħala bejn l-22:00 u s-06:00. Għall-Isvezja u l-Ġermanja dan huwa bejn il-23:00 u s-06:00 u għall-Pajjiżi l-Baxxi bejn 00:00 u s-07:00. Fi Franza, hemm differenzi bejn il-kumpanija preeżistenti (il-lejl hu bejn il-23:00 u s-06:00) u operaturi oħrajn tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija (il-lejl hu bejn l-22:00 u l-05:00). Il-Lussemburgu juża definizzjoni li hija inqas favorevoli għall-impjegati: il-lejl (għas-sewwieqa) huwa ddefinit bħala bejn is-01:00 u l-04:00.

Tnax-il Stat Membru jużaw id-definizzjoni tagħhom stess ta’ “xift ta’ billejl”: ir-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Latvja, il-Polonja, is-Slovakkja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit inkluża l-Irlanda ta' Fuq, Franza u Spanja. Fis-Slovakkja, xift ta’ billejl huwa kwalunkwe xift li l-ikbar parti tiegħu taqa' bejn l-22:00 u s-06:00; Fil-Latvja u l-Ġermanja, xift ta’ billejl huwa xift li jinkludi mill-inqas sagħtejn ta’ ħin ta' billejl (ara hawn fuq), u fil-Pajjiżi l-Baxxi u l-Bulgarija, mill-inqas tliet sigħat ta’ ħin ta’ billejl. Fi Franza, skont il-liġi għal operaturi tal-merkanzija “kwalunkwe xogħol bejn l-22:00 u l-05:00 huwa meqjus bħala xogħol ta’ billejl”; u l-istess japplika fl-Ungerija. Din id-definizzjoni hija aktar favur l-impjegati. Hemm xi pajjiżi, bħar-Renju Unit, fejn ix-xift ta’ billejl mhux imsemmi b’mod espliċitu. Fil-Lussemburgu, jidher li d-definizzjoni hija inqas favorevoli għall-impjegati: dan huwa kwalunkwe xift li jkun bejn is-01:00 u l-04:00 (għas-sewwieqa). Dan ifisser li xiftijiet tradizzjonali ta’ billejl mill-23:00 sas-7:00 mhumiex definiti bħala xiftijiet ta’ billejl. Min-naħa l-oħra, xiftijiet kmieni filgħodu li jibdew qabel 04h00 huma inklużi.

3.6.        Klawżola 8 — Verifiki

Hemm bżonn li tkun stabbilita sistema li żżomm reġistri tas-sigħat tax-xogħol u tal-perjodi ta' mistrieħ ta’ kuljum għal mill-inqas sena.

It-traspożizzjoni tar-rekwiżiti dwar kontrolli

Jidher li l-Istati Membri kollha li ttrasponew id-direttiva qed jimponu dan l-obbligu li jinżamm reġistru (għal mill-inqas sena) tal-ħinijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ ta’ kuljum għall-ħaddiema mobbli. Waslu kummenti li jinnutaw problemi fl-implimentazzjoni prattika ta' dan l-obbligu. Jidher li jista’ jkun diffiċli għall-awtoritajiet li jkollhom aċċess rapidu għar-reġistri miżmuma f'pajjiżi oħra u biex jiksbu ħarsa ġenerali sħiħa meta s-sewwieqa jkunu jaħdmu għal diversi operaturi.

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ddeterminaw il-penali, iżda mhux l-Ungerija, il-Polonja jew Franza (fil-każ tal-kumpanija eżistenti). Il-liġi Franċiża dwar kumpaniji (privati) oħra fil-qasam tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija jimponu penali.

4.           Il-valutazzjoni tal-effett prattiku tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva

4.1.        Lejn Zona Ferrovjarja Unika Ewropea — l-importanza ta' servizzi transkonfinali interoperabbli

Fil-White Paper tagħha “Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti”[5], il-Kummissjoni tistipula għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'effiċjenza. Waħda minn dawn il-miri hija li “30% tal-merkanzija trasporatata fit-toroq għal aktar minn 300 km għandha taqleb għal mezzi oħra tat-trasport bħall-ferroviji jew trasport fuq l-ilma sal-2030, u aktar minn 50% sal-2050”

Madankollu, skont il-White Paper, il-veru suq intern għas-servizzi ferrovjarji, jiġifieri ż-Żona Unika Ferrovjarja Ewropea, għadu ma ntlaħaqx. L-għan għad-deċennju li jmiss huwa l-ħolqien ta' Żona Unika Ewropea tat-Trasport bis-saħħa tal-eliminazzjoni tal-ostakli li jifdal kollha bejn il-mezzi u s-sistemi nazzjonali, biex b'hekk jitħaffef il-proċess tal-integrazzjoni u tiġi ffaċilitata l-emerġenza ta' operaturi multinazzjonali u multimodali. Ir-raba' Pakkett Ferrovjarju qed jiġi kkunsidrat għal dan l-iskop. Tant is-sistemi ferrovjarji huma diverġenti li l-eżistenza ta' ostakoli għal dawn is-servizzi, minbarra r-rekwiżiti differenti dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, għandha impatt sinifikanti fuq il-prevalenza ta' servizzi transkonfinali interoperabbli. Impriża ferrovjarja li tixtieq topera servizz tat-trasport li jaqsam fruntiera waħda jew aktar, tiltaqa’ ma’ firxa ta' ostakli tekniċi, legali u amministrattivi.

It-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE ġie kompletament liberalizzat mill-bidu tal-2007, kemm għas-servizzi nazzjonali kif ukoll internazzjonali. Dan ifisser li kull kumpanija liċenzjata tal-ferroviji tal-UE li għandha ċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza meħtieġa tista’ tapplika għall-kapaċità u toffri servizzi nazzjonali u internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija madwar l-UE. Dan kien akkumpanjat fl-2010 mill-approvazzjoni tar-Regolament 913/2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv. Dan ir-regolament jistabbilixxi regoli għall-istabbiliment u l-organizzazzjoni ta’ kurituri ferrovjarji internazzjonali tal-merkanzija u tistabbilixxi lista inizjali ta' kurituri tal-merkanzija fuq distanzi twal. Is-suq għas-servizzi ferrovjarji internazzjonali għall-passiġġieri fl-UE ġie liberalizzat mill-1 ta’ Jannar 2010 Is-suq għal servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri purament nazzjonali għadu ma nfetaħx għall-kompetizzjoni transkonfinali. Is-servizzi tat-trasport tal-merkanzija jkollhom jaqsmu t-TEN-T ma’ servizzi ta’ veloċità għolja għall-passiġġieri kif ukoll mal-ferroviji tal-passiġġieri konvenzjonali. It-tħaddim tal-ERTMS jiffaċilita l-integrazzjoni ta' servizzi li jvarjaw ħafna f'termini ta’ distanzi tal-vjaġġ, veloċitajiet kummerċjali u rekwiżiti tal-ħin.

F'termini legali, biex impriża ferrovjarja tkun tista’ tidħol fis-suq internazzjonali u effettivament taqsam il-fruntiera ma’ lokomottiv jew ma’ sewwieqa, huwa meħtieġ dan li ġej:

L-approvazzjoni ta’ vetturi ferrovarji, b’mod partikolari ta’ lokomottivi, li ssir fil-livell tal-Istati Membri;

Ċertifikati (separati) ta' sikurezza għal kull Stat Membru koperti mis-servizzi; u

Liċenzji tas-sewqan għas-sewwieqa tal-ferroviji.

Mis-27 ta' Ottubru 2011 'il quddiem huwa obbligatorju għas-sewwieqa tal-ferroviji li jkollhom liċenzja tas-sewqan internazzjonali u ċertifikat (id-Direttiva 2007/59).

Barra minn hekk, sabiex tkun f’pożizzjoni li tipprovdi servizzi transkonfinali, għad iridu jiġu sodisfatti bosta kondizzjonijiet tekniċi marbuta mal-operazzjoni ta' servizzi internazzjonali, kemm fit-trasport tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija (strumenti li jkejlu l-ħxuna tal-binarji, elettrifikazzjoni, sinjalazzjoni u sistemi tas-sigurtà). Minn total ta' 37 fruntiera bejn Stati Membri, hemm 35 par ta’ pajjiżi fejn il-ferroviji jiltaqgħu fil-fruntiera. Madankollu, meta jitqiesu l-kwistjonijiet tekniċi kollha, fl-2011 kien hemm 19-il par ta’ pajjiżi fejn ferroviji tal-passiġġieri qasmu l-fruntiera u 17-il par ta’ pajjiżi fejn il-ferroviji tal-merkanzija qasmu l-fruntiera. Il-leġiżlazzjoni tal-UE bbażata fuq id-Direttivi dwar l-interoperabbiltà u s-sikurezza tindirizza dawn il-kwistjonijiet tekniċi.

Biex tibdel is-sewwieqa trid biss ftit minuti mentri biex tbiddel il-lokomottiv ta' ferrovija trid aktar. Impriżi ferrovjarji (speċjalment dawk privati) normalment jagħmlu analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji qabel ma jistabbilixxu servizz b’sewwieqa transkonfinali. Analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji tqis il-volum u l-frekwenza tal-ferroviji li jaqsmu l-fruntiera u t-tul tar-rotot, l-ispejjeż u d-disponibbiltà ta' lokomottivi interoperabbli (il-vantaġġi tal-użu ta’ lokomottiv qadim minflok wieħed ġdid jistgħu wkoll ikunu fattur) u dwar l-ispejjeż marbuta mal-ħaddiema (taħriġ addizzjonali għal liċenzji, salarji u spejjeż tal-irqad f'pajjiż barrani). Madankollu, id-deċiżjoni ma tkunx dejjem ibbażata fuq analiżi tal-ispejjeż/benefiċċji. Fost l-operaturi preeżistenti l-aktar tradizzjonali fit-trasport tal-passiġġieri, ftehimiet jistgħu jkunu għadhom validi għal servizzi tal-ferrovija bejn żewġ pajjiżi li jeħtieġu bidla ta' lokomottiv u sewwieq fuq il-fruntiera.

4.2.        Implikazzjonijiet transkonfinali interoperabbli ta' servizzi tal-ferrovija għall-mobilità tal-persunal

Il-funzjonament ta' servizzi transkonfinali interoperabbli fis-settur tal-ferroviji huwa kritikalment ikkundizzjonat minn arranġamenti ta' organizzazzjoni tax-xogħol. Mhux is-servizzi kollha jimplikaw li l-persunal jaqsam il-fruntiera bil-ferrovija. Tabilħaqq, insibu ħames għażliet:

Il-kumpanija timpjega persunal f’pajjiżi differenti: Meta operatur ikollu persunal ibbażat fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera, il-persunal jinbidel fuq il-fruntiera u l-ferrovija biss taqsam.

Il-kumpanija ddaħħal persunal minn kumpaniji oħra jew minn aġenzija tax-xogħol temporanju: F’dawn il-każijiet ukoll, tkun il-ferrovija li taqsam il-fruntiera u mhux l-ekwipaġġ tagħha.

Sħubija ma’ kumpanija oħra — il-persunal ma jaqsamx il-fruntiera: Din it-tielet alternattiva tinvolvi sħubija ma' kumpanija oħra biex taqsam rotta internazzjonali speċifika, fejn kull kumpanija tkun responsabbli li timpjega persunal f'pajjiżha, għalkemm jaħdmu b’lokomottivi interoperabbli.

Sħubija ma' kumpanija oħra — persunal li jaqsam il-fruntiera: Mudell ieħor jinvolvi sħubija bejn l-operaturi tal-Istati Membri mal-fruntiera, fejn iż-żewġ operaturi jisfruttaw ir-rotta kollha mingħajr ma jbiddlu l-persunal fil-fruntiera.

Il-persunal propju jaqsam il-fruntiera: F’din l-aħħar għażla l-operatur ikollu l-persunal tiegħu stess li jaqsam il-fruntiera fuq servizz interoperabbli għal aktar minn 15-il kilometru lil hinn mill-fruntiera. Hemm żewġ possibbiltajiet: il-persunal jaqsam il-fruntiera billi jsuq sakemm ikun possibbli għalihom li jirritornaw lejn darhom fl-istess jum, jew il-persunal jibqa’ sejjer lil hinn mill-fruntiera u jistrieħ barra minn daru.

Fl-ewwel tliet għażliet, il-persunal tal-kumpanija stess ma jaqsamx il-fruntiera u d-Direttiva ma tkunx applikabbli. Il-kumpanija tkun għalhekk marbuta biss b’regoli domestiċi. Konsegwentement, ir-restrizzjonijiet tad-Direttiva fuq l-għadd ta’ perjodi ta' mistrieħ barra mid-dar ma japplikawx, għalkemm id-distanzi u l-vjaġġi fi ħdan ċerti Stati Membri jistgħu jkunu twal. Imbagħad jiddependi mir-regoli nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi jekk il-limitazzjonijiet humiex inqas milli taħt id-Direttiva. Kwistjoni oħra fil-każ tal-persunal li jaħdem internazzjonalment huwa s-suppliment/kumpens tas-salarju li hija standard għal xogħol internazzjonali f'ħafna Stati Membri. Barra minn hekk, il-kumpaniji ma għandhomx għalfejn ikollhom żewġ ċertifikati tas-sigurtà għas-sewwieqa tagħhom u s-sewwieqa m'għandhomx għalfejn jitkellmu lingwi addizzjonali.

Huwa importanti li wieħed jenfasizza d-differenzi bejn servizzi transkonfinali u kabotaġġ. Għall-finijiet ta’ dan id-dokument, is-servizzi transkonfinali jirreferu għal servizzi ferrovjarji li jibdew f'pajjiż wieħed u jew jispiċċaw f’pajjiż ieħor jew iservu ta’ stazzjonijiet f'pajjiż ieħor, qabel ma jirritornaw id-dar bħala parti minn dik is-servizz waħdieni. Fil-każ ta’ servizzi ta’ kabotaġġ, operatur barrani jibda servizz li jibda u jispiċċa fl-istess pajjiż. Fil-każ tal-aħħar, id-Direttiva ma tapplikax. Għalkemm hemm element transkonfinali hawnhekk ukoll, jiġifieri l-fatt li l-operatur li jmexxi s-servizz jinsab f'pajjiż differenti minn dak fejn iseħħ is-servizz, dan mhuwiex servizz transkonfinali għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, għaliex il-ferrovija nnifisha ma taqsamx il-fruntiera.

Huwa biss taħt l-aħħar żewġ għażliet li l-membri tal-persunal jaqsmu l-fruntieri u huwa biss imbagħad li r-regoli tad-Direttiva japplikaw. Għalhekk, hemm bosta possibilitajiet għall-operaturi li joperaw servizzi transkonfinali mingħajr persunal li jaqsam il-fruntiera bil-ferrovija, u għalhekk ħafna każijiet fejn id-Direttiva ma tapplikax għal servizz transkonfinali.

Barra minn hekk, sabiex id-Direttiva tapplika għal servizz, għandu jkun hemm persunal li kapaċi jopera t-tali servizz li jista’ verament jaħdem bejn il-fruntieri. In-numru totali ta' sewwieqa tal-lokomottivi fl-UE awtorizzati li joperaw f’mill-inqas żewġ pajjiżi ġie stmat[6] għal bejn 5 000 u 7 000, li jirrappreżenta anqas minn 10% tal-għadd totali ta’ sewwieqa tal-ferroviji fl-Unjoni Ewropea, li huwa ta’ madwar 93 000. Huwa aktar diffiċli li tikkalkula l-għadd ta’ ħaddiema transkonfinali oħra li hemm. In-numru ta’ kondutturi[7] huwa stmat għal 6 000, ibbażat fuq is-suppożizzjoni li għal kull sewwieq fit-trasport tal-passiġġieri hemm medja ta' żewġ kondutturi attivi. Madankollu, il-biċċa l-kbira ta' dawn il-kondutturi se jaħdmu transkonfinalment għal parti biss mix-xiftijiet tagħhom biss. Minbarra l-kondutturi, xi ferroviji tal-passiġġieri jkollhom persunal ieħor abbord li jaqdi lill-passiġġieri. Dawn jinkludu l-persunal tal-bar, il-ħaddiema tal-forniment tal-ikel fil-vagun restorant abbord jew il-persunal tal-ferroviji ta’ billejl li jagħmlu s-sodod u li jservu l-kolazzjon. Ma jeżistu l-ebda stimi marbuta man-numru ta’ dan il-persunal.

Il-previżjonijiet jindikaw żieda stabbli fis-servizzi transkonfinali, bħala konsegwenza tat-tnaqqis ta' barrieri tekniċi u ż-żieda ta’ vetturi ferrovjarji interoperabbli. Dan qed iseħħ mhux biss bil-ħsieb ta’ servizzi transkonfinali iżda wkoll bħala parti mill-proċess normali ta’ tiġdid u sostituzzjoni ta' tagħmir antik. Madankollu, fattur ewlieni għal-livell futur tas-servizzi transkonfinali ferrovjarji se jkun il-punt sa fejn dan il-mezz tat-trasport ser ikun jista’ jikseb sehem tas-suq minn mezzi oħra, bħal pereżempju l-ivvjaġġar bl-ajru jew bit-triq.

Barra minn hekk, effett wieħed tal-politika ferrovjarja tal-UE jista' jkun dak li s-suq ferrovjarju Ewropew isir dejjem aktar integrat permezz ta' fużjonijiet u akkwisti. Dan kieku jirriżulta f'aktar operaturi fuq skala Ewropea, li jikkompetu ma’ xulxin fuq il-livell Ewropew.

4.3.        L-impatt soċjali tad-Direttiva

B'kollox, 14-il Stat Membru (il-Bulgarija, l-Ungerija, ir-Rumanija, l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Renju Unit inkluża l-Irlanda ta' Fuq, l-Isvezja, il-Greċja, l-Italja, il-Portugall u Spanja) żiedu l-livell ta’ ħarsien tal-ħaddiema matul it-traspożizzjoni tad-Direttiva. L-impatt soċjali kien ogħla f'sitwazzjonijiet fejn ir-regolamenti nazzjonali għat-trasport transkonfinali li kienu jeżistu qabel l-implimentazzjoni tad-Direttiva offrew inqas protezzjoni għall-impjegati. Xi kumpaniji, pereżempju kellhom inaqqsu l-ħin tas-sewqan minn 10/11-il siegħa għal 9 sigħat matul il-ġurnata u 8 matul il-lejl, li għandhom inaqqsu r-riskji għas-saħħa u s-sigurtà. Il-fatt li d-Direttiva tillimita l-ħin tas-sewqan jista’ jkun li jżomm lil min iħaddem milli jagħfsu għal sigħat ta' xogħol itwal fil-ġejjieni u b'hekk iħarsu lill-impjegati (u kumpaniji) mir-riskji li jġibu magħhom sigħat twal ta’ xogħol u l-għeja. Jidher li fl-ebda mument ma kien hemm rigressjoni.

Ħafna mill-Istati Membri għandhom l-istess leġiżlazzjoni għal persunal ferrovjarju nazzjonali u internazzjonali. Xi wħud għandhom leġiżlazzjoni differenti għal persunal ferrovjarju nazzjonali. Pereżempju, hemm differenzi rigward: il-mistrieħ ta' kuljum id-dar (il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit ma jippreveduhx fil-każ ta’ servizzi domestiċi); il-ħin ta' sewqan; il-brejks (ir-Renju Unit jimponi perjodu iqsar għal servizzi domestiċi); u l-mistrieħ barra mid-dar (ir-Repubblika Ċeka, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit ma jeħtiġuhx fil-każ ta' servizzi domestiċi).

L-aktar kwistjoni kritika għall-implimentazzjoni tad-Direttiva kien in-numru ta’ perjodi ta' mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar. Il-Ftehim jipprovdi fil-Klawżola 4 li kwalunkwe perjodu ta’ mistrieħ barra mid-dar għandu jkun segwit minn ġurnata mistrieħ id-dar (ara 3.2 hawn fuq). Madankollu, l-imsieħba soċjali fuq il-livell nazzjonali jew il-livell ta' intrapriża jistgħu jaqblu fuq perjodu ieħor ta’ mistrieħ barra mid-dar. Dan it-tieni perjodu ta’ mistrieħ barra mid-dar ġie nnegozjat fi tmien Stati Membri biss: Il-Ġermanja, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Franza, l-Italja u l-Portugall. Madankollu, kif imsemmi fit-taqsima 3.2, din spiss tkopri biss xi operaturi f'dawk il-pajjiżi. Din il-kwistjoni ħolqot firda fost l-imsieħba soċjali fis-settur tal-ferroviji u ma seta’ jintlaħaq l-ebda ftehim fil-livell tal-UE.

Ir-restrizzjonijiet fuq l-għadd ta’ perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar jinħass partikolarment fost l-operaturi żgħar li jixtiequ jisfruttaw rotot twal. Jidher li l-operaturi l-kbar għandhom aktar riżorsi tal-persunal. Huma ta’ sikwit ikollhom persunal fuq kull naħa tal-fruntiera jew “ftehimiet tradizzjonali ta’ kooperazzjoni” ma’ operaturi oħrajn f'pajjiżi oħra. Dawn l-alternattivi jtaffu l-impatt ta' din ir-restrizzjoni. Għal ħafna persuni li jħaddmu, kwalunkwe żieda fl-għadd ta' perjodi ta’ mistrieħ konsekuttivi barra mid-dar li jkunu permessi, se jagħti spinta lil-libertà u l-flessibilità. Għal oħrajn, ibbażati f'pajjiżi b'salarji aktar baxxi, kieku tagħmilha aktar ukoll iktar faċli biex jestendu l-firxa ġeografika tagħhom u jikkompetu f'aktar reġjuni.

Għall-biċċa l-kbira tar-rappreżentanti tal-impjegati, il-perjodu li wieħed iqatta’ ’l bogħod mid-dar jitqies li jħalli impatt partikolarment negattiv fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Madankollu, f'dawk il-pajjiżi fejn ir-rotot domestiċi huma twal u huwa komuni li wieħed iqatta' diversi jiem 'il bogħod mid-dar għal servizzi ferrovjarji domestiċi, l-impatt ta' kwalunkwe bidla fir-rigward ta’ din il-kwistjoni tkun komparattivament aktar baxxa. Barra minn hekk, skont xi rappreżentanti tat-trejdjunjins, l-opportunitajiet li jaqilgħu paga ogħla waqt li joperaw servizzi barra minn pajjiżhom jista' jiġbed aktar nies biex jaħdmu barra għal perjodu itwal ta' żmien.

Din il-kwistjoni tista’ ssir aktar importanti fil-każ ta’ Kurituri Ferrovjarji tat-Trasport tal-Merkanzija (ara r-Regolament 913/2010 dwar netwerk ferrovjarju Ewropew għat-trasport tal-merkanzija kompetittiv) li sikwit ikunu rotot transkonfinali twal .

4.4.        L-impatt ekonomiku tad-Direttiva

Kif imsemmi fil-punt 4.2, li l-persunal joqgħod jaqsam il-fruntieri huwa biss mod wieħed kif wieħed jopera internazzjonalment. Għalhekk, id-Direttiva mhijiex applikabbli għall-kumpaniji jew għar-rotot tat-trasport ferrovjarju internazzjonali kollha. Barra minn hekk, in-numru ta’ ħaddiema involuti huwa żgħir meta mqabbel mal-forza tax-xogħol kollha tas-settur ferrovjarju. Barra minn hekk, kwalunkwe impatt ekonomiku ta’ dawn ir-regoli huwa limitat, minħabba li, bħala medja, ir-riżorsi umani jirrappreżentaw madwar 8.5% tal-ispejjeż totali operattivi ta' negozju tat-trasport ferrovjarju transkonfinali tal-merkanzija. Għalhekk kwalunkwe żieda fl-ispejjeż tal-persunal li tirriżulta mill-Ftehim se jkollha effetti negliġibbli meta mqabbla ma’ spejjeż operattivi oħra, bħall-enerġija jew l-infrastruttura.

Flimkien mal-livell ta' protezzjoni li diġà kien hemm qabel, dan jidher li jirriżulta f'impatt ekonomiku limitat. Relattivament, l-impatt tal-ispejjeż tad-Direttiva kien kemxejn ogħla f'sitwazzjonijiet fejn ir-regolamenti nazzjonali li kien hemm qabel għat-trasport transkonfinali kienu joffru inqas protezzjoni lill-impjegati u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva fisser li kien meħtieġ aġġustament.

Fir-rigward tal-impatt fuq żvilupp ekonomiku ulterjuri tat-trasport ferrovjarju, il-bidliet regolatorji li jirriżultaw mid-Direttiva jaqdu rwol ferm iżgħar minn fatturi bħal pereżempju l-iżviluppi tekniċi fis-settur ferrovjarju, il-proċess ta’ liberalizzazzjoni tas-suq ferrovjarju jew il-moviment ħieles tal-ħaddiema fi ħdan l-UE. Hemm fatturi ferm aktar importanti għall-organizzazzjoni tas-settur ferrovjarju u l-kollokament ta’ persunal fuq servizzi transkonfinali minn din id-Direttiva. Madankollu, meta jitneħħew l-ostakli tekniċi u s-swieq liberalizzati, l-operaturi, b’mod partikolari operaturi żgħar tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija, jistgħu jħossuhom ristretti minħabba r-restrizzjonijiet stipulati fil-klawżola 4 fir-rigward tal-mistrieħ barra mid-dar. Din tista’ tkun indikazzjoni li l-impatt sħiħ tad-Direttiva se joħroġ biss meta l-ostakoli tekniċi jitnaqqsu aktar u jitfaċċaw aktar servizzi internazzjonali.

Għalkemm l-impatt ekonomiku jista’ għalhekk jitqies li jkun limitat, id-Direttiva ħolqot standard minimu, stabbilit bi ftehim mal-imsieħba soċjali. Id-Direttiva tiżgura kundizzjonijiet indaqs, li hija objettiv importanti fih innifsu. Fl-aħħar nett, peress li d-Dirrettiva tappoġġa l-kwalità tal-impjiegi għall-ħaddiema mobbli, din tgħin ukoll biex ittejjeb il-kwalità tas-servizz.

4.5.        Konklużjonijiet dwar l-impatt tad-Direttiva

Ġeneralment, l-impatt soċjali u ekonomiku jidher li hu limitat. L-aktar klawżola importanti f’dan ir-rigward hija l-klawżola 4 dwar il-mistrieħ barra mid-dar. Madankollu, anke hawn l-impatt fuq min iħaddem huwa mitigat bid-disponibilità ta' mezzi alternattivi ta' organizzazzjoni tat-trasport ferrovjarju internazzjonali li ma jeħtiġx li l-persunal jaqsam il-fruntiera fuq il-ferrovija li jkunu qed joperaw. Il-maġġoranza tar-rappreżentanti tal-impjegati mhumiex favur żieda fl-għadd ta' mistrieħ barra mid-dar, minħabba li dan huwa meqjus bħala li jaffettwa b’mod negattiv il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja. Madankollu, f'xi każijiet (l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovenja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Franza, l-Italja u l-Portugall) kien hemm ftehim kollettiv dwar it-tieni perjodu ta’ mistrieħ konsekuttiv barra mid-dar.

5.           Il-valutazzjoni ta’ piżijiet amministrattivi potenzjali

Fid-dawl tan-natura tar-regolamenti li kienu diġà fis-seħħ meta d-Direttiva ġiet adottata, mhuwiex minnu li d-Direttiva żiedet l-livelli eżistenti ta’ piżijiet amministrattivi.

Il-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet jillimitaw id-disponibilità tal-persunal, u b’hekk jillimitaw il-libertà u l-flessibilità maniġerjali. Dawn mhumiex piżijiet amministrattivi, billi ma jeħtieġu l-ebda formalità amministrattiva. Biss dawk id-dispożizzjonijiet fir-rigward tar-reġistri jistgħu jitqiesu bħala li jimplikaw piżijiet amministrattivi, sal-punt li dawk li jħaddmu huma obbligati jieħdu miżuri addizzjonali li jinvolvu formalitajiet li ma jkunux meħtieġa li kieku ma kienx hemm rekwiżiti bħal dawn.

Il-benefiċċji għas-soċjetà kollha li jirriżultaw minn dawn l-obbligi jegħlbu l-iżvantaġġi, meta wieħed jikkunsidra l-konsegwenzi katastrofiċi li jġibu magħhom inċidenti ferrovjarji kaġun tal-għeja.

6.           Kwistjonijiet imqajma mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali matul Konsultazzjonijiet marbuta ma’ dan ir-Rapport

L-Istati Membri ma rrappurtawx problemi, u lanqas ma qajmu kwistjonijiet jew għamlu xi talbiet partikolari.

L-imsieħba soċjali kienu kkonsultati formalment dwar l-abbozz tar-rapport. Tnejn minnhom wieġbu f'Lulju 2012. Safejn huma kkonċernati, l-unika kwistjoni kontroversjali li tinvolvi kummenti hija l-Klawżola 4 dwar il-mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar.

Is-CER, il-Komunità tal-Kumpaniji u l-Infrastruttura Ferrovjarja Ewropea, tinnota ċ-ċertezza legali li d-Direttiva ġabet magħha. Hija tinnota li l-maġġoranza ta’ dawk li jħaddmu jixtiequ jżidu n-numru ta’ perjodi ta’ mistrieħ barra mid-dar u tenfasizza l-limitazzjonijiet ovvji li din il-klawżola timponi fuq il-flessibilità tal-operaturi, b’mod partikolari dawk żgħar. Hija tfittex li terġa’ tiftaħ in-negozjati dwar il-Klawżola 4, għalkemm tirrikonoxxi li l-pożizzjoni uffiċjali tal-imsieħba soċjali fil-livell Ewropew min-naħa tal-impjegati hija li jopponu t-tali bidla, għalkemm xi rappreżentanti tal-impjegati nazzjonali jidhru li għandhom anqas problemi b'żieda fin-numru konsekuttiv ta' perjodi ta’ mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar. Is-CER tinnota wkoll il-ħtieġa għal kundizzjonijiet indaqs għal mezzi tat-trasport li jikkompetu ma’ xulxin u li l-ebda mezz ieħor ta' trasport ma għandu t-tali regolament soċjali li jorbot.

L-ETF, il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport, tilqa' l-fatt li l-implimentazzjoni tal-ftehim qawwiet il-livell ta’ protezzjoni tal-ħaddiema f'għadd sinifikanti ta' Stati Membri. Hija tinnota li, bħalissa, huwa biss f'operazzjonijiet ta' kabotaġġ (b’rotot trijangulari jew poligonali ) li jista’ jkun hemm bżonn ta’ waqfa kontinwa barra l-pajjiż ta’ aktar minn 48 siegħa. L-ETF ma tqisx il-Klawżola 4 bħala ostaklu għas-servizzi transkonfinali u għalhekk ma tara l-ebda ħtieġa li tibdilha. L-ETF huwa mħasseb li 5 Stati Membri implimentaw ir-regoli għas-sewwieqa biss u mhux għal persunal ieħor abbord. Hija temmen ukoll li hemm bżonn ta’ azzjoni dwar il-kwistjoni tal-verifiki sabiex tiċċara l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet u tittejjeb il-kooperazzjoni amministrattiva transkonfinali. L-użu ta’ takografi huwa suġġerit.

7.           Konklużjonijiet

L-impatt ewlieni tad-Direttiva 2005/47/KE huwa fir-rwol tagħha bħala xibka ta’ sigurtà. Hija tipprevjeni ġirja lejn l-iktar livell baxx fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, partikolarment il-ħin tax-xogħol, billi timponi livell armonizzat li l-ebda operatur ma jista’ jikser. Hija tiżgura kundizzjonijiet indaqs u tipprevjeni kompetizzjoni inġusta.

Ma hemm l-ebda evidenza li turi li servizzi transkonfinali interoperabbli fis-settur tal-ferroviji huma sinifikament imxekkla mir-regoli stabbiliti bid-Direttiva. Dan jista' jiġi spjegat parzjalment bl-inċidenza limitata ta’ sitwazzjonijiet fejn tali regoli (persunal li jaqsam il-fruntiera bil-ferrovija) fil-fatt bħalissa japplikaw. Iż-żieda mistennija f'tali servizzi, b’mod partikolari min-naħa tal-operaturi ż-żgħar, jista' jagħti lil dawn ir-regoli aktar prominenza fil-ġejjieni.

Il-Kummissjoni beħsiebha tieħu miżuri xierqa dwar il-kwistjonijiet u l-problemi identifikati b’rabta mal-implimentazzjoni tad-Direttiva kif ukoll is-suġġerimenti magħmula biex tittejjeb l-applikazzjoni tad-Direttiva fil-prattika.

Fuq il-kwistjoni speċifika tal-Klawżola 4 dwar il-mistrieħ ta’ kuljum barra mid-dar, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-marġni eżistenti għall-flessibbiltà ma ġewx sfruttati bis-sħiħ miż-żewġ naħat tal-industrija, peress li kien hemm inqas ftehimiet kollettivi milli mistenni. Id-Direttiva tippermetti tali ftehimiet sabiex jispeċifikaw aktar kundizzjonijiet flessibbli fir-rigward tal-għadd ta’ perjodi ta' mistrieħ barra mid-dar, li jista’jikkontribwixxi biex tissaħħaħ l-interoperabbiltà transkonfinali ta' servizzi fis-settur ferrovjarju u jinħolqu opportunitajiet tas-suq b’mod partikolari għall-SMEs. Il-Kummissjoni għalhekk tħeġġeġ lill-imsieħba soċjali fil-livell nazzjonali u tal-UE biex jagħmlu użu sħiħ minn din il-possibilità fejn meħtieġ u biex jerġgħu jibdew il-proċess tan-negozjati fil-livell tal-UE li huwa stipulat fin-nota tal-qiegħ fil-Klawżola 4 tal-Ftehim. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tistieden lill-imsieħba soċjali biex fin-negozjati tagħhom iqisu l-kundizzjonijiet differenti li joperaw fuqhom il-ferroviji tal-passiġġieri u tal-merkanzija, partikolarment f'termini ta' veloċitajiet kummerċjali, distanzi tal-vjaġġi u rekwiżiti tal-ħin. Il-Kummissjoni se ssegwi mill-qrib l-evoluzzjoni ta' dawn in-negozjati u se tevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni fi żmien sentejn.

[1]               ĠU L 195, 27.7.2005, p. 15.

[2]               COM(2008) 855 finali, 15.12.2008.

[3]               Nru 589/2006 Coll.

[4]               Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta' Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta' miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1.)

[5]               COM/2011/0144 finali.

[6]               Ara l-istudju kkummissjonat imsemmi hawn fuq li jappoġġa lil dan ir-rapport.

[7]               L-ekwipaġġ tal-ferrovija li jiċċekkja (u f 'xi każijiet ibigħ) biljetti abbord il-ferroviji tal-passiġġieri.