European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje C


C/2024/4180

2.8.2024

P9_TA(2023)0478

Il-Komunitajiet Maasai fit-Tanzanija

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ Diċembru 2023 dwar il-komunitajiet Maasai fit-Tanzanija (2023/3024(RSP))

(C/2024/4180)

Il-Parlament Ewropew,

—

wara li kkunsidra l-Artikolu 144(5) u l-Artikolu 132(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.

billi l-komunitajiet Maasai qed jiġu żgumbrati minn arthom fid-Distrett ta’ Ngorongoro, li jinkludi ż-Żona ta’ Konservazzjoni ta’ Ngorongoro u ż-Żona ta’ Loliondo;

B.

billi, f’Ġunju 2022, l-awtoritajiet Tanzanin bdew jikkonvertu 1 500 km2 ta’ art f’Loliondo f’riżerva tal-kaċċa u dan wassal għal żgumbramenti estensivi u ċaħħad lil aktar minn 70 000 persuna mill-aċċess għal mergħat li huma fundamentali għas-saħħa tal-bhejjem tagħhom u għall-għajxien tagħhom; billi dan ma kienx l-ewwel tentattiv biex il-Maasai f’Loliondo jiġu mblukkati milli jkollhom aċċess għall-mergħat fil-villaġġi mingħajr il-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tagħhom;

C.

billi, minn Ġunju 2022 ’il quddiem, fiż-Żona ta’ Konservazzjoni ta’ Ngorongoro, il-gvern irrestrinġa l-aċċess għal servizzi vitali bħall-ikel, l-edukazzjoni, l-ilma u l-kura tas-saħħa, u b’hekk ġiegħel lil ħafna komunitajiet Maasai jitilqu;

D.

billi r-rispett tad-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali huwa prerekwiżit għall-konservazzjoni effettiva tal-bijodiversità; billi esperti indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ħeġġew lit-Tanzanija twaqqaf l-iżgumbramenti furzati kollha fi Ngorongoro u qajmu tħassib dwar il-konsultazzjoni inadegwata tal-gvern mal-komunitajiet Maasai milquta u dwar in-nuqqas ta’ trasparenza;

1.

Iħeġġeġ lill-Gvern Tanzani jwaqqaf minnufih l-iżgumbramenti furzati tal-komunitajiet Maasai, jevita kwalunkwe miżura li jkollha impatt negattiv fuq il-ħajja, l-għajxien u l-kultura ta’ dawn il-komunitajiet, jiggarantilhom ritorn sikur u jirrispetta d-dritt tagħhom ta’ aċċess għall-ġustizzja u għal rimedji effettivi għall-vittmi;

2.

Jistieden lill-Gvern Tanzani jirrikonoxxi u jipproteġi d-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali u jistiednu jirrikonoxxi l-artijiet u r-riżorsi li l-komunitajiet Maasai ilhom jamministraw għal ġenerazzjonijiet sħaħ u r-rwol tagħhom fil-konservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi u tal-bijodiversità;

3.

Jafferma mill-ġdid li l-miżuri kollha relatati mal-komunitajiet Maasai jridu jirrispettaw l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali, inkluż id-dritt tagħhom għall-awtodeterminazzjoni, għall-art, għal-libertà ta’ għaqda u għall-kunsens liberu, minn qabel u infurmat;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet jaħdmu mal-komunitajiet milquta biex ifasslu soluzzjoni permanenti u aċċettabbli għall-Maasai fid-Distrett ta’ Ngorongoro li tkun tirrispetta d-drittijiet tagħhom;

5.

Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni biex fid-djalogu politiku tagħhom mal-Gvern Tanzani jinsistu fuq l-importanza tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

6.

Iħeġġeġ lill-Gvern Tanzani jippermetti lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jwettqu żjarat ta’ osservazzjoni;

7.

Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-allokazzjonijiet tagħha għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp u għall-għajnuna umanitarja mmirati lejn it-Tanzanija, peress li inizjalment ma kienet ġiet ippjanata l-ebda għajnuna b’appoġġ għall-Maasai;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar il-programmi ta’ appoġġ baġitarju tal-Unjoni Ewropea u inizjattivi oħra fit-Tanzanija, b’attenzjoni partikolari għall-proġetti li jittrattaw it-telfien tal-bijodiversità u t-tibdil fil-klima u għas-salvagwardji inkorporati tad-drittijiet tal-bniedem;

9.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Tanzanija u lin-Nazzjonijiet Uniti.

ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2024/4180/oj

ISSN 1977-0987 (electronic edition)