IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.7.2024
COM(2024) 319 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar in-nefqa tal-FAEG
Sistema’ ta’ Twissija Bikrija 1-6/2024
1.Proċedura tal-baġit tal-FAEG tal-2024
Fit-22 ta’ Novembru 2023, il-Parlament Ewropew adotta l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-2024. Il-baġit għall-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) jammonta għal EUR 40 517 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u għal EUR 40 505 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament. Ir-raġuni għall-ammonti differenti għaż-żewġ tipi ta’ approprjazzjonijiet hija l-użu ta’ approprjazzjonijiet differenzjati għal ċerti miżuri implimentati direttament mill-Kummissjoni. Dawn huma prinċipalment relatati mal-miżuri ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli u mal-miżuri ta’ strateġija tal-politika, ta’ koordinazzjoni u ta’ awditjar.
2.Dħul assenjat għall-FAEG
Abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2021/2116, id-dħul li joriġina mill-korrezzjonijiet finanzjarji fil-qafas tad-deċiżjonijiet dwar il-kontabbiltà u l-prestazzjoni kif ukoll mill-irregolaritajiet, jikkostitwixxi dħul assenjat għall-finanzjament tan-nefqa tal-FAEG.
Skont l-Artikolu 45(2), id-dħul assenjat jista’ jerġa’ jintuża biex ikopri l-ħtiġijiet ta’ finanzjament ta’ kwalunkwe nefqa tal-FAEG. Id-dħul assenjat miġbur u li jibqa’ ma jintużax matul is-sena baġitarja jiġi riportat awtomatikament għas-sena baġitarja ta’ wara
.
Il-baġit tal-FAEG tal-2024 jinkludi:
·l-istimi tal-Kummissjoni tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament għall-miżuri tas-suq, il-pagamenti diretti u nefqa oħra taħt ġestjoni diretta u indiretta
·l-istimi tad-dħul assenjat li jrid jinġabar tul is-sena baġitarja.
Fil-proposta tagħha għall-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2024, il-Kummissjoni qieset id-dħul assenjat totali mistenni. Għall-baġit tal-2024, il-Kummissjoni talbet livell ta’ approprjazzjonijiet ikkalkulat billi jitnaqqas id-dħul assenjat stmat mill-ħtiġijiet stmati. L-Awtorità tal-Baġit adottat il-baġit tal-FAEG tal-2024 filwaqt li qieset id-dħul assenjat mistenni.
Meta ġie stabbilit il-baġit tal-2024, l-istima tal-Kummissjoni tad-dħul assenjat disponibbli kienet tammonta għal EUR 739,8, li minnhom, EUR 339,8 miljun kienu ġew riportati mill-Baġit tal-2023. Il-Kummissjoni qieset li dan l-ammont riportat u d-dħul stmat li jrid jinġabar fl-2024 meta talbet l-approprjazzjonijiet għall-appoġġ bażiku għall-introjtu għas-sostenibbiltà (il-partita 08 02 04 01). Is-somma tal-approprjazzjonijiet ivvutati għal din l-iskema u d-dħul assenjat stmat hija ta’ EUR 19 022-il miljun.
Id-dħul assenjat eventwalment riportat mill-2023 kien marġinalment ogħla, u jammonta għal EUR 340,3 miljun.
3.Tabella tal-konsum proviżorju fil-31/03/2024
Dan ir-rapport jippreżenta l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-2024 għall-FAEG fil-31 ta’ Marzu 2024 u d-dettalji jinsabu fit-tabella hawn taħt.
Qed isir tqabbil bejn il-livell ta’ implimentazzjoni u l-profil tan-nefqa tas-sistema ta’ twissija bikrija li ġiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 19
tar-Regolament (UE) 2021/2116.
4.Kummenti dwar ir-riżerva għall-agrikoltura tal-2024
Il-Baġit tal-2024 kien jinkludi ammont ta’ EUR 832 miljun għar-riżerva għall-agrikoltura, inkluż riport ta’ EUR 315,5 miljun mill-Baġit tal-2023.
Ġew adottati żewġ miżuri, li jammontaw għal EUR 98,3 miljun. Dan se jkun iffinanzjat b’mod esklużiv mir-riżerva għall-agrikoltura tal-2024, jiġifieri mill-Baġit tal-2024.
Fir-rigward tan-nefqa, sa issa l-Istati Membri ddikjaraw total ta’ EUR 375,3 miljun. L-ammont imħallas huwa relatat mal-aħħar żewġ miżuri eċċezzjonali (il-pakketti tnejn u tlieta) adottati fil-qafas tal-Baġit 2023, iżda parzjalment iffinanzjati fil-qafas tal-Baġit tal-2024.
5.Kummenti dwar l-implimentazzjoni proviżorja tal-baġit tal-FAEG tal-2024
Għall-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ interventi f’ċerti setturi, l-implimentazzjoni tan-nefqa prevista fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK bdiet fis-sena finanzjarja 2023. L-ewwel pagamenti għat-tipi ta’ interventi tal-pagamenti diretti fil-qafas tal-pjanijiet saru fis-sena finanzjarja 2024. Dan ifisser li prattikament ma kien hemm l-ebda data storika disponibbli biex jitfassal il-profil tan-nefqa ta’ dawn l-interventi għas-sena baġitarja 2024. Għalhekk, il-profil ta’ kull xahar għal din in-nefqa huwa bbażat fuq profili tal-passat osservati għal nefqa simili fuq is-setturi tas-suq u l-pagamenti diretti barra mill-pjanijiet strateġiċi, u jqis ukoll in-nefqa reali għall-interventi tal-“pjan” li saru fl-ewwel xahrejn tas-sena finanzjarja 2024.
F’termini relattivi, l-eżekuzzjoni proviżorja tal-approprjazzjonijiet tal-baġit tal-FAEG tal-2024, għall-perjodu sal-31 ta’ Marzu 2024, hija qrib ħafna tal-profil tan-nefqa kkalkulat (-0,5 punti perċentwali).
In-nefqa għal kważi t-tipi settorjali kollha ta’ interventi fil-qafas tal-pjanijiet (08 02 02) turi devjazzjoni ’l isfel mill-profil, iżda sa ċertu punt inqas mis-sena finanzjarja preċedenti.
Diġà huwa disponibbli dħul assenjat (6 2 0 0) ta’ EUR 606,2 miljun, u huwa mistenni li jinġabru ammonti addizzjonali matul is-sena finanzjarja.
Bħalissa, il-Kummissjoni tistenna li l-approprjazzjonijiet ivvotati flimkien mal-ammont tad-dħul assenjat li se jkun disponibbli sa tmiem is-sena baġitarja se jkunu biżżejjed biex ikopru n-nefqa kollha.