European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/554

11.3.2026

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2026/554

tal-5 ta’ Marzu 2026

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), il-punti (b) u (d), u l-Artikolu 79(2), il-punt (c), flimkien mal-Artikolu 218(6), il-punt (a), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mingħand il-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

F’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1348 (2), il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina (3) (il-“Ftehim”) ġie ffirmat fil-11 ta’ Ġunju 2025, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(2)

Skont l-Artikolu 73(3) tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), f’ċirkostanzi li jirrikjedu l-iskjerament ta’ timijiet tal-ġestjoni tal-fruntieri mill-korp permanenti tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta lejn pajjiż terz fejn il-membri tat-timijiet ser jeżerċitaw setgħat eżekuttivi, jeħtieġ li jiġi konkluż ftehim dwar l-istatus mill-Unjoni mal-pajjiż terz ikkonċernat abbażi tal-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (5); għaldaqstant l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(4)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha u lanqas suġġetta għall-applikazzjoni tagħha. Ladarba din id-Deċiżjoni tibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi, fi żmien sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar din id-Deċiżjoni jekk hijiex ser timplimentaha fil-liġi nazzjonali tagħha.

(5)

Il-Ftehim jenħtieġ li jkun approvat f’isem l-Unjoni Ewropea,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

L-Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni.

L-Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha (6).

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Marzu 2026.

Għall-Kunsill

Il-President

N. IOANNIDES


(1)  Approvazzjoni tal-21 ta’ Jannar 2026 (għadha ma ġietx ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2025/1348 tas-27 ta’ Jannar 2025 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Bożnija-Ħerzegovina dwar attivitajiet operazzjonali mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta fil-Bożnija-Ħerzegovina (ĠU L, 2025/1348, 11.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2025/1348/oj).

(3)   ĠU L, 2025/1346, 11.7.2025, ELI: http://data.europa.eu/eli/agree/2025/1346/oj.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1896/oj).

(5)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20, ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2002/192/oj).

(6)  Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ser tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2026/554/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)