|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
MT Is-serje L |
|
2026/1276 |
11.6.2026 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/1276
tal-4 ta’ Ġunju 2026
dwar ir-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Mothais sur feuille” (DOP) fir-reġistru tal-Unjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi f’konformità mar-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2024/1143 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ April 2024 dwar indikazzjonijiet ġeografiċi għall-inbid, ix-xorb spirituż u l-prodotti agrikoli, kif ukoll l-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u t-termini tal-kwalità mhux obbligatorji għall-prodotti agrikoli, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1308/2013, (UE) 2019/787 u (UE) 2019/1753 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21, il-paragrafu 2 tiegħu,
Billi:
|
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 15, il-paragrafu 4, tar-Regolament (UE) 2024/1143, l-applikazzjoni ta’ Franza għar-reġistrazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika “Mothais sur feuille” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2). |
|
(2) |
Il-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2024/1143. |
|
(3) |
F’konformità mal-Artikolu 18(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2024/1143, fis-16 ta’ Marzu 2026, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni bil-kummenti tagħhom fejn talbu li l-informazzjoni inkluża fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, jiġifieri l-perjodu ta’ maturazzjoni, tiżdied mad-Dokument Uniku. L-awtoritajiet Franċiżi qiesu r-rimarka u emendaw id-Dokument Uniku. |
|
(4) |
Permezz ta’ ittra li waslet fit-8 ta’ Jannar 2025, l-awtoritajiet Franċiżi għarrfu lill-Kummissjoni li operatur, il-kumpanija Poitou Chèvre, li kien ikkummerċjalizza legalment prodott bid-denominazzjoni tal-bejgħ “Mothais sur feuille” b’dik id-denominazzjoni b’mod kontinwu għal aktar minn 5 snin, ma kienx ħares l-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu li jimmanifattura b’ħalib mhux ipproċessat. Dan il-punt kien tqajjem fil-qafas tal-proċedura nazzjonali ta’ oppożizzjoni. |
|
(5) |
Billi l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20, il-paragrafu 1, il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2024/1143 ġew issodisfati, jenħtieġ li l-kumpanija Poitou Chèvre tingħata perjodu tranżitorju biex tkun tista’ tkompli tuża d-denominazzjoni “Mothais sur feuille”. Fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Franċiżi, jenħtieġ li dak il-perjodu tranżitorju jdum sal-31 ta’ Diċembru 2029. |
|
(6) |
Permezz ta’ ittri li waslu fit-8 ta’ Jannar 2025 u fit-18 ta’ Awwissu 2025, l-awtoritajiet Franċiżi għarrfu lill-Kummissjoni li, permezz tal-Ordni tat-28 ta’ Novembru 2024 tal-Ministeru għall-Agrikoltura, għas-Sovranità tal-Ikel u għall-Forestrija dwar id-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kkontrollata “Mothais sur feuille” (NOR: AGRT2431695 A), b’effett mit-8 ta’ Jannar 2025, id-data li fiha tressqet l-applikazzjoni lill-Kummissjoni, dwar ċerti dispożizzjonijiet tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott, ngħataw perjodi tranżitorji lill-operaturi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20(6) tar-Regolament (UE) 2024/1143 sabiex jingħelbu ċerti diffikultajiet temporanji marbuta mal-kisba tal-objettiv fit-tul tal-konformità mal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. L-operaturi kkonċernati huma dawn li ġejjin: EARL Clé des champs, Gaec ferme Barroux, Gaec Lait’nergie u Gaec des 3 villages. |
|
(7) |
L-awtoritajiet Franċiżi kkalkulaw it-tul tal-perjodi tranżitorji individwalment u għal kull dispożizzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott abbażi taż-żmien meħtieġ biex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet ikkonċernati. Fir-rigward tad-dispożizzjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li “l-mogħoż għandu jkollhom aċċess għar-ragħa jew għal żona fil-beraħ għal mill-inqas 120 jum fis-sena u hekk kif il-kundizzjonijiet jippermettu”, perjodu tranżitorju ta’ 5 snin ingħata lil Gaec ferme Barroux u lil Gaec des 3 villages, u perjodu ta’ sentejn lil Gaec lait’nergie u lil EARL Clé des champs. Il-kumpanija Gaec ferme Barroux ingħatat perjodu tranżitorju ta’ sentejn għad-dispożizzjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott dwar il-projbizzjoni fuq it-tgeżwir. Fir-rigward tad-dispożizzjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li “mill-inqas 85 % tal-porzjon annwali tal-materja niexfa jrid jiġi miż-żona ġeografika”, ingħata perjodu tranżitorju ta’ sentejn lil Gaec ferme Barroux u lil EARL Clé des champs. Fir-rigward tad-dispożizzjoni fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott li “il-porzjon supplimentari fih mill-inqas 3 sorsi ta’ ċereali differenti u/jew ta’ għalla li fiha l-proteini u/jew ta’ għalla ta’ żerriegħa żejtnija li jiġu miż-żona ġeografika u li jirrappreżentaw mill-inqas 30 % tat-total annwali tal-supplimenti”, ingħata perjodu tranżitorju ta’ sentejn lil Gaec ferme Barroux u lil EARL Clé des champs. L-EARL Clé des champs ingħata perjodu tranżitorju ta’ sentejn għad-dispożizzjoni fl-Ispeċifikazzjoni li “mill-inqas 60 % tal-porzjon huwa magħmul minn foraġġ ta’ materja niexfa”. L-EARL Clé des champs ingħata perjodu tranżitorju ta’ sentejn għad-dispożizzjoni fl-Ispeċifikazzjoni li “il-porzjon supplimentari ma jridx jirrappreżenta aktar minn 40 % tal-materja niexfa tal-porzjon annwali”. |
|
(8) |
L-emenda tad-Dokument Uniku, bħala segwitu tan-notifika tal-kummenti mill-awtoritajiet Ġermaniżi, ma titqiesx bħala sostanzjali. Għaldaqstant, f’konformità mal-Artikolu 21(4) tar-Regolament (UE) 2024/1143, jenħtieġ li l-verżjoni konsolidata tad-dokument uniku tiġi ppubblikata mill-ġdid għall-informazzjoni bħala Anness ta’ dan ir-Regolament. |
|
(9) |
Għalhekk, jenħtieġ li l-Indikazzjoni Ġeografika “Mothais sur feuille” tiddaħħal fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Indikazzjoni Ġeografika “Mothais sur feuille” (DOP) hija rreġistrata fir-reġistru tal-Unjoni tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi msemmi fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2024/1143.
Artikolu 2
Il-kumpanija Poitou Chèvre hi awtorizzata tkompli tuża d-denominazzjoni “Mothais sur feuille” sal-31 ta’ Diċembru 2029.
Artikolu 3
Earl Clé des champs, Gaec ferme Barroux, Gaec lait’nergie u Gaec des 3 villages jibbenefikaw mill-perjodi tranżitorji mogħtija minn Franza skont l-Artikolu 20(6) tar-Regolament (UE) 2024/1143.
Artikolu 4
Il-verżjoni konsolidata tad-Dokument Uniku tidher fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Ġunju 2026.
Għall-Kummissjoni
F’isem il-President,
Christophe HANSEN
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L, 2024/1143, 23.4.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/1143/oj.
(2) ĠU C, C/2026/688, 29.1.2026, ELI: http://data.europa.eu/eli/C/2026/688/oj.
ANNESS
DOKUMENT UNIKU
Denominazzjonijiet ta’ oriġini u indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli
“Mothais sur feuille”
Ref. tal-UE PDO-FR-03397
Mibgħut fl-1.8.2025
1. Isem/Ismijiet
“Mothais sur feuille”
2. Tip ta’ indikazzjoni ġeografika
DOP ☒ IĠP ☐
3. Pajjiż li għalih tappartjeni ż-żona ġeografika definita
Franza
4. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu
4.1. Klassifikazzjoni tal-prodott agrikolu f’konformità mal-intestatura u l-kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda, kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) 2024/1143
|
04 — |
PRODOTTI TAL-ĦALIB; BAJD TAL-GĦASAFAR; GĦASEL NATURALI; PRODOTTI TAJBIN GĦALL-IKEL ĠEJJIN MILL-ANNIMALI, LI MHUMIEX SPEĊIFIKATI JEW INKLUŻI BANDA OĦRA |
|
0406 — |
Ġobon u baqta |
4.2. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu li għalih japplika l-isem reġistrat
Il-“Mothais sur feuille” huwa ġobon lattiku artab magħmul esklużivament mill-ħalib tal-mogħoż sħiħ mhux ipproċessat.
Jitnixxef u jiġi mmaturat fuq werqa tal-qastan li tħalli marka fuq in-naħa ta’ taħt tal-ġobon li jkun qed jimmatura. Il-qoxra mgħawġa u mkemmxa għandha kulur abjad lewn l-avorju.
Il-qoxra hija mgħawġa u mkemmxa, ta’ kulur abjad lewn l-avorju, u ftit li xejn żviluppata fil-post fejn tinsab il-werqa. Matul il-maturazzjoni tistgħa’ tfeġġ moffa ta’ kulur blu, griż blu, abjad jew aħmar b’mod naturali.
Il-pejst huwa minn abjad sa lewn l-avorju, fluwidu, żejtni, idub u għandu grana fina ħafna.
Il-“Mothais sur feuille” huwa kkaratterizzat minn aromi li jfakkru fil-ħalib u fil-ħmira u minn noti tal-annimali li, wara diversi ġimgħat ta’ maturazzjoni, magħhom jistgħu jiżdiedu aromi tal-injam bħal noti tal-“veġetazzjoni ta’ taħt is-siġar” u veġetali (b’mod partikolari t-“tiben frisk” u l-“faqqiegħ”), u aromi ta’ frott imqadded (b’mod partikolari l-“ġellewż”).
Il-perjodu ta’ maturazzjoni huwa ta’ mill-inqas 12-il jum wara ż-żieda tat-tames.
Fi tmiem il-perjodu minimu tal-maturazzjoni, il-“Mothais sur feuille” jkollu l-forma ta’ ċilindru ċatt u kultant ftit maqtugħ bi truf kemxejn għat-tond, u jkun jiżen mill-inqas 180 g.
L-estratt niexef totali għal kull biċċa huwa ta’ mill-inqas 65 g u mhux aktar minn 85 g.
Il-piż nett tal-ġobon u tal-estratt niexef ma jinkludix il-piż tal-werqa.
4.3. Derogi dwar l-akkwist ta’ għalf (għal prodotti li joriġinaw mill-annimali ddeżinjati b’denominazzjoni ta’ oriġini protetta biss) u restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ materja prima (għal prodotti proċessati deżinjati minn indikazzjoni ġeografika protetta biss)
Mill-inqas 85 % tal-materja niexfa tal-ammont annwali tal-għalf għall-mogħoż fil-merħla tiġi miż-żona ġeografika.
Iż-żona ġeografika tal-“Mothais sur feuille” tipproduċi l-maġġoranza tal-għalf tal-annimali, kemm f’termini ta’ foraġġ kif ukoll ta’ ċereali, żrieragħ żejtnin u għelejjel li fihom il-proteini. Madankollu, minħabba n-nuqqas ta’ unitajiet ta’ deidratazzjoni fiż-żona ġeografika, dawk li jrabbu l-bhejjem kultant jistgħu jżidu mal-għalf supplimentari, fi ħdan limitu ta’ 15 %, ċerta materja prima b’livell għoli ta’ proteini li ma tiġix prodotta fiż-żona ġeografika, bħal pasta taż-żrieragħ żejtnin jew nifel deidratat. Dawn il-kwantitajiet limitati ta’ għalf ikkonċentrat prodott barra ż-żona ma jaffettwawx il-karatteristiċi essenzjali tal-ġobon li jiġu mid-dieta tal-mogħoż, b’mod partikolari minħabba l-preżenza obbligatorja tal-legumi lokali fl-għalf, li tirriżulta f’ħalib ta’ kwalità għolja.
Il-foraġġ huwa totalment prodott fiż-żona ġeografika. L-għalf irid ikun magħmul minn mill-inqas 60 % foraġġ niexef.
Il-foraġġ irid ikun inkluż f’lista pożittiva biex jitqies bħala tali. Jiġi kkonsmat frisk, bħala ħuxlief. L-insilaġġ u t-tgeżwir huma pprojbiti.
L-ammont annwali tal-għalf għal kull mogħża jkun fih tal-anqas 200 kilogramma ta’ materja niexfa fil-forma ta’ nifel jew ta’ legumi miż-żona ġeografika.
L-għalf supplimentari jammonta għal massimu ta’ 40 % tal-materja niexfa fit-total annwali. Il-materja prima speċifikata f’lista pożittiva biss tista’ tiġi inkluża fl-għalf supplimentari, li jew jitħallat fil-farm jew jiġi fil-forma ta’ supplimenti tal-għalf kummerċjali:
Id-diversi tipi ta’ għalf li jsawru t-total annwali jiġu minn żrieragħ mhux transġeniċi u għandhom livell ta’ DNA modifikat ta’ inqas minn 0,9 %.
Il-mogħoż fil-merħla huma tar-razez Alpini, Saanen u Poitou u tar-razez inkroċjati tagħhom.
Il-merħliet tal-mogħoż Poitou ma jistgħux jinkludu annimali li għandhom inqas minn 75 % tar-razza Poitou.
4.4. Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika definita
Il-produzzjoni tal-ħalib u l-manifattura u l-maturazzjoni tal-ġobon isiru fiż-żona ġeografika.
4.5. Regoli speċifiċi dwar l-imballaġġ, it-tfettit, it-taħkik, eċċ. tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
–
4.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott agrikolu li għalih jirreferi l-isem reġistrat
Il-ġobnijiet tal-farms mill-merħliet, li mill-inqas 95 % tal-membri tagħhom jappartjenu għar-razza Poitou, jistgħu jiġu introdotti fis-suq bir-referenza “Race poitevine” (ir-razza Poitou).
5. Definizzjoni qasira taż-żona ġeografika
Dipartiment ta’ Charente: Les Adjots, Barro, Bernac, Bessé, Bioussac, Brettes, Charmé, La Chèvrerie, Condac, Courcôme, Ébréon, Empuré, La Faye, La Forêt-de-Tessé, Les Gours, Londigny, Longré, La Magdeleine, Montjean, Nanteuil-en-Vallée, Paizay-Naudouin-Embourie, Raix, Ruffec, Saint-Fraigne, Saint-Martin-du-Clocher, Salles-de-Villefagnan, Souvigné, Taizé-Aizie, Theil-Rabier, Tusson, Verteuil-sur-Charente, Villefagnan, Villiers-le-Roux.
Dipartiment ta’ Charente-Maritime: Benon, Contré, Courçon, Cram-Chaban, Dampierre-sur-Boutonne, Les Éduts, La Grève-sur-Mignon, La Laigne, Néré, Romazières, Saint-Mandé-sur-Brédoire, Saint-Pierre-d’Amilly, Saint-Séverin-sur-Boutonne, Saleignes, La Villedieu, Villiers-Couture, Vinax.
Dipartiment ta’ Deux-Sèvres: Aiffres, Aigondigné, Alloinay, Amuré, Arçais, Ardin, Asnières-en-Poitou, Aubigné, Augé, Avon, Azay-le-Brûlé, Beaulieu-sous-Parthenay, Beaussais-Vitré, Beauvoir-sur-Niort, Béceleuf, Bessines, Bougon, Le Bourdet, Brieuil-sur-Chizé, Brioux-sur-Boutonne, Brûlain, Caunay, Celles-sur-Belle, Champdeniers, La Chappelle-Bâton, La Chapelle-Pouilloux, Les Châteliers, Chauray, Chef-Boutonne, Chenay, Chérigné, Cherveux, Chey, Chizé, Clavé, Clussais-la-Pommeraie, Coulon, Coulonges-sur-l’Autize, Couture-d’Argenson, La Crèche, Échiré, Ensigné, Épannes, Exireuil, Exoudun, Faye-sur-Ardin, Fomperron, Fontenille-Saint-Martin-d’Entraigues, Fontivillié, Fors, Les Fosses, La Foye-Monjault, François, Fressines, Frontenay-Rohan-Rohan, Germond-Rouvre, Granzay-Gript, Juillé, Juscorps, Lezay, Limalonges, Lorigné, Loubigné, Loubillé, Luché-sur-Brioux, Lusseray, Magné, Mairé-Levescault, Maisonnay, Marcillé, Marigny, Mauzé-sur-le-Mignon, Mazières-en-Gâtine, Melle, Melleran, Ménigoute, Messé, Montalembert, La Mothe-Saint-Héray, Nanteuil, Niort, Paizay-le-Chapt, Pamproux, Périgné, Pers, Plaine-d’Argenson, Pliboux, Pompaire, Prahecq, Prailles-La Couarde, Prin-Deyrançon, Reffannes, La Rochénard, Rom, Romans, Saint-Christophe-sur-Roc, Saint-Coutant, Sainte-Eanne, Saint-Gelais, Saint-Georges-de-Noisné, Saint-Georges-de-Rex, Saint-Germier, Saint-Hilaire-la-Palud, Saint-Lin, Saint-Maixent-l’École, Saint-Marc-la-Lande, Saint-Martin-de-Bernegoue, Saint-Martin-de-Saint-Maixent, Saint-Maxire, Sainte-Néomaye, Sainte-Ouenne, Saint-Pardoux-Soutiers, Saint-Pompain, Saint-Rémy, Saint-Romans-des-Champs, Saint-Romans-lès-Melle, Sainte-Soline, Saint-Symphorien, Saint Vincent-la-Châtre, Saivres, Salles, Sansais, Sauzé-Vaussais, Sciecq, Secondigné-sur-Belle, Séligné, Sepvret, Soudan, Souvigné, Surin, Valdelaume, Val-du-Mignon, Vallans, Vançais, Le Vanneau-Irleau, Vanzay, Vautebis, Vernoux-sur-Boutonne, Verruyes, Le Vert, Villefollet, Villemain, Villiers-en-Bois, Villiers-en-Plaine, Villiers-sur-Chizé, Vouhé, Vouillé, Xaintray.
Dipartiment ta’ Vendée: Benet, Damvix, Le Mazeau, Saint-Sigismond.
Dipartiment ta’ Vienne: Anché, Asnois, Blanzay, Brux, Celle-Lévescault, Champagné-le-Sec, Champniers, La Chappelle-Bâton, Charroux, Château-Garnier, Chaunay, Civray, Cloué, Curzay-sur-Vonne, Genouillé, Jazeneuil, Linazay, Lizant, Lusignan, Marçay, Marigny-Chemereau, Romagne, Rouillé, Saint-Gaudent, Saint-Pierre-d’Exideuil, Saint-Romain, Saint-Sauvant, Sanxay, Sommières-du-Clain, Savigné, Surin, Val-de-Comporté, Valence-en-Poitou, Voulême, Voulon.
6. Rabta maż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika tikkorrispondi għan-“Nofsinhar ta’ Poitou”. Hija żona ta’ tranżitu bejn il-pjanura tal-ġebel tal-ġir ta’ Poitou u l-bocage tal-granit u tal-lavanja tal-Vendée, li l-qalba tagħha hija ffurmata fin-Nofsinhar ta’ Deux-Sèvres mill-pjanuri ta’ Niort u ta’ Aunis, mill-plateau ta’ Mellois u mill-pjanura ta’ Mothe-Lezay, li l-parti ta’ “Mothe” tagħha hija pjuttost imħarbta.
Ir-reġjun huwa ffurmat prinċipalment minn ġebel tal-ġir Ġurassiku, li spiss jagħti lok għal ħamrija tal-ġebla tal-ġir irqiqa u ġeblija msejħa “groies”. F’nofs din it-taħlita hemm plateaux żgħar f’altitudnijiet differenti ta’ tafal aħmar iffurmat b’riżultat tad-deterjorament tal-blat Ġurassiku u magħruf lokalment bħala t-“terres rouges à châtaignier” (ħamrija ħamra lewn il-qastan). Il-ħamrija hemmhekk hija ġeneralment aċiduża, strutturata tajjeb u akkumpanjata minn xi żnied. Il-klima hija oċeanika u pjuttost moderata b’nuqqasijiet frekwenti ta’ ilma fis-sajf.
F’din iż-żona ġeografika, dawn li ġejjin feġġew simultanjament bħala fenomeni stabbiliti sew:
|
— |
tip partikolari ta’ produzzjoni tal-ħalib ikkaratterizzat minn sistema mħallta ta’ għelejjel/bhejjem li tippermetti t-tagħlif awtonomu għall-mogħoż, ibbażat fuq pjanti leguminużi bħan-nifel, ikkunsmati prinċipalment nexfin jew friski, u fuq ċereali prodotti lokalment, |
|
— |
produzzjoni dinamika u kollettiva li tinvolvi l-bdiewa, l-artiġjani u l-industrija, li timplimenta għarfien espert speċjali: l-ipproċessar tal-baqta mhux maqtugħa tal-ħalib mhux ipproċessat iffurmata permezz tal-ġbir bil-kuċċarun bl-idejn, li titħalla toqtor bil-mod, u timmatura fuq il-weraq tal-qastan żgħir maqtugħ u mnixxef b’attenzjoni fiż-żona ġeografika. |
Fit-teżi tad-dottorat tiegħu fil-ġeografija, Frantz JÉNOT (2008) jiddeskrivi l-“Poitou méridional” (in-Nofsinhar ta’ Poitou) bħala “territorju kulturali tat-trobbija tal-mogħoż” fil-qalba ta’ sistema mħallta ta’ għelejjel/bhejjem.
Il-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon tal-mogħoż żviluppat b’mod rapidu mis-seklu 11 sas-seklu 15 fin-Nofsinhar ta’ Poitou, bil-popolarità dejjem akbar tal-pellegrinaġġ lejn Santiago de Compostela u r-rotta tal-“Grand Chemin” tiegħu (minn Pariġi). Kienu l-ħafna Protestanti fir-reġjun ta’ Mellois li sussegwentement segwew il-prattika rħisa tat-trobbija tal-mogħoż u tat-tħawwil tas-siġar tal-qastan, li kienu magħrufa bħala s-“siġra tal-ħobż”, fi sforz biex jipprevjenu l-ġuħ.
Fi stadju bikri, iż-żona ġeografika saret ukoll ċentru għall-produzzjoni tal-fuħħar, b’madwar 15-il sit li minnhom l-artiġjani kienu jipprovdu l-forom jew il-passaturi lill-produtturi tal-ġobon.
Fi tmiem is-seklu 19, il-kriżi tal-phylloxera ġiegħlet lill-vitikulturi jirrikorru għat-trobbija tal-mogħoż u għall-produzzjoni tal-ħalib, filwaqt li madwar Mothe-Saint-Héray bdew jiżviluppaw is-swieq lokali u sistema tal-produzzjoni kooperattiva.
F’termini tar-razez tal-mogħoż preżenti fiż-żona ġeografika, ta’ min jinnota li dan it-territorju huwa l-post fejn twieldet il-mogħża ta’ Poitou. In-numri ta’ din ir-razza tal-mogħoż naqsu bl-epidemija tal-marda tal-ilsien u d-dwiefer fis-snin 20. Minn dak il-perjodu ’l hawn, dawk li jrabbu l-bhejjem u l-kooperattivi tal-ħalib reġgħu bdew ikabbru l-merħliet tagħhom, prinċipalment b’mogħoż Alpini u Saanen.
Il-“Mothais sur feuille” huwa ġobon artab magħmul esklużivament mill-ħalib tal-mogħoż sħiħ mhux ipproċessat.
Il-ġobon jifforma ċilindru ċatt, xi kultant ftit maqtugħ, bi truf kemxejn għat-tond.
Jitnixxef u jiġi mmaturat fuq werqa tal-qastan li tħalli marka fuq in-naħa ta’ taħt tal-ġobon li jkun qed jimmatura.
Għandu qoxra tal-ħmira, kultant imkemmxa u jvarja fil-kulur minn beige ċar għal blu. Il-pejst jidher fin, artab u fluwidu, u huwa żejtni u tassew idub fil-ħalq.
Meta jimmatura fuq il-weraq tal-qastan, il-“Mothais sur feuille” jikseb noti li għall-ewwel ikunu tal-ħalib u tal-ħmira, imbagħad isiru aktar tal-annimali, kultant b’aromi addizzjonali tal-injam, veġetali u tal-frott imqadded.
F’ambjent li storikament kien favorevoli għat-trobbija tal-mogħoż, il-fatturi naturali u umani wasslu għal tip speċifiku ta’ produzzjoni tal-ġobon tal-mogħoż. Permezz tal-ħamrija tal-ġebla tal-ġir “groies” favorevoli għall-pjanti u għaċ-ċereali leguminużi, żviluppaw farms tal-polikultura li jiżguraw it-tagħlif awtonomu għall-merħliet. Dan l-għalf jirriżulta fil-produzzjoni ta’ ħalib ta’ kwalità għolja ħafna għall-produzzjoni tal-ġobon.
Fl-istess ħin, l-ambjent partikolari ta lill-ġobon il-karatteristiċi li jiddistingwuh. L-ewwel nett, il-preżenza tat-tafal f’xi żoni għenet b’mod storiku lil ħafna fuħħara sabiex jipproduċu forom jew passaturi tat-terrakotta li taw lill-ġobon il-forma tiegħu. Illum, dawn il-forom ġew sostitwiti mill-forom tal-plastik użati b’mod komuni fil-produzzjoni tal-ġobon, filwaqt li żammew l-għamla oriġinali. It-tieni, il-preżenza ta’ rqajja’ żgħar iżolati ta’ ħamrija ħamra relattivament aċiduża hija tajba għas-siġar tal-qastan, li l-weraq tagħhom jinqatgħu u jitnixxfu bl-użu tal-għarfien prattiku lokali biex jiġu ggarantiti l-kulur kannella u l-indafa tal-weraq. Dan l-għarfien prattiku huwa relatat mal-għażla tad-data t-tajba li fiha għandu jinħasad il-weraq sabiex jinkiseb il-kulur mixtieq, mal-adozzjoni ta’ teknika tal-ħsad li tevita kwalunkwe kuntatt mal-art u ta’ teknika tal-ħżin bl-inxir ma’ ħabel li tiffaċilita t-tnixxif naturali u l-preżervazzjoni xierqa tal-weraq.
Fl-aħħar nett, il-ħamrija u l-klima u l-mergħat b’diversi speċijiet li jippermettu l-produzzjoni tal-“Mothais sur feuille” bl-użu ta’ ħalib mhux ipproċessat jiffavorixxu l-preżenza u l-iżvilupp ta’ flora speċifika għall-ġobon, b’mod partikolari l-mell abjad (geotrichum), li hija dik li tagħmel il-pejst fluwidu u kremuż.
Barra minn hekk, it-taqtir bil-mod tal-baqta miksuba mill-ħalib mhux ipproċessat jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp konsiderevoli tal-mell abjad (fermentazzjoni), u jippermetti li l-“Mothais sur feuille” jerħi aromi tal-ħalib u tal-ħmira mit-12-il jum ’il quddiem.
Il-karattru żejtni tal-pejst jissaħħaħ bir-regolazzjoni tal-indewwa (skular u manutenzjoni tal-umdità) ipprovduta mill-werqa tal-qastan matul il-perjodu tal-maturazzjoni. Il-werqa tal-qastan taqdi wkoll rwol importanti fil-preżentazzjoni u fl-identità tal-prodott u għenet biex tiġi żviluppata r-reputazzjoni tiegħu.
Tul l-istorja, fis-swieq lokali dan il-ġobon minn dejjem irreferew għalih bħala “sur feuille” (“fuq il-werqa”) u sejħulu “Mothais” jew “fromage de la Mothe” fil-gazzetti jew fil-kotba u mill-bejjiegħa tal-ġobon fi bliet ’il bogħod miż-żona lokali.
Bis-saħħa tal-linji ferrovjarji, il-ġobnijiet jistgħu jinġarru malajr lejn il-bliet ta’ Niort, Poitiers, Bordeaux u Pariġi. Mill-gazzetta “Le Mellois” tas-7 ta’ Jannar 1866, sirna nafu li l-ġobnijiet mir-reġjun ta’ Mothe-Saint-Héray kienu għadhom kif ingħataw premju fil-Wirja ta’ Pariġi. F’dawn il-bliet żgħar imbiegħda, bħal fl-istampa, l-oriġini ġeografika tal-ġobon hija importanti.
Fl-1953, fil-ktieb “Fromages de France”, Curnonsky jirreferi għall-“ġobon tal-mogħoż imgeżwer fil-weraq prodott fir-reġjun ta’ Mothe-Saint-Héray u Melle u kbir bejn 10 u 13 cm u jiżen madwar 220 g”. Ftit wara, fl-1972, Pierre Androuet jelenka “le Mothais ou chèvre à la feuille appelé aussi la Mothe-Saint-Héray fermier” (“Mothais” jew ġobon tal-mogħoż imgeżwer fil-weraq, magħruf ukoll bħala l-ġobon tal-farm ta’ Mothe-Saint-Héray”) fil-“Guide du fromage”.
Fis-snin 70, għadd dejjem akbar ta’ produtturi fil-farms bdew jiżviluppaw mill-ġdid din il-produzzjoni. Fl-aħħar tas-snin 80, il-produtturi fiż-żona ġeografika bdew isejħu l-ġobon tagħhom “Mothais sur feuille”. Fl-1989, l-Association Centrale des Laiteries Coopératives (l-Assoċjazzjoni Ċentrali tal-Imħaleb Kooperattivi) talbet li t-trademark “Mothais sur feuille” tiġi rreġistrata mal-Istitut Nazzjonali għall-Proprjetà Industrijali (INPI) fl-1989.
Madwar is-snin 90, il-“Mothais sur feuille” daħal uffiċjalment f’kompetizzjonijiet reġjonali, u ġie rrikonoxxut bħala kategorija għalih innifsu.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-indikazzjoni ġeografika
https://extranet.inao.gouv.fr/fichier/CDC-Mothaissfeuille-250624.pdf
ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2026/1276/oj
ISSN 1977-074X (electronic edition)