52005DC0063

Rapport mill-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni-qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri {SEG(2005) 267} /* KUMM/2005/0063 finali */


[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 23.02.2005

KUMM(2005) 63 finali

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

bbażat fuq l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni-qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri{SEG(2005) 267}

METODU

Bl-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 34 tad-Deċiżjoni-qafas tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri,[1] il-Kummissjoni ressqet dan ir-rapport li jevalwa l-applikazzjoni ta’ dan l-att (minn hawn ‘il quddiem ‘Deċiżjoni-qafas’). Din l-evalwazzjoni hi importanti minħabba li l-mandat ta’ arrest kien l-ewwel miżura implimentattiva tal-prinċipju ta’ l-għarfien reċiproku u l-waħda l-aktar simbolika.

Il-kriterji ta’ evalwazzjoni wżati mill-Kummissjoni għall-iskopijiet ta’ dan ir-rapport huma, min-naħa, il-kriterji ġenerali li huma wżati regolarment fl-evalwazzjoni ta’ l-implimentazzjoni ta’ Deċiżjonijiet-qafas (l-effettività, it-trasparenza u s-sigurtà ġuridika, l-applikazzjoni sħiħa, ir-rispett tad-data ta’ traspożizzjoni)[2], u min-naħa l-oħra, il-kriterji marbuta mal-mandat ta’ l-arrest li huma prinċipalment in-natura legali, l-effiċjenza u r-rapidità ta’ l-impatt tiegħu.

Biex jitħejja dan ir-rapport, il-Kummissjoni ibbażat ruħha prinċipalment fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw il-mandat ta’ arrest, dawk li t-test tagħhom kien mibgħut mill-Istati Membri (Art. 34-2), kif ukoll fuq informazzjoni komplimentari mibgħuta mill-Kunsill (Art. 34-3), partikolarment it-tweġibiet disponibbli li kien hemm għall-kwestjonarji indirizzati lill-Istati Membri mill-Presidenza tal-Kunsill.[3]

Barra minn hekk, il-Kummissjoni fittxet li tespandi l-informazzjoni li kellha billi, l-ewwelnett, użat it-tweġibiet mogħtija għall-kwestjonarju tan-netwerk ġudizzjarju Ewropew dwar il-prattika, tal-mandat ta’ arrest, sa l-1.9.2004, u t-tieni billi organizzat djalogu bilaterali mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali maħtura għal dan l-għan. Madankollu, il-kontenut tar-rapport preżenti u ta’ l-anness tiegħu jirrifletti n-numru ta’ nuqqasijiet u dewmien fit-trasmissjoni, l-kwalità differenti ta’ l-informazzjoni miksuba u l-qosor tal-perjodu eżaminat.[4]

EVALWAZZJONI

Proċedura ta’ konsenja li saret essenzjalment ġudizzjarja bejn l-Istati Membri

Implimentazzjoni li saret b’dewmien ta’ żmien, iżda issa saret kważi kullimkien

Il-mandat ta’ arrest kien implimentat minn 24 Stat Membru b’dewmien żejjed li wasal sa 8 xhur (CZ, DE). Nofshom biss laħħqu fiż-żmien stipulat (BE, DK, ES, IE, CY, LT, HU, PL, PT, SI, FI, SE, UK). Dan id-dewmien żejjed ikkaġuna minn problemi tranżitorji.

Madankollu, fl-1 ta’ Novembru 2004, l-Istati Membri kollha kienu trasponew id-Deċiżjoni-qafas ħlief l-Italja fejn ix-xogħlijiet Parlamentari għadhom għaddejjin. Numru ta’ Stati Membri kellhom jirrevedu l-Kostituzzjoni tagħhom għal dan l-għan. Kollha kemm huma adottaw leġislazzjoni speċifika. Madankollu wħud minnhom (partikolarment DK u EE) naqsu milli jimplimentaw, f’ċertu dispożizzjonijiet, ċertu regoli li jorbtu, b’mod li ma jissodisfawx il-ħtiġijiet tas-sigurtà ġuridika.

Fil-prattika, mill-1 ta’ Jannar 2004, 8 Stati Membri applikaw bejniethom id-dispożizzjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest: kienu 16 fid-data tat-tkabbir u laħqu l-24 fl-14 ta’ Jannar fit-2005, id-data li fiha daħal fis-seħħ fir-Repubblika Ċeka.

Fis-sena 2004, il-mandat ta’ arrest progressivament ħa post l-estradizzjoni bejn l-Istati Membri u jidher li għaddih anke f’termini ta’ kwantità. Rari huma l-każijiet fejn l-Istati Membri ħadu l-libertà li jimponu restrizzjonijiet fuq il-limiti temporali jew materjali tiegħu. Fl-ewwel każ, uħud wettqu dawn ir-restrizzjonijiet b’konformità mad-Deċiżjoni-qafas, meta din ġiet adottata, partikolarment bl-esklużjoni ta’ l-applikazzjoni tagħha għal fatti li ġraw qabel data determinata. (Art. 32 / FR, IT, AT). Oħrajn, madankollu, kienu fi ħsiebhom jipproċedu għal din il-limitazzjoni mingħajr ma mxew mad-deċiżjoni-qafas, kemm dwar il-proċedura (Art. 32 / (CZ, LU, SI), il-kontenut tar-restrizzjoni (CZ, LU) jew anke dwar id-data tad-dħul fis-seħħ (CZ). B’konsegwenza, l-estradizzjonijiet mitluba minn dawn ta’ l-aħħar jistgħu jiġu miċħuda mill-Istati Membri l-oħra.

Anke dawk l-Istati Membri li llimitaw l-iskop materjali ta’ l-applikazzjoni għamlu dan bi ksur ta’ l-obbligi tagħhom, kemm fejn jidħlu l-pieni massimi stipulati (Art. 2 / NL, AT, PL ; Art. 4-7b / UK), kif ukoll għal ċertu kategoriji ta’ infrazzjonijiet li dwarhom reġġgħu fis-seħħ (Art. 2 / BE, PL, SI) jew li ħadu r-riskju li jreġġgħu fis-seħħ (EE, EL, FR) protezzjoni kontra l-inkriminazzjoni doppja. Madankollu, it-traspożizzjoni tal-lista ta’ 32 kategorija ta’ infrazzjoni li għalihom l-inkriminazzjoni doppja kienet abolita s’issa għadha ma ltaqgħetx ma’ diffikultajiet kbar. Sfortunatament xi Stati Membri kkunsidraw li din ma kienetx tikkonċerna l-każijiet ta’ l-attentati u tal-kompliċità.(Art. 2 / EE, IE).

Proċedura ta’ konsenja mogħtija natura essenzjalment ġudizzjarja

Il-konsenja ta’ persuni mitluba bejn l-Istati Membri, b’applikazzjoni tad-deċiżjoni-qafas (Art. 1-1) saret kompletament ġudizzjarja. Dan hu kkonfermat mill-fatt, per eżempju, li maġġoranza kbira ta’ l-Istati Membri awtorizzaw kuntatt dirett bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji, f’fażijiet differenti tal-proċedura (Art. 9-1, 15 u 23). Madankollu, xi Stati Membri ħolqu organu eżekuttiv li jirrappreżenta kompletament l-awtoritajiet ġudizzjarji (Art. 6/ DK) jew fir-rigward ta’ ċertu aspetti (EE, LV, LT, FI, SE).

Awtorizzata mid-Deċiżjoni-qafas, l-interpożizzjoni ta’ awtorità ċentrali b’monopolju fuq it-trasmissjonijiet għadha biss l-għażla ta’ minoranza (Art. 7 / EE, IE, HU, MT, UK). Madankollu jeħtieġ ikunu ddeplorati dawk il-każi fejn is-setgħat deċiżjonali mogħtija lill-awtoritajiet ċentrali jkunu aktar minn rwol sempliċi ta’ faċilitazzjoni li d-Deċiżjoni-qafas tippermetti li jkollhom (EE, IE).

Artik ulazzjoni progressiva mas-sistema esterna ta’ l-estradizzjoni

Jekk il-konsenja bejn l-Istati Membri issa saru jiddependu l-aktar mill-qafas tal-mandat ta’ arrest, id-dispożizzjoni ta’ l-Unjoni daħlet ferm aktar bil-mod fil-promulgazzjoni tar-regoli internazzjonali (Art. 21 / MT ; Art. 28 / LT).

L-ebda Stat Membru għadu ma għarraf is-sistema l-ġdida tiegħu lill-Kunsill ta’ l-Ewropa (Art. 28 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-estradizzjoni tat-13.12.1957). [5]Madankollu, dan in-nuqqas għandu jkun tranżitorju.

Proċedura iktar effiċjenti u mgħaġġla, li tirrispetta l-garanziji fundamentali

Konsenji aċċettati aktar faċilment

B’assigurazzjoni ta’ aktar effiċjenza, id-Deċiżjoni-qafas tillimita r-raġunijiet li għalihom il-konsenja bejn l-Istati Membri tista’ tiġi miċħuda, u tevita kull deċiżjoni li tista’ tkun ta’ natura politika. B’mod ġenerali, il-qafas stipulat minnha kien irrispettat. Fil-fatt, l-effikaċja tal-mandat ta’ arrest tista’ tkun apprezzata, b’mod provviżorju, fid-dawl ta’ l-2603 mandat maħruġ, is-653 persuna arrestata u l-104 persuna konsenjata sa Settembru 2004. Barra minn hekk, għandu jingħad li n-numru ta’ każijiet miċħuda min-numru totali ta’ mandati maħruġa sal-lum hu baxx. Fir-realtà, ir-riżultat għandu jkun itjeb minn dak muri f’dawn l-indikazzjonijiet provviżorji, ibbażati biss fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ madwar għoxrin Stat Membru.

In-numru ta’ raġunijiet obbligatorji biex tkun miċħuda t-talba, imsemmi fid-Deċiżjoni-qafas, ivarja bejn 3 sa 10 skond l-Istati Membri. L-Istati Membri kollha ttrasponew it-tliet raġunijiet ta’ ċaħda obbligatorji, b’xi eċċezzjonijiet (Art. 3-1 / NL, UK) jew nuqqasijiet (Art. 3-1 / DK, IE) ; Art. 3-2 / IE, UK). L-għażla tat-traspożizzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mas-seba’ raġunijiet fakultattivi wasslu għal sitwazzjonijiet diverġenti bejn Stat Membru u ieħor, uħud għamlu użu biss minn parti jew ħallew skop wiesa’ għall-interpretazzjoni mill-awtoritajiet ġudizzjarji tagħhom, filwaqt li oħrajn, għall-kuntrarju, għamluhom kollha obbligatorji. Filwaqt li fil-prinċipju din l-għażla hi possibbli, sakemm il-ġurisprudenza ma tieħux direzzjoni kuntrarja[6] (Art. 4-3), hi tista’ tiġi kkritikata meta tasal li ġġiegħel lill-awtoritajiet ġudizzjarji jmexxu investigazzjoni huma stess minflok jaċċettaw il-mandat ta’ arrest, preċiżament meta jkun hemm investigazzjonijiet għaddejjin fl-Istat Membru li ħareġ il-mandat. (Art. 4-2).

Id-differenzi fis-sistemi nazzjonali hi marbuta wkoll mal-fatt li l-ebda Stat Membru ma żamm il-possibilità li jagħmel l-eżekuzzjoni tal-mandat soġġetta għat-tliet garanziji partikolari stipulati fid-Deċiżjoni-qafas. Madankollu, meta dan sar, ċertu Stati Membri pprevedew il-bżonn ta’ kondizzjonijiet supplimentari (Art. 5-1 / MT, UK ; Art. 5-3 / NL). Aktar minn hekk, jidher li fil-prattika ċertu awtoritajiet jitolbu assigurazzjonijiet mhux previsti fis-sistema, u anke jiċħdu l-konsenja meta l-istess assigurazzjonijiet ikunu ngħataw.

Il-konsenja ta’ ċittadini tal-pajjiż, li tirrappreżenta bidla ewlenija tad-Deċiżjoni-qafas, issa saret realtà, ħlief għal deroga prevista minn din id-Deċiżjoni (Art. 33 / AT). Madankollu, il-parti l-kbira ta’ l-Istati Membri għażlu li jimplimentaw, fir-rigward taċ-ċittadini tagħhom stess il-kondizzjoni ta’ l-eżekuzzjoni tal-piena fuq it-territorju tagħhom (Art. 4-6 et 5-3), ħlief għal xi eċċezzjonijiet (IE, SK, UK). B’hekk, il-maġġoranza ta’ l-Istati Membri għażlu trattament indaqs bejn iċ-ċittadini tagħhom u r-residenti.

Madankollu għad fadal xi diffikultajiet. Skond it-tagħrif li għandha l-Kummissjoni, jidher li hemm bżonn tkun iddeplorata l-prattika ta’ ċertu awtoritajiet ġudizzjarji li jiċħdu l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest fir-rigward taċ-ċittadini tal-pajjiż tagħhom stess bl-invokazzjoni tal-kompetenza tagħhom (Art. 4-2 et 4-7), mingħajr ma jkunu jistgħu jtemmu huma stess l-investigazzjonijiet. Għaldaqstant, Stat Membru introduċa klawżola ta’ reċiproċità u konverżjoni tal-piena mogħtija liċ-ċittadini tiegħu (Art. 4-6 / CZ). Stat ieħor ikkunsidra wkoll li għandu jerġa’ jistabbilixxi fuq iċ-ċittadini tiegħu l-kontroll sistematiku ta’ l-inkriminazzjoni doppja u jiddeċiedi dwar il-konsenja tagħhom skond assigurazzjoni li se jkun jista’ jikkonverti l-pieni tagħhom (Art 5-3 / NL). Issa jagħti l-każ li din il-kondizzjoni, awtorizzata mill-Konvenzjoni tal- 21.3.1983 dwar il-konsenja tal-persuni kkundanati, ma tinsabx fid-Deċiżjoni-qafas. Għaldaqstant, din il-konvenzjoni ma setgħetx isservi ta’ bażi legali għall-eżekuzzjoni ta’ piena maħruġa fi Stat ieħor jekk din tkun diġà bdiet, li mhux normalment il-każ meta mandat ta’ arrest jintbagħat bl-iskop li tkun eżegwita piena.

Fl-aħħarnett, l-introduzzjoni ta’ raġunijiet mhux previsti mid-Deċiżjoni-qafas tidher inkwetanti. Ir-raġuni addizzjonali ta’ ċaħda minħabba ne bis in idem fil-konfront tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, li tippermetti lil ċerti Stati Membri biex jimlew nuqqas fid-Deċiżjoni-qafas, hi mingħajr bażi. L-istess jista’ jingħad għall-kwistjoni tar-raġunijiet espliċiti ta’ ċaħda għall-ksur tad-drittijiet fundamentali (Art. 1-3) jew diskriminazzjoni (Premessi 12 u 13) li żewġ terzi ta’ l-Istati Membri għażlu li jintroduċu espressament, taħt forom differenti . Minkejja li huma leġittimi, ħlief meta jmorru lil hinn mid-Deċiżjoni-qafas (EL, IE, CY), fl-Unjoni, dawn ir-raġunijiet għandhom jintużaw biss rarament. Aktar minn hekk, hu importanti li tkun enfasizzata l-introduzzjoni ta’ raġunijiet oħra ta’ ċaħda, li jmorru kontra d-Deċiżjoni-qafas (Art. 3 / DK, MT, NL, PT, UK), bħall-motivazzjonijiet politiċi, ta’ sigurtà nazzjonali jew li jinvolvu kontroll fil-fond tal-kwistjoni.

Konsenja mwettqa fl-inqas żmien possibbli

Barra milli tħaffet is-sistema minħabba proċedura kompletament ġudizzjarja, ir-rapidità tal-mandat ta’ arrest tibbaża fuq l-għaqda ta’ formola unika, ta’ pluralità tal-metodi ta’ trasmissjoni u ta’ ħolqien ta’ qafas għal-limitu ta’ żmien fil-proċedura. L-Istati Membri ġeneralment ttrasponew sew dawn il-punti. Fil-fatt, grazzi għad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni-qafas, it-terminu medju ta’ l-eżekuzzjoni ta’ talba naqset minn aktar minn 9 xhur għal 43 ġurnata, skond stima provviżorja. Dan ma jikkunsidrax il-każijiet frekwenti fejn il-persuna tagħti l-kunsens għal din il-konsenja, fejn it-terminu ta’ żmien jinżel għal 13-il jum.

L-Istati Membri kollha adottaw espliċitament (ħlief MT u UK) il- formola unika u pprovdew numru ta’ metodi ta’ trasmissjoni possibbli. F’dan ir-rigward, diffikultà partikolari hi li d-Deċiżjoni-qafas ma tagħtix valur lit-talba ta’ arrest temporanju wara allarm mill-Interpol, għall-kuntrarju ta’ dak li hu magħmul għas-sistema SIS (Art. 9-3). Sakemm tkun implimentata t-tieni Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS II), kull Stat Membru jista’ jillimitaha permezz ta’ dispożizzjoni nazzjonali.

Barra minn hekk, il-bżonnijiet ta’ l-Istati Membri jvarjaw ħafna fid-dettall, kif ukoll fit-tul ta’ żmien biex jaslu l-mandati ta’ arrest (minn jumejn sa 40 ġurnata), għat-traduzzjonijiet (minn lingwa waħda aċċettata għal aktar minn erbgħa) u l-metodi ta’ awtentifikazzjoni (mill-bżonn ta’ kopja oriġinali għal sempliċi fax). Dawn id-differenzi huma l-kawża, fil-prattika, ta’ dewmien u eventwalment biex ma tirnexxiex il-konsenja.

B’mod aktar partikolari, xi Stati Membri imponew ħtiġijiet li ma kienux previsti fid-Deċiżjoni-qafas bħal obbligi li jkunu mehmużi referenzi jew dokumenti mhux previsti fil-formola (Art. 8-1/ CZ, MT) jew li jinħareġ mandat speċifiku għal kull inkriminazzjoni (IE). Madankollu dawn id-diffikultajiet għandhom jkunu megħluba progressivament grazzi għal taħlita tal-prattika f’kull sistema nazzjonali u b’aktar familjarizzazzjoni mal-bżonnijiet tas-sistemi l-oħra. Iżda grazzi wkoll għal reviżjoni sħiħa tas-sistema ta’ allarmi eżistenti minn qabel, għal estensjoni tal-mezzi ta’ trasmissjoni taħt sigurtà (SIS II) u, aktar ġeneralment, b’tisħiħ tal-fiduċja reċiproka. Il-fatt li kull Stat Membru jaċċetta aktar lingwi barra minn dawk tiegħu wkoll jista’ jiffaċilita x-xogħol fl-Unjoni wara t-tkabbir.

Kuntrarju għall-proċedura ta’ estradizzjoni, it-twettiq ta’ mandat ta’ arrest hu marbut ma’ limitu ta’ żmien preċiż (Art. 17 u 23). Jidher li fil-parti l-kbira tal-każi l-Istati Membri josservaw l-obbligi tagħhom f’dan il-qasam. Fil-fatt il-parti l-kbira tal-konsenji jsiru fil-limiti massimi ta’ żmien previsti.

Madankollu, fil-każ ta’ appell, xi Stati Membri ma ppermettewx li jkun stipulat limitu ta’ żmien għall-qrati superjuri tagħhom (CZ, MT, PT, SK, UK) jew stipulaw limitu massimu ta’ żmien għall-proċedura li hi aktar min-norma ta’ 60 ġurnata (BE) u anke massimu ta’ 90 ġurnata (FR). F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jkun irrimarkat li l-użu tar-raġunijiet għall-appell intern mhux, fih innifsu, ċirkostanza eċċezzjonali (Art. 17-7). Għalissa, jekk il-każi sinifikattivi ta’ dewmien jibqgħu rari, filwaqt li l-Eurojust tiġi infurmata, għadu wisq kmieni biex wieħed jasal għal xi konklużjonijiet.

Konsenji approvati fir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna

Għalkemm għandu jkun aktar effikaċi u mgħaġġel mill-proċedura ta’ estradizzjoni, il-mandat ta’ arrest xorta waħda jrid jirrispetta b’mod sħiħ il-garanziji individwali. Għall-kuntrarju ta’ dak li jagħmlu xi Stati Membri, il-Kunsill mhux fi ħsiebu jagħmel bħala kondizzjoni ġenerali r-rispett tad-drittijiet fundamentali bħala raġuni speċifika ta’ ċaħda f’każ ta’ vjolazzjoni. Madankollu, għandu jingħad li awtorità ġudizzjarja dejjem tista’ tiċħad mandat ta’ arrest jekk din tara li l-proċedura saret bi ksur ta’ l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-UE u tal-prinċipji kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri; f’sistema bbażata fuq fiduċja reċiproka, sitwazzjoni bħal din għandha tibqa' biss bħala eċċezzjoni.

L-Istati Membri kollha ttrasponew bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni-qafas marbuta mad- drittijiet tal-persuna mfittxija (Art. 11), fejn il-livell tad-dettalji jista’ jvarja bejn Stat Membru u ieħor, speċjalment fir-rigward ta’ l-espressjoni tal-kunsens. In-nuqqasijiet madankollu huma rari, b’konsiderazzjoni fuq kollox ta’ impreċiżjonijiet proċedurali ((Art. 13 / DK, LV, PL, PT ; Art. 14 / DK). Fl-aħħarnett, hemm bżonn li jinsaħaq li l-faċilitazzjoni tal-proċess li jirriżulta mill-mandat ta’ arrest hu fattur li jgawdu minnu anke l-persuni kkonċernati, li fil-prattika jagħtu l-kunsens tagħhom għall-konsenja f’aktar min-nofs tal-każi rrappurtati.

L-evalwazzjoni tal-mandat ta’ arrest fir-rigward tal-garanzija tad-drittijiet fundamentali twassal biex titqabbel is-sitwazzjoni preżenti ma’ dik preċedenti. Hemm diversi punti pożittivi li jixirqilhom jissemmew. Id-Deċiżjoni-qafas hi aktar preċiża fir-rigward tal-kunċett ta’ ne bis in idem . Din saħħet id-dritt għall-assistenza minn avukat (Art. 11-2, 13-2, 27-3 u 28-2), l-eżami tal-possibilità li tinżamm f’detenzjoni provviżorja, kif ukoll it-tnaqqis ta’ l-ammont tal-kundanna mill- perjodu ta’ arrest (Art. 26). B’mod aktar ġenerali, bir-rapidità ta’ l-eżekuzzjoni tiegħu, il-mandat ta’ arrest jagħti kontribut għal aktar rispett tal-kunċett ta’ ‘dewmien raġonevoli’. Bl-effiċjenza tiegħu, partikolarment fil-kisba tal-konsenja ta’ ċittadini ta’ Stati Membri oħra, dan iħaffef id-deċiżjoni li jinħelsu bil-libertà provviżorja, tkun xi tkun ir-residenza tagħhom fl-Unjoni Ewropea. (Art. 12).

KONKLUŻJONI

Minkejja li hu evidenti li fil-bidu kien hemm dewmien, il-mandat ta’ arrest Ewropew issa sar operattiv fil-parti l-kbira tal-każijiet li għalihom ġie maħsub. L-impatt tiegħu jidher pożittiv, l-indikaturi disponibbli jidhru favorevoli, kemm f’termini ġudizzjarji, ta’ effikaċja, ta’ rapidità, u f’kull każ fir-rispett tad-drittijiet fundamentali.

Dan is-suċċess globali ma jridx inessi l-isforzi li għadhom iridu jsiru, kemm mill-Italja jew anke minn xi Stati Membri oħra biex jikkonformaw bis-sħiħ mad-Deċiżjoni-qafas (partikolarment CZ, DK, EE, IE, LU, MT, NL, SI, UK), kif ukoll min-naħa ta’ l-Unjoni biex timla xi nuqqasijiet li hemm fis-sustanza tad-dispożizzjonijiet.

Meta jitqies kemm saret kmieni, din l-evalwazzjoni hi waħda provviżorja; trid tiġi eżaminata mill-ġdid, partikolarment fuq bażi ta’ kisba aktar sistematika ta’ informazzjoni. Il-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, tirriżerva d-dritt li tippreżenta proposti bl-għan li tkun modifikata d-Deċiżjoni-qafas (Art. 34-3), fid-dawl tal-kisba ta’ esperjenza itwal.

[1] ĠU L 190 tat-18.7.2002, p. 1.

[2] COM(2001)771 tat-13.12.2001, § 1.2.2.

[3] COPEN 96 tal-10.10.2003 u COPEN 94 tas-26.7.2004.

[4] SEG2005)267

[5] Council conclusions, 2-3.10.2003, point A/5

[6] Gozutok (C – 187/01) u Brugge (C – 385/01), 11.2.2003.