27.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 89/66


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/173/PESK

tat-23 ta’ Marzu 2012

dwar l-attivazzjoni taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni fil-Qarn tal-Afrika

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 42(4) u 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis-17 ta’ Diċembru 2004, il-Kunsill Ewropew approva l-proposti li jippermettu l-istabbiliment ta’ ċentru ta’ operazzjonijiet u l-punti ta’ referenza tiegħu.

(2)

Fit-18 ta’ Ġunju 2007, il-Kunsill approva l-Linji Gwida għall-Istruttura ta’ Kmand u Kontroll għall-Operazzjonijiet Ċivili tal-UE fil-Maniġġar ta’ Kriżijiet.

(3)

Fis-7 ta’ April 2008, bid-Deċiżjoni 2008/298/PESK (1) il-Kunsill emenda d-Deċiżjoni 2001/80/PESK tat-22 ta’ Jannar 2001 dwar l-istabbiliment tal-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea (2) sabiex jispeċifika inter alia l-kompiti tal-Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMS) fir-rigward taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE.

(4)

Fl-10 ta’ Novembru 2008, il-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2008/851/PESK (3) li tistabbilixxi l-operazzjoni Atalanta bil-ħsieb ta’ kontribut għad-deterrenza tal-piraterija ‘l barra mix-xtut tas-Somalja.

(5)

Fil-15 ta’ Frar 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/96/PESK (4) dwar operazzjoni militari tal-UE biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi tas-Sigurtà tas-Somalja (EUTM Somalia).

(6)

Fl-14 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill adotta Qafas Strateġiku għall-Qarn tal-Afrika sabiex jiggwida l-impenn tal-UE fir-reġjun.

(7)

Fl-1 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill qabel li jaċċellera l-ippjanar għall-attivazzjoni taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) fil-Qarn tal-Afrika, f’konformità mat-termini ta’ referenza tiegħu.

(8)

Fis-16 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill qabel dwar il-Kunċett ta’ Maniġġar ta’ Kriżijiet għall-missjoni tal-Bini tal-Kapaċitajiet Marittimi Reġjonali (RMCB), bħala missjoni ċivili tal-PSDK b’għarfien espert militari.

(9)

Fit-23 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill qabel li ċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jiġi attivat għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PSDK fil-Qarn tal-Afrika.

(10)

Iċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jiffaċilita l-koordinazzjoni u jtejjeb l-istrateġiji fost il-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PSDK fil-Qarn tal-Afrika, fil-kuntest tal-Qafas Strateġiku għall-Qarn tal-Afrika u f’kollaborazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika.

(11)

Iċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jkun appoġġat mill-istrutturi eżistenti tal-EUMS (Persunal Militari tal-Unjoni Ewropea), irrinforzat mill-Element ta’ Appoġġ tal-EUTM Somalia u l-Grupp ta’ Kollegament tal-Atalanta.

(12)

B’kont meħud tal-ħtieġa li jiġi ottimizzat l-appoġġ tiegħu għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet kollha tal-PSDK, l-EUMS għandu jipprovdi appoġġ liċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE skont il-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI

Artikolu 1

Attivazzjoni taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE

1.   Iċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jiġi attivat b’appoġġ tal-missjonijiet u l-operazzjoni tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni (PSDK) fil-Qarn tal-Afrika, jiġifieri Operazzjoni Atalanta, EUTM Somalia, u l-missjoni ċivili ppjanta tal-PSDK dwar il-Bini tal-Kapaċitajiet Marittimi Reġjonali (RMCB).

2.   L-attivazzjoni taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandha tkun mingħajr preġudizzju għal-linji ta’ kmand militari u ċivili rispettivi tal-missjonijiet u l-operazzjoni, imsemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 2

Mandat u kompiti

1.   Iċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jipprovdi appoġġ fil-qasam tal-ippjanar operattiv u t-tmexxija tal-Operazzjoni Atalanta, EUTM Somalia, u l-missjoni ċivili futura tal-PSDK dwar il-Bini tal-Kapaċitajiet Marittimi Reġjonali (RMCB), bil-ħsieb li jiżdiedu l-effiċjenza, il-koerenza u s-sinerġiji. F’dan il-qafas iċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jgħin jiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u jtejjeb il-koordinazzjoni u jsaħħaħ is-sinerġiji ċivili-militari.

2.   Iċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

li jipprovdi, billi juża l-għarfien militari u l-għarfien ta’ ppjanar speċjalizzat tiegħu, appoġġ dirett lill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili għall-ippjanar u t-tmexxija operattivi tal-missjoni tal-RMCB,

(b)

li jipprovdi appoġġ lill-Kmandant tal-Missjoni EUTM u jsaħħaħ il-koordinazzjoni strateġika bejn il-EUTM Somalia u l-missjoni u l-operazzjoni l-oħra tal-PSDK fil-Qarn tal-Afrika,

(c)

li jikkollabora mal-Operazzjoni Atalanta,

(d)

li jipprovdi appoġġ lid-Direttorat tal-Maniġġar ta’ Kriżijiet u l-Ippjanar (CMPD), fuq talba tiegħu, fl-ippjanar strateġiku tiegħu għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PSDK fil-Qarn tal-Afrika,

(e)

li jiffaċilita l-interazzjoni bejn il-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PSDK għall-Qarn tal-Afrika u l-istrutturi bbażati fi Brussell,

(f)

li jiffaċilita l-koordinazzjoni u jtejjeb is-sinerġiji fost l-Operazzjoni Atalanta, l-EUTM Somalia, u r-RMCB, fil-kuntest tal-Istateġija għall-Qarn tal-Afrika u f’kollaborazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għall-Qarn tal-Afrika.

Artikolu 3

Kap taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE

1.   Il-Kaptan (Forza Navali) Ad VAN DER LINDE huwa b’dan maħtur Kap taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għal perijodu ta’ sentejn, li jista’ jiġġedded jekk il-Kunsill jiddeċiedi hekk.

2.   Il-Kap taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu taħt il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS), u, kif opportun, taħt id-direzzjoni militari tal-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea (EUMC).

3.   Il-Kap taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jeżerċita l-awtorità fuq il-persunal taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-mandat u l-kompiti taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE.

4.   Il-Kap taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jkun responsabbli li jwieġeb għat-talbiet indirizzati liċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE mill-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili, il-Kmandant tal-Operazzjonijiet għall-Operazzjoni Atalanta, il-Kmandant tal-Missjoni EUTM, u s-CMPD. Huwa għandu jiżgura l-funzjonament korrett taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE u jikkoordina/tikkordina l-użu effiċjenti tal-kapaċitajiet tiegħu. Ir-responsabbiltà finali għad-dokumenti u d-deċiżjonijiet dwar l-ippjanar operattiv dwar it-twettiq tal-missjonijiet u l-operazzjoni għandha tibqa’ rispettivament tal-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili, il-Kmandant tal-Missjoni EUTM, u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet għall-Operazzjoni Atalanta.

5.   Fil-limiti tar-responsabbiltà tiegħu, il-Kap taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jirrapporta regolarment lill-EUMC u lill-KPS.

Artikolu 4

Persunal

1.   Ir-riżorsi umani taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jkun magħmul minn:

(a)

persunal ipprovdut mill-EUMS,

(b)

l-Element ta’ Appoġġ tal-EUTM,

(c)

il-Grupp ta’ Kollegament tal-Atalanta,

(d)

persunal issekondat mill-Istati Membri.

2.   Ir-riżorsi umani mqiegħda għad-dispożizzjoni taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandhom ikopru l-għarfien espert militari kollu meħtieġ għall-implimentazzjoni korretta tal-mandat u l-kompiti tiegħu abbażi ta’ pjan ta’ implimentazzjoni ppreżentat lill-KPS u għandu jkun soġġett għall-reviżjoni regolari. Id-definizzjoni preċiża tal-għarfien espert meħtieġ għandha tkun ir-responsabbiltà tal-Kap taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE, f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kmandanti tal-Operazzjonijiet u l-Missjonijiet, il-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili u l-EUMS.

3.   Il-persunal kollu għandu jirrispetta l-prinċipji ta’ sigurtà u l-istandards minimi stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni tal-informazzjoni klassifikata tal-UE (5).

Artikolu 5

Organizzazzjoni

Iċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE għandu jkun organizzat skont ir-responsabbiltajiet funzjonali li jikkorrispondu għar-rekwiżiti tal-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PSDK li huwa jappoġġa.

Artikolu 6

Appoġġ mill-EUMS

L-EUMS għandu, bil-mezzi u l-kapaċitajiet tiegħu, jipprovdi appoġġ liċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE f’konformità mat-termini ta’ referenza tiegħu billi:

(a)

jiżgura d-disponibbiltà u l-prontezza tal-persunal, il-faċilitajiet u t-tagħmir taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE,

(b)

iwettaq il-manutenzjoni, l-aġġornament u s-sostituzzjoni tat-tagħmir taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE,

(c)

wettaq il-manutenzjoni tal-post użat miċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE.

Artikolu 7

Finanzjament

1.   Il-persunal ipprovdut mill-EUMS għandu jkun finanzjat f’konformità mar-regoli applikabbli għall-EUMS.

2.   Il-persunal ipprovdut mill-Istati Membri għandhom ikunu esperti nazzjonali ssekondati bla spejjeż.

3.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u spejjeż oħrajn mhux koperti mill-baġits tal-missjoni u l-operazzjoni rispettiva tal-PSDK għandhom jitħallsu mill-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, soġġett għar-regoli finanzjarji applikabbli.

Artikolu 8

Reviżjoni

Il-mandat, il-kompiti, u l-funzjonament u l-iffinanzjar taċ-Ċentru ta’ Operazzjonijiet tal-UE, fil-kuntest tal-istrutturi ġenerali tal-Kunsill ta’ maniġġar ta’ kriżijiet, għandhom jiġu riveduti fl-24 ta' Settembru 2012 u f’intervalli regolari wara dan. Din id-Deċiżjoni tista’ tiġi riveduta kif adatt.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ u perijodu ta’ validità

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Hija għandha tapplika għal perijodu inizjali ta’ sentejn.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)   ĠU L 102, 12.4.2008, p. 25.

(2)   ĠU L 27, 30.1.2001, p. 7.

(3)   ĠU L 301, 12.11.2008, p. 33.

(4)   ĠU L 44, 19.2.2010, p. 16.

(5)   ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.