European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
tal-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2026/2048

16.9.2026

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/2048

tal-14 ta’ Settembru 2026

dwar l-istandard armonizzat għall-batteriji, abbozzat b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2023/1542

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mal-Artikolu 15(3) tar-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-batteriji li jkunu konformi mal-istandards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, iridu jiġu preżunti konformi mar-rekwiżiti essenzjali stabbiliti fl-Artikoli 9, 10, 12, 13, 14 u 78 ta’ dak ir-Regolament safejn dawk ir-rekwiżiti jkunu koperti minn dawk l-istandards armonizzati jew minn partijiet minnhom.

(2)

Bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021)8614 tas-7 ta’ Diċembru 2021 (3), il-Kummissjoni talbet lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) biex jabbozzaw standards armonizzati b’appoġġ għad-Direttiva (UE) 2023/1542 (“it-talba”).

(3)

Abbażi tat-talba, is-CEN abbozza l-istandard EN 18060: 2025 dwar il-prestazzjoni u d-durabbiltà tal-moduli u l-batteriji tal-vetturi elettriċi tal-alkali tal-jon, Pb, NiMH u kimiki kombinati, maħsuba biex jintużaw fil-batteriji rikarikabbli b’ħażna interna għall-vetturi tat-triq.

(4)

Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandard EN 18060: 2025 jikkonformax mat-talba.

(5)

L-istandard EN 18060: 2025 jissodisfa r-rekwiżiti li għandu l-għan li jkopri, u li huma stabbiliti fir-Regolament (UE) 2023/1542. Għalhekk, jixraq li r-referenza ta’ dak l-istandard tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(6)

Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ dak l-istandard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’dan, ir-referenza tal-istandard armonizzat għall-batteriji, abbozzat b’appoġġ għar-Regolament (UE) 2023/1542, kif elenkata fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni, qed tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2026.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1025/oj.

(2)  Ir-Regolament (UE) 2023/1542 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2023 dwar batteriji u skart ta’ batteriji, li jemenda d-Direttiva 2008/98/KE u r-Regolament (UE) 2019/1020 u li jħassar id-Direttiva 2006/66/KE ( ĠU L 191, 28.7.2023, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/1542/oj).

(3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni C(2021) 8614 tas-7 ta’ Diċembru 2021 dwar talba ta’ standardizzazzjoni lill-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni fir-rigward tar-rekwiżiti tal-prestazzjoni, tas-sikurezza u tas-sostenibbiltà għall-batteriji.


ANNESS

Nru

Referenza tal-istandard

1.

EN 18060:2025

Vetturi tat-triq – Batteriji rikarikabbli b’ħażna interna tal-enerġija – Prestazzjoni u durabbiltà tal-moduli u l-batteriji tal-vetturi elettriċi tal-alkali tal-jon (Li-Ion, Na-ion), Pb, NiMH u kimiki kombinati.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2026/2048/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)