European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2025/218

5.2.2025

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2025/218

tad-29 ta’ Novembru 2024

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 dwar is-simplifikazzjonijiet għad-dikjarazzjoni tal-aċċessorji tal-istrumenti mużikali

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 160, 164 u 253 tiegħu,

Billi:

(1)

L-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, flimkien mar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 (2), uriet li ċerti emendi ta’ dak ir-Regolament Delegat huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-aċċessorji tal-istrumenti mużikali, li jinġarru mill-vjaġġaturi, jibbenefikaw mill-istess simplifikazzjonijiet doganali għad-dħul temporanju jew għar-riesportazzjoni bħala strumenti mużikali fihom infushom.

(2)

L-istrumenti mużikali portabbli li jinġarru mill-vjaġġaturi bħalissa jibbenefikaw minn simplifikazzjonijiet doganali għad-dħul temporanju b’eżenzjoni totali mid-dazju fuq l-importazzjoni, kif ukoll għall-esportazzjoni, għar-riesportazzjoni u għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni libera.

(3)

Madankollu, f’ħafna każijiet dawk l-istrumenti mużikali portabbli jinġarru flimkien mal-aċċessorji tagħhom, kif ukoll mal-istrumenti, mal-apparat jew mat-tagħmir aċċessorju li ma jibbenefikawx mill-istess simplifikazzjonijiet doganali. Sabiex tinkiseb konsistenza fl-applikazzjoni tas-simplifikazzjonijiet doganali għal dawk l-oġġetti li jinġarru mill-vjaġġaturi, u biex jiġi żgurat it-trattament ugwali tagħhom fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi doganali, jenħtieġ li l-Artikoli 136, 138, 140 u 226 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jiġu emendati.

(4)

B’mod separat, biex jitqiesu bidliet leġiżlattivi relatati oħra u biex tiġi żgurata l-konsistenza fl-emendi tar-Regolament Delegat, huwa meħtieġ ukoll li jiġi emendat l-Artikolu 155 tar-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 peress li jirreferi għan-Nomenklatura Magħquda jew għall-kodiċi “NM” relatat mal-“banana friska”, biex jitqiesu l-bidliet introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2364 (3).

(5)

Għaldaqstant, ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2015/2446 huwa emendat kif ġej:

1.

fl-Artikolu 136(1), il-punt (i) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(i)

strumenti mużikali portabbli kif ukoll l-istrumenti, l-apparat jew it-tagħmir aċċessorju tagħhom imsemmija fil-Kapitolu 92, in-Nota 1, il-punt (b), tan-nomenklatura magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, meta dawk l-aċċessorji jinġarru u jintużaw flimkien mal-istrumenti mużikali portabbli u meta l-istrumenti mużikali portabbli u dawk l-aċċessorji jkunu importati temporanjament mill-vjaġġaturi u maħsuba biex jintużaw bħala tagħmir professjonali;”;

2.

fl-Artikolu 138, il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

strumenti mużikali portabbli kif ukoll l-istrumenti, l-apparat jew it-tagħmir aċċessorju tagħhom, kif imsemmi fil-Kapitolu 92, in-Nota 1, il-punt (b), tan-nomenklatura magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, meta dawk l-aċċessorji jinġarru u jintużaw flimkien mal-istrumenti mużikali portabbli u meta l-istrumenti mużikali portabbli u dawk l-aċċessorji jiġu importati mill-ġdid mill-vjaġġaturi u jibbenefikaw minn eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni bħala oġġetti rritornati f’konformità mal-Artikolu 203 tal-Kodiċi;”;

3.

fl-Artikolu 140(1), il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

strumenti mużikali portabbli kif ukoll l-istrumenti, l-apparat jew it-tagħmir aċċessorju tagħhom imsemmija fil-Kapitolu 92, in-Nota 1, il-punt (b), tan-nomenklatura magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, meta dawk l-aċċessorji jinġarru u jintużaw flimkien mal-istrumenti mużikali portabbli u meta l-istrumenti mużikali portabbli u dawk l-aċċessorji jkunu esportati temporanjament mill-vjaġġaturi u maħsuba biex jintużaw mill-vjaġġaturi;”;

4.

fl-Artikolu 155, fil-kliem introduttorju u fil-punt (b), il-kodiċi NM “0803 90 10 ” huwa sostitwit bil-kodiċi NM “0803 90 19 ”;

5.

fl-Artikolu 226, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Minkejja l-paragrafu 1, għandha tingħata eżenzjoni totali mid-dazju fuq l-importazzjoni għall-istrumenti mużikali portabbli kif ukoll għall-istrumenti, l-apparat jew it-tagħmir aċċessorju tagħhom imsemmija fil-Kapitolu 92, Nota 1, punt (b), tan-nomenklatura magħquda stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KEE) Nru 2658/87, meta dawk l-aċċessorji jinġarru u jintużaw flimkien mal-istrumenti mużikali portabbli u meta l-istrumenti mużikali portabbli u dawk l-aċċessorji jiġu importati temporanjament mill-vjaġġaturi u jkunu maħsuba biex jintużaw bħala tagħmir professjonali. Il-vjaġġaturi jistgħu jkunu residenti ġewwa jew barra mit-territorju doganali tal-Unjoni.”

.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Novembru 2024.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/952/oj.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2015/2446 tat-28 ta’ Lulju 2015 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ regoli dettaljati li jikkonċernaw uħud mid-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2015/2446/oj).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2364 tas-26 ta’ Settembru 2023 li jemenda l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L, 2023/2364, 31.10.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2023/2364/oj).


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/218/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)