Brussell, 19.11.2025

COM(2025) 697 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċitar tas-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li tadotta l-atti delegati skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali


(1)SFOND

L-Artikolu 3(3) u (4) u l-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej 1 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta l-atti delegati. F’konformità mal-Artikolu 9(2) ta’ dak ir-Regolament, is-setgħa li tadotta l-atti delegati tingħata għal perjodu ta’ 5 snin mill-11 ta’ Awwissu 2011. Dik is-setgħa trid tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodi ta’ 5 snin, sakemm ma jkunx hemm oppożizzjoni għal din l-estensjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni trid tfassal rapport dwar kif eżerċitat is-setgħa li ngħatat mhux aktar tard minn 9 xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu ta’ 5 snin. Il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel rapport tagħha f’Novembru 2015 2 u t-tieni rapport tagħha f’Diċembru 2020 3 . Is-setgħa li tadotta l-atti delegati ġiet estiża awtomatikament għal perjodu ta’ 5 snin wara kull wieħed miż-żewġ rapporti, peress li la ġiet revokata mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill skont l-Artikolu 9(3).

Dan huwa t-tielet rapport dwar kif il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa li tadotta l-atti delegati li ngħatat mir-Regolament (UE) Nru 691/2011. Dan ikopri l-perjodu mill-2020 sal-2025.

(2)L-EŻERĊITAR TAS-SETGĦAT IDDELEGATI LILL-KUMMISSJONI SKONT IR-REGOLAMENT (UE) NRU 691/2011

Mill-aħħar rapport, ippreżentat fl-2020, ’l hawn, il-Kummissjoni adottat tliet Regolamenti Delegati tal-Kummissjoni.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/125 emenda l-Annessi I sa V tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 4 kif stabbilit hawn taħt.

oIl-lista tas-sustanzi li jniġġsu fl-arja u l-entrati ta’ rapportar fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 ġiet aġġornata biex issir konformi ma’: (i) il-lista ta’ gassijiet serra rrapportati fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima; (ii) il-linji gwida għall-inventarji tal-emissjonijiet fl-ambitu tal-Konvenzjoni fuq it-Tniġġis tal-Arja Transkonfini fuq Distanza Kbira; u (iii) id-definizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva dwar il-Limiti Nazzjonali tal-Emissjonijiet 5 .

oBiex iservi aħjar il-politika dwar it-tibdil fil-klima, l-Anness II issa jirrikjedi li l-Istati Membri jipprovdu diżaggregazzjoni tad-dħul mit-taxxa tal-gvern mis-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet u minn taxxi oħra fuq is-CO2.

oIt-tabelli C u E fl-Anness III tħassru biex jitnaqqas il-piż fuq l-Istati Membri. L-informazzjoni f’dawk it-tabelli ma baqgħetx meħtieġa għall-produzzjoni ta’ aggregati tal-UE, peress li l-Eurostat kien żviluppa metodu ġdid abbażi ta’ data oħra faċilment disponibbli.

oL-Anness IV dwar il-kontijiet tan-nefqa għall-protezzjoni tal-ambjent issa jiddistingwi bejn it-tipi differenti ta’ aġenti ekonomiċi li ġejjin: attivitajiet anċillari ta’ korporazzjonijiet, korporazzjonijiet bħala produtturi sekondarji u speċjalizzati, u unitajiet domestiċi bħala konsumaturi.

oIl-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness V dwar is-settur tal-prodotti u s-servizzi ambjentali ġie estiż mis-sehem kummerċjalizzat tal-ekonomija għall-ekonomija totali.

oL-iskadenzi għar-rapportar tal-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej tqassru biex il-kontijiet isiru aktar utli għat-tfassil tal-politika.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/472 6 introduċa r-rekwiżit li tintuża l-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi (NACE) Rev.2.1 għat-trażmissjoni tal-kontijiet ambjentali u emenda r-Regolament (UE) Nru 691/2011 biex jaġġorna r-rekwiżiti tat-trażmissjoni tad-data mill-NACE Rev.2 għall-NACE Rev.2.1 (l-aktar aġġornament reċenti) għall-Annessi kkonċernati.

·Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1131 7 inkluda investimenti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima fil-kontijiet ambjentali Ewropej u introduċa l-klassifikazzjoni statistika tal-iskopijiet ambjentali.

Id-data dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inklużi l-investimenti relatati, hija indispensabbli biex jinkiseb l-objettiv tan-newtralità klimatika fl-UE sal-2050. Għalhekk, fil-kontijiet ambjentali Ewropej ġew inklużi karatteristiċi rigward investimenti oħra fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Id-data tkopri s-setturi u l-attivitajiet ekonomiċi kollha. L-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 691/2011, kif emendat bir-Regolament (UE) 2024/3024, jirrikjedi speċifikament li l-Kummissjoni tadotta att delegat.

Skont l-Artikolu 3(3) tar-Regolament (UE) Nru 691/2011, l-istess Regolament Delegat tal-Kummissjoni ssostitwixxa wkoll il-klassifikazzjoni l-antika tal-attivitajiet għall-protezzjoni tal-ambjent bil-klassifikazzjoni statistika tal-iskopijiet ambjentali. Din il-klassifikazzjoni l-ġdida trid tiġi applikata għall-Annessi IV, V u VIII. L-Artikolu 3(3) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati meta Anness ikun jeħtieġ aġġornament biex iqis l-iżviluppi ambjentali, ekonomiċi u tekniċi.

Dawn ir-regolamenti huma kollha aġġornamenti tekniċi ta’ varjabbli, klassifikazzjonijiet statistiċi u tabelli ta’ rapportar stabbiliti mir-Regolament. L-aġġornamenti kienu meħtieġa biex l-UE tirċievi l-informazzjoni meħtieġa għall-Patt Ekoloġiku Ewropew jew biex jiġu allinjati ma’ standards statistiċi ġodda, eż. fir-rigward tal-klassifikazzjonijiet.

Matul il-ħidma preparatorja għar-Regolament Delegati tal-Kummissjoni kollha ta’ hawn fuq, saru konsultazzjonijiet xierqa, anke fil-livell tal-esperti. Il-grupp ta’ ħidma tal-Eurostat dwar il-kontijiet ambjentali u l-grupp ta’ ħidma dwar il-kontijiet u l-istatistika ambjentali monetarji ġew ikkonsultati f’laqgħat f’Mejju 2021, 2022, 2023 u 2024. Il-grupp ta’ esperti magħmul mid-Diretturi tal-istatistika u tal-kontijiet settorjali u ambjentali ġie kkonsultat f’Ottubru 2021, 2022, 2023 u 2024. Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ġew informati kif xieraq.

Fil-futur qarib il-Kummissjoni jaf ikollha bżonn tkompli tuża s-setgħat li ngħatat mill-Artikolu 3(3) u (4) u mill-Artikolu 10 biex tipprevedi aħjar il-ħtiġijiet tad-data tal-politiki attwali u futuri tal-UE.

(3)KONKLUŻJONIJIET

Il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati lilha b’mod korrett u tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jieħdu nota ta’ dan ir-rapport.

Il-Kummissjoni jidhrilha li għandha żżomm is-setgħat li ngħatat mir-Regolament (UE) Nru 691/2011, peress li fil-futur jaf ikollha bżonn tadotta atti delegati biex tirrifletti l-progress fil-metodoloġiji statistiċi u biex taġġusta l-prijoritajiet biex tissodisfa l-ħtiġijiet il-ġodda għall-informazzjoni ambjentali.

(1)

 ĠU L 192, 22.7.2011, p. 1, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg/2011/691/oj .

(2)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċitar tas-setgħa li tadotta l-atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej, COM(2015) 577 final tat-23 ta’ Novembru 2015.

(3)

Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżerċitar tas-setgħa li tadotta l-atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2011 dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej, COM(2020) 776 final tat-2 ta’ Diċembru 2020.

(4)

 Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/125 tad-19 ta’ Novembru 2021 li jemenda l-Annessi I sa V tar-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kontijiet ekonomiċi ambjentali Ewropej (ĠU L 20, 31.1.2022, p. 40, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2022/125/oj ).

(5)

Id-Direttiva (UE) 2016/2284 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet nazzjonali ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi, li temenda d-Direttiva 2003/35/KE u li tħassar id-Direttiva 2001/81/KE (ĠU L 344, 17.12.2016, p. 1, ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2016/2284/oj).

(6)

 Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/472 tat-2 ta’ Settembru 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tar-referenzi għall-klassifikazzjoni statistika tal-attivitajiet ekonomiċi tal-NACE stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L, 2025/472, 11.3.2025, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/472/oj ).

(7)

   Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/1131 tas-26 ta’ Marzu 2025 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-investimenti fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-introduzzjoni tal-klassifikazzjoni tal-iskopijiet ambjentali (ĠU L, 2025/1131, 4.6.2025, ELI:  http://data.europa.eu/eli/reg_del/2025/1131/oj ).